Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/2169(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0034/2007

Testi mressqa :

A6-0034/2007

Dibattiti :

PV 14/03/2007 - 16
CRE 14/03/2007 - 16

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2007 - 5.7
CRE 15/03/2007 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0078

Testi adottati
PDF 281kWORD 80k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2007 - Strasburgu
Konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
P6_TA(2007)0078A6-0034/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-konformità tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: metodoloġija għall-monitoraġġ strett u sistematiku (2005/2169(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformita' mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni (COM(2005)0172),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat ta' l-UE (TEU),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(1) pproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-Konstituzzjoni ta' l-Ewropa (it-trattat kostituzzjonali) iffirmat f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004, li jinkorpora d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u għalhekk jagħtihom natura li torbot legalment,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu ta' l-20 ta' April 2004 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea: Rispett u promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tas-26 ta' Mejju 2005 dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali: l-irwol ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, inkluża l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali(3),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali ta' l-2005 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, imfassal min-netwerk ta' esperti indipendenti ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali(4) u d-Dikjarazzjoni dwar il-Koperazzjoni Ġudizzjarja u tal-Polizija fi Kwistjonijiet Kriminali,

–   wara li kkunsidra d-diskors tas-Sur José Manuel Barroso, fir-rwol li kellu bħala President maħtur tal-Kummissjoni, fis-seduta plenarja tal-Parlament tas-17 ta' Novembru 2004,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 45, 34 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarjiet Kostituzzjonali (A6-0034/2007),

A.   billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji tal-libertà, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, kif ukoll fuq l-istat tad-dritt, u billi dawn il-prinċipji huma komuni għall-Istati Membri kollha (Artikolu 6 tat-Trattat UE),

B.   billi l-Parlament, bħala r-rappreżentant elett direttament taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, għandu responsabbiltà partikolarment prominenti fit-twettiq ta' dawn il-prinċipji,

C.   billi responsabbiltà bħal din hija tant ikbar minħabba l-istat attwali tat-Trattati:

   id-dritt ta' l-individwu li jappella direttament għal Qorti Ewropea jibqa' limitat ħafna(5),
   azzjoni kollettiva mhijiex possibbli,
   f'bosta oqsma, saħansitra l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (il-Qorti tal- Ġustizzja) għandha kompetenza limitata (ara t-Titolu IV tat-Trattat KE u l-Artikolu 35 tat-TEU) u f'oħrajn m'għandha l-ebda ġurisdizzjoni (it-tieni pilastru - Titolu V tat-TEU(6)),
  

għaldaqstant, dan joħloq ħtieġa ikbar sabiex il-leġiżlatura Ewropea tuża attenzjoni meta tfassal leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet li jistghu jaffettwaw il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali,

D.   billi proċedura għall-kontroll tal-kompatibilità tal-proposti leġiżlattivi kollha mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija waħda mill-konsegwenzi neċessarji li rriżultaw mill-adozzjoni tal-Karta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri kollha, kif ukoll mill-proklamazzjoni formali tagħha liċ-ċittadini ta' l-UE fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza,

E.   billi l-kamp ta' applikazzjoni effettiv tad-drittijiet fundamentali li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) tat-TEU għadu sa llum dipendenti mill-interpretazzjoni tal-qorti, u li madankollu l-leġiżlatur Ewropew għandu jagħmilha ċara kif dawn id-drittijiet għandhom jiġu interpretati,

F.   billi permezz ta' l-adozzjoni tal-Karta għad-Drittijiet Fundamentali, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ftehmu fuq definizzjonijiet ta' dawn id-drittijiet u billi, għal raġunijiet ovvji ta' konsistenza u ta' bona fede, fil-ġejjieni għandhom jirreferu għalihom fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-Komunita' Ewropea (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hawn fuq imsemmija (COM(2005)0172)),

G.   billi d-drittijiet stabbiliti fil-Karta, malli jiġu inkorporati fil-liġi ta' l-Unjoni, jieħdu sura obbligatorja permezz tal-liġi tal-Komunita' Ewropea li tkun msejjsa fuqhom,

H.   billi n-natura sistematika, l-eżatezza, l-objettività u t-trasparenza ta' din il-proċedura ta' konformita' mad-drittijiet fundamentali fil-proposti leġiżlattivi jsiru aktar importanti minħabba l-fatt li, sfortunatament, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għadha ma torbotx legalment; billi, madankollu, il-Karta matul is-snin saret test ta' referenza għall-Qrati Ewropej, bħall-Qorti ta' l-Ewwel Istanza, il-Qorti tal-Ġusitizzja(7), il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu kif ukoll għal ħafna qrati kostituzzjonali,

