Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konformità mar-rekwiżiti marbuta ma' l-Istat tal-bandiera (COM(2005)0586 – C6-0062/2006 – 2005/0236(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0586)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema trattat il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0062/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0058/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tissostitwiha b'test ieħor;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Marzu 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konformità mar-rekwiżiti marbuta ma' l-Istat tal-bandiera
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),
Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),
Billi:
(1) Is-sikurezza tat-trasport marittimu tal-Komunità Ewropea u taċ-ċittadini li jużawh, u ta" l-operaturi li jipprovdu servizzi ta' tbaħħir, u l-ħarsien ta" l-ambjent għandha tkun assigurata f'kull ħin.
(2) Fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali twaqqaf qafas kompensiv li jtejjeb is-sikurezza marittima u l-ħarsien ta" l-ambjent dwar it-tniġġis minn bastimenti permezz ta' l-adozzjoni ta' għadd ta' konvenzjonijiet li għalihom l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) hija depożitarja.
(3) Skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu ta" l-1982 (UNCLOS) u l-Konvenzjonijiet li għalihom l-IMO hija depożitarja, l-Istati li huma partijiet ta" dawk l-istrumenti huma responsabbli għall-promulgazzjoni ta" liġijiet u regolamenti u għat-teħid tal-passi l-oħrajn kollha li jinħtieġu sabiex dawn l-istrumenti jingħatalhom effett sħiħ u komplut biex jiġi assigurat li, fir-rigward tas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u l-ħarsien ta" l-ambjent tal-baħar, bastiment ikun adatt għas-servizz li għalih ikun maħsub u mħaddem minn ekwipaġġ marittimu kompetenti.
(4) Ir-rappreżentanti kollha ta" l-Istati Membri ta" l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) appoġġjaw l-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta" l-ILO dwar Ix-Xogħol Marittimu (l-MLC), 2006, li tikkonsolida l-korp eżistenti ta' strumenti dwar ix-xogħol marittimu fi strument waħdieni. Dik il-Konvenzjoni tindirizza wkoll l-obbligi relatati ma' l-Istat tal-bandiera u jkun xieraq li tkun inkorporata f'din id-Direttiva meta tidħol fis-seħħ.
(5) Id-dispożizzjonijiet obbligatorji ta" dawk il-Konvenzjonijiet għandhom jiġu inkorporati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex tkun assigurata l-effettività tal-Konvenzjonijiet ta" l-IMO fil-Komunità, ġaladarba li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom ikunu partijiet għall-Konvenzjonijiet ta" l-IMO u jwettqu l-obbligi stabbiliti f'dawk il-konvenzjonijiet fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.
(6) Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu implimentati flimkien mal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti dwar is-sikurezza tal-bastimenti, l-ekwipaġġ tagħhom, il-passiġġieri u t-tagħbija tagħhom u dwar il-ħarsien mit-tniġġis minn bastimenti u l-ħin ta' xogħol tal-baħħara.
(7) Uħud mill-Istati Membri għadhom ma kisbux il-proċess li jsiru parti kontraenti f'xi Konvenzjonijiet ta' l-IMO, bħas-SOLAS 1988 u l-Protokolli dwar is-Sinjali tat-Tagħbija, l-Annessi IV u VI tal-MARPOL, u lanqas f'Konvenzjonijiet speċifiċi ta" l-IMO espliċitament ikkwotati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, u għandhom jiġu mħeġġa biex jiffinalizzaw dan il-proċess.
(8) Skond id-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-... dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi(4), l-Istati Membri għandhom jaġixxu skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Anness u l-Appendiċi mar-Riżoluzzjoni IMO A.847(20) dwar il-linji ta' gwida li jgħinu lill-Istati tal-bandiera fl-implimentazzjoni ta' l-istrumenti IMO sabiex jiggarantixxu li l-amministrazzjonijiet kompetenti tagħhom jkunu kapaċi jassiguraw infurzar xieraq tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali, partikolarment fir-rigward ta' l-ispezzjoni u s-surveys ta' bastimenti u l-ħruġ ta' ċertifikati u ta' ċertifikati ta' eżenzjoni.
