Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irwol tan-nisa fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika fit-Turkija (2006/2214(INI))
Il-Parlament Ewropew
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta" Novembru 2006 intitolat "Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006-2007" (COM(2006)0649), u speċjalment ir-rapport ta" progress dwar it-Turkija li huwa inkluż fih,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2005 intitolata "dokument ta" strateġija għat-tkabbir 2005" (COM(2005)0561),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta" Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta" Lulju 2005 dwar l-irwol tan-nisa fit-Turkija fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika(2),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta" Diċembru 2004 biex jinfetħu n-negozjati mat-Turkija dwar l-adeżjoni ma" l-Unjoni Ewropea tat-3 ta" Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra l-acquis tal-Komunità fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rec(2003)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta" l-Ewropa tat-12 ta' Marzu 2003 lill-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta" deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta" l-ILO dwar ix-Xogħol Domestiku Nru 177 ta" l-1996,
– wara li kkunsidra r-rapport "In-Nisa u l-Impjiegi" tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, magħmul f'Kayseri (Turkija) fl-14 ta" Lulju 2006,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Parlamentari Torka dwar il-qtil skond l-użanza u għall-unur u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ta" l-10 ta" Novembru 2005 dwar r-regolamenti tat-Turkija rigward l-użu tal-maktur tar-ras Iżlamiku f'istituzzjonijiet ta" edukazzjoni għolja(3),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjoni Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal" forom kollha ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) ta'l-1979 u l-Protokoll Mhux Obbligatorju tagħha ta' l-1999, li jiffurmaw parti mid-dritt internazzjonali u li t-Turkija ilha parti minnhom mill-1985 u l-2002 rispettivament, u wara li kkunsidra l-Artikolu 90 tal-Kostituzzjoni Torka li tistqarr li d-dritt internazzjonali għandu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali Tork,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0003/2007),
A. billi l-adozzjoni ta" l-acquis Komunitarju hija obbligatorja għal kandidati għal adeżjoni ma" l-UE u billi d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma parti mill-acquis Komunitarju,
B. billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni, inkluż fid-dokument ta" strateġija għat-tkabbir 2005 tad-9 ta" Novembru 2005 msemmi hawn fuq jidentifika, rigward is-sitwazzjoni tan-nisa, l-oqsma li ġejjin li l-iktar joħolqu tħassib, inter alia: il-vjolenza kontra n-nisa, b'mod partikulari l-vjolenza domestika u reati f'isem l-unur, rata għolja ta" illitteriżmu, livell baxx ta" parteċipazzjoni min-nisa fil-parlament kif ukoll f'korpi rappreżentattivi lokali, u l-livell baxx tal-parteċipazzjoni tan-nisa u d-diskriminazzjoni prevalenti fis-suq tax-xogħol, ladarba l-indipendenza ekonomika hija essenzjali għall-emanċipazzjoni tagħhom u għandha tkun ta" tħassib partikulari għat-Turkija,
C. billi l-Kummissjoni kkonkludiet, fir-rapport ta" progress tagħha ta" l-2006 dwar it-Turkija, li l-qafas legali rigward id-drittijiet tan-nisa huwa sodisfaċenti b'mod ġenerali, iżda li l-implimentazzjoni tiegħu tibqa" sfida,
1. Jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, iklużi d-drittijet tan-nisa, huwa conditio sine qua non tas-sħubija fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-kwistjoni tad-drittijiet tan-nisa fiċ-ċentru tan-negozjati mat-Turkija;
