Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija tematika għar-riċiklaġġ ta' l-iskart (2006/2175(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar 'It-titjib fl-użu sostenibbli tar-riżorsi: Strateġija tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart' (COM(2005)0666),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat KE, skond liema artikoli ħtiġijiet ta' ħarsien ambjentali għandhom ikunu integrati fid-diversi setturi tal-politika Komunitarja bil-għan li jippromwovu l-iżvilupp ambjentali sostenibbli ta' attivitajiet ekonomiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 175 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent tal-Komunità(1) (is-6 EAP), b'mod partikulari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar 'strateġija tematika dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali' (COM(2005)0670) (l-Istrateġija tar-Riżorsi),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-20 ta' April 2004 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni: 'Lejn strateġija tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart'(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Novembru 2003 dwar ir-rapport ta' segwitu rigward id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE (Direttiva Kwadru dwar l-Iskart)(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 1996 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta' l-istrateġija Komunitarja dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart u l-abbozz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-politika dwar l-iskart(4) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Frar 1997 dwar strateġija Komunitarja dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart(5),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, partikularment fil-Każi C-203/96, C-365/97, C-209/98, C-418/99, C-419/99, C-9/00, C-228/00, C-458/00, C-416/02 u C-121/03,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0438/2006),
Introduzzjoni
A. billi l-Artikolu 8 tas-sitt EAP stipula objettivi, miri u prinċipji ċari ħafna għall-politika ta' l-UE dwar l-iskart,
B. billi l-Artikolu 8(2), punt (iv) tas-sitt EAP jipprovdi għall-iżvilupp jew ir-reviżjoni tad-direttivi dwar l-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqiegħ tal-bini, il-ħama tad-dranaġġ u skart bijodegradabbli,
Is-sitwazzjoni preżenti
C. billi, minkejja xi suċċessi miksuba permezz tal-politika ta' l-iskart ta' l-UE fl-aħħar 30 sena, jibqa' dawn il-problemi li ġejjin:
1. Il-volumi ta' l-iskart jibqgħu jiżdiedu, kemm għall-iskart perikoluż u kemm għal dak mhux perikoluż;
2. Il-potenzjal sħiħ għall-prevenzjoni ta' l-iskart u għar-riċiklaġġ għadu mhux jiġi sfruttat bi sħiħ;
3. Il-vjeġġi ta' tagħbijiet ta' skart illegali (transkonfinali) għadu qed jiżdied;
4. L-immaniġġjar ta' l-iskart joħloq emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija;
5. Hemm nuqqas ta' leġiżlazzjoni għal ċerti flussi ta' skart importanti;
6. Leġiżlazzjoni dwar l-iskart hija f'ħafna każi implimentata b'mod fqir;
7. L-Istati Membri għandhom approċċ differenti fis-soluzzjoni tal-problemi ta' l-iskart;
8. It-test attwali tal-leġiżlazzjoni tal-Komunita' dwar l-iskart iwassal għal xi problemi ta' interpretazzjoni,
D. billi l-ekonomiji huma bħal ekosistemi: iż-żewġ sistemi jużaw enerġija u materjali u jibdluhom fi prodotti u proċessi, bid-differenza li l-ekonomija tagħna ssegwi flussi ta' riżorsi lineari filwaqt li n-natura hija ċiklika; u billi l-ekosistemi jwettqu funzjonijiet li jibdlu l-iskart f'riżorsi billi jitrasferixxu l-enerġija mix-xemx, u billi l-proċessi industrijali ma jistgħux iwettqu dan; billi, fil-kuntest ta' ekonomiji u ta' popolazzjonijiet li qed jikbru b'rata mgħaġġla, il-produzzjoni u prodotti li jwasslu għal flussi ta' skart li n-natura ma tistax tassorbi u tibdilhom f'riżorsi ġodda huma dejjem aktar problematiċi fir-rigward tas-sostenibilità,
E. billi trasformazzjoni tas-sistema preżenti ta' produzzjoni u ta' konsum hija meħtieġa b'mod urġenti; billi l-objettiv prinċipali huwa li jinbidel il-konsum f'direzzjoni sostenibbli u jressaq il-proċessi ta' l-estrazzjoni tal-materja prima, il-produzzjoni u d-disinn tal-prodott f'konformità kemm jista' jkun possibbli mal-proċessi u t-tfassil naturali,
