Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-perijodi ta' preskrizzjoni f'tilwim transkonfinali li jinvolvi korriment personali u aċċidenti fatali (2006/2014(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 192 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0405/2006),
A. billi fl-Ewropa hemm diverġenza dwar il-perijodi ta' preskrizzjoni, dwar meta tibda d-dekorrenza taż-żmien, id-data ta' l-għarfien, il-possibilità li tiġi interrotta jew imwaqfa d-dekorrenza taż-żmien, it-tressiq ta' l-evidenza u d-dikjarazzjoni tad-difiża dwar l-iskadenza tal-perijodu ta' preskrizzjoni,
B. billi l-punt ta' din id-diverġenza jista' jwassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa għall-vittmi ta' aċċidenti f'tilwim transkonfinali, għax ifixkel lil individwi midruba fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom fi Stati Membri oħra, u potenzjalment f'xi każi fl-Istat tagħhom stess ukoll, u jinħtiġilhom jirrikorru għal liġi barranija,
C. billi, b'mod partikulari, il-kwistjonijiet li ġejjin iqumu minħabba aċċidenti transnazzjonali: f'ċerti pajjiżi persuni taħt l-età u persuni b'diżabbilità ma jingħataw l-ebda protezzjoni speċjali fir-rigward tad-dekorrenza taż-żmien għall-finijiet ta' preskrizzjoni, u għalhekk jistgħu jitilfu d-dritt li jitolbu kumpens li f'każ ieħor kien ikollhom kieku jkunu weġġgħu fi Stat Membru li mhux dak tagħhom; f'ċerti pajjiżi l-uniku mod biex titwaqqaf id-dekorrenza taż-żmien għall-finijiet ta' preskrizzjoni huwa permezz tal-ħruġ u l-għoti ta' notifika: f'tilwim transkonfinali, approċċ bħal dan jista' jwassal għal problemi għax in-negozjati żgur li jieħdu iżjed fit-tul, u l-inabbilità li jitwaqqaf iż-żmien ta' preskrizzjoni tista' tpoġġi lill-vittma fil-qagħda żvantaġġjuża li jkollha ġġorr spejjeż kunsiderevoli fi stadju bikri billi toħroġ u tagħti notifika qabel ma jkun possibbli li jiġu konklużi n-negozjati,
D. billi, minħabba d-diverġenzi rigward il-perijodi ta' preskrizzjoni f'każi transnazzjonali ta' korriment personali, jista' jkun xieraq li jiġu stipulati xi prinċipji limitati għall-punti essenzjali,
E. billi l-kundizzjoni fl-Artikolu 39(2), li l-ebda proposta m'għandha tkun fi tħejjija, hija rispettata kif jixraq,
1. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel inkjesta dwar l-effetti ta' l-eżistenza ta' perijodi ta' preskrizzjoni differenti fuq is-suq intern, u b'mod partikulari fuq iċ-ċittadini li jeżerċitaw il-libertajiet tagħhom skond it-Trattat. B'mod partikulari, dan l-istudju għandu jipprova jikkwantifika n-numru ta' każi ta' korriment personali li jinvolvu element transkonfinali u jevalwa kwalunkwe diffikultà u/jew tbatija kkawżata lill-partijiet midruba bħala riżultat tad-diverġenza tal-perijodi ta' preskrizzjoni, billi jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet imsemmija fil-premessa B;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport dwar il-perijodi ta' preskrizzjoni wara l-evalwazzjoni ta' l-istudju, li għandu jittratta b'mod partikulari għażliet li jvarjaw minn armonizzazzjoni limitata tal-perijodi ta' preskrizzjoni sa l-użu tar-regola dwar il-kunflitti ta' liġijiet;
3. Jitlob lill-Kummissjoni, fejn ikun xieraq, fid-dawl ta' l-inkjesta magħmula kif imsemmi fil-paragrafu 1 u wara li tkun ikkonsultat il-Parlament, li tressaq lill-Parlament, skond l-Artikolu 65(c) u tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 67(5) tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva dwar il-perijodi ta' preskrizzjoni rigward talbiet ta' korriment personali u aċċidenti fatali f'tilwim transkonfinali, fil-waqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness hawn taħt;
4. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness hawn taħt jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika bir-reqqa li l-prinċipju tas-sussidjarjetà u kunsiderazzjonijiet ta' proporzjonalità jkunu infurzata b'mod rigoruż; jagħti l-parir li tingħata attenzjoni partikulari biex jiġi aċċertat li tintgħażel l-inqas forma ta' leġiżlazzjoni invadenti u sabiex jiġi kkunsidrat, pereżempju, jekk il-problema tistax tissolva bl-aħjar mod bl-introduzzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġini;
5. Iqis li l-proposta mitluba m'għandux ikollha xi implikazzjonijiet finanzjarji;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri.
