Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2135(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0416/2006

Testi mressqa :

A6-0416/2006

Dibattiti :

PV 31/01/2007 - 23
CRE 31/01/2007 - 23

Votazzjonijiet :

PV 01/02/2007 - 7.11
CRE 01/02/2007 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0021

Testi adottati
PDF 244kWORD 73k
Il-Ħamis, 1 ta' Frar 2007 - Brussell
Id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni
P6_TA(2007)0021A6-0416/2006

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni (2006/2135(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   waqt li jafferma mill-ġdid il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3(2), 13, 137(1)(i) u 141 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunitajiet Ewropej,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea proklamata fl-2000, u b'mod partikulari l-Artikolu 23 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta' l-1950,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-10 ta' Diċembru 1948,

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju tal-NU għall-Iżvilupp (MDGs), b'mod partikulari MDG3 dwar il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-trawwim tas-setgħat (empowerment) tan-nisa bħala prerekwiżit għal, fost affarijiet oħra, il-kisba ta' l-ugwaljanza fil-livelli kollha ta' edukazzjoni u fl-oqsma kollha tax-xogħol,

–   wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija tal-NU dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottati f'Beijing, kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li rriżultaw minnhom li ġew adottati fis-Sessjonijiet Speċjali suċċessivi tan-NU Beijing + 5 u tal-Beijing + 10 dwar azzjonijiet u inizjattivi addizzjonali biex jiġu implimentati d-Dikjarazzjoni ta' Beijing adottata fid-9 ta' Ġunju 2000 u u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata fil-11 ta' Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Mhux Obbligatorju tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata fl-1999, li jipprovdi li individwi jew gruppi ta' individwi, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Aderenti, li jiddikjaraw li huma vittmi ta' ksur ta' kwalunkwe d-dritt mniżżel fil-Konvenzjoni minn dak l-Istat Aderenti jista' jippreżenta kommunikazzjonijiet lill-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–   wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Monitoraġġ Globali dwar l-Edukazzjoni għall-Kulħadd ta' l-Organiżżazzjoni dwar Edukazzjoni, Xjenza u Kultura tal-NU (UNESCO) għas-snin 2003/2004, 2005 u 2006,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa, u b'mod partikulari ir-riżoluzzjoni u l-pjan ta' azzjoni tiegħu adottat fis-Sitt Konferenza Ministerjali Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel li saret fi Stokkolma fit-8 u d-9 ta' Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 2006/143/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar Koperazzjoni Ewropea ulterjuri fl-assikurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja(1),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 98/561/KE tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1998 dwar koperazzjoni Ewropea fl-assikurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar- Roma fl-Unjoni Ewropea(3) u ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea(4),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta" l-4 ta'Lulju 2006 intitolata 'Lejn strateġija ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal' (COM(2006)0367),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Marzu 2006 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa 2006-2010" (COM(2006)0092),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Ġunju 2005 bit-titlu "In-Non-diskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs għal kulħadd - Strateġija qafas" (COM(2005)0224),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' d-19 ta' Frar 2004 (COM(2004)0115) u l-14 ta' Frar 2005 (COM(2005)0044) dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2003 bit-titolu "L-irwol ta' l-universitajiet fl-Ewropa ta' l-għarfien" (COM(2003)0058),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2000 bit-titolu "Lejn strateġija qafas tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2001-2005) (COM(2000)0335),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni magħmula mill-Ministri responsabbli għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta'l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Ministri għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi li saret fil-Lussemburgu fl-4 ta' Frar 2005,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Deċennju ta" Inklużjoni tar-Roma 2005-2015, iffirmata f'Sofia fit-2 ta" Frar 2005 mill-Prim Ministri ta'l-Istati parteċipanti ta'l-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ateni li saret fil-Laqgħa Għolja Ewropea ta' l-1992 dwar in-Nisa fis-Setgħa, li tistqarr li "n-nisa jirrappreżentaw nofs it-talent u l-ħiliet potenzjali ta' l-umanità",

