Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar "Il-promozzjoni ta" dieta tajba għas-saħħa u ta" l-attività fiżika: dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-ħxuna, l-obeżità u l-mard kroniku" (2006/2231(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni (COM(2005)0637),
– wara li kkunsidra l-istrateġija globali dwar id-dieta tajba, l-eżerċizzju fiżiku u s-saħħa, adottata mill-57 Assemblea Dinjija dwar is-Saħħa fit-22 ta' Mejju 2004,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 2000 dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur tat-3 ta' Ġunju 2005, dwar l-obeżità, in-nutrizzjoni u l-attività fiżika,
– wara li kkunsidra l-laqgħa informali tal-Ministri ta' l-Isports Ewropej fid-19 u l-20 ta' Settembru 2005 li fiha l-Presidenza Ingliża pproponiet il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma dwar l-Isports u s-Saħħa,
– wara li kkunsidra l-appell tax-xjenzjati fl-għaxar kungress internazzjonali dwar l-obeżità (ICO 2006) li sar f'Sydney bejn it-3 u t-8 ta' Settembru 2006,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet li ħarġu mill-konferenza ta' esperti ta' livell għoli, "Is-saħħa fil-Pulitiki Kollha" tal-Presidenza Fillandiża, li saret f'Kuopio fl-20 u l-21 ta' Settembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0450/2006),
A. billi n-numru ta' persuni li jsoffru mill-obeżità żdied b'mod spettakolari matul dawn l-aħħar tletin sena fl-Unjoni Ewropea; billi r-rata tat-tkabbir ta' dan il-fenomenu hija bħal dik li kienet fl-Istati Uniti fil-bidu tas-snin disgħin, u billi kważi 27% ta' l-irġiel u 38% tan-nisa fl-Ewropa llum huma meqjusa li għandhom piż żejjed jew li jsoffru mill-obeżità,
B. billi l-prevalenza ta' l-obeżità li dejjem qed tiżdied, speċjalment fit-tfal, mhix limitata biss għall-UE u pajjiżi sinjuri oħrajn, iżda qed tiżdied b'mod drammatiku f'diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw,
C. billi l-obeżità taffetwa wkoll 'l fuq minn ħames miljun tifel u tifla fl-UE 27 u billi r-rata ta' żieda hija allarmanti, b'madwar 300,000 każ ġdid fis-sena,
D. billi studji wrew li persuni b'diżabilità huma f'riskju akbar mill-obeżità kkawżata minn numru ta' fatturi, inklużi l-bidliet patofiżjoloġiċi fil-metaboliżmu ta' l-enerġija u tal-kostituzzjoni tal-ġisem, l-atrofija muskolari u l-inattività fiżika,
E. billi l-konsum ta' l-enerġija fost gruppi kbar tal-popolazzjoni ilu stabbli mill-ħamsinijiet 'l hawn; billi bidliet fil-modi ta' għixien wasslu safrattant għal tnaqqis, kemm fl-attività fiżika u kemm fix-xogħol fiżiku, u b'hekk naqqsu l-ammont ta' enerġija meħtieġa u ħolqu żbilanċ bejn it-talba għal enerġija u l-forniment ta' enerġija,
F. billi għadd ta' proġetti u studji kkonfermaw li fl-inċidenza ta' l-obeżità jeżistu disparitajiet prekoċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-ambjent soċjoekonomiku, u aktar ma familja għandha mezzi finanzjarji limitati u livell ta' edukazzjoni baxx, aktar m'hi frekwenti l-marda,.
