Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet ta' l-EU mal-Gżejjer tal-Paċifiku - Strateġija għal sħubija msaħħa (2006/2204(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Mejju 2006 bl-isem "ir-Relazzjonijiet ta' l-UE mal-Gżejjer tal-Paċifiku - Strateġija għal Sħubija Msaħħa" (COM(2006)0248),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija ta' l-UE għall-Paċifiku adottata mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fis-17 ta' Lulju 2006,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-Gruppi ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) u l-Komunita? Ewropea ffirmata f'Kotonu fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-'Ftehima ta' Kotonu'),(1)
– wara li kkunsidra l-Artikolu 89 (1) tal-Ftehima ta' Kotonou, li jipprovdi li "dispożizzjonijiet u miżuri speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti sabiex jappoġġjaw l-Istati gżejjer ta' l-ACP fl-isforzi tagħhom sabiex jegħlbu d-diffikultajiet naturali u ġeografiċi u ostakli oħra li jxekklu l-iżvilupp tagħhom sabiex jgħinuhom iżidu r-rati ta' l-iżvilupp rispettivi tagħhom",
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Proġett tal-Millenju tan-NU: 'Ninvestu fl-Iżvilupp: Pjan Prattiku biex jinkisbu l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp' ,
– wara li kkunsidra l-istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea, 'Il-Konsensus Ewropew'(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna approvata fit-2 ta' Marzu 2005 mill-Ministri ta' pajjiżi żviluppati u ta' dawk li qed jiżviluppaw responsabbli biex jippromwovu l-iżvilupp u mill-Kapijiet ta' istituzzjonijiet għall-iżvilupp multilaterali u bilaterali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet dwar Sħubija Ekonomika (EPAs)(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0325/2006),
A. Wara li kkunsidra l-involviment storiku tal-pajjiżi Ewropej fir-reġjun tal-Paċifiku,
B. Billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-gżejjer tal-Paċifiku ħadu l-indipendenza relattivament reċentement,
C. Billi l-UE għandha preżenza sinifikanti fir-reġjun minħabba t-Territorji Barranin tal-Kaledonja l-Ġdida, tal-Polineżja Franċiża, Wallis u Futuna (Franza) u l-Gżejjer Pitcairn (Renju Unit),
D. billi l-Moviment għal Paċifiku Mingħajr Nukleari u Indipendenti(NFIP) qiegħed jagħmel kampanji biex jitwaqqaf l-ittestjar nukleari fir-reġjun u għar-rispett tad-dinjità tal-popli indiġeni tiegħu.
E. Billi l-UE hija donatur sostanzjali għar-reġjun, billi b'kollox tat għajnuna, mid-dħul ta' l-ewwel pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku sa l-ewwel Konvenzjoni ta' Lomé fl-1975, li tisboq il-EUR 1.8 biljun,
F. Wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Pjan tal-Paċifiku mis-16-il pajjiż membru tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali, billi jiffoka fuq it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, it-tmexxija tajba u s-sigurtà permezz tar-reġjonaliżmu, u li jagħti l-opportunità li jitkattru r-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Paċifiku,
G. G Billi l-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku jiffaċċjaw problemi sinifikanti li jiġu minn tkabbir tal-popolazzjoni għoli, provvista mhux biżżejjed ta' xogħol tas-sengħa, tkabbir ekonomiku baxx, tensjonijiet etniċi, diskrepanzi soċjo-ekonomiċi, fallimenti tal-governanza u l-impatt ta' tendenzi ekonomiċi globali, li jqajjmu tħassib dwar aktar żidiet fil-faqar u l-instabilità fir-reġjun,
H. Billi r-reġjun tal-Paċifiku għandu ħafna riżorsi naturali, madankollu għandu sistemi ta' pussess ta' art kumplikati ħafna li f'xi każijiet jistgħu jkunu ostakli għall-iżvilupp,
I. Billi l-Istati ta' l-ACP tal-Paċifiku huma demokraziji totali, bl-eċċezzjoni tat-Tonga li hija monarkija kostituzzjonali,
1. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa l-ewwel strateġija ta' l-UE għall-Paċifiku wara 30 sena ta' koperazzjoni, li ssegwi mill-iffirmar ta' l-ewwel Konvenzjoni ta' Lomé fl-1975 u l-Ftehima ta' Kotonou f'Ġunju ta' l-2000;