–   wara li kkunsidra r-rapporti u d-diskors tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0416/2006),

A.   billi l-istatistiċi mill-Istati Membri jindikaw li proporzjon aktar baxx ta' nisa minn irġiel jiksbu kwalifiki post-terzjarji, u billi huwa rappurtat ukoll li numru iżgħar ta' nisa qed jiddedikaw ħin għat-tagħlim matul il-ħajja kollha fis-sistemi varji minħabba diversi restrizzjonijiet relatati mal-ġeneru,

B.   billi x-xogħol tad-dar u tal-familja għadu jsir l-aktar min-nisa, u b'riżultat ta' dan, il-ħin disponibbli lilhom għal aktar taħriġ u għat-tagħlim matul il-ħajja kollha huwa limitat,

C.   billi l-aċċess għall-edukazzjoni, u b'mod partikulari l-edukazzjoni għolja, huwa speċjalment diffiċli għal żgħażagħ minn familji bi dħul baxx, li jwassal għal tisħiħ tal-preferenza tradizzjonali lejn l-edukazzjoni tas-subien,

D.   billi l-progress sinifikanti li sar fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni huwa prinċipalment relatat ma" żviluppi kwantitattivi pożittivi, jiġifieri żieda fin-numru ta" nisa li jiksbu aċċess għall-livelli kollha ta" edukazzjoni, mingħajr żviluppi kwalitattivi korrispondenti rigward l-għażla ta" korsijiet u speċjalizzazzjoni, l-aktar minħabba l-perċezzjonijiet soċjali u l-irwoli tradizzjonali tas-sessi,

E.   billi l-edukazzjoni hija valur importanti Ewropew, dritt fundamentali, u strument ewlieni għall-inklużjoni soċjali; billi l-preġudizzji kontra n-nisa edukati għadhom jeżistu fis-soċjetà, u billi n-nisa edukati għad għandhom opportunitajiet limitati biex jilħqu l-potenzjal fil-ħajja professjonali u pubblika,

F.   billi f'ċerti kulturi għadhom jeżistu preġudizzji tradizzjonali u reliġjużi li jillimitaw l-aċċess tal-bniet u tat-tfajliet għall-edukazzjoni,

G.  Billi l-media b'mod ripetut tipperpetwa l-isterjotipi tal-ġeneri, u b'hekk issaħħaħ l-immaġni tradizzjonali tan-nisa, minflok mudelli li jispiraw ammirazzjoni u li huwa ta' min jimitahom, bħal Maria Skłodowska-Curie,

H.   billi l-aċċess għall-edukazzjoni għal bniet u tfajliet minn minoranzi nazzjonali, speċjalment dawk mill-minoranza Roma, jew għal bniet u tfajliet minn gruppi immigranti huwa partikularment limitat,u huwa sikwit karatterizzat minn diskriminazzjoni u segregazzjoni fl-iskejjel,inkluż ukoll fir-rigward ta' programmi ta" tagħlim rimedjali, fejn ir-riżorsi huma limitati, il-ħaddiema mhux motivati jew imħarrġa, l-infrastruttura fqira u programmi edukattivi kif ukoll metodi ta" ttestjar inadegwati,

I.   billi ħafna Stati Membri għandhom nuqqas ta" baġits edukattivi b'fondi adegwati, u billi fl-istess ħin ħafna mill-għalliema huma nisa,

1.  Jiġbed l-attenzjoni li l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet u n-nisa huwa dritt uman u element essenzjali għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi l-oħra kollha;

2.  Jilqa' l-fatt li medja ta' tmienja minn kull għaxar t'ibniet li jistudjaw fi skejjel ta' edukazzjoni għolja fl-Istati Membri jispiċċaw l-istudji tagħhom u li l-istatistiċi jindikaw opportunitajiet indaqs għaż-żewġ sessi fir-rigward tal-kisba ta' edukazzjoni għolja u livell ogħla ta' motivazzjoni fost in-nisa meta ma jkunux ristretti minħabba raġunijiet ta" ġeneru;