G. billi, meta jinħoloq Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għall-promozzjoni ta' modi ta' ħajja tajbin għas-saħħa, għandha tingħata attenzjoni xierqa għad-drawwiet varji ta' dieta u għat-tendenzi tal-konsum li jeżistu fl-Istati Membri,
H. billi r-rapport ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) ta' l-2005 dwar is-saħħa fl-Ewropa juri b'mod analitiku li numru kbir ta' mwiet u mard huwa kkawżat minn seba' fatturi prinċipali ta' riskju, li sitta minnhom (l-ipertensjoni, il-kolesterol, l-indiċi tal-massa eċċessiva tal-ġisem, il-konsum inadegwat ta' frott u ħxejjex, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-konsum eċċessiv ta' alkoħol) huma marbutin mad-dieta u ma' l-eżerċizzju fiżiku, u billi dawn il- fatturi determinanti fuq is-saħħa għandu jsir xi ħaġa dwarhom bl-istess prijorità bil-għan li jiġi evitat numru sinifikanti ta' mwiet u ta' mard,
I. billi dieta tajba għas-saħħa għandha titqies bħala waħda li jkollha ċerti karatteristiċi kwantitattivi u kwalitattivi bħal m'huma l-kontenut ta' enerġija li jkun skond il-bżonnijiet individwali u dejjem bi qbil mal-prinċipji tad-dieta,
J. billi minkejja li bil-kompetenzi li jagħtuha t-Trattati l-Unjoni għandha rwol essenzjali fil-protezzjoni tal-konsumaturi rigward dieta tajba u bbilanċjata u l-konsum ta' frott u ħaxix, il-miżuri tal-Komunità fejn għandha x'taqsam il-promozzjoni ta' l-attività fiżika u l-isports, jeħtieġ li jiżdiedu ma' dawk implimentati mill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet tagħhom,
K. billi kkunsidra l-impatt soċjoekonomiku tal-mardiet relatati mal-problemi ta' piż żejjed diġà jammontaw għal madwar 4%u 7% tan-nefqa totali għas-saħħa ta' l-Istati Membri; billi n-nefqa ġenerali ta' l-obeżità (b'kunsiderazzjoni taż-żieda probabbli fil-qagħad, il-waqfien mix-xogħol u l-invalidità) għadha ma kellhiex evalwazzjoni xjentifika preċiża,
L. billi 'l biċċa kbira ta' l-Istati Membri nedew politiki biex jattakkaw il-problema ta' l-obeżità u biex jgħollu l-livell tas-saħħa tal-popolazzjoni tagħhom, fejn xi wħud mill-gvernijiet ħadu ċerti miżuri ta' interdizzjoni, waqt li oħrajn għażlu miżuri ta' inkoraġġiment,
M. billi xi Stati Membri ħadu pereżempju deċiżjoni biex jirregolaw, saħansitra li jrażżnu, il-preżenza tad-distributuri awtomatiċi fl-ambjent skolastiku minħabba l-prodott fqir li joffru u l-ftit spazji li jħallu għal xorb bla zokkor, frott u ħaxix u prodotti hekk imsejħa tad-dieta,
N. billi hu interessanti li wieħed iqis l-impenji volontarji - li jistgħu jitqiesu bħala fi stadju inizjali - mogħtija reċentement mill-produtturi Ewropej ta' xorb mhux alkoħoliku bil-ħsieb li jnaqssu l-produzzjoni kummerċjali destinata għat-tfal ta' anqas minn tnax-il sena billi jiffavorixxu aktar l-aċċess għal xorb aktar varjat fl-iskejjel, kif ukoll minn żewġ "ġganti" fis-settur tas-servizzi tal-fast-food biex jadottaw indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni fuq l-ippakkjar ta' ħambergers u ċips,
O. jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi varji li ħafna bejjiegħa Ewropej qed iniedu maħsuba sabiex jippromwovu ikel li hu tajjeb għas-saħħa, inkluż l-iżvilupp ta' firxa ta' għażliet tajbin għas-saħħa, l-ittikkettjar b'informazzjoni nutrittiva, komprensiv u faċli biex jinftiehem, u sħubijiet ma' gvernijiet, skejjel u NGOs sabiex jinxtered l-għarfien dwar il-benefiċċji ta' ikel tajjeb għas-saħħa u ta' eżerċizzju regulari,
P. billi l-Green Paper li qed titqies tagħmel parti minn inizjattiva komprensiva f'livell Ewropew bl-iskop li tattakka l-fatturi l-aktar perikolużi għas-saħħa (fosthom id-drawwiet ta' dieta ħażina u n-nuqqas ta' attività fiżika) u li, flimkien mat-tipjip u l-konsum eċċessiv ta' l-alkoħol, huma s-sors ewlieni tal-kawża ta' mard kardjovaskulari (li huwa l-kawża prinċipali tal-mewt fost l-irġiel u n-nisa fl-Unjoni Ewropea) ta' ċerti tipi ta' kanċer, ta' mard respiratorju, ta' l-ostjoperożi u tad-dijabete tat-tip 2, li jżidu d-domanda fuq is-sistemi tas-saħħa nazzjonali,
Q. billi r-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika bħala frott tal-Green Paper ippreżentata fil-11 ta' Settembru 2006 mill-Kummissjoni isejjaħ għal azzjoni mill-Unjoni biex tkopri għadd ta' politiki Komunitarji li jagħtu attenzjoni partikulari għat-tfal u ż-żagħżagħ,
R. billi jikkunsidra l-irwol attiv li l-Komunità qed tiġi mitluba li tassumi (rigward politiki komuni jew bħala attività kumplimentari għall-attivitajiet tal-25 Stat Membru), taħt forma ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' tkattir ta' l-għarfien tal-konsumatur dwar il-problema ta' l-obeżità, l-inkoraġġiment mill-ġdid fi ħdan il-Politika ta' Agrikoltura Komuni (CAP) tal-konsum ta' frott u ħaxix, il-finanzjament ta' proġetti ta' riċerka, edukattivi u sportivi, u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta li jkollha impatt tabilħaqq fuq is-saħħa nutrizjonali taċ-ċittadini Ewropej.