(9) Ir-Riżoluzzjoni IMO A.847(20) ġiet revokata mir-Riżoluzzjoni IMO A.973(24) dwar il-Kodiċi għall-implimentazzjoni ta' l-istrumenti IMO mandatorji, li fihom id-dispożizzjonijiet obbligatorji li jridu jitwettqu mill-Istati tal-bandiera.
(10) L-Istati Membri għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom b'mod effikaċi u konsistenti bħala Stati tal-bandiera skond il-Konvenzjonijiet IMO u jqisu r-Riżoluzzjoni IMO A. 973(24).
(11) Il-Konvenzjonijiet IMO jagħtu d-dritt lill-Istati tal-bandiera li jeżentaw bastimenti mill-applikazzjoni tar-regoli bażiċi ta' l-Istati tal-bandiera stabbiliti mill-Konvenzjonijiet IMO, japplikaw dispożizzjonijiet ekwivalenti u ħallew għadd kbir ta' rekwiżiti għad-diskrezzjoni ta' l-Amministrazzjonijiet. Mingħajr ħsara għall-fatt li miżuri speċifiċi jeħtieġ li jiġu implimentati bi grad ta" flessibilità, it-tħollija ta' din il-faċilità fid-diskrezzjoni esklussiva u sħiħa ta' l-Amministrazzjonijiet individwali tista' twassal għall-ilħiq ta' livelli ta' sikurezza differenti fost l-Istati Membri u tista' x'aktarx tisforma l-kompetizzjoni bejn l-Istati tal-bandiera.
(12) Il-Kummissjoni ntrabtet li tibda interpretazzjonijiet armonizzati ta' l-istandards tekniċi ta' sikurezza fir-rigward ta' bastimenti tal-passiġġieri involuti fi vjaġġi internazzjonali fl-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/18/KE tas-17 ta' Marzu 1998 dwar ir-regoli u n-normi ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri(5). L-istess strateġija għandha tiġi segwita, jekk dan ikun meħtieġ, b'mod li tadotta soluzzjonijiet xierqa fuq il-bażi ta" każ b'każ u taġixxi fuq talba tal-partijiet konċernati, u mingħajr preġudizzjoni għall-adozzjoni ta' interpretazzjonijiet armonizzati mill-IMO, għal dispożizzjonijiet simili relatati ma' tipi oħra ta' bastimenti li għalihom japplikaw il-Konvenzjonijiet IMO.
(13) L-amministrazzjonijiet marittimi ta' l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq riżorsi xierqa għall-implimentazzjoni ta' l-obbligi tagħhom li għandhom x'jaqsmu ma' l-Istat tal-bandiera fi proporzjon mad-daqs u n-natura tal-flotta tagħhom u msejsa fuq ir-rekwiżiti relevanti ta' l-IMO.
(14) Għandhom jiġu stabbiliti kriterji minimi relatati ma' dawn ir-riżorsi bbażati fuq l-esperjenza prattika ta' l-Istati Membri.
(15) Implimentazzjoni obbligatorja tal-proċeduri rakkomandati mill-IMO f'MSC/Circ.1140/ MEPC/Circ.424 ta' l-20 ta' Diċembru 2004 dwar it-"Trasferiment ta' bastimenti bejn l-Istati" għandha ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet relatati ma' bidla fil-bandiera indirizzata mill-Konvenzjonijiet IMO u mil-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza marittima ta' l-Komunità u għandha żżid it-trasparenza fir-relazzjoni bejn l-Istati tal-bandiera, fl-interess tas-sikurezza marittima.
(16) Jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw, għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, rekwiżiti armonizzati għaċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni ta' l-Istat tal-bandiera kif stabbiliti fil-proċeduri u l-linji ta' gwida relevanti mehmuża mar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea IMO A.948(23) dwar il-linji ta' gwida għall-ispezzjoni skond is-sistema armonizzata ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni.
(17) Monitoraġġ strett u bir-reqqa ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jwettqu dmirijiet ta' l-Istati tal-bandiera f'isem l-Istati Membri u fi proporzjon mad-daqs u n-natura tal-flotta ta' l-Istati Membru għandu jtejjeb il-prestazzjoni kwalitattiva ġenerali tal- bastimenti li jtajru l-bandiera ta" l-Istat Membru.