3.  Jiġbed l-attenzjoni li fl-edukazzjoni u fir-riċerka, in-nisa jgħaddu l-irġiel bħala numru ta" gradwati (59%), madankollu il-preżenza tagħhom tonqos b'mod konsistenti mal-avvanz fil-karriera, minn 43% ta" dottorati għal 15% biss ta" professuri;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjoni il-fatt li ttieħdu diversi passi prattiċi bħala parti mill-Proġett tal-Millennju tan-NU sabiex titnaqqas l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward ta' l-aċċess għall-edukazzjoni, u li l-kwistjoni ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni għaż-żewġ sessi qed tiġi diskussa b'mod miftuħ fl-Istati Membri;

5.  Jilqa' r-riforma tas-sistema edukattiva ta' l-università li tirriżulta mill-istrateġija ta' Liżbona u li hija relatata b'mod partikulari mat-tagħlim matul il-ħajja kollha, li jipprovdi lit-tfajliet bl-opportunità li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom;

6.  Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kwalità ta' l-edukazzjoni skolastika, ippubblikat fl-2000, li janalizza 16-il indikatur, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni mill-perspettiva tal-ġeneru;

7.  Jilqa' l-ħolqien ta' Istitut għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, li l-attivitajiet tiegħu għandhom jinkludu l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fir-rigward ta' l-aċċess għall-edukazzjoni għaż-żewġ sessi fl-Istati Membri individwali madwar il-dinja kollha;

8.  Jirrakomanda li l-politika fil-qasam ta" l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni tiġi evalwata fuq il-bażi ta" valutazzjoni ta" statistiċi differenzjati skond il-ġeneru, sabiex jidhru u jissolvew l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu għall-kisba ta" l-aċċess u għall-kisba ta" ċerti kwalifiki akkademiċi għolja, anke fil-livell post-terzjarju u fir-riċerka xjentifika, kif ukoll fil-qasam tat-tagħlim matul il-ħajja kollha;

9.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni għal nisa u rġiel li qed jieħdu ħsieb it-tfal, u għall-ġenituri li interrompew il-proċess tal-kisba ta" kwalifiki sabiex ikollhom it-tfal;

10.  Jirrakkomanda djalogu ma" l-imsieħba soċjali, bil-għan li jimmotivahom sabiex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal titjib fl-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim matul il-ħajja kollha għal nisa li interrompew it-taħriġ tagħhom u għal nisa li m'għandhomx ħafna kwalifiki.

11.  Jirreferi għall-fatt li d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa tibqa' ta" livell inaċċettabliment għoli, u mhux qed turi sinjali sinjifikanti li ser tonqos; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li bħala medja, in-nisa jaqalgħu 15% inqas mill-irgiel, u dan huwa r-riżultat sew ta" nuqqas ta" konformità ma" leġiżlazzjoni dwar pagi indaqs kif ukoll ta' numru ta" inugwaljanzi strutturali bħas-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol, differenzi fix-xejriet tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, sistemi preġudikati ta" evalwazzjoni u ta" ħlas, u sterjotipar;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jużaw il-mezzi kollha disponibbli sabiex jeqirdu l-isterjotipi komuni li jiddiskriminaw kontra n-nisa fil-post tax-xogħol, xi ħaġa li hija evidenti b'mod partikulari fil-qasam tax-xjenza u tat-teknoloġija, fejn in-nisa għandhom rappreżentanza verament fqira, u sabiex tingħata attenzjoni partikulari lill-kwistjonijiet tal-ġeneru u biex id-data tiġi monitorjata u evalwata b'mod regolari;