L-obeżità: prijorità politika?
1. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għal dieta tajba għas-saħħa (f'termini kwantitattivi u kwalitattivi) u għal attività fiżika u l-ġlieda kontra l-obeżità u l-mardiet ewlenin relatati mad-dieta; jitlob li dan jiġi meqjus bħala prijorità politika għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;
2. Jirrikonoxxi li l-obeżità għandha diversi fatturi u għalhekk tirrikjedi approċċ olistiku li jinvolvi ħafna oqsma differenti ta' politika;
3. Jiddispjaċih ħafna li minkejja l-azzjoni li ttieħdet minn għadd ta' Stati Membri, l-obeżità qed taffetwa b'mod kostanti taqsima dejjem tikber tal-popolazzjoni u jekk din it-tendenza tkompli, il-konsegwenzi għas-saħħa pubblika, li jistgħu jiġu evitati permezz tal-miżuri xierqa, se jkunu kbar ħafna;
4. Jagħti parir lill-Istati Membri kollha sabiex uffiċjalment jirrikonoxxu l-obeżità bħala marda kronika sabiex jiġi evitat li persuni li jsofru minn obeżità jkollhom stigma u jkunu diskriminati bi kwalunkwe mod; u jagħti parir ukoll lill-Istati Membri biex jiżguraw dawn il-persuni jkollhom aċċess għal trattament xieraq mis-sistemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni waqt il-Konferenza Ministerjali Ewropea tad-WHO, li saret f'Istanbul fil-15 u s-17 Novembru 2006, taċ-'Charter' dwar il-ġlieda kontra l-obeżità, jenfasizza t-twaqqif ta' qafas ambizzjuż għal azzjoni sabiex jikkontrolla l-epidemija u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ifasslu skeda għall-implimentazzjoni u prijorità mogħtija lill-azzjonijiet fi ħdan dan il-qafas;
6. Jappoġġja mingħajr riservi t-tnedija f'Marzu 2005 tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' l-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa ("il-Pjattaforma") u jilqa' b'sodisfazzjon il-metodu adottat mid-DG SANCO għal djalogu permanenti mas-setturi industrijali, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u ta' l-NGOs;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji volontarji diġà proposti mill-partijiet involuti tal-Pjattaforma; jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li impenji bħal dawn magħmula fil-Pjattaforma jkunu mmoniterjati effettivament u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kriterji ċari għal evalwazzjoni; jenfasizza li evalwazzjoni affidabbli hija essenzjali sabiex tiżgura li l-progress jiġi mkejjel b'mod adegwat u sabiex tippermetti li fejn ikun meħtieġ jiġu kkunsidrati aktar azzjonijiet jew proposti leġiżlattivi mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni sabiex kull sena tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tal-Pjattaforma;
8. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ta' l-impatt fuq il-proposti tal-politiki relevanti sabiex tiddetermina l-impatt tagħhom fuq l-objettivi għas-saħħa pubblika, l-obeżità u n-nutrizzjoni; jirrakkomanda li dan 'l-eżami tas-saħħa jew ta' l-obeżità' għandu jsir b'mod partikulari fil-Politika Komuni għall-Agrikoltura, fil-programmi ta' riċerka, fil-politika għall-enerġija, fil-politika għall-ikel u r-riklamar;