(18) Is-sodisfazzjon tal-kriterji minimi mis-surveyors ta' l-Istat tal-bandiera se jassigura kundizzjonijiet indaqs bejn l-amministrazzjonijiet marittimi u se jagħti kontribut lill-prestazzjoni kwalitattiva tal- bastimenti li jtajru l-bandiera ta' l-Istat Membru.
(19) L-Istati Membri għandhom obbligi bħala Stat tal-bandiera fir-rigward ta' l-investigazzjoni ta' diżgrazzji u inċidenti li jinvolvu l-bastimenti tagħhom.
(20) Regoli speċifiċi li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri għall-investigazzjoni ta" inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu huma stipulati fid-Direttiva 2007.../.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kumisll ta',,, li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li jemenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE(6).
(21) Implimentazzjoni obbligatorja tal-prinċipji ta' l-IMO dwar l-ekwipaġġar sikur għandha tagħti kontribut lill-prestazzjoni kwalitattiva tal- bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru.
(22) L-iżvilupp ta' databases li jipprovdu informazzjoni essenzjali dwar bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru, kif ukoll għall-bastimenti li tħassru minn reġistru ta' Stat Membru, għandu jtejjeb it-trasparenza tal-prestazzjoni ta' flotta ta' kwalità għolja u jagħti kontribut lil monitoraġġ aħjar ta' l-obbligi marbuta ma' l-Istat tal-bandiera u jassigura kundizzjonijiet indaqs bejn l-amministrazzjonijiet marittimi ta' kwalità.
(23) Evalwazzjoni u reviżjoni tal-prestazzjoni ta' l-Istati tal-bandiera u miżuri korrettivi għandhom jassiguraw, meta jinħtieġ, li l-Istati Membri kollha ta' l-UE jidhru f'lista bajda tal-Memorandum ta' Ftehim (MOU) ta' Pariġi dwar il-Kontroll ta' l-Istat tal-Port.
(24) L-Istati Membri ntrabtu li juru l-konformità tagħhom ma' l-istrumenti obbligatorji ta" l-IMO, kif rikjest mir-Riżoluzzjoni A.974(24) dwar il-qafas u l-proċeduri ta" l-Iskema ta' Verifika Volontarja ta' l-Istat Membru ta' l-IMO (Voluntary IMO Member State Audit Scheme), adottata mill-Assemblea IMO tal-1 ta' Diċembru 2005.
25) l-Iskema ta' Verifika Volontarja ta' l-Istat Membru ta' l-IMO ssegwi l-istrateġija tal-ġestjoni tal-kwalità standardizzata, li tinkludi prinċipji, kriterji, oqsma għal verifika, proċessi u proċeduri tal-verifika, li huma adatti biex jintużaw għad-determinazzjoni ta' kemm l-Istati Membri qegħdin jimplimentaw u jinfurzaw l-obbligi u r-responsabilitajiet marbuta ma' l-Istat tal-bandiera inklużi fil-konvenzjonijiet obbligatorji ta' l-IMO li tagħhom huma partijiet kontraenti. Il-proċess ta' verifika jista' għalhekk jiddaħħal diġà fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sikurezza marittima.
(26) Ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-proċeduri amministrattivi skond l-ISO jew l-istandards ekwivalenti għandhom jassiguraw ukoll kundizzjonijiet indaqs bejn l-amministrazzjonijiet marittimi ta' kwalità.
(27) Biex ikunu assigurati kundizzjonijiet indaqs bejn is-sidien tal-bastimenti li jħaddmu l-bastimenti taħt bandiera ta' Stat Membru u dawk li jħaddmu bastimenti taħt bnadar oħra, għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji bejn l-Istati tal-bandiera li jintrabtu biex jimplimentaw b'mod obbligatorju l-Kodiċi għall-implimentazzjoni ta' l-istrumenti IMO, adottat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) permezz tar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea A.973(24) ta' l-1 ta" Diċembru 2005, u li jaqblu li titwettqilhom verifika skond id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni ta'l-IMO A.974(24).