2. Jilqa" b'sodisfazzjoni il-fatt li l-fażi attiva tan-negozjati ta" adeżjoni bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea bdiet; juri dispjaċir, iżda, għat-tnaqqis fil-pass tal-proċess tar-riforma fit-Turkija matul l-aħħar sena u għall-problemi persistenti bid-drittijiet tan-nisa;
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u koordinazzjoni
3. Jinnota li b'mod ġenerali l-qafas legali dwar id-drittijiet tan-nisa kien sodisfaċenti iżda jikkunsidra li l-implimentazzjoni tiegħu tibqa" difettuża; għalhekk, itenni s-sejħa tiegħu għal implimentazzjoni sħiħa u effettiva ta" l-acquis Komunitarju fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa, partikolarment fir-reġjuni l-iktar fqar tal-pajjiż;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern Tork sabiex iħaffef l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar id-drittijijet tan-nisa sabiex u jiżgura li hija assolutament konformi mal-ħtiġijiet ta" l-acquis Komunitarju u li hija implimentata b'mod effettiv fil-prattika;
5. Jinnota li l-Kodiċi Kriminali Tork l-ġdid, li daħal fis-seħħ f'Ġunju 2005, isaħħaħ b'mod sostanzjali d-drittijiet bażiċi tan-nisa, iżda li d-direttivi Ewropej dwar l-ugwaljanza ta" l-irġiel u n-nisa għadhom ma ġewx trasposti kompletament; jinnota bi tħassib l-attentati (bla suċċess) biex tkun revokata l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa;
6. Jiddeplora l-fatt li, f'partijiet tat-Turkija tax-Xlokk, il-bniet m'humiex irreġistrati mat-twelid, u li dan ifixkel il-ġlieda kontra ż-żwieġ sfurzat u reati f'isem l-unur, minħabba li l-vittmi m'għandhom l-ebda identità uffiċjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex ikomplu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tfal Torok kollha jkunu rreġistrati mat-twelid;
7. Jenfasizza li l-Gvern Tork għandu jżomm u jistabbilixxi, fejn meħtieġ, ir-reġistrazzjoni legali tiegħu madwar il-pajjiż kollu taż-żwiġijiet sabiex jiggarantixxi d-dritt sħiħ ta" kull raġel u mara għall-benefiċċji taċ-ċittadinanza, bħal aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa kif ukoll aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol;
8. Jilqa" l-ħolqien fit-Turkija ta" Bord Konsultattiv dwar l-Istatus tan-Nisa ("il-Bord") li se jagħti pariri dwar l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta" politiki ta" l-Istat relatati mad-drittijiet tan-nisa;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu inklużi l-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti ta" entitajiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jittrattaw kwistjonijiet ta" ugwaljanza bejn is-sessi u r-rappreżentanti ta" trade unions fi ħdan il-Bord, li mhux il-każ bħalissa, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati sabiex jużaw il-Bord b'mod effettiv sabiex jaslu għal koordinazzjoni effiċjenti bejn dawk interessati;
Soċjetà Ċivili
10. Jinnota t-tħassib kontinwu tiegħu fir-rigward tal-koperazzjoni bejn NGOs u l-Gvern Tork;
11. Jitlob li l-NGOs kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet ħielsa u awtonomi tan-nisa, ikunu ttrattati bl-istess mod;
12. Jikkunsidra li l-laqgħa tal-Ministru ta" l-Istat tat-Turkija Responsabbli mid-Drittijiet tan-Nisa mar-rappreżentanti ta" 55 organizzazzjoni tan-nisa fit-Turkija, flimkien mad-deċiżjoni li jiġu stabbiliti koperazzjoni iktar strutturata u koordinazzjoni iktar effettiva bejn il-ministeru u l-NGOs, huma prattiki tajba li għandhom ikunu ripetuti regolarment; jistenna li jara din ir-rieda politika tissarraf fil-prattika fil-futur fil-forma ta" inizjattivi u miżuri speċifiċi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tork sabiex jagħrfu l-irwol ta" l-NGOs għad-drittijiet tan-nisa bħala msieħba fundamentali u essenzjali permezz ta" strutturi u istituzzjonijiet uffiċjali u permanenti u biex jinvolvu lill-NGOs fil-proċess tan-negozjati ta" adeżjoni ma'l-UE b'mod strutturat fuq il-bażi tal-proċeduri stipulati;