9. Josserva li filwaqt li attwalment hemm firxa wiesgħa ta' partijiet interessati involuti fil-Pjattaforma, dawn għandhom it-tendenza li jkunu konċentrati fuq il-parti ta' 'akkwist ta' l-enerġija' tal-kwistjoni ta' l-obeżità; jitlob għalhekk lill-partijiet interessati involuti fil-parti tal-'ħruq ta' l-enerġija' - bħal pereżempju l-produtturi ta' logħob tal-kompjuter, l-għaqdiet ta' l-isport u x-xandara - sabiex jinvolvu ruħhom aktar fid-dibattitu u jikkunsidraw li jagħmlu impenji simili;
10. Iqis bħala pass fid-direzzjoni t-tajba t-tendenza li tipprevali llum f'setturi differenti ta' l-industrija alimentari Ewropea li jaġixxu konkretament biex jiffukaw mill-ġdid l-offerta kummerċjali għat-tfal u biex jiġi stabbilit l-ittikkettjar nutrizjonali ta' l-ikel u x-xorb għalihom;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw opportunitajiet li huma effettivi meta meqjusa l-ispejjeż sabiex isieħbu s-servizzi tagħhom tas-saħħa ma' l-industriji , b'mod li t-tnejn itejbu l-fehim tal-pazjent u l-kontroll min-naħa tal-pazjenti tad-dieta tagħhom u jtaffu l-piż ekonomiku ta' l-obeżità; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikulari għal skemi li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-popolazzjoni f'komunitajiet li għandhom nuqqasijiet soċjali u ekonomiċi;
12. Jistenna li fil-futur qarib jiġu mressqa mill-Kummissjoni miżuri prattiċi f'White Paper, bil-ħsieb li jitnaqqas in-numru ta' nies li għandhom piż żejjed jew li jsofru mill-obeżità sa mhux aktar tard mill-2015;
Informazzjoni għall-konsumatur sa mit-tfulija
13. Iqis li kull politika ta' prevenzjoni u ta' monitoraġġ ta' l-obeżità għandha tkun għal tul il-ħajja, mill-perjodu ta' qabel it-twelid sa età avvanzata. Iqis minbarra f'hekk li trid tingħata attenzjoni partikulari għat-tfulija, perjodu tal-ħajja meta jinkisbu parti kbira mid-drawwiet ta' dieta;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu li l-edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, li tibda' minn età żgħira, hija kruċjali għal prevenzjoni tal-piż żejjed u ta' l-obeżità;
15. Jisħaq il-periklu ta' ħerqa żejda fir-rigward tal-kampanja kontra l-obeżità u jqis li għandhom jingħataw eżempji tajba lit-tfal u lill-adoloxxenti li huma vulnerabbli għall-pressjoni mill-ħbieb sabiex jiġu evitati kundizzjonijiet oħrajn relatat mad- dieta bħal m'huma l-anoreksja nervosa u l-bulimja;
16. Iqis li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa għandhom irwol importanti fil-promozzjoni tal-benefiċċji għas-saħħa ta' dieta bilanċjata u ta' attività fiżika regolari u fl-identifikazzjoni ta' kwalunkwe riskju, speċjalment għal persuni b'ammont eċċessiv ta' xaħam addominali li għandhom riskju ogħla li jiżviluppaw id-dijabete tat-tip 2, speċjalment mard kardjovaskulari u kundizzjonijiet mediċi oħra; jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu d-dietologu professjonist b'rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta' aċċess għal din il-professjoni kif ukoll jiżguraw taħriġ professjonali xjentifiku;
17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iskejjel huma l-post fejn it-tfal iqattgħu il-biċċa l-kbira tal-ħin tagħhom fl-ambjent ta' l-iskola, u speċjalment tal-canteens ta' l-iskejjel, għalhekk dawn għandhom jinkoraġġixxu lit-tfal żgħar sabiex jiżviluppaw il-gosti ta' l-ikel tagħhom, jipprovduhom b'kapaċitajiet bażiċi ta' tisjir u ta' tagħrif dwar l-ikel, u jippromwovu l-attività fiżika regolari u mod ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, speċjalment sabiex dan jagħmel tajjeb għat-tnaqqis tal-ħin li qed jiġi allokat għall-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel fl-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa mekkaniżmi li jippromwovu l-aħjar prattika fl-iskejjel u li jikkunsidraw l-iktar inizjattivi effettivi biex jedukaw lit-tfal dwar drawwiet ta' ikel tajbin għas-saħħa u jipprovdu ikel ta' kwalità bbażat fuq standards għoljin ta' nutrizzjoni;