I.   billi l-leġiżlatur Ewropew, filwaqt li jevalwa minn qabel l-impatti tal-leġiżlazzjoni ġdida tal-Komunita' Ewropea fuq id-drittijiet fundamentali għandu jqis kemm l-opinjoni tal-leġiżlatura nazzjonali u s-soċjetà ċivili, il-qasam akkademiku u l-esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kunsill ta' l-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti; billi fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlatura Ewropea b'dan il-mod jiffavorixxi l-bini ta' kultura dejjem aktar diffuża tad-drittijiet fundamentali, kif diġà kien il-każ meta ġew imfassla ċerti atti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħajja privata, tad-dritt għall-familja u tad-dritt għat-trasparenza,

J.   billi l-proposta mill-Kummissjoni dwar il-konsolidazzjoni u l-għarfien pubbliku akbar tal-proċedura, għall-konformita' mad-drittijiet tal-bniedem fil-proposti leġiżlattivi, li daħlet fis-seħħ fl-2001, tirrappreżenta progress ċar fil-proġett tagħha biex tiżviluppa "kultura tad-drittijiet tal-bniedem" ġenwina fl-Unjoni Ewropea,

K.   billi madankollu, din il-proċedura għandha karattru wisq introvert, il-kriterji huma wisq restrittivi u l-irwol tal-Parlament mhuwiex suffiċjenti u billi l-proposti rigward l-integrazzjoni tal-parlamenti ta' l-Istati Membri, bħal pereżempju l-House of Lords Britannika(8), jibqgħu ma jitqiesux, l-istess bħal ma huwa ttraskurat id-djalogu kontinwu u tant meħtieġ bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet indipendenti, bil-għan li tiżdied l-objettività,

L.   billi "kultura tad-drittijiet tal-bniedem" ġenwina fl-Unjoni teħtieġ l-iżvilupp ta' sistema ġenerali ta' mmonitoraġġ tad-drittijiet fundamentali, li għandha tinkludi l-Kunsill u d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-koperazzjoni intergovernattiva,

M.   billi "kultura tad-drittijiet tal-bniedem" ġenwina ma tikkonsistix biss fir-rispett passiv tar-regoli, iżda wkoll fil-promozzjoni attiva tad-drittijiet fundamentali u l-intervenzjoni fil-każ ta' ksur jew protezzjoni mhux soddisfaċenti tad-drittijiet fundamentali min-naħa ta' l-Istati Membri,

N.   billi s-sistema ġenerali ta' monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali għandha tipprevedi dibattitu annwali li jinvolvi t-tliet istituzzjonijiet u l-parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari meta l-Parlament jevalwa l-progress li jkun sar u l-problemi li jinħolqu fl-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea bħala żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,

O.   billi fl-okkażjoni ta' dan id-dibattitu jkun possibbli li jitqies:

   ir-rapport annwali ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,
   rapport speċifiku tal-Kummissjoni fil-qafas tar-rapport ġenerali tagħha dwar l-applikazjoni tal-liġi Komunitarja,
   rapport tal-Kunsill dwar l-aspetti li jqis bħala sinifikattivi fis-sena preċedenti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni u min-naħa ta' l-Istati Membri,

P.   billi l-istituzzjonijiet f'dawn id-dibattiti annwali għandhom jeżaminaw il-bżonn li l-leġiżlazzjoni li llimitat il-libertà għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika, jiġu riveduti,

Q.   billi l-fatt li jeżistu ħabsijiet sigrieti u l-ħtif ta' persuni mis-CIA bħala parti mill-attivitajiet ta' kontra t-terroriżmu, l-investigazzjonijiet li ma jsirux b'ħeffa u n-nuqqas ta' koperazzjoni min-naħa ta' diversi gvernijiet, jew it-trasferiment ta' data dwar passiġġieri minn linji ta' l-ajru u data dwar kontijiet f'banek permezz ta' kodiċi SWIFT mingħajr bażi legali, iservu biss biex inaqqsu l-kunfidenza taċ-ċittadini fil-ħila u fir-rieda ta' l-istituzzjonijiet Ewropej biex iħarsu d-drittijiet fundamentali u biex jissanzjonaw il-vjolazzjonijet tagħhom,