13.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu l-aċċess tan-nisa f'pożizzjonijiet ta" responsabil?ità u ta" teħid ta" deċiżjonijiet f'intrapriżi pubbliċi kif ukoll privati, u sabiex jagħtu attenzjoni partikulari lill-pożizzjonijiet akkademiċi;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-prinċipji ta" l-ugwaljanza u ta" aċċess indaqs għall-edukazzjoni għall-bniet fir-relazzjonijiet tagħha ma" pajjiżi terzi, u b'mod partikulari fil-politiki tagħha ta" viċinat u għajnuna għall-iżvilupp;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-pożizzjoni ta" għalliema nisa f'livelli ogħla tas-sistema edukattiva u f'ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet edukattivi, fejn il-kollegi maskili tagħhom għadhom fil-maġġoranza;

16.  Jisħaq dwar il-bżonn li ssir riforma tas-sillabu fil-livelli kollha ta" l-edukazzjoni u fil-kontenut tal-kotba ta" l-iskola; jirrakkomanda li t-taħriġ ta' l-għalliema u ta' ħaddiema edukattivi oħra jkun dirett lejn l-ilħuq tar-rekwiżiti ta' politika bilanċjata dwar il-ġeneri, u li kwistjonijiet tal-politika tal-ġeneri jsiru parti mit-taħriġ ta' l-għalliema fil-fakultajiet fejn jitħarrġu l-għalliema u fakultajiet oħra;

17.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jwettqu politika għall-minoranzi nazzjonali, etniċi u kulturali, u inkluża wkoll il-minoranza Roma, li tippermetti aċċess għal edukazzjoni ta" kwalità u kundizzjoni indaqs fl-edukazzjoni għas-subien u l-bniet, inklużi programmi pre-skolari u programmi fil-livell zero, u li tingħata attenzjoni partikulari lil approċċ multikulturali li jiffaċilita l-integrazzjoni ta" tfajliet u bniet minn minoranzi u minn gruppi immigranti fis-sistema edukattiva regolari, bil-għan li tiġi missielta d-diskriminazzjoni doppja;

18.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex iħarsu d-drittijiet ta' l-immigranti nisa u l-immigranti bniet u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni li dawn jiffaċċjaw fil-komunità ta' oriġini tagħhom, billi jiċħdu kull xorta ta' relattiviżmu kulturali u reliġjuż li jista' jikser id-drittjiet fundamentali tan-nisa;

19.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jappoġġaw it-trawwim ta" kuxjenza dwar l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni fil-livelli kollha, b'mod partikulari fost komunitajiet vulnerabbli, bl-għan li tiġi eliminata kull forma ta' preġudizzju li jaffettwa l-aċċess għall-edukazzjoni tal-bniet u tat-tfajliet;

20.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jadattaw il-programmi ta" studji tagħhom għall-bżonnijiet ta" żgħażagħ b'impjiegi, u ta" dawk il-persuni, b'mod partikulari bniet u nisa, li jieħdu ħsieb tfal żgħar jew li qegħdin fuq leave tal-maternità; iqis li l-possibilitajiet tekniċi attwali jagħmluha possibbli li jinstabu soluzzjonijiet xierqa;

21.  Jitlob għal aktar sforzi sabiex jintgħarfu individwi żgħażagħ, b'mod partikulari bniet jew tfajliet li jkunu tajbin ħafna fil-konjizzjoni, kif ukoll dawk li jbatu minn diffikultajiet tat-tagħlim, bħad-dyslexia, dyspraxia, dyscalculia u ADHD, u biex jiġu pprovduti b'appoġġ aħjar;

22.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jevalwaw mill-ġdid il-metodi ta" ttestjar li jintużaw meta t-tfal, b'mod speċjali t-tfal Roma, jitpoġġew fi skejjel rimedjali;