18. Jiddeplora l-prattika tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li jbiegħu il-btieħi ta' l-iskejjel għall-iżvilupp;
19. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu fondi biżżejjed għas-servizz tat-tħejjija ta' l-ikel fl-iskejjel li jippermettu li l-iskejjel iservu ikel frisk, preferibbilment prodotti agrikoli organiċi jew reġjonali u biex jinkoraġġixxu drawwiet ta' dieta tajba minn stadju bikri;
20. Iqis li l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jiżguraw li t-tfal ikollhom faċilitajiet biżżejjed sabiex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet sportivi u fiżiċi fl-iskola; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom sabiex jikkunsidraw il-promozzjoni ta' mod ta' ħajja tajjeb għas-saħħa u attiv meta jippjanaw il-lokalità ta' l-iskejjel, hekk li dawn ikunu eqreb tal-komunitajiet li jgħixu fihom, u għalhekk jippermettu li t-tfal jimxu jew imorru l-iskola bir-rota minflok ma jpoġġu bil-qiegħda f'karozza jew f'kowċ;
21. Jitlob li l-produtturi tal-luminati ta' l-UE jimplimentaw mingħajr dewmien l-impenji li huma stipulaw fl-20 ta' Diċembru 2005 dwar il-kodiċi ta' mġieba tagħhom, speċjalment l-impenji tagħhom maħsuba biex jillimitaw l-attività kummerċjali fl-iskejjel primarji;
22. Iqis li l-preżenza (fejn awtorizzata) ta' 'vending machines' fi skejjel sekondarji għandha tkun skond ir-regoli ta' dieta tajba għas-saħħa;
23. Jikkundanna l-frekwenza u l-intensità ta' kampanji fuq it-televixin maħsuba sabiex jirriklamaw u jippromwovu prodotti ta' l-ikel immirati esklussivament għat-tfal u jenfasizza li prattiki kummerċjali bħal dawn ma jħeġġux drawwiet ta' l-ikel tajjeb għas-saħħa u għalhekk għandhom ikunu mmaniġġjati f'livell Ewropew permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva tat-Televixin mingħajr Fruntieri(2); jenfassizza wkoll li hemm provi ċari li juru li r-riklamar fuq it-TV jinfluwenza f'medda qasira ta' żmien drawwiet ta' konsum ta' tfal bejn is-2 u l-11-il sena; madankollu jqis li hawn tidħol ir-risponsabbiltà individwali u li din trid tibqa' tal-ġenituri għaliex id-deċiżjoni finali tax-xiri hija tagħhom; madanakollu, jinnota li stħarriġ juri li maġġoranza ta' ġenituri jridu restrizzjonijiet ċari dwar il-promozzjoni ta' ikel għat-tfal li mhux tajjeb għas-saħħa;
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi fi ħdan il-Pjattaforma impenji voluntarji jew li jirregolaw lilhom infushom, sabiex itemmu l-promozzjoni ta' ikel b'livell għoli ta' xaħam, zokkor u melħ fost it-tfal u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti leġiżlattivi fil-każ li l-impenji ta' awto-regolamentazzjoni ma jwasslux għal bidla;
25. Jinnota li forom ġodda ta' riklamar fost it-tfal, bħal messaġġi bil-mobajl, logħbiet 'on-line' u 'sponsorships' ta' playgrounds m'għandhomx ikunu eżenti minn kunsiderazzjonijiet bħal dawn.
