Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2503(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0042/2007

Testi mressqa :

B6-0042/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2007 - 5.8
CRE 14/02/2007 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0039

Testi adottati
PDF 319kWORD 79k
L-Erbgħa, 14 ta' Frar 2007 - Strasburgu
PNR-SWIFT
P6_TA(2007)0039B6-0042/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-SWIFT, il-ftehima dwar il-PNR u d-djalogu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni waqt id-dibattitu tal-31 ta' Jannar 2007 li sar mill-Parlament, wara l-mistoqsija orali dwar is-SWIFT kif ukoll in-negozjati għal ftehima ġdida bejn l-Istati Uniti u l-KE dwar ir-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR);

–   wara li kkunsidra l-ittra tat-tweġiba tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) tat-30 ta" Jannar 2007 għall-mistoqsija dwar jekk l-ECB kienx naqas milli jinforma lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data relevanti u lill-banek ċentrali, u għalhekk lill-banek nazzjonali, dwar il-prattika ta' l-Istati Uniti li jkollha aċċess għal data marbuta ma' tranżazzjonijiet finanzjarji ġġenerati mis-SWIFT, kif ukoll biex tuża s-setgħa tagħha ta" persważjoni morali lil SWIFT f'din il-kwistjoni,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali kif previst fl-Artikolu 29 tad-Direttiva dwar il-Ħarsien ta' Data(1) (il-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29) rigward il-ftehima PNR futura u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) rigward l-irwol ta' l-ECB fil-każ tas-SWIFT,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-qsim tad-data u ta' l-informazzjoni hija għodda prezzjuża fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-kriminalità marbuta miegħu;

B.   billi n-negozji li għandhom operazzjonijiet fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku isibu rwieħhom, dejjem aktar sikwit, maqbuda bejn rekwiżiti legali konfliġġenti tal-ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati Uniti u tal-KE;

C.   billi l-qsim tad-data personali għandu jsir fuq bażi legali xierqa marbuta ma' regoli u kundizzjonijiet ċari, u għandu jkun kopert minn protezzjoni adegwata tal-privatezza u tal-libertajiet ċivili taċ-ċittadini individwali,

D.   billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità għandu jkollha leġittimità demokratika xierqa, jiġifieri li l-programmi tal-qsim tad-data għandhom ikunu dejjem suġġetti għal skrutinju parlamentari u reviżjoni ġudizzjarja;

Ġenerali

1.  Jisħaq li matul l-aħħar snin, bosta ftehim li oriġinaw mir-rekwiżiti ta' l-Istati Uniti u li ġew adottati mingħajr l-ebda involviment tal-Parlament, b'mod partikulari dawk il-ftehim dwar il-ftehima dwar il-PNR, u l-memorandum SWIFT u l-eżistenza tas-Sistema Awtomatizzata ta' Identifikazzjoni ta' l-Istati Uniti (ATS), wasslu għal sitwazzjoni ta' inċertezza legali rigward il-garanziji ta' protezzjoni ta' data meħtieġa għall-qsim u t-trasferiment ta' data bejn l-UE u l-Istati Uniti għal skopijiet ta' sigurtà pubblika u, b'mod partikulari, għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

2.  Jafferma mill-ġdid li s-soluzzjonijiet maħsuba sa issa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni kif ukoll minn kumpaniji privati ma jħarsux b'mod adegwat id-data personali taċ-ċittadini ta' l-UE (kif ġie innutat ukoll fl-ittra mis-Sur Schaar, President tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 rigward il-ftehima ġdida proviżorja dwar il-PNR), u li dan jista' jikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni kemm tal-Komunità kif ukoll dik nazzjonali, bħal fil-każ tas-SWIFT (ara l-Opinjoni 10/2006 tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 tat-22 ta' Novembru 2006 u ta' l-opinjoni ta' l-EDPS ta' l-1 ta' Frar 2007);

3.  Jinnota l-fatt li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu l-Kungress ta' l-Istati Uniti ilu xi żmien jitlob lill-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biex tadotta miżuri aktar immirati li jiggarantixxu aktar il-privatezza u li huma suġġetti għall-kontroll parlamentari u ġudizzjarju (kif ġie mitlub meta l-Kungress ġie mgħarraf dwar l-eżistenza tal-programm dwar l-interċettar tal-konverżazzjonijiet bit-telefown ta' l-Aġenzija Nazzjonali għas-Sigurta' (NSA));