2. Jenfasizza li, bħala donatur ewlieni lir-reġjun, l-UE għandha l-opportunità li toħloq strateġija li għandha tappoġġja lill-pajjiżi tal-Paċifiku sabiex jilħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs);
3. Jenfasizza l-eteroġeneità tar-reġjun u għalhekk jappella għall-flessibiltà fl-istrateġija tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp tingħata skond il-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali, u b'hekk jinkiseb benefiċċju massimu kemm għall-pajjiżi l-aktar żviluppati u kif ukoll għal dawk l-inqas żviluppati fil-Paċifiku;
4. Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta' djalogu politiku mtejjeb fil-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku, li l-kapijiet tagħhom adottaw ftehima ġdida li tistabbilixxi l-Forum bħala organizzazzjoni intergovernattiva skond il-liġi internazzjonali; fl-istess ħin, jenfasizza li kull żieda fid-djalogu fuq il-livell reġjonali għandha wkoll tindirizza l-bżonnijiet tal-pajjiżi l-aktar foqra tar-reġjun;
5. Jisħaq li kull strateġija għandha tindirizza b'mod suffiċjenti l-bżonnijiet ta' żvilupp tal-pajjiżi gzejjer tal-Paċifiku kollha, speċjalment l-aktar foqra, sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-MDGs;
6. Jagħraf li r-reġjun tal-Paċifiku għandu abbundanza ta' riżorsi naturali, b'mod speċjali is-sajd, il-minerali u l-foresti, u li f'ħafna pajjiżi tar-reġjun, l-agrikoltura u t-turiżmu huma l-apoġġ prinċipali ta' l-ekonomija; għalhekk, jisħaq li l-iżvilupp ekoloġikament u ekonomikament sostenibbli għandu jkun fil-qalba ta' kwalunkwe strateġija relatata ma' dawn is-setturi fundamentali; jenfasizza li l-isfruttar tar-riżorsi naturali għandu jikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta' dħul għall-popolazzjoni kollha tal-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku u jappoġġja b'mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar;
7. Jagħraf l-importanza ta' l-għajnuna finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea li tħeġġeġ l-iżvilupp tas-sajd lokali fir-reġjun, li huwa sors ta' dħul maġġuri għall-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku u b'mod speċjali għal stati li għandhom dħul gross nazzjonali aktar baxx bħalma huma l-Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Micronesia u Tuvalu;
8. Jenfasizza l-importanza ta' tmexxija tajba fis-settur tas-sajd sabiex ikunu skoraġġuti s-sajd żejjed u t-tekniki tas-sajd distruttivi u sabiex jiġi evitat li l-perikli għall-ambjent jeqirdu l-ħajja tal-baħar, b'mod partikolari fil-każ tas-sajd għat-tonn, fejn il-Paċifiku għandu waħda miż-żoni tas-sajd l-aktar għonja fid-dinja;
9. Ifaħħar l-approċċ reġjonali li ħadu l-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku għall-immaniġġjar tas-sajd għat-tonn fir-reġjun tagħhom, u jinkuraġġixxi lill-UE biex tinnegozja kwalunkwe ftehima dwar it-tonn mar-reġjon kollu, aktar milli ma' Stati individwali;
10. Jagħraf l-importanza li jiġi impost ħlas ta' liċenzji għas-sajd tat-tonn estensiv fiż-Żoni Ekonomikament Esklussivi (EEZs) tal-pajjiżi fir-reġjun, li huma sors ewlieni ta' dħul għall-pajjiżi tal-Gżejjer tal-Paċifiku, speċjalment il-pajjiżi bi dħul baxx bħal ma huma l-Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikronesja, u t-Tuvalu; madankollu, jinsab imħasseb dwar in-numru baxx ta' qabdiet attwalment ipproċessati fl-EEZs u t-tnaqqis fil-qligħ b'riżultat ta' dan;
11. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi biex tippromwovi t-tmexxija sostenibbli tas-sajd billi tappoġġja il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sistemi ta' sorveljanza tar-reġjun, u sabiex issaħħaħ il-kapaċità li tikkumbatti s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;
12. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati gżejjer tar-reġjun tal-Paċifiku biex jappoġġjaw il-pjan ta' azzjoni internazzjonali ta' l-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) kontra s-sajd illegali, irregolat u mhux rappurtat (IUU); iqis li din għandha tkun prijorita? meta jiġu konklużi ftehimiet dwar is-sajd ma' pajjiżi terzi;
13. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku biex jikkollaboraw mill-viċin sabiex jiġi eliminat is-sajd IUU fir-reġjun, u biex jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom bħala stati tal-port u/jew tal-bandiera;
14. Jirrakkomanda li aktar pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku żviluppati jkomplu jiżviluppaw operazzjonijiet ta' pproċessar lokali, u b'hekk joħolqu aktar impjiegi, u jesploraw il-possibiltà li l-Bank Ewropew għall-Investiment jagħti self b'imgħax baxx lil intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-Paċifiku sabiex tiżdied il-kapaċità ta' l-ipproċessar, u jinħolqu flotot nazzjonali sabiex iġibu aktar dħul lir-reġjun; jilqa' l-evalwazzjoni tar-riżorsi tal-ħut u tal-kapaċitajiet ta' sajd mwettqa mill-Aġenzija tas-Sajd tal-Forum tal-Ġżejjer Tal-Paċifiku (FFA), jitlob, fejn hemm skop għal żieda fil-kapaċità, sabiex il-flotot lokali jiġu estiżi;
15. Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni ekoloġika u ta' l-impatt soċjali ta' attivitajiet illegali u attivitajiet industrijali li jinvolvu l-qtugħ illegali tas-siġar fuq skala kbira u l-kummerċ relatat tagħhom fil-pajjiżi tal-Paċifiku;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni rapida tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u ftehimiet relatati, speċjalment il-programm ta' ħidma dwar żoni protetti, li huwa strument effettiv biex tiġi evitata qerda ulterjuri jew degradazzjoni tal-foresta u ta' l-ekosistemi tal-baħar fir-reġjun tal-Paċifiku;
17. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ għal immaniġġjar responsabbli ekoloġikament u soċjalment u għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' min joqgħod fuqhom li jistgħu jipprovdu garanziji kredibbli lill-konsumaturi Ewropej li l-prodotti ta' l-injam li jinbiegħu fis-suq ta' l-UE ikunu magħmula minn sorsi ta' l-injam sostenibbli; jenfasizza l-importanza li tiġi mċaqilqa l-paradigma mill-attivitajiet industrijali li jinvolvu l-qtugħ illegali tas-siġar fuq skala kbira għal proġetti ta' forestrija ekoloġika biex jiġi ġenerat dħul għall-komunitajiet lokali u appoġġ biex jittaffa l-faqar;
18. Japprova l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean tal-Paċifiku Ċentrali u tal-Punent iffirmata f'Settembru ta' l-2000 bil-għan li tintlaħaq is-sostenibiltà fit-tul tas-sajd tat-tonn, bħala sinjal ta' koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-gżejjer Paċifiku u n-nazzjonijiet tas-sajd f'ilmjiet imbiegħda;
19. Jenfasizza li hemm bżonn ta' investiment sostanzjalment akbar fl-immaniġġjar ta' depożiti minerali, sors vitali ta' kambju barrani kemm għall-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku l-aktar żviluppati kif ukoll għal dawk inqas żviluppati, sabiex jiġi evitat it-tnaqqis prematur tar-riżorsi, kif ġara fin-Nauru matul 50 sena ta' imminar kontinwu tal-fosfat;
20. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura, b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-gżejjer tal-Paċifiku, li l-gvernijiet differenti jiżvelaw kompletament fir-rapporti finanzjarji annwali li jippubblikaw, it-taxxi u d-dazji kollha mħallsa mill-kumpaniji taż-żejt, tal-minjieri u tal-gass fir-reġjun;
21. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ekonomika li t-turiżmu għandu għar-reġjun, peress li wieħed mill-aħjar kwalitajiet tal-gżejjer tal-Paċifiku huwa l-pajsaġġ idilliku tagħhom; jenfasizza li kull inkoraġġiment għat-turiżmu fir-reġjun għandu jimxi id f'id ma' aktar pussess lokali tas-servizzi tat-turiżmu, sabiex tiġi żgurata s-sostenibiltà tas-settur tat-turiżmu u sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-ekonomija lokali;
22. Jitlob li jkunu projbiti t-testijiet nukleari kollha, u jaraha essenzjali li r-reġjun kollu għandu jsir ħieles min-Nukleari u li l-ħsara lill-ambjent, lill-ekosistemi u lis-saħħa pubblika kkawżata mit-test nukleari għandha titranġa;