26. Iqis li huwa indispensabbli li jiġi konkretizzat "gentleman's agreement" bejn il-Kummissjoni u l-industriji tal-midja Ewropej li jeżiġi indikazzjonijiet obbligatorji għal produzzjonijiet destinati għat-tfal fuq għamliet ta' midja differenti - televixin, ċinema, Internet, logħob bil-vidjow - ta' tagħrif dwar is-saħħa u l-logħob li jqajjem għarfien aħjar fost iż-żagħżagħ Ewropej ta' l-importanza tal-prattika ta' l-isports u tal-konsum tal-frott u l-ħaxix biex wieħed jibqa' b'saħħtu;
27. Jirrikonoxxi l-irwol ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta' l-Ikel fl-għoti ta' pariri u rakkomandazzjonijiet dwar dieta;
28. Huwa tal-parir li l-midja (TV, radju, Internet) għadha aktar minn qabel għodda pedagoġika essenzjali għat-trawwim tas-saħħa nutrittiva li għandha tagħti pariri prattiċi lill-konsumaturi biex tgħinhom isibu bilanċ tajjeb bejn il-konsum ta' kuljum ta' kaloriji u l-użu ta' l-enerġija u li fl-aħħarnett tiżguralhom għażla ħielsa;
29. Iqis li r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar stqarrijiet dwar nutrizzjoni u saħħa magħmula fuq prodotti ta' l-ikel(3) jagħtu twissija qawwija u sa fl-aħħar se tipprovdi lill-konsumatur b'informazzjoni onesta, affidabbli u konsistenti rigward karatteristiċi ta' nutrizzjoni tal-prodotti ta' l-ikel, b'mod partikolari dawk li fihom ammonti kbar ta' zokkor, melħ u ċerti xaħmijiet; jinnota li l-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament għandu jsir b'mod li jibqa' jinkoraġġixxi u jippermetti li kumpaniji ta' l-ikel u x-xorb iġeddu u jtejbu l-prodotti tagħhom; għalhekk iqis li fil-kuntest ta' dak ir-Regolament, meta wieħed iqis l-iktar dejta riċenti disponibbli, it-twaqqif ta' profili ta' nutrijenti mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta' l-Ikel għandu jingħata prijorità kbira u jiġi implimentat b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' NGOs tal-konsumaturi u operaturi ta' l-ikel, inklużi l-bejjiegħa bl-imnut;
30. Jinnota t-tħassib dejjem jikber tal-pubbliku u tax-xjenza dwar l-impatt ta' tip ta' xaħam artifiċjali trans (trans-fats) fuq is-saħħa tal-bniedem u jinnota l-attività minn ċerti awtoritajiet nazzjonali (il-Kanada u d-Danimarka) u reġjonali (New York City) sabiex ineħħu dan it-tip ta' xaħam mhux saturat mid-dieta tal-bniemen; jitlob li l-UE tieħu azzjoni biex jitnaqqas il-konsum ta' xaħam mhux saturat;
31. Iqis li d-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ta' l-24 ta' Settembru 1990 dwar it-tikketti ta' nutrizzjoni fuq il-prodotti ta' l-ikel(4) jeħtieġ li tkun riveduta mingħajr dewmien sabiex tinkludi, bħala minimu, rekwiżit li jkun jindika l-preżenza u l-kwantita ta' nutrijenti u n-natura tax-xaħmijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi li jinvolvu s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet imressqa mir-rappreżentanti ta' l-industrija u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur;
32. Jieħu interess qawwi f'sistemi ta' ttikkettjar (signposting) ta' l-ikel imdaħħla f'diversi Stati Membri minn kumpaniji ta' l-ikel, bejjiegħa bl-imnut jew organi pubbliċi sabiex jissimplifikaw il-messaġġi dwar nutrizzjoni; jirrikonoxxi l-valur ta' sistemi ta' ttikkettjar bħal dawn, kif ukoll logos dwar għażliet tajba għas-saħħa meta dawn ikunu milqugħa mill-konsumaturi u jkunu faċli biex jintużaw; ifakkar li r-riċerka tikkonferma li skemi li jindikaw livelli ta' nutrijenti permezz ta' element interpretattiv huma ta' l-aktar għajnuna għall-konsumaturi fid-deċiżjoni tiegħu għal għażliet aktar tajbin għas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża din l-esperjenza u din ir-riċerka sabiex tiżviluppa u tintroduċi skema ta' ttikkettjar fl-Ewropa kollha u jinnota li messaġġ konsistenti għall-konsumaturi jitlob ċertu grad ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam u li messaġġi bħal dawn għandhom ikollhom bażi xjentifika;