14. Jistieden lill-Gvern Torok biex iniedi kampanja fuq skala kbira biex iwasslu lis-soċjetà kollha l-istampa tan-nisa bħala parteċipanti li jmexxu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
15. Jirrikonoxxi t-tħassib li qed jiżdied ta' l-NGOs għad-drittijiet tan-nisa dwar il-problemi li jistgħu jiffaċċjaw l-NGOs għad-drittijiet tan-nisa matul il-proċeduri estensivi biex jinkisbu għotjiet mill-UE u waqt li jkunu qed iwettqu l-proġetti li akkwistaw għajnuna finanzjarja għalihom; jinnota li ħafna NGOs għad-drittijiet tan-nisa joqogħdu lura milli japplikaw u, minħabba f'hekk, ma jirnexxilhomx jibbenefikaw minn riżors ta' importanza kruċjali;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna addizzjonali, inter alia billi tibni l-kapaċità ta" ċentri oħra ta" għajnuna;
Data, benchmarks u miri
18. Jinnota li għad hemm nuqqas ta" data preċiża dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fit-Turkija u li d-data eżistenti għadha ma tkoprix il-problemi kollha relatati mas-sitwazzjoni, l-irwol u d-drittijiet tan-nisa;
19. Jilqa' b'sodisfazzjoni, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva mnedija fil-bidu ta' l-2007 mill-Istitut Statali għall-Istatistiċi tat-Turkija biex jiġu pprovduti 'statistiċi dwar is-sessi' relatati mal-ħajja soċjali, kulturali u ekonomika, inkluża d-dejta dwar id-differenza fil-paga ta" bejn is-sessi;
20. Jilqa" b-sodisfazzjon il-proġett konġunt UE-Turkija intitolat "Il-promozzjoni ta" l-ugwaljanza bejn is-sessi", li l-objettiv tiegħu huwa li tissaħħaħ il-kapaċità ta" dawk interessati sabiex iħarsu lin-nisa mill-vjolenza domestika, u jilqa" b'sodisfazzjon, bħala parti mill-proġett, l-inizjattiva intitolata "Riċerka nazzjonali dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-vjolenza kontra n-nisa", li hija mfassla biex tinħoloq bażi ta" data dwar il-vjolenza kontra n-nisa;
21. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex jipprovdi data speċifika u affidabbli dwar ir-rata ta" illitteriżmu fost in-nisa, dwar l-aċċess indaqs għan-nisa għall-edukazzjoni, dwar problemi relatati mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, dwar il-vjolenza kontra n-nisa u dwar il-qtil għall-unur u ż-żwiġijiet sfurzati;
22. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fir-rapporti tagħha lill-Kunsill Ewropew dwar il-pass tar-riformi, tressaq linji gwida ċari u miri preċiżi għall-futur qarib, għal perjodu medju ta" żmien u għall-futur imbiegħed dwar id-drittijet tan-nisa;
23. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex jiżgura li n-nisa kollha, tkun xi tkun il-lingwa, ir-razza, l-etniċità, il-kulur, l-opinjoni politika, it-twemmin u r-reliġjon tagħhom, ikunu involuti wkoll fil-programmi dwar id-drittijiet tan-nisa;
24. Huwa allarmat bl-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-Liġi dwar il-ħarsien tal-familja hija applikata b'mod parzjali biss, u jistieden lill-awtoritajiet Torok biex minnufih jimplimentawha b'mod korrett u effettiv, peress li din se tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-pożizzjoni u d-drittijiet tan-nisa fi ħdan il-familja;
Vjolenza kontra n-nisa
25. Jinnota li l-vjolenza kontra n-nisa għadha problema u jikkundanna l-każijiet ta" vjolenza kontra n-nisa, inklużi r-reati għall-unur, il-vjolenza domestika, iż-żwiġijiet sfurzati u l-poligamija;
26. Jieħu nota tar-rimarka tal-Kummissjoni li, minkejja d-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Penali l-ġdid li jelenka "l-qtil għall-unur" bħala ċirkustanza aggravanti għar-reat ta" qtil, is-sentenzi mogħtija mill-qrati, kif tindika l-Kummissjoni, jirriflettu stampa mħallta; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex japplikaw u jinterpretaw b'mod korrett u effettiv id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Penali sabiex ikun evitat dan it-tip ta" reat u biex jiggarantixu li reati kontra n-nisa ma jkunu jistgħu titnaqqsilhom ebda sentenza jew ċirkostanza attenwanti.
27. Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li s-suwiċidji mwettqa min-nisa minħabba l-influwenza tal-familja qed ikomplu jseħħu, speċjalment fir-reġjuni tal-Lvant u tax-Xlokk; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok sabiex jipproteġu lin-nisa minn pressjoni bħal din magħmula fuqhom mill-familji tagħhom u biex jissottomettu data speċifika u affidabbli dwar is-suwiċidju fost in-nisa, partikolarment f'dawk ir-reġjuni;
28. Jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi (il-ġudikatura, l-amministrazzjoni, il-pulizija, is-sistema tas-saħħa, etc.) biex jiżguraw li n-nisa affettwati mill-vjolenza fit-Turkija jirċievu l-protezzjoni kollha meħtieġa;
29. Jisħaq li, f'każijiet fejn kien hemm nuqqas ta" protezzjoni u għajnuna għall-vittmi, għandha tinfetaħ investigazzjoni ġudizzjarja permezz ta" l-istituzzjonijiet pubbliċi u għandhom isiru sforzi biex jittieħdu miżuri dixxiplinarji kontra dawk responsabbli;
30. Jilqa" b'sodisfazzjon iċ-ċirkulari uffiċjali maħruġa mill-Prim Ministru wara rapport tal-Kummissjoni Parlamentari Torka dwar ir-reati ta" użanza u għall-unur u l-vjolenza kontra n-nisa, fejn jagħti istruzzjonijiet lill-ministeri, lill-istituzzjonijiet pubbliċi u lill-amministraturi lokali kollha sabiex jinfurzaw soluzzjonijiet proposti biex jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa; jistieden lill-Gvern Tork biex jifformula istruzzjonijiet li jorbtu u prattiċi għall-implimentazzjoni ta" dik iċ-ċirkulari uffiċjali, biex jipprovdi baġit suffiċjenti biex jittieħdu l-miżuri neċessarji u biex jiċċara l-konsegwenzi ta" nuqqas ta" konformità;
31. Jilqa' ċ-ċirkulari uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern Tork tad-9 ta' Jannar 2007 li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni għall-koordinazzjoni ta' politiki għall-prevenzjoni ta' reati ta" użanza u għall-unur, li titlob implimentazzjoni soda tal-liġi dwar it-twaqqif ta' refuġju fil-muniċipalitajiet kollha b'iktar minn 50,000 abitant, għat-twaqqif ta' kumitati speċjali f'kull belt sabiex jiġu koordinati l-isforzi biex jiġu mgħejjuna l-vittmi ta' reati għall-unur u ta" użanza u biex jittieħdu miżuri biex jiġi pprovdut appoġġ psikoloġiku u finanzjarju u protezzjoni lill-vittmi;
32. Jilqa" b'sodisfazzjoni l-inizjattiva maħsuba sabiex is-suldati fis-servizz militari jingħataw tagħlim dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u sabiex fil-kurrikulu ta" l-iskejjel tal-pulizija jkunu inklużi kwistjonijiet bħad-drittijiet tan-nisa bħala parti mid-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-vjolenza kontra n-nisa u r-reati għall-unur;
33. Jistieden lill-Gvern Tork u lill-Kummissjoni sabiex jittrattaw il-vjolenza b'mod ġenerali u r-reati għall-unur b'mod partikulari bħala prijorità u sabiex joħolqu refuġji speċjali ta" sigurtà għolja, inkluż fir-reġjuni tat-Turkija tax-Xlokk, sabiex in-nisa jkollhom refuġji fil-viċinanzi tagħhom stess; Jitlob li jkun hemm miżuri ta" appoġġ u għajnuna għaċ-ċentri indipendenti ta" pariri għan-nisa fit-Turkija tax-Xlokk, pereżempju l-KA-MER, li tħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku li jiffoka fuq in-nisa f'reġjuni fejn in-nisa huma vulnerabbli għall-vjolenza; jenfasizza l-importanza ta" investigazzjoni sistematika u kastig effettiv u