1.  Ifakkar fil-ħidma storika, fil-"ħolqien ta' Unjoni dejjem aktar magħquda" (Artikolu 1 tat-Trattat ta' l-UE), biex toħloq strumenti għal-libertà flimkien ma' l-iżvilupp ta' strumenti għas-sigurtà u għall-ġustizzja u għall-progress ekonomiku u soċjali;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħeleb il-kriżi fil-proċess kostituzzjonali, li jinżammu l-kisbiet ċentrali tat-trattat kostituzzjonali u li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiġi stabbilita bħala waħda li torbot legalment;

3.  Jilqa' l-proposti mill-Kummissjoni dwar il-konsolidazzjoni u t-trasparenza mtejba tal-proċedura dwar il-konformità mad-drittijiet fundamentali fil-proposti leġiżlattivi tagħha u jqis dan bħala l-ewwel riżultat pożittiv tal-miżuri ambizzjużi dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali mħabbra fil-Parlament mill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso fis-17 ta' Novembru 2004, u l-grupp ta' ħidma mwaqqfa minnu għal dan il-għan;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-proċess ta' monitoraġġ aktar trasparenti u biex tikkonsulta dawk fis-soċjetà ċivili li għandhom interess, b'mod partikolari lil dawk li jistgħu jintlaqtu mill-proposta mill-Kummissjoni;

5.  Jenfasizza li l-monitoraġġ "sistematiku" propost mill-Kummissjoni jirrikjedi assolutament li kull proposta leġiżlattiva tiġi verifikata fil-fond u li r-riżultat jiġi ġġustifikat;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex mhux biss teżamina jekk il-proposti leġiżlattivi jirrispettawx il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iżda wkoll jekk jirrispettawx l-istrumenti kollha Ewropej u internazzjonali li jittrattaw id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Ewropea;

7.  Jenfasizza li l-ħarsien verament sistematiku u rigoruż tad-drittijiet fundamentali jeħtieġ mhux biss skrutinju sabiex jiġu identifikati żbalji ġuridiċi meta jiġi determinat bilanċ bejn il-libertà ta' l-individwu u l-bżonnijiet ta' l-interess pubbliku; aktar minn hekk, dejjem ikun hemm il-ħtieġa ta' analiżi politika, sabiex fost is-soluzzjonijiet differenti nieqsa minn żbalji ta' evalwazzjoni, tiġi identifikata dik li toħloq l-aħjar relazzjoni bejn id-definizzjoni ta' l-objettiv u l-limitazzjoni fid-drittijiet fundamentali (ottimizzazzjoni fil-politika dwar id-drittijiet fundamentali);

8.  Jikkunsidra li huwa meħtieġ li l-iskrutinju jikkonċentra fuq id-drittijiet fundamentali speċifikament ikkonċernati f'kull każ partikolari, u jqis bħala indispensabbli li dawn jissemmew espressament u individwalment fil-premessi;

9.  Jittama li jinsabu mezzi speċifiċi u prattiċi sabiex jiġi applikat il-metodu msemmi li permezz tiegħu il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li timplimenta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-proposti leġiżlattivi tagħha;

10.  Jikkunsidra li l-monitoraġġ intern sistematiku sabiex tiġi żgurata l-konformita' mad-drittijiet fundamentali fit-tfassil ta' proposti leġiżlattivi għandu jkun is-suġġett ta' rapport speċifiku, li jistabbilixxi r-raġunijiet legali għaliex għandu jkun hemm konformita' ma' dawn id-drittijiet;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha biex tqassam il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet fundamentali fit-tliet kategoriji attwali fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-impatt - l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali - u biex toħloq kategorija speċifika intitolata "Effetti fuq id-drittijiet fundamentali", biex tassigura li l-aspetti kollha tad-drittijiet fundamentali jiġu kkunsidrati;

12.  Jenfasizza d-dritt tal-Kummissjoni, matul il-proċess leġiżlattiv kollu, li tirtira l-proposta tagħha qabel ma tiġi approvata mill-Kunsill jekk ikun hemm tibdiliet li jiksru xi dritt fundamentali;

13.  Jirrifjuta r-riżervi tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' annullament "fuq il-bażi ta' skrutinju politiku tal-każijiet individwali" u jenfasizza bis-sħiħ il-prijorità assoluta tal-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali qabel kull kunsidrazzjoni politika oħra;

14.  Iqis li hemm bżonn li l-proċedura tal-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiġi estiża għall-proċess leġiżlattiv sħiħ u għas-sistema tal-komitoloġija, li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Parlament, li l-irwol ta' l-Aġenzija ġdida tad-Drittijiet Fundamentali jsir aktar preċiż u li jintalab l-appoġġ tagħha aktar spiss;