23.  Jilqa' l-implimentazzjoni u l-użu ta' programmi edukattivi ffinanzjati mill-fondi ta' l-UE, kif ukoll minn sorsi oħra li jinkludu s-settur li l-għan tiegħu m'huwiex il-profitt, għal benefiċċju ta' l-edukazzjoni ta" bniet u tfajliet minn familji li huma soċjalment żvantaġġati; b'mod partikulari, jilqa' l-użu ta' programmi u fondi ta' appoġġ eżistenti, kif ukoll it-tiftixa għal forom ġodda ta' finanzjament; fl-istess ħin, jenfasizza l-ħtieġa li fl-Istati Membri kollha, isir investiment ħafna ikbar fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ bil-ħsieb tal-ġejjieni;

24.  Jipproponi li fil-baġit tagħhom, l-Istati Membri jużaw l-istrument ta" bbaġitjar li jieħu kont tal-ġeneru, u b'hekk ipattu għal inġustizzji speċifiċi relatati mal-ġeneri, li fuq kollox ser ikunu ta" benefiċċju għall-qasam ta" l-edukazzjoni;

25.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri joħolqu u jimmonitorjaw politiki edukattivi nazzjonali li jippermettu lill-bniet kollha, kif ukoll lis-subien, sabiex jidħlu, jibqgħu u jtemmu l-edukazzjoni obbligatorja, filwaqt li jiżguraw li jibqgħu l-iskola sakemm jilħqu l-età minima legali sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol;

26.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa vitali ta' evalwazzjoni preċiża ta' data statistika dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneri, kif ukoll ma" aspetti oħra ta" diskriminazzjoni multipla bħalma hi l-etniċità, b'mod partikulari minħabba li mhux dejjem teżisti data statistika differenzjata skond il-ġeneri fir-rigward tat-tfal u taż-żgħażagħ; ifakkar li dan huwa wieħed mill-komptiti, ta' l-Istitut ġdid għall-Ugwaljanza tal-Ġeneri;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-preżentazzjoni pożittiva tal-kategoriji tal-ġeneri fil-media billi jippreżentaw immaġni dinjituża tan-nisa u ta'l-irġiel, li tkun ħielsa mill-preġudizzju u l-kunċetti mgħawġa li jispiċċaw jissottovalutaw jew inaqqsu mill-valur ta' wieħed mis-sessi jew tat-tnejn li huma;

28.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu adattati teknoloġiji ġodda fil-qasam ta' taħriġ dwar il-ħtiġijiet ta' l-edukazzjoni tan-nisa, pereżempju l-possibilità ta' tagħlim mill-bogħod bl-użu tat-teknoloġija tal-kompjuters;

29.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex bħala parti mill-istrateġija ta' Liżbona, jieħdu passi sabiex tintemm il-qasma diġitali skond il-ġeneri, bil-għan li tikber is-soċjetà ta' l-informatika permezz ta" miżuri għall-promozzjoni ta" l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u azzjonijiet li jipprovdu aċċess aktar faċli għan-nisa, billi tingħata spinta lill-kisba ta' kapaċitajiet elettroniċi, billi jiġu mwettqa programmi li jipprovdu għal azzjonijiet speċifiċi sabiex jiġu inklużi nisa minn gruppi vulnerabbli u jpattu għall-iżbilanċi bejn zoni urbani u dawk rurali;

30.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri li jiżviluppaw programmi aktar flessibbli ta" tagħlim matul il-ħajja kollha, sabiex in-nisa li jaħdmu u l-ommijiet ikunu jistgħu ikomplu l-edukazzjoni tagħhom fi programmi li jaqblu ma" l-iskeda tagħhom, u b'hekk jippermettu lin-nisa li jkollhom aċċess akbar għall-edukazzjoni u l-opportunità li jipparteċipaw fi programmi edukattivi alternattivi sabiex ikunu jistgħu isiru aktar indipendenti u jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà b'mod sinjifikanti, u b'hekk jippromwovu aktar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
(2) ĠU L 270, 7.10.1998, p. 56.
(3) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 283.
(4) ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 129.

Avviż legali - Politika tal-privatezza