għalhekk it-taħriġ ta" l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji fi kwistjonijiet ta" ugwaljanza bejn is-sessi u fil-ġlieda kontra l-vjolenza; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jingħataw istruzzjonijiet lill-imħallfin sabiex japplikaw liġijiet ġodda biex jikkastigaw b'mod sever il-vjolenza b'mod ġenerali u r-reati għall-unur, iż-żwiġijiet sfurzati u l-poligamija b'mod partikulari, u għall-importanza tal-protezzjoni tax-xhieda; iħeġġeġ lill-Gvern Tork sabiex jikkonkludi ftehim speċjali mal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni fil-programm sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f'riskju (il-Programm Daphne) u sabiex ikunu allokati r-riżorsi finanzjarji meħtieġa fil-baġit nazzjonali għal dan il-għan;
34. Jirrimarka li n-nisa jridu jingħataw mhux biss protezzjoni imma fuq kollox kura psikoloġika u pariri; jitlob li tali servizzi jingħataw fir-refuġji tan-nisa u fil-post f'reġjuni b'rati għolja ta" suwiċidju fost in-nisa u ta" vjolenza kontra n-nisa;
35. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex jibni alleanzi mal-gruppi kollha – ċivili, soċjali jew reliġjużi – fis-soċjetà biex jibdew kampanji, immirati b'mod partikulari lejn iż-żgħażagħ, biex jinfirex l-għarfien li l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tkun iġġenerata stmerrija għal kull forma ta" vjolenza;
Refuġji
36. Jinnota li r-refuġji fit-Turkija għan-nisa li kienu vittmi ta" vjolenza, li huma rrappurtati li jistgħu jilqgħu 469 mara u li s'issa pprovdew servizzi għal 5 512-il mara(4), ma jissodisfawx il-bżonnijiet ta" popolazzjoni ta" madwar 70 miljun, filwaqt li anki l-possibilitajiet modesti skond il-liġi fis-seħħ, jiġifieri refuġju fil-muniċipalitajiet kollha b'iktar minn 50 000 abitant, mhux qed jintużaw b'mod suffiċjenti;
37. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex jiżgura l-effiċjenza, is-sigurtà u d-disponibilità ta" numru suffiċjenti ta" refuġji għall-bżonnijiet tan-nisa;
38. Jilqa" b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-linja telefonika ta" għajnuna "183: Servizzi Soċjali għall-Familji, in-Nisa, it-Tfal u l-Persuni b'Diżabilità" biex tkun irrappurtata l-vjolenza u jilqa" b'sodisfazzjon ukoll il-ħolqien ta" linja għall-għajnuna urġenti mal-pajjiż kollu, il-157, għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jemmen li dawn il-linji ta" għajnuna jistgħu jservu ta" eżempju tajjeb għall-UE;
39. Għal darba oħra jistieden lit-Turkija sabiex tirratifika l-Protokoll Addizzjonali Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
40. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex iwettaq titjib strutturali u titjib relatat mal-ħaddiema fir-refuġji tan-nisa u sabiex jelimina n-nuqqasijiet li wasslu għal ilmenti;
41. Jinkoraġġixxi lill-Gvern Tork sabiex jagħmel iktar biex jippromwovi l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta" l-Istat/l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet indipendenti tan-nisa; iħeġġu wkoll biex jipprovdi appoġġ finanzjarju għal refuġji indipendenti u awtonomi tan-nisa;
Parteċipazzjoni Politika