15.  Iqis, għalhekk, il-possibiltà li jemenda l-Artikolu 34 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, sabiex il-monitoraġġ tal-konsegwenzi tal-proposti leġiżlattivi, tal-miżuri u tar-regolamenti marbuta mad-drittijiet fundamentali jkun f'idejn il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, kif ukoll li jemenda l-Artikoli 91 u 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament jistgħu japplikaw ukoll għall-kwistjonijiet ta' l-Istati Membri, u b'hekk ikun jista' jwettaq ir-responsabbiltà tiegħu fil-qafas ta' l-Artkoli 6 u 7 tat-Trattat ta' l-UE fi stadju bikri;

16.  Jinnota li, minkejja l-eżistenza ta' proċeduri ta' konsultazzjoni ġenerali, parteċipazzjoni akbar ta' l-organizzazzjonijiet u l-isituzzjonijiet esterni u indipendenti, li speċifikament jittrattaw kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex toħloq mekkaniżmu speċifiku għall-konsultazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet fit-tfassil tal-proposti leġiżlattivi li jkollhom impatt fuq id-drittijiet fundamentali;

17.  Jitlob lill-Kunsill biex isaħħaħ il-monitoraġġ sistematiku tad-drittijiet fundamentali wkoll f'oqsma koperti bil-koperazzjoni integovernattiva, biex jippubblika r-riżultati kif ukoll biex jassigura li jkollu l-appoġġ ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali;

18.  Jafferma mill-ġdid, li l-Parlament u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jibbenefikaw fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv, fejn ikun il-każ u fuq bażi volontarja, mill-kompetenza ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fil-qasam tad-drittijiet fundamentali kif ukoll fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u l-ġustizzja;

19.  Ifakkar li, la t-trattati u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 ma jippreġudikawx il-possibilità li l-Parlament jitlob l-għajnuna ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni ta' l-Artiklolu 7 tat-TEU; jistenna li l-Kummissjoni u l-Aġenzija futura għad-Drittijiet Fundamentali jipprovdu, fil-qafas pluriennali kif ukoll fil-programm ta' ħidma annwali, għar-riżorsi finanzjarji u umani neċessarji, sabiex l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tkun f'pożizzjoni li twieġeb b'mod xieraq għat-talbiet tal-Parlament fit-twettiq tal-poteri tiegħu skond l-Artikolu 7 tat-TEU;

20.  Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti mezzi xierqa għall-kommunikazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni lill-pubbliku ġenerali u lill-Istituzzjonijiet ta' l-UE dwar il-monitoraġġ intern tal-konformita' mad-drittijiet fundamentali, inkluż permezz tat-tfassil ta' rapporti perjodiċi dwar dan;

21.  Jitlob lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, b'mod partikulari fl-oqsma tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u fil-politika komuni għas-sigurtà u d-difiża, biex jivverifikaw il-kompatibilità tad-deċiżjonijiet u l-miżuri kollha mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sabiex tinżamm in-natura indiviżibbli tad-drittijiet fundamentali u jkun żgurata il-monitoraġġ sistematiku u bir-reqqa tad-drittijiet fundamentali fil-linji politiċi kollha ta' l-Unjoni;

22.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex, b'konformità ma' l-Artikolu 4 tat-Trattat ta' l-UE u l-Artikoli 200 u 212 tat-Trattat KE, jippreżentaw rapport annwali fuq il-politika tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni lill-Parlament, u sabiex jidħlu fi djalogu sistematiku, miftuħ u permanenti dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinfurmaw lill-Parlament dwar is-segwitu tar-rapporti elaborati minn netwerk ta' esperti nazzjonali;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati għas-sħubija.

(1) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(2) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 408.
(3) ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 242.
(4) ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.
(5) Sentenza ta' Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2002 fil-każ C-50/00, Unión de Pequeños Agricultores v. il-Kunsill ta' l-Unjoni Eweropea, [2002] ECR I-6677.
(6) Deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Ewwel Istanza tas-7 ta' Ġunju 2004 fil-każ T-338/02, Segi ei al. v. il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, [2004] ECR II-1647.
(7) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ġunju 2006 fil-Każ C-540/03, Parlament Ewropew kontra l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' tfal taħt l-età ta' ċittadini ta' stati terzi għal riunifikazzjoni tal-familja (Direttiva 2003/86/KE).
(8) House of Lords, Kumitat ta' l-Unjoni Ewropea, 16-il Rapport tas-seduti 2005-06, "Human Rights proofing EU Legislation", 29 ta' Novembru 2005, par. 149.

Avviż legali - Politika tal-privatezza