F. billi għarfien imtejjeb ta' kif jiffunzjonaw sistemi naturali u ta' strutturar ta' negozju skond linji bijoloġiċi jista' jtejjeb kemm l-ambjent kif ukoll jistabbilixxi l-punt ewlieni,
G. billi l-promozzjoni ta' prattiki aktar integrati u bbażati fuq sistemi, bħal pereżempju il-ġbir tal-produzzjoni, il-ħsieb funzjonali (il-bidla ta' prodotti f'servizzi), id-dematerjalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġija bbażata fuq l-imitazzjoni tan-natura huma mezz li jevita l-ġenerazzjoni ta' l-iskart,
L-għanijiet ta" politika ta" l-UE dwar l-iskart li qed tevolvi
H. billi fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri, ir-rimi ta' l-iskart, partikolarment fil-'landfills', għadu l-aktar forma komuni tat-trattament ta' l-iskart,
I. billi l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta' l-enerġija mill-iskart - f'ordni skond l-importanza - jistgħu jiffrankaw ir-riżorsi naturali,
J. billi l-miri ta' prevenzjoni Komunitarji u nazzjonali qatt ma ntlaħqu, minkejja li l-prevenzjoni għadha l-aktar objettiv importanti;
K. billi m'hemm l-ebda standards minimi Komunitarji adegwati li japplikaw għall-ħafna faċilitajiet ta' rkupru u ta' riċiklaġġ, li jwassal għal livelli differenti ta' ħarsien ambjentali fl-Istati Membri, għal 'dumping' ambjentali u għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni,
1. Jirrikonoxxi l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar 'It-titjib fl-użu sostenibbli tar-riżorsi: Strateġija tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart' bħala bażi għad-diskussjoni dwar politika dwar l-iskart fil-ġejjieni;
2. Jenfasizza li l-għan essenzjali għall-immaniġġjar ta' l-iskart huwa li jintlaħaq livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, aktar milli li jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern għall-irkupru ta' l-iskart;
3. Jinnota li għandu jitqies mhux biss l-impatt ambjentali fl-UE iżda wkoll l-impatt barra l-UE;
4. Jenfasizza l-importanza tal-prinċipji ġenerali ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart, bħalma huwa l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju li bih "min iħammeġ iħallas", il-prinċipju tar-responsabbiltà ta' min jiġġenera l-iskart u, għal flussi partikulari ta' skart, il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produttur individwali, kif ukoll il-prinċipji tal-qrubija u ta' l-awto-suffiċjenza;
Azzjonijiet prinċipali
5. Jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni attwali tal-Komunita' dwar l-iskart u l-infurzar ugwali madwar l-Istati Membri kollha hija prijorità ewlenija;
6. Ma jistax jifhem għaliex, minkejja l-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart, bosta miżuri u strumenti ta' implimentazzjoni konkreti (li kienu maħsuba fis-sitt EAP) huma nieqsa;
Is-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti
7. Jenfasizza li t-tibdil tad-definizzjonijiet għandu jsir biss għal raġunijiet ta' kjarifika u mhux biex jiddgħajfu r-regoli għall-ħarsien ta' l-ambjent jew biex jinkuraġġixxi l-aċċettazzjoni mill-pubbliku ta' xi kunċett (pereżempju, billi tittaffa l-konnotazzjoni negattiva tat-termini "skart" jew "rimi");
8. Jenfasizza li deċiżjonijiet politiċi, bħalma huma d-definizzjonijiet ta' skart, rkupru u r-rimi, m'għandhomx jittieħdu f'livell ta' komitoloġija, iżda permezz tal-kodeċiżjoni;
9. Jenfasizza li l-użu tal-proċedura ta' komitoloġija għandu jkun limitat għal deċiżjonijiet mhux politiċi, speċjalment dawk ta' natura teknika u xjentifika;
10. Jopponi deklassifikazzjoni ġenerali ta' l-iskart li tista' twassal għal trattament ambjentali mhux xieraq u għal nuqqas ta' traċċabilità tal-flussi ta' l-iskart; jenfasizza li proċeduri għad-deklassifikazzjoni ta' l-iskart jistgħu jitqiesu biss f'każijiet eċċezzjonali ta' flussi ta' skart omoġenji, bħal kompost, aggregati riċiklati, karta rkuprata u ħġieġ irkuprat;
11. Jenfasizza li l-istejtus ta' skart li ma jibqax meqjus tali għandu jintlaħaq biss jekk dak il-fluss ta' skart ġie użat mill-ġdid jew ġie rriċiklat jew saritlu operazzjoni ta' rkupru - li ma teskludix il-possibilità li operazzjoni ta' rkupru tista' toħloq skart ġdid - u huwa konformi ma' standards Ewropej miftehma, u jirriżulta li jista' jintuża għal xi skop, u wara li regoli ta' traċċabilità jkunu ġew adottati u applikati;