4.  Jikkonferma r-riżervi tiegħu, li dan l-aħħar kienu wkoll dawk tal-Kungress, rigward il-metodu ta' l-analiżi u l-estrapolazzjoni tad-data, li jikkonsisti fl-akkumulazzjoni, b'mod mhux diskriminatorju, ta' volumi ta' data personali dejjem akbar, bħal fil-każ ta' l-ATS użata mill-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti;

5.  Jilqa' l-fatt li l-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti reċentament ħadet nota ta' dawn ir-riżervi u li se tipprova ttejjeb is-sitwazzjoni permezz tal-passi li ġejjin:

   a) l-istabbiliment ta' uffiċjali tal-privatezza u/jew ta' aġenzija indipendenti għall-privatezza fi ħdan l-amministrazzjoni federali, bil-għan li jagħmlu evalwazzjonijiet rigward l-aspett tal-privatezza ta' l-inizjattivi kollha li potenzjalment jistgħu jaffettwaw il-privatezza;
   b) it-twaqqif ta' mekkaniżmu li jiggarantixxi d-dritt ta' appell liċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti f'każ ta' użu mhux korrett tad-data tagħhom;

6.  Jemmen, madankollu, li dan it-titjib mhuwiex biżżejjed fir-rigward il-protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini ta' l-UE u li jkun milquh li kieku l-Att dwar il-Privatezza ta' l-1974 ikun jista' japplika wkoll għaċ-ċittadini ta' l-UE fuq bażi ta' reċiproċità, sabiex huma jkollhom aċċess għad-data tagħhom, bi dritt ta' ratifika u modifika, kif ukoll ikollhom aċċess għal mekkaniżmu ta' rikors legali jew għal awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data;

7.  Itenni t-twemmin tiegħu li dan it-tip ta' garanziji ta' protezzjoni tad-data jistgħu jiffaċilitaw il-qsim tad-data filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-privatezza, u li fi kwalunkwe każ dawn it-trasferimenti jeħtieġu li ikunu bbażati fuq ftehima jew ftehim internazzjonali bi struttura simili għal dik tal-ftehima bejn il-KE u l-Istati Uniti dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-estradizzjoni, li bħalissa qed tiġi eżaminata mill-Kungress;

8.  Jemmen li billi ftehim internazzjonali bħal dawn għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' l-UE kif ukoll ta' dawk ta' l-Istati Uniti, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom ikunu involuti b'mod sħiħ, kif ukoll għandu jkun il-Kungress;

9.  Jenfasizza li fi kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data, il-ftehim għandhom jisħqu sabiex jiksbu livell għoli ta' protezzjoni rigward ir-riskji ta' l-abbuż, u għandhom jiġu supplimentati bi prinċipji li jorbtu fuq livell ta' l-UE rigward il-protezzjoni tad-data għal finijiet ta' sigurtà (it-tielet pilastru);

10.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li tiġi adottata Deċiżjoni Kwadru dwar il-ħarsien ta' data personali fit-tielet pilastru; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-pożizzjoni li adotta b'mod unanimu fis-27 ta' Settembru 2006(2), huwa sejjaħ sabiex tali deċiżjoni ikollha kamp ta' applikazzjoni komprensiv u ambizzjuż li jipprovdi għal regoli dwar il-protezzjoni tad-data li jkopru l-iskambju ta' data personali ma' pajjiżi terzi;

11.  Jemmen li hemm il-ħtieġa li wieħed jiddefinixxi, flimkien ma' l-Istati Uniti, qafas konġunt biex jissalvagwardja l-garanziji meħtieġa fis-sħubija speċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jista' wkoll ikollu x'jaqsam ma' l-aspetti kollha marbuta mal-moviment ħieles ta' persuni bejn l-UE u l-Istati Uniti;