(28) Il-Kummissjoni għandha ġġib 'il quddiem l-istabbiliment ta' Memorandum ta' Ftehim dwar l-Istat tal-bandiera, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-Riżoluzzjonijiet ta" l-IMO A.973(24) u A.974(24), biex jiġu stabbiliti sinerġiji għall-Istati tal-bandiera, u dan għandu jipprovdi inċentivi għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti fir-reġistri ta" l-Istati Membri. Jekk pajjiżi terzi jitħallew, dment li li jkun hemm garanziji rigward is-sistemi meħtieġa għall-kwalità u għall-kontrolli, jikkonkludu ftehimiet mal-Komunità Ewropea li jippermettulhom igawdu mill-fama tajba ta" l-istandards Komunitarji u minn formalitajiet amministrattivi aktar sempliċi, dan jista" jgħin, fi żmien meta r-reġistri u l-amministrazzjonijiet marittimi nazzjonali jinsabu f'kompetizzjoni globali, biex jittella" l-grad ġenerali tal-konformità mal-Konvenzjonijiet ta" l-IMO u jinqered id-dumping internazzjonali.
(29) L-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (EMSA) stabbilita mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1406/2002(7) għandu jipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex jassigura l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.
(30) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta" l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(8).
(31) Ladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni li se tittieħed, partikolarment l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet xierqa fil-qasam tal-politika tat-trasport marittimu, ma jistgħux jintlaħqu tajjeb mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għar-raġuni dwar id-dimensjoni ta' din l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Is-Suġġett
1. L-iskop ta' din id-Direttiva huwa:
a)
li tassigura li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom b'mod effikaċi u konsistenti bħala Stati tal-bandiera skond il-Konvenzjonijiet IMOu l-istrumenti rilevanti ta" l-IMO;
b)
li ttejjeb is-sikurezza u tipprevjeni t-tniġġis minn bastimenti li jtajru bandiera ta' Stat Membru;
c)
li tipprovdi mekkaniżmu għal interpretazzjonijiet armonizzati tal-miżuri stabbiliti fil-Konvenzjonijiet IMO u li tħallew għad-diskrezzjoni tal-Partijiet Kontraenti ta' dawn il-Konvenzjonijiet.
2. Din id-Direttiva hija bla ħsara għal-leġiżlazzjoni marittima Komunitarja, kif elenkata fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE(10).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(a)
"Konvenzjonijiet IMO" tfisser il-Konvenzjonijiet li ġejjin, flimkien mal-Protokolli u emendi magħmula lilhom u l-kodiċijiet ta" status mandatorju relatati, adottati fil-qafas ta" l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), fil-verżjoni aġġornati tagħhom:
i)
il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS 74) ta' l-1974;
ii)
il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sinjal tat-Tagħbija, 1966 (LL 66);
iii)
il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Kejl ta' Tunnellaġġ ta' Bastimenti, 1969 (Tunnellaġġ 69);
iv)
il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tħaris mit-Tinġis li jsir minn Bastimenti (MARPOL);
v)
il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u ż-Żamma ta' l-Għassa għall-Baħħara (STCW 1978);
vi)
il-Konvenzjoni dwar ir-Regolamenti Internazzjonali għat-Tħaris mill-Kolliżjonijiet fuq il-Baħar, 1972 (COLREG 72);
vii)
il-Kodiċi tal-Prattika Sikura ta' l-1991 għal Bastimenti b'Merkanziji ta" Injam Fuq il-Gverta;
viii)
il-Kodiċi tal-Prattika Sikura ta' l-1965 għal Merkanziji Solidi Bulk (Kodiċi BC);
(b)
"Konvenzjonijiet speċifiċi ta' l-IMO" tfisser il-Protokoll ta' Torremolinos ta' l-1993 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sigurtà ta' Bċejjeċ tas-Sajd ta' l-1977, Il-Konvenzjoni Internazzjoni dwar il-Kontroll tas-sistemi ta" anti-fouling ta' ħsara fuq il-bastimenti;
(c) Il-"Kodiċi ta' l-Istat ta-bandiera (FSC)" tfisser l-ewwel u t-tieni parti tal-"Kodiċi għall-implimentazzjoni ta' l-istrumenti obbligatorji ta' l-IMO", adottat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) permezz tar-Riżoluzzjoni A.973 (24);
(d)
"Bastimenti" tfisser bastimenti u biċċiet tal-baħar li għalihom tapplika waħda jew aktar mill-Konvenzjonijiet IMO;
(e)
"Amministrazzjoni" tfisser l-awtoritajiet marittimi kompetenti ta' l-Istat Membru li l-bastiment jew il-biċċa tal-baħar huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu;
f)
"Surveyor kwalifikat ta' l-Istat tal-bandiera" tfisser impjegat tas-settur pubbliku, awtorizzat kif suppost mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru biex iwettaq surveys u spezzjonijiet relatati maċ-ċertifikati u li jissodisfa l-kriterji ta' kwalifika u ta' indipendenza speċifikati fl-Anness II;
(g)
"Organizzazzjoni rikonoxxuta" tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta f'konformità mad-Direttiva 2007/.../KE [dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi];
(h)
"Ċertifikati" tfisser iċ-ċertifikati statutorji relatati mal-Konvenzjonijiet IMO.