L-integrazzjoni tan-nutrizzjoni u ta' l-attività fiżika fil-politiki l-oħrajn Komunitarji
33. Jemmen li formulazzjoni mill-ġdid ta' prodott hija għodda qawwija għat-tnaqqis ta' xaħam, zokkor u melħ fid-dieti tagħna u jilqa' b'sodisfazzjon il-passi meħuda minn xi ftit produtturi u bejjiegħa sabiex jimxu f'din id-direzzjoni; jinnota li sa llum 5% biss mit-total ta' impenji volontarji magħmula fi ħdan il-Pjattaforma huma relatati ma' l-iżvilupp ta' prodott; jistieden lill-Kummissjoni, Stati Membri, manifatturi, bejjiegħa bl-imnut u kejterers biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw li manifatturi, bejjiegħa bl-imnut u l-kejterers inaqqsu l-livelli ta' xaħam, zokkor u melħ fl-ikel; jitlob lill-produtturi sabiex jużaw formulazzjoni mill-ġdid ta' prodotti mhux biss biex iniedu linji ġodda, xi drabi bi prezz ogħla, iżda sabiex jagħtu prijorità lit-tnaqqis tax-xaħam, taz-zokkor u tal-melħ li hemm fi prodotti ta' kuljum;
34. Jenfasizza l-importanza li l-individwu jingħata s-setgħa li jagħmel għażliet infurmati dwar x'għandu jiekol u kemm għandu jagħmel eżerċizzju fiżiku;
35. Iqis li huwa kruċjali li l-promozzjoni ta' dieta tajba u ta' l-attività fiżika jkollha prijorità politika, mhux biss għad-DG SANCO, imma wkoll għad-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni ta' l-Agrikoltura, l-Impiegi, it-Trasport, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni u l-Isports li jwettqu politiki jew programmi Komunitarji li jkollhom impatt fuq is-saħħa nutrizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ta' l-impatt fuq il-proposti tal-politiki relevanti sabiex tiddetermina l-impatt tagħhom fuq il-miri ta' saħħa pubblika u ta' nutrizzjoni, b'mod partikolari għall-CAP;
36. Jilqa' b'sodisfazzjon li l-programm t'azzjoni attwali Komunitarju fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) jipprovdi l-finanzjament ta' diversi proġetti dwar l-obeżità u jqis li finanzjament għal-perjodu ta' żmien fit-tul irid ikun disponibbli u jrid ikun hemm enfasi fuq it-tieni programm (2007-2013) għall-promozzjoni ta' stil ta' ħajja sana fost it-tfal u fost iż-żgħażagħ u persuni b'diżabbiltà.
37. Jenfasizza li kampanji ta' informazzjoni mhumiex l-aħjar mezz biex jintlaħqu gruppi soċjoekonomiċi żvantaġġati; iqis li l-azzjonijiet għandhom ikunu adattati għal bżonnijiet lokali u jkunu bbażati fuq il-komunità, għandhom jiġu stabbiliti kuntatti diretti u għandu jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-iskejjel lokali, l-iskejjel għat-tfal żgħar (kindergartens), it-tobba, it-tobba tat-tfal u s-servizzi tas-saħħa lokali; jinnota li l-evalwazzjoni ta' attivitajiet bħal dawn hija vitali sabiex wieħed jifhem jekk dawn humiex qed ikollhom l-effett mixtieq;
38. Jitlob li l-Fondi Strutturali jintużaw f'investiment infrastrutturali f'żoni żvantaġġati soċjo-ekonomikament sabiex jiffaċilitaw l-attività fiżika u t-trasport sikur (bħal korsiji għar-roti) u jinkoraġġixxi logħob fil-beraħ f'ambjent sikur; jinkoraġġixxi fl-istess waqt lill-Istati Membri biex jinvestu f'objettivi bħal dawn;
39. Jitlob lill-Kummissjoni (flimkien mal-Ministeri kkonċernati fl-Istati Membri u fir-reġjuni) biex jikkontribwixxu għal programmi 'sport fl-iskola' fi stabbilimenti li jservu u jintużaw bi prova;
40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa kemm in-nuqqas ta' ikel sustanzjuż u n-nuqqas ta' mobilità huma problema fost l-anzjani u sabiex tikkunsidra x'miżuri aktar hemm bżonn li jittieħdu sabiex dan il-grupp importanti fil-komunità, li xi drabi jintesa, jingħata l-għajnuna;
41. Jistieden lill-Istati Membri u lil min iħaddem biex iħeġġu lill-impjegati tagħhom, speċjalment lin-nisa li għandhom xogħol monotonu li jista' jwassal għal mard kroniku, sabiex jipparteċipaw f'attivitajiet fiżiċi u eżerċizzju ''keep-fit';