23. Jagħraf il-benefiċċji li t-twaqqif tas-servizzi tal-linji ta' l-ajru bi prezzijiet baxxi ġab lill-ekonomiji tal-gżejjer tal-Paċifiku, u jitlob li jiġi eliminat ix-xkiel għall-politika ta' "open skies" filwaqt li t-trasport bl-ajru jiġi żviluppat b'mod razzjonali sabiex jiġu minimizzati l-emmissjonijiet u impatti ambjentali oħrajn ta' aktar vjaġġar bl-ajru;
24. Jisħaq li fil-biċċa l-kbira tal-każi huma biss l-aktar pajjiżi għonja b'infrastruttura aktar żviluppata u b'konnessjonijiet bl-ajru aktar frekwenti li jiġbdu numri sinifikanti ta' turisti kull sena; jenfasizza li f'dawn il-każi l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkompli tiġi użata sabiex tiffinanzja l-infrastruttura u tinkoraġġixxi t-turiżmu sostenibbli;
25. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel enfasi, fi proġetti implimentati taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fuq appoġġ għas-sitemi ta' l-edukazzjoni u ta' taħriġ tekniku ta' l-Istati fir-reġjun li l-iżvilupp tagħhom qed jiġi mxekkel minn nuqqasijiet f'dan il-qasam;
26. Jagħraf l-importanza ta' l-agrikoltura bħala sors primarju ta' dħul, inkluż id-dħul mill-esportazzjoni, u bħala mezz ta' għajxien, u ta' l-impieg fir-reġjun;
27. Jenfasizza li l-globalizzazzjoni, flimkien ma' telf mill-aċċess preferenzjali għas-suq ta' l-UE, x'aktarx ikollhom impatt ekonomiku profond fuq ir-reġjun, speċjalment fuq il-Fiġi;
28. Jisħaq li f'pajjiżi inqas żviluppati li jgħixu l-aktar fuq l-agrikoltura bħala mezz ta' għajxien, għandu jkun hemm tranżizzjoni gradwali mill-produzzjoni ta' uċuħ ewlenin għal dik tal-produzzjoni ta' uċuħ għall-qligħ sabiex jipprovdi aktar prodotti agrikoli għall-esportazzjoni, u li l-vijabilità tat-twaqqif ta' l-ipproċessar ta' l-ikel u tas-servizzi ta' l-ippakkjar għandhom ikunu eżaminati;
29. Jisħaq li x-xogħol tas-sengħa huwa prerekwiżit importanti għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi tal-Paċifiku u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja oqfsa ta' politika nazzjonali li għndhom l-għan li jipprovdu faċilitajiet għal taħriġ vokazzjonali u taħriġ biex jappoġġja l-industriji lokali fil-pajjiżi gżejjer tal-Paċifiku;
30. Jisħaq fuq l-importanza tal-kummerċ intra-reġjonali u l-kummerċ bejn ir-reġjun tal-Paċifiku u l-UE, anke skond arranġamenti kummerċjali reġjonali bħal ma huma l-Ftehimiet ta' Kummerċ tal-Pajjiżi tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PICTA), il-Ftehima tal-Paċifiku għal Relazzjonijiet Ekonomiċi iktar fil-qrib (PACER) li hi proposta, u l-Ftehima dwar Sħubija Ekonomika (EPA), bħala mezz li tiżdied il-prosperità ekonomika fir-reġjun;
31. Minħabba l-ispejjeż ta' l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali ta' dan it-tip, inkluża l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija għall-Paċifiku mill-pajjiżi gzejjer tal-Paċifiku u organizzazzjonijiet reġjonali bħas-Segretarjat tal-Forum Paċifiku, jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika għall-implimentazzjoni f'waqtha u effettiva ta' ftehimiet bħal dawn;
32. Japprova l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sinifikat ta' parteċipanti reġjonali ewlenin bħal ma huma l-Awstralja, New Zealand, l-Istati Uniti u l-Ġappun, peress li huma kontributuri importanti għar-reġjun tal-Paċifiku u msieħba kummerċjali miegħu, u li r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u dawn il-pajjiżi għandhom jitjiebu minħabba aktar involviment fil-Paċifiku;
33. Japprova l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tindika li koordinazzjoni għall-provvediment ta' l-għajnuna aktar mill-qrib ma' l-imsieħba l-oħra fir-reġjun, bħal ma huma l-Awstralja u New Zealand, għandha żżid l-effettività tat-twassil ta' l-għajnuna;
34. Jenfasizza li r-reġjun tal-Paċifiku huwa wieħed li għandu sinifikat geo-politiku, u jesprimi tħassib li rivalitajiet interstatali jistgħu jrawmu għajnuna ta' kwalità baxxa, u marbuta mal-politika, għad-detriment ta' żvilupp aktar fit-tul, tas-sostenibilità tar-riżorsi u tal-governanza tajba;
35. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi li s-sitemi ta' pussess ta' art, speċjalment f'Papwa Ginea Ġdida, il-Gżejjer Solomon, Vanwatu u l-Kaledonja l-Ġdida (Territorju Barrani ta' Franza) huma kumplikati ħafna u huma ostakli reali għall-iżvilupp; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inizjattivi nazzjonali dwar riforma ta' l-art imwettqa minn dawk il-pajjiżi u dak it-territorju;
36. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda politiki biex tattakka t-tixrid mgħaġġel ta' l-HIV/AIDS fir-reġjun, li qed jikber ħafna fil-pajjiżi bħall-Papwa Ginea Ġdida;
37. Jiġbed l-attenzjoni għall-erba' pajjiżi fir-reġjun li huma affettwati mill-malarja, il-Papwa Ginea Ġdida, il-Gżejjer Solomon, Vanwatu u Timor tal-Lvant; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa programmi sabiex tegħleb din il-problema, filwaqt li tassigura li jkun hemm protezzjoni xierqa mill-malarja, pereżempju, billi jkunu provduti filoxxi tas-sodda għal kontra l-malarja lill-pajjiżi milquta;
38. Jisħaq li, sabiex ikun żgurat it-twassil effiċjenti ta' l-għajnuna, hija vitali l-governanza tajba mar-reġjun tal-Paċifiku kollu sabiex wieħed jimpedixxi l-korruzzjoni, wieħed mill-ostakli prinċipali li jfixklu milli jintlaħqu l-MDGs, kif ukoll biex jinkiseb żvilupp sostenibbli; jisħaq li għandhom jitwaqqfu istituzzjonijiet nazzjonali u proċeduri trasparenti u b'saħħithom sabiex l-għajnuna għall-iżvilupp tilħaq lir-riċevituri intenzjonati fir-reġjun;
39. Jaqbel ma' l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-instabilità u l-kunflitt politiku jista' jkun devastanti għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun, speċjalment fi dħul mitluf mit-turiżmu u mill-qerda ta' infrastruttura ekonomika;
40. Jenfasizza li l-isħubija msaħħa bejn l-UE u l-pajjiżi gzejjer tal-Paċifiku għandha tiġi riflessa f'appoġġ akbar għall-parlamenti ta' l-istati konċernati bil-ħsieb li jissaħħu l-kapaċitajiet u l-irwol tagħhom fit-trawwim ta' stabilità politika reġjonali;
41. Jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabilità ta' l-istati tal-gżejjer tal-Paċifiku għad-diżastri naturali u l-effetti devastanti li jkollhom fuq l-ekonomiji tagħhom; għalhekk japprova s-sejħa tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' programm reġjonali għal preparazzjoni f'każ ta' diżastri;
42. Japprova l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-istati tal-gżejjer tal-Paċifiku għandhom interess kbir li jagħmlu xi ħaġa dwar il-bidla fil-klima, minħabba l-effett potenzjali li għandhom fuq ir-reġjun il-livelli tal-baħar li jogħlew; jieħu nota tal-Qafas ta' Azzjoni tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar it-Tibdil fil-Klima 2006-2015 bħala mekkaniżmu reġjonali biex ikunu appoġġjati reazzjonijiet għat-tibdil fil-klima, u jitlob għal żieda fid-djalogu bejn l-UE u r-reġjun tal-Paċifiku bil-ħsieb li jsir xi ħaġa dwar it-tibdil fil-klima u tħassib relatat;
43. Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni kurrenti f'Timor tal-Lvant li f'dawn l-aħħar ġimgħat kien imfarrak bil-vjolenza u jesprimi t-tama li l-Kummissjoni, b'ħidma mill-qrib mal-komunità internazzjonali, tgħin lill-mexxejja tat-Timor tal-Lvant biex jindirizzaw il-problemi bażiċi li jikkontribwixxu għall-kriżi, inklużi l-bżonn ta' stabilità politika, ir-rikonċiljazzjoni fost sezzjonijiet differenti tas-soċjetà u l-faqar;
44. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija ta' l-UE għall-Paċifiku tas-17 ta' Lulju 2006 u l-enfasi tagħhom dwar l-eradikazzjoni tal-faqar, il-kisba ta' l-MDGs, l-iżvilupp ta' riżorsi umani u l-kwistjonijiet ta' saħħa; madankollu, jiddeplora li l-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu mingħajr ma stenna lill-Parlament jesprimi l-pożizzjoni tiegħu;
45. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri ta" l-UE u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-istati tal-gżejjer tal-Paċifiku.
Ftehima ta' sħubija bejn, fuq naħa waħda, il-Membri tal-grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u fuq in-naħa l-oħra l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3).