ANNESS
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Rakkomandazzjoni 1 (dwar il-forma u l-kamp ta' applikazzjoni ta" l-istrument li għandu jkun adottat)
Il-Parlament iqis li l-prinċipji li jmexxu l-perijodi ta' preskrizzjoni għandhom jiġu stipulati f'forma xierqa, sakemm il-Komunità jkollha kompetenza leġiżlattiva f'dan il-qasam, għal talbiet għad-danni:
-
li joriġinaw jew jirriżultaw minn korriment personali,
-
imressqa mill-werrieta tal-vittmi, jew
-
imressqa minn persuna oħra fejn il-vittma tkun sofriet korriment personali jew kellha aċċident fatali,
meta l-proċeduri jinvolvu partijiet li jkunu residenti jew domiċiljati fi Stati Membri differenti, jew parti li tkun residenti jew domiċiljata fi Stat mhux tal-Komunità, jew għażla bejn liġijiet ta' pajjiżi differenti.
Rakkomandazzjoni 2 (dwar il-kontenut minimu ta" l-istrument li għandu jkun adottat)
Tul, kalkolu, data tal-bidu, sospensjoni u interruzzjoni tal-perijodu ta' preskrizzjoni
- Il-perijodu ta' preskrizzjoni ġenerali għandu jkun ta' erba' snin, irrispettivament min-natura ta' l-obbligu, il-kaw¿a ta' l-azzjoni, jew l-identità tal-konvenut, ħlief meta l-liġi propja tat-talba tipprovdi għal perijodu itwal, f'liema ka¿ l-oneru li tintwera l-e¿istenza ta' dak il-perijodu itwal għandu jkun ta' l-attur. Il-perijodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' talba għad-danni stabbilit minn sentenza finali jew deċi¿jonijiet t'arbitraġġ għandu jkun ta' 10 snin. L-ebda preskrizzjoni m'għandha tapplika għal danni li jirri¿ultaw minn atti terroristiċi, ta' tortura jew skjavitù.
- Il-perijodu ta' preskrizzjoni għandu jiskadi ma' l-iskadenza ta' l-aħħar mument ta' l-aħħar ġurnata tiegħu; għandu jkun ikkalkulat skond il-kalendarju uffiċjali ta' l-Istat Membru li fih l-attur ikun għamel in-notifika; u l-ġurnata li fiha jkun hemm il-kawża ta' l-azzjoni m'għandhiex tingħadd. Jekk il-perijodu ta' preskrizzjoni jiġi estiż, il-perijodu ta' preskrizzjoni l-ġdid irid jiġi kalkulat mid-data ta' l-iskadenza tal-perijodu ta' preskrizzjoni preċedenti.
- Il-perijodu ta' preskrizzjoni għandu jibda:
1)
mid-data ta' meta tkun bdiet il-kaw¿a ta' azzjoni għal korriment personali jew mid-data (attwali jew kostruttiva) ta' l-għarfien (jekk i¿jed tard) tal-persuna midruba;
2)
fil-ka¿ ta' talbiet minn werrieta, mid-data tal-mewt jew mid-data (attwali jew kostruttiva) ta' l-għarfien (jekk i¿jed tard) tal-werrieta ta' l-assi (aċċidenti fatali);
3)
fil-ka¿ ta' talbiet minn vittmi sekondarji, mid-data tal-mewt jew mid-data (attwali jew kostruttiva) ta' l-għarfien (jekk i¿jed tard) tal-vittma sekondarja (aċċidenti fatali) jew mid-data li fiha bdiet il-kaw¿a għal azzjoni jew id-data (attwali jew kostruttiva) ta' l-għarfien (jekk i¿jed tard) tal-persuna midruba (aċċidenti mhux fatali).
- Id-dekorrenza tal-perijodu ta' preskrizzjoni għandu jkun sospiż meta l-konvenut ikun, deliberatament, diżonestament, irraġonevolment, jew minħabba xi żball, ħeba l-eżistenza ta' fatti jew kwistjonijiet li jqajmu r-responsabiltà tal-konvenut. Għandu jkun sospiż ukoll matul proċeduri/investigazzjonijiet kriminali jew meta jkun hemm talba skond id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2000 dwar l-approssimizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni għal responsabilta' ċivili fl-użu ta' vetturi bil-mutur (ir-Raba' Direttiva ta' l-Assikurazzjoni tal-Vetturi)(1).
- Il-perijodu ta' preskrizzjoni għandu jiġi interrot permezz: tal-bidu ta' proċeduri ġudizzjarji; kwalunkwe att ta' l-attur li jkun notifikat lill-konvenut li jkollu l-iskop li jibda proċeduri extra-ġudizzjarji, kwalunkwe att ta' l-attur li jkun notifikat lill-konvenut li jkollu l-iskop li jibda n-negozjati; jew kwalunkwe att ieħor li jkun notifikat lill-konvenut li jgħarraf lill-konvenut bil-fatt tat-talba għat-talbiet għal danni mill-attur.
Għandhom jiġu inklużi dispożizzjonijiet xierqa dwar it-talba ta' l-applikazzjoni tal-preskrizzjoni, dwar id-diskrezzjoni tal-qorti meta tapplika l-perijodu ta' preskrizzjoni, dwar l-effetti li l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni titqajjem b'suċċess u dwar atturi/konvenuti multipli.
Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom jintalbu jwaqqfu ċentri għaż-żamma ta' reġistru ta' l-investigazzjonijiet kriminali kollha jew tal-proċeduri pendenti li jinvolvu vittmi barranin u għall-għoti ta' tweġibiet bil-miktub għal talbiet motivati għal informazzjoni li jsiru mill-vittmi barranin jew f'isimhom.