12.  Jistenna li din l-istrateġija ta' sħubija transatlantika tiġi diskussa fil-laqgħa għolja li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti fit-30 ta' April 2007 u jqis li, f'din il-perspettiva, il-kuntatti bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress għandhom jissaħħu; jitlob li:

   a) rapporteurs mill-Parlament Ewropew għandhom jitħallew jattendu smigħ fil-Kungress dwar temi li huma ta' interess reċiproku (il-ftehima bejn il-KE u l-Istati Uniti dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u fl-estradizzjoni, ATS, SWIFT);
   b) il-presidenti tal-kumitati kompetenti tal-Kungress għandhom jiġu mistiedna bi tħejjija għad-djalogu transatlantiku li jmiss (Brussell-Berlin f'nofs April 2007) u fi kwalunkwe kaz qabel il-laqgħa għolja tar-rebbiegħa li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti;

Dwar in-negozjati tal-ftehima dwar il-PNR fuq żmien twil

13.  Jenfasizza li, minbarra l-punti li diġà ġew adottati mill-Parlament il-pożizzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006 hawn fuq imsemmija, ftehima futura dwar il-PNR fuq żmien twil għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

   a) tfassil tal-politika bbażata fuq l-evidenza: għandha titwettaq evalwazzjoni bir-reqqa qabel ma tiġi konkluża ftehima ġdida; għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' l-effetività tal-ftehima attwali (u ta' dik ta' qabilha), kif ukoll il-kwistjoni ta' l-ispejjeż u l-kompetittività tal-kumpaniji ta' l-ajru Ewropej; l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-implimentazzjoni ta' l-impenji meħuda u l-kwistjoni tad-data tal-PNR fl-ATS;
   b) it-trasferimenti tal-PNR għandhom ikunu bbażati fuq prinċipju ċar ta' limitazzjoni ta' l-iskop;
   c) ġustifikazzjoni u proporzjonalità: jidher li, fil-prattika, għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi u ta' sigurtà, id-data tas-Sistema ta' Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġieri (APIS) huma aktar minn biżżejjed; din id-data hija diġà miġbura fl-Ewropa skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2299/89 ta' l-24 ta' Lulju 1989 dwar kodiċi ta' kondotta għal sistemi kompjuterizzati ta' prenotazzjoni(3), u għaldaqstant jista' jsir skambju ta' din id-data ma' l-Istati Uniti taħt sistema komparabbli; jidher li d-data dwar l-imġiba fil-PNR għandha użu limitat, minħabba li ma tistax tiġi identifikata jekk ma tkunx marbuta ma' l-APIS; għalhekk il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment ġenerali tad-data tal-PNR mhijiex sodisfaċenti;
   d) ftehima futura għandha tkun ibbażata fuq garanzija li tkun adegwata rigward il-protezzjoni tad-data personali; min-naħa ta' l-UE, jidher ċar il-ħtieġa urġenti ta' regoli għall-protezzjoni tad-data personali fit-tielet pilastru, kif ukoll standards globali li jkopru l-kategoriji kollha ta' data personali;
   e) għandha ssir evalwazzjoni regolari dwar kemm huwa adegwat u effettiv il-programm għall-protezzjoni tad-data, bl-involviment tal-Parlament Ewropew u, jekk hu possibbli, tal-Kungress; evalwazzjoni annwali għandha tifforma parti minn kull ftehima futura; ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jkun pubbliku u għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew;
   f) soluzzjonijiet alternattivi, bħall-Awtorizzazzjonijiet Elettroniċi għall-Ivvjaġġar fil-qafas ta' Programm għat-Tneħħija tal-Viża, minflok it-trasferiment tal-PNR mill-kumpaniji ta' l-ajru, għandu bl-istess mod ikun konformi ma' l-istandards għall-protezzjoni tad-data ta' l-UE;
   g) il-kundizzjonijiet attwalment stabbiliti fl-impenji Amerikani għandhom isiri parti integrali mill-ftehima u għandhom ikunu jorbtu legalment; ftehima futura għandu jkollha aktar leġittimità demokratika, b'involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u/jew ratifikazzjoni mill-parlamenti nazzjonali;
   h) f'kull każ, ftehima futura għandha tkun ibbażata fuq is-sistema PUSH, u s-sistema PULL m'għandhiex tibqa' tkun aċċettabbli billi l-PUSH suppost li diġà ġiet introdotta taħt il-ftehima ta' qabel, malli dan kien teknikament possibbli;
   i) il-passiġġieri għandhom ikunu infurmati dwar it-trasferiment tar-reġistri tal-PNR u għandu jkollhom aċċess għad-data tagħhom, inkluż id-dritt li jirrettifikawh u jimmodifikawh, u għandu jkollhom ukoll il-possibiltà ta' rikors legali għal proċedura legali jew quddiem awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data;
   (j) Jistenna li f'każ ta' theddida terroristika rikonoxxuta, l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-awtoritajiet ta' l-UE minnufih dwar dan is-sospett;