42. Jinnota li l-parteċipazzjoni politika tan-nisa fit-Turkija hija baxxa wisq; jenfasizza l-fatt li d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tista" kultant tiġi rrimedjata l-aħjar permezz ta" miżuri temporanji ta" diskriminazzjoni pożittiva, kif permess mis-CEDAW, fost oħrajn, u li hemm ħtieġa assoluta għal persuni femminili li jservu bħala mudell f'pożizzjonijiet ta" setgħa u ta" teħid ta" deċiżjonijiet;
43. Jissuġġerixxi l-proposta ta" miżuri li jiżguraw rappreżentanza xierqa tan-nisa f'listi elettorali bħala l-aħjar mod biex titjieb il-parteċipazzjoni femminili fil-politika tat-Turkija fil-futur qarib;
44. Jistieden lill-partiti politiċi Torok sabiex jadottaw regoli interni li jiggarantixxu l-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tal-korpi ta'ġestjoni tagħhom ;
45. Iħeġġeġ lill-partiti politiċi fit-Turkija sabiex jinkludu, sa mill-elezzjoni li ġejja fl-2007, iktar kandidati femminili fil-listi elettorali, sabiex jagħtu rwol xieraq lin-nisa fil-ġerarkija tal-partit u sabiex iqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni femminili fil-politika;
46. Jiddispjaċih ħafna li kumitat permanenti għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi għadu ma ġiex stabbilit fi ħdan il-Parlament Tork; jenfasizza li l-wegħdiet magħmula mill-Gvern Tork u minn xi partiti politiċi fil-programmi tal-partit tagħhom għandhom jinżammu u jenfasizza li l-kumitat għandu jiġi stabbilit mill-aktar fis possibbli;
47. Huwa mħasseb bil-kumment tal-Kummissjoni li n-nisa għadhom vulnerabbli għall-prattiki diskriminatorji, minħabba fost oħrajn, nuqqas ta" edukazzjoni u rata ta" illitteriżmu fil-pajjiż, u jistieden lill-Gvern Tork sabiex jiżgura ugwaljanza bejn is-sessi fl-aċċess għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, speċjalment fir-reġjuni tax-Xlokk; jitlob li jittieħdu miżuri, f'dan ir-rigward, fis-settur edukattiv sabiex l-istaff ta" l-għalliema jingħataw tħejjija biex isiru kompetenti fi kwistjonijiet tas-sessi u sabiex tinżamm sistema ta" inċentivi biex il-bniet jibqgħu l-iskola; jitlob ukoll li t-tfal ta" l-iskola, bniet u subien, isiru konxji tad-drittijiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa u tad-drittijijiet tan-nisa għall-awto-determinazzjoni, inkluż permezz ta" manwali edukattivi sensittivi fir-rigward tal-ġeneru;
Edukazzjoni
48. Jinnota li, skond l-istimi ta" l-UNICEF, kull sena bejn 600 000 u 800 000 tifla li tkun laħqet l-età obbligatorja biex tattendi l-iskola jew ma jitħallewx jagħmlu dan mill-familji tagħhom jew ma jattendux l-iskola minħabba diffikultajiet loġistiċi;
49. Jilqa" b'sodisfazzjon il-kampanja ta" edukazzjoni tal-bniet intitolata "Ejja ħa mmorru l-iskola, bniet", li rriżultat fir-reġistrazzjoni ta" 222 800 tifla fl-iskola; jilqa" wkoll b'sodisfazzjon il-"Kampanja biex tappoġġja l-Edukazzjoni Nazzjonali" li laħqet kważi 5 miljun adult f'erba" snin, li l-biċċa l-kbira minnhom huma nisa minn inħawi rurali u bniet li ma setgħux jattendu l-iskola;
50. Jenfasizza l-importanza ta" l-edukazzjoni u l-kontribut potenzjali tagħha għall-indipendenza ekonomika tan-nisa; jistieden lill-awtoritajiet Torok sabiex joħolqu sistema ta" monitoraġġ biex iżommu lill-bniet fis-sistema edukattiva; jenfasizza l-importanza tan-nisa fl-iskejjel li jkollhom aktar aċċess għal kulleġġi u universitajiet u involviment akbar f'dixxipplini bħal psikoloġija, biex jippreparawhom u jedukawhom sabiex ikunu kapaċi jassistu vittmi oħra nisa ta" abbuż.
Parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol
51. Jinnota li r-rata ta" parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha partikolarment baxxa, inqas minn 25%, u hija baxxa ħafna meta mqabbla mar-rata medja ta" impjiegi tan-nisa fl-UE-25 ta" 55%, u li r-rata ta" l-impjiegi femminili niżlet għal madwar 20%, b'kuntrast għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur informali, li ħafna drabi hija r-riżultat ta" taħlita tal-livell baxx ta" edukazzjoni ta" ħafna nisa, tan-nuqqas ta" sistema istituzzjonalizzata, mifruxa, aċċessibbli u bi prezz li jista" jintlaħaq ta" faċilitajiet ta" kura għat-tfal, għall-qraba anzjani u b'diżabilità u tat-tqassim tax-xogħol skond is-sess fis-soċjetà;
52. Jenfasizza r-rimarka tal-Kummissjoni, rigward opportunitajiet indaqs, li jeħtieġ li jkun hemm allinjament fir-rigward ta" l-acquis Komunitarju, b'mod partikulari dwar il-leave tal-ġenituri, il-paga ndaqs, l-aċċess ugwali għall-impjiegi u s-sigurtà soċjali statutorja u tax-xogħol;
53. Jilqa" b'sodisfazzjoni, f'dan il-kuntest, proġetti bħal m'huma l-proġett konġunt bejn l-Olanda u t-Turkija ntitolat "It-Tisħiħ ta" l-Ugwaljanza fl-Impjiegi" u l-proġett li se jsir, intitolat "Appoġġ għall-Intraprenditorija tan-Nisa", u l-koperazzjoni bejn il-bank Garanti u l-KAGIDER (Assoċjazzjoni ta" l-Intraprendituri Femminili) rigward faċilitajiet ta" kreditu sa USD 30 000 u taħriġ b'xejn ipprovdut għall-intraprendituri nisa;
54. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex jistabbilixxi entità jew entitajiet għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta" trattament ugwali fis-suq tax-xogħol, inkluż it-taħriġ vokazzjonali skond it-tifsira ta" l-Artikolu 8a tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta" trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa rigward l-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, u l-kondizzjonijiet tax-xogħol(5);
55. Jistieden lill-imsieħba soċjali u lill-Gvern Tork sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw it-tranżizzjoni ta" l-ekonomija informali għall-ekonomija formali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel l-appoġġ għal dan l-isforz wieħed mill-prijoritajiet tagħha;
56. Jitlob lill-Gvern Tork sabiex jipprovdi data preċiża dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, inkluż l-aċċess ta" nisa li jilbsu l-maktur tar-ras, għas-suq tax-xogħol, sabiex ikun stabbilit jekk hemmx riskju ta" diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess;
57. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex itejjeb is-sitwazzjoni tal-ħaddiema domestiċi, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma nisa; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lit-Turkija sabiex tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni Nru 177 ta" l-ILO dwar ix-Xogħol Domestiku mesmmija hawn fuq u sabiex testendi l-kamp ta" applikazzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol tat-Turkija biex ikunu koperti l-ħaddiema domestiċi;
58. Jistieden għal darba oħra lill-Gvern Tork sabiex ifassal u jimplimenta pjanijiet ta" azzjoni nazzjonali dwar in-nisa u l-impjiegi b'perjodu ta" żmien limitat u għanijiet konkreti, kif inhi l-prattika bħalissa fl-Istati Membri ta" l-UE;
59. Jistieden lill-Ministeru Tork għall-Impjiegi u lill-imsieħba soċjali sabiex jinkludu kwistjonijiet ta" ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tagħhom u fil-ftehimiet kollettivi tax-xogħol, u jistieden lit-trade unions Torok sabiex jorganizzaw l-impjiegi fis-settur informali u sabiex iħarrġu rappreżentanti tal-union dwar kwistjonijiet ta" ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa" b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward l-inizjattivi tal-konfederazzjoni tat-trade unions Türk-IS;
60. Jisħaq fuq l-irwol importanti ta" l-imsieħba soċjali li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika; jinkuraġġixxi lill-imsieħba soċjali sabiex jagħmlu iktar sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'entitajiet involuti f'djalogu soċjali;
61. Jiddeċiedi li jevalwa, fuq bażi regolari, il-progress fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fit-Turkija minbarra r-rapport annwali ta" progress tal-Kummissjoni u flimkien miegħu, u li jkejjel il-progress tat-Turkija fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa skond il-benchmarks stabbiliti fir-rapport ta" progress;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta" l-Ewropa, lir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza kontra n-nisa , lid-Direttur Ġenerali ta" l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.