12. Jesiġi li l-iskart kollu maħsub għall-irkupru ta' enerġija jew għall-inċinerazzjoni għandu jibqa' skart, li għalih għandha tapplika d-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta' l-iskart(6) (id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta' l-iskart);
13. Jenfasizza li l-listi ta' rkupru u l-operazzjonijiet ta' rimi li jinsabu fl-annessi għad-Direttiva Kwadru dwar l-Iskart għandhom ikunu riveduti u adattati għall-prattiki attwali ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart b'konformità mal-proċedura ta' kodeċiżjoni;
14. Jesprimi riservi qawwija dwar il-metodu propost għall-kalkolu ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, u għall-fatt li dan għandu japplika biss għall-inċineraturi ta' skart muniċipali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrivedi d-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni ta' l-Iskart, sabiex tistabbilixxi standards ambjentali ugwali (għall-emissjonijiet u għall-effiċjenza ta' l-enerġija) kemm għall-inċinerazzjoni kif ukoll għall-inċinerazzjoni konġunta ta' l-iskart;
L-introduzzjoni ta" mentalita bbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja fil-politika dwar l-iskart
15. Jenfasizza l-importanza ewlenija tal-ġerarkija ta' l-iskart, li tistabbilixxi l-prijoritajiet għal azzjoni f'ordni ta' importanza:
–
il-prevenzjoni;
–
l-użu mill-ġdid;
–
ir-riċiklaġġ tal-materjal;
–
operazzjonijiet ta' rkupru oħrajn, pereżempju l-irkurpru ta' l-enerġija;
–
ir-rimi,
bħala regola ġenerali ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart sabiex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-ġenerazzjoni ta' l-iskart kif ukoll l-impatti negattivi ta' l-ġenerazzjoni u l-immaniġġjar ta' l-iskart fuq is-saħħa u fuq l-ambjent;
16. Iqis il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja bħala utli sabiex ikunu evalwati l-impatti ta' l-iskart fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem; jenfasizza li l-ġerarkija nnifisha hija bbażata fuq dan il-kunċett, iżda jagħraf li ċ-ċiklu tal-ħajja u analiżi oħra jistgħu jintużaw f'każijiet ta' eċċezzjoni biex jiddevjaw mill-ġerarkija ta' l-iskart, iżda fil-każ biss meta jkun hemm evidenza ċara li alternattiva oħra hija fil-fatt aħjar mil-lat ta' ambjent u saħħa jew biex ikunu evitati spejjeż għolja mhux raġonevoli;
It-titjib tal-bażi ta' l-għarfien
17. Jappoġġja t-titjib tal-bażi ta' l-għarfien fir-rigward tal-politika ta' l-UE dwar l-iskart, iżda jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet konkreti hija aktar importanti;
Il-prevenzjoni ta' l-iskart
18. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' miri kwantitattivi u kwalitattivi ta' tnaqqis li jkopru l-iskart kollu relevanti, li kienu indikati bħala waħda mill-azzjonijiet prijoritarji fis-sitt EAP; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fl-evalwazzjoni finali tagħha tas-sitt EAP, tippreżenta proposta għal miri;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri konkreti għal prevenzjoni ta' l-iskart fl-oqsma tal-politika tal-prodott, il-politika tas-sustanzi kimiċi u d-disinn ekoloġiku, biex timminimizza kemm il-ġenerazzjoni ta' l-iskart kif ukoll il-preżenza ta' sustanzi perikolużi fl-iskart, u b'hekk trawwem it-trattament ta' l-iskart sikur u xieraq mil-lat ambjentali; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' prodotti u teknoloġiji li huma ta' anqas ħsara għall-ambjent kif ukoll ta' prodotti li huma aktar adattati għal użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ;
20. Jiġbed l-attenzjoni għall-interazzjoni bejn l-istrateġiji ta' l-iskart u strateġiji oħra, b'mod partikulari l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, l-iżvilupp sostenibbli u l-politika ta' prodott integrat;
21. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex sa l-2008 tiżviluppa sett ta' indikaturi, kif imħabbar fl-Istrateġija dwar ir-Riżorsi;
22. Jenfasizza li l-implimentazzjoni xierqa tal-kunċett tar-responsabilità tal-produttur hija strument b'saħħtu għall-prevenzjoni ta' l-iskart;
23. Jiġbed l-attenzjoni għall-irwol tal-kampanji ta' informazzjoni dwar il-politika ta' l-iskart, b'mod partikulari dwar il-prevenzjoni, u ż-żieda fl-għarfien pubbliku tal-benefiċċji ta' l-immaniġġjar sostenibbli ta' l-iskart;
24. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-aspetti ta' prevenzjoni ta' l-iskart fid-dokumenti ta' riferenza dwar l-Aħjar Teknika Disponibbli (BREFs), imfassla fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 li tikkonċerna l-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis(7) (id-Direttiva IPPC) u sabiex tinkludi l-gwida rilevanti f'dawn id-dokumenti;
L-użu mill-ġdid
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri konkreti biex tippromwovi l-użu mill-ġdid u l-attivitajiet ta' tiswija:
-
it-twaqqif ta' akkreditament għaċ-ċentri ta' l-użu mill-ġdid;
-
l-introduzzjoni ta' rata tal-VAT imnaqqsa fuq prodotti mibjugħa minn ċentri akkreditati ta' l-użu mill-ġdid;
-
l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali biex jelabora l-istandards ta' l-użu mill-ġdid fil-livell ta' l-UE;
-
li jkun żgurat il-monitoraġġ u l-irrappurtar ta' l-attivitajiet ta' l-użu mill-ġdid;
Lejn soċjetà Ewropea li tirriċikla l-iskart
26. Jenfasizza l-importanza li jintlaħqu standards minimi komuni għall-irkupru u r-riċiklaġġ fil-livell ta' l-UE, u jisħaq li kundizzjonijiet ekwi jiġu stabbiliti biss meta l-użu ta' strumenti ekonomiċi jkun armonizzat madwar l-UE kollha;
27. Jenfasizza l-importanza li l-iskart ikun mifrud f'ras il-għajn, kif ukoll l-importanza ta' l-objettivi dwar ir-riċiklaġġ u r-responsabbiltà tal-produttur sabiex tiżdied ir-rata ta' riċiklaġġ ta' ċerti flussi ta' skart;
28. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal koperazzjoni aħjar ta' l-UE fl-immaniġġjar tal-problemi ta' l-iskart transkonfinali;
29. Jinnota li kwalunkwe approċċ ibbażat fuq il-materjal biex jagħti spinta lir-riċiklaġġ għandu jimxi id f'id ma' approċċ ibbażat fuq il-fluss ta' l-iskart; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga aktar il-fattibilta' u l-vijabilta' ekonomika ta' din l-istrateġija;
30. Għal darb'oħra jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi direttivi separati dwar l-iskart bijodegradabbli, l-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqiegħ tal-bini u l-ħama tad-dranaġġ, kif indikat fis-sitt EAP;
31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli fuq il-Green Paper dwar kwistjonijiet ambjentali tal-PVC (COM(2000)0469);
32. Jappella sabiex il-kwantitajiet ta' skart residwu għar-rimi jitnaqqsu kemm jista' jkun; jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni sabiex tipproponi reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar il-'landfills' ta' l-iskart(8), inkluża skeda ta' żmien, kif ġej:
–
mill-2010, projbizzjoni tar-rimi f''landfills' ta' skart mhux trattat minn qabel, li fih komponenti li jistgħu jiffermentaw;
–
mill-2015, projbizzjoni tar-rimi f''landfills' ta' karti, kartun, ħġieġ, tessuti, injam, plastik, metalli, lastku, sufra, fuħħar, konkrit, briks u madum;
–
mill-2020, projbizzjoni tar-rimi f''landfills' ta' l-iskart kollu riċiklabbli;
–
mill-2025, projbizzjoni tar-rimi f''landfills' ta' l-iskart residwu kollu, ħlief fejn dan ma jkunx possibbli jew ikun perikoluż (eżempju l-irmied tal-filtru);
33. Jikkunsidra li r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar it-trasport ta' tagħbijiet ta' skart(9) timplimenta l-obbligi legali li ħarġu mill-Konvenzjoni ta' Basel tan-NU(10) u d-Deċiżjonijiet ta' l-OECD(11); jappoġġja l-prevenzjoni tad-dumping ekoloġiku u ta' l-irkupru fittizju u jenfasizza li wieħed mill-objettivi tar-regolamentazzjoni tal-vjeġġi ta' l-iskart huwa li jiżdied l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' l-iskart, li jiggarantixxi livell għoli ta' ħarsien ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem;
34. Jenfasizza d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw il-prinċipju tal-qrubija u ta' l-awto-suffiċjenza fejn jidħol l-irkupru jew ir-rimi ta' skart muniċipali mħallat sabiex jinkuraġġixxu l-ippjanar nazzjonali ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart u tal-kapaċità ta' l-inċinerazzjoni ta' l-iskart;
o o o
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
Konvenzjoni ta' Basel tat-22 ta' Marzu 1989 dwar il-kontroll ta' movimenti transkonfinali ta' skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1).
Deċiżjoni C(92)39/Final tal-Kunsill ta' l-OECD ta' l-14 ta' Ġunju 2001 dwar il-kontroll ta' movimenti transkonfinali ta' skart għal operazzjonijiet ta' rkupru.