Dwar l-aċċess għad-data tas-SWIFT

14.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-SWIFT għal erba' snin, fuq il-bażi ta' notifika ta' taħrikiet, ittrasferixxa lill-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biċċa minn sett ta" data ttrattata fis-sistema ta" l-Istati Uniti, inkluża data li ma kellhiex x'taqsam ma' ċittadini ta' l-Istati Uniti u data li ma ġietx iġġenerata fuq it-territorju ta' l-Istati Uniti, minħabba deċiżjoni ta" SWIFT, ibbażata fuq raġunijiet kummerċjali u sistematiċi, sabiex ikun hemm duplikazzjoni sistematika tad-data għal fuq sistema ta' riflessjoni ta' informazzjoni bbażata fl-Istati Uniti, bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data;

15.  Iqis li huwa ta' nkwiet il-fatt li din is-sitwazzjoni, li hija ksur tal-Konvenzoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll tat-Trattati u tal-leġiżlazzjoni sekondarja (Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunita' u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data(4)), ma ġietx ikkritikata bil-qawwa fi stadju aktar bikri mill-ECB jew mill-Grupp ta' 10 Banek Ċentrali li jissorveljaw l-attivitajiet tas-SWIFT, u li huwa biss dan l-aħħar żmien li l-banek Ewropej u l-konsumaturi tagħhom ġew avżati dwar is-sitwazzjoni permezz ta' rapporti fl-istampa;

16.  Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li, bosta xhur wara li dawn il-kwistjonijiet ġew żvelati, il-Kunsill għadu ma ħax pożizzjoni dwar dan is-suġġett li jaffettwa għadd daqshekk kbir ta' ċittadini, konsumaturi u intrapriżi, u li sebgħa biss mis-27 Stat Membru wieġeb għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni biex tikseb kjarifika fir-rigward tar-rispett tal-liġijiet nazzjonali u tal-Komunità dwar il-protezzjoni tad-data;

17.  Jerġa' jsemmi t-tħassib tiegħu rigward is-sistema attwali ta" superviżjoni ta" SWIFT li r-responsabilità tiegħu hi f'idejn il-Grupp ta' 10 Banek Ċentrali, b'superviżjoni mill-ECB imma mingħajr kompetenza formali; jappella lill-Kunsill u lill-ECB biex flimkien jirriflettu dwar kif ser titjieb is-sistema sabiex ikun żgurat funzjonament kif suppost tal-proċess ta' attenzjoni bil-konsegwenzi kollha fir-rigward ta' l-azzjoni li trid tittieħed;

18.  Japprova l-opinjoni li esprima l-EDPS dwar l-irwol ta' l-ECB u jitlob lill-ECB sabiex:

   bħala l-korp ta' sorveljanza tas-SWIFT, jesplora soluzzjonijiet bil-għan li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u li jiżgura li r-regoli dwar il-kunfidenzjalità ma jwaqqfux milli l-informazzjoni tingħata fi żmien xieraq lill-awtoritajiet rilevanti;
   bħala utent tas-SWIFT Net-Fin, jesplora soluzzjonijiet biex iġib l-operazzjonijiet ta' ħlas tiegħu f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data, u biex, sa mhux aktar tard minn April 2007, iħejji rapport dwar il-miżuri li ttieħdu;
   bħala l-korp għat-tfassal tal-politika, f'koperazzjoni mal-banek ċentrali u ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji, tiżgura li s-sistema Ewropea aġġornatagħall-pagamenti bl-ingrossa 'TARGET2' u s-sistema ppjanata għal Sigurtajiet Immirati, jekk din isseħħ, ikunu konformi bi sħiħ mal-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data; jappella lill-ECB biex jipprovdi evalwazzjoni ta" din il-konformità lill-Parlament Ewropew;