42. Jirrikonoxxi l-irwol li għandu min iħaddem fil-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa fost l-impjegati tiegħu; jinnota li s-saħħa tal-ħaddiema (u b'konsegwenza l-produttività), għandha tkun parti mill-istrateġija ta' responsabilità soċjali korporattiva ta' l-impriżi; jirrikonoxxi l-Alleanza Ewropea mwaqqfa riċentiment għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva sabiex tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajbin f'dan il-qasam;
43. Huwa konxju ta' l-appell, magħmul mill-komunità xjentifika fl-10 Kungress Internazzjonali dwar l-Obeżità, favur l-intensifikazzjoni ta' riċerka biex tinftiehem aħjar l-interazzjoni bejn fatturi ġenetiċi u fatturi ta' modi ta' ħajja li jnisslu l-marda;
44. Jilqa' f'dan ir-rigward il-finanzjament mill-Komunità tad-9 proġetti integrati taħt il-prijorità tematika "il-kwalità u s-sigurtà alimentari" tas-sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp li jaħseb għal metodi ġodda għall-ġlieda kontra l-obeżità billi jikkonċentra pereżempju fuq ċerta età partikolari, jew billi jistudja l-interazzjoni bejn il-fatturi ġenetiċi u l-fatturi ta' l-imġieba u ta' l-istat ta' saħħa;
45. B'konnessjoni mas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, jitlob sabiex titkompla l-attività kontra l-obeżità, mhux biss biex jinkiseb benefiċċju mill-koperazzjoni transnazzjonali bejn riċerkaturi fl-oqsma tematiċi tad-dieta, ta' l-agrikoltura u tal-bijoteknoloġija, iżda wkoll għaliex din għandha tkun meqjusa bħal suġġett ta' riċerka ta' interess komuni għal għadd ta' dixxiplini;
46. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm sett ta' indikaturi li jistgħu jitqabblu dwar l-istejtus tas-saħħa (inklużi dejta dwar konsum ta' l-ikel, attività fiżika u obeżità), speċjalment indikaturi li jkunu skond l-età u l-klassi soċjo-ekonomika;
47. Huwa mħasseb ħafna bit-tnaqqis fil-konsum ta' frott u ħaxix fl-Ewropa, li jolqot l-aktar lill-familji Ewropej li għandhom dħul finanzjarju baxx, minħabba l-prezzijiet għoljin ta' dawn il-prodotti u minħabba li qed tingħata informazzjoni fqira ħafna dwar il-veru siwi nutrittiv tagħhom;
48. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi politika u qafas regolatorju li jagħmel disponibbli l-aqwa sorsi ta' nutrijenti u ta' komponenti oħra ta' l-ikel li huma ta' benefiċċju u li jagħti lill-konsumaturi Ewropej għażla ta' kif jiksbu u jżommu l-aqwa nutrizzjoni adattata għal mod ta' ħajja u saħħa individwali tagħhom;
49. Huwa mħasseb dwar rapporti li l-kontenut nutrittiv ta' frott u ħxejjex imkabbra fl-Ewropa naqas f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu l-passi neċessarji għal reviżjoni tal-CAP ta' l-2008 sabiex il-valur nutrittiv ta' l-ikel jitqies bħala kriterju importanti u sabiex isaħħu l-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità u inċentivi ta' nutrizzjoni tajbin għas-saħħa fil-qafas tal-politiki għall-iżvilupp rurali;
50. Jappella biex ikun hemm koerenza akbar mill-Unjoni Ewropea bejn il-CAP u l-politiki dwar is-saħħa mnedija mill-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li sussidji Ewropej mogħtija lil ċerti setturi industrijali ma jservu qatt biex jiffinanzjaw kampanji li jirriklamaw b'mod favorevoli prodotti mimlijin kaloriji;
51. Iqis bħala essenzjali riforma ta' l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq tal-frott u l-ħaxix li fost għanijiet oħra tinkludi l-istimulazzjoni mill-ġdid tal-konsum ta' dawn it-tipi ta' ikel ta' valur għoli għad-dieta; barra minn hekk, jemmen li politika ta' inċentivi (li tinkludi prezzijiet irħas, tnaqqis fiskali u tipi oħra ta' sussidji, tkun preferibbli minn sistema li tistrieħ fuq aktar tassazzjoni fuq prodotti kaloriċi ("fat tax") li fl-aħħar mill-aħħar tippenalizza l-aktar lill-familji Ewropej l-anqas sinjuri;
o o o
52. Jistieden lid-WHO sabiex tippreżenta l-opinjonijiet attwali tagħha dwar l-obeżità lill-Parlament Ewropew;
53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri u pajjiżi kandidati u lid-WHO.