19.  Itenni l-fehma tiegħu li, f'kundizzjonijiet definiti b'mod ċar, id-data ġġenerata permezz ta' tranżazzjonijiet finanzjarji tista' tintuża esklussivament għal skopijiet ġudizzjarji investigattivi marbuta ma" suspett ta" ffinanzjar ta" terroriżmu u jfakkar li kemm il-KE kif ukoll l-Istati Uniti implimentaw ir-Rakkomandazzjoni VII tal-Korp ta' Ħidma għal Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force - FATF), (Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni rigward il-pagament li jakkumpanjha t-trasferiment ta' fondi(5) u l-Att dwar is-Segretezza tal-Banek ta' l-Istati Uniti);

20.  Ifakkar li mill-31 ta' Diċembru 2006, skond ir-Rakkomandazzjoni VII tal-FATF, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma marbuta li jiġbru u jżommu reġistru ta' ċerta data speċifikata rigward it-trasferiment ta' fondi ta' USD 1000 jew aktar fl-Ewropa (USD 3000 fl-Istati Uniti); kull wieħed minn dawn ir-reġistri jrid jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet jew ikun disponibbli għalihom jekk dawn jitolbuhom(6);

21.  Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti huma alleati fundamentali u leali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li għalhekk, dan il-qafas leġiżlattiv għandu jkun il-bażi għan-negozjati għal ftehima internazzjonali possibbli, ibbażata fuq is-suppożizzjoni li s-SWIFT, bħala kumpanija Belġjana, hija suġġetta għal-liġi Belġjana u konsegwentament għandha r-responsabbiltà li tittratta d-data skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 95/46/KE; jinnota li l-konsegwenza naturali tkun li s-SWIFT ikun obbligat li jwaqqaf il-prattika attwali tiegħu ta' riflessjoni tad-data kollha li għandha x'taqsam maċ-ċittadini u intrapriżi ta' l-UE fis-sit tiegħu ta' l-Istati Uniti, jew li jċaqlaq id-database alternattiv tad-data tiegħu barra mill-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Uniti; jinsisti li din il-ftehima internazzjonali tipprovdi l-garanziji neċessarji kontra l-abbuż tad-data għal skopijiet ekonomiċi u ta' neġozju;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-SWIFT jipprovdi wkoll servizzi barra mill-UE u mill-Istati Uniti u għalhekk iqis li kull miżura adottata għandha tikkunsidra l-aspett globali tas-servizzi tas-SWIFT;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni, li għandha l-kompetenza kemm fil-protezzjoni tad-data kif ukoll fil-leġiżlazzjoni dwar is-sistemi tal-ħlas, biex tanalizza l-potenzjal ta' l-ispjunaġġ ekonomiku u kummerċjali li jista' jirriżulta mill-għamla attwali tas-sistemi tal-ħlas fl-aktar sens wiesa', u għalhekk inklużi, b'mod partikulari, il-fornituri tas-servizzi tal-messaġġi, u biex tirrapporta dwar metodi li bihom tista' tiġi affrontata l-problema;

24.  Jinnota li s-servizzi finanzjarji jistgħu jkunu eżentati mill-Ftehima Safe Harbour, kif stqarr il-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 fl-Opinjoni 10/2006 tiegħu; huwa mħasseb dwar il-fatt li kumpaniji u setturi fl-UE li għandhom operazzjonijiet fl-Istati Uniti u li mhumiex koperti bil-Ftehima Safe Harbour jistgħu attwalment ikunu sfurzati li jagħmlu d-data personali disponibbli għall-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti, b'mod partikulari fergħat ta' l-Istati Uniti ta' banek Ewropej, ta' kumpaniji ta' l-assikurazzjoni, ta' istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u ta' fornituri ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga din is-sitwazzjoni bħala kwistjoni urġenti;

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta" l-Istati Membri, kif ukoll lill-Kungress ta' l-Istati Uniti.

(1) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' din id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(2) Testi adottati, P6_TA(2006)0370.
(3) ĠU L 220, 29.7.1989, p. 1.
(4) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
(5) ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.
(6) (Ara r-rapport ippubblikat fis-17 ta' Jannar 2006 min-Network għall-Infurzar ta' Delitti Finanzjarji (FinCEN) dwar l-irrappurtar ta' trasferimenti transkonfinali ta' fondi : http://www.fincen.gov/news_release_cross_border.html )

Avviż legali - Politika tal-privatezza