2. Jistgħu jiġu adottati miżuri sabiex id-definizzjonijiet jiġu emendati taħt il-punti a) b) u ċ) tal-paragrafu 1 fid-dawl ta' Konvenzjonijiet u dispożizzjonijiet ġodda skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 3
Implementazzjoni tal-qafas internazzjonali
1. L-Istati Membri għandhom isiru partijiet fil-Konvenzjonijiet IMO u fil-Konvenzjonijiet speċifiċi ta' l-IMO. Madankollu, dan l-obbligu jirreferi biss għall-Konvenzjonijiet fil-verżjonijiet tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta" din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri, li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva għadhom mhumiex parti f'waħda mill-Konvenzjonijiet IMO jew f'waħda mill-Konvenzjonijiet speċifiċi ta' l-IMO, għandhom jibdew il-proċeduri għar-ratifika jew adeżjoni ma' din il-Konvenzjoni, skond il-liġi nazzjonali tagħhom. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa disgħin jum wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva d-data mistennija li fiha se jiddepożitaw l-istrument ta' ratifika jew adeżjoni ma' dawk il-konvenzjonijiet mas-Segretarju Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom iqassmu biċ-ċar fi ħdan l-Amministrazzjoni tagħhom ix-xogħol relatat mat-twaqqif u l-iżvilupp ta' politika biex jimplimentaw l-obbligi tal-Konvenzjonijiet IMO relatati ma' l-Istat tal-bandiera u jassiguraw li l-Amministrazzjoni tagħhom tkun kapaċi tagħti kontribut kif suppost fil-ħruġ ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u jipprovdu gwida għall-implimentazzjoni u nfurzar tagħha.
4. B'mod partikulari, fir-rigward tat-tbaħħir internazzjonali l-Istati Membri għandhom japplikaw bi sħiħ id-dispożizzjonijiet obbligatorji relatati ma' l-Istat tal-bandiera stipulati fil-Konvenzjonijiet IMO skond il-kundizzjonijiet u fir-rigward tal-bastimenti hemm imsemmija u għandhom iqisu kif xieraq id-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi ta" L-Istat tal-Bandiera (FSC) fl-Anness I ta" din id-Direttiva.
5. L-Istati Membri għandhom ikomplu jtejbu l-adegwatezza tal-miżuri, li jittieħdu biex jattwaw il-Konvenzjonijiet IMO. Għandu jsir titjib permezz ta' applikazzjoni u nfurzar rigorużi u effettivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif jixraq, u monitoraġġ kontinwu tal-konformità.
6. Skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2), fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara talba ta" waħda/wieħed jew aktar mill-amministrazzjonijiet jew l-operaturi konċernati, jistgħu jiġu adottati miżuri sabiex:
a)
jiżviluppaw proċeduri armonizzati għall-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet u ekwivalenti applikati skond il-Konvenzjonijiet IMO;
b)
jistabbilixxu interpretazzjonijiet armonizzati ta' kwistjonijiet li tħallew għad-diskrezzjoni ta' l-Amministrazzjonijiet fil-Konvenzjonijiet IMO;
c)
jistandardizzaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonjiet stabbiliti fil-Konvenzjonijiet.
Artikolu 4
Riżorsi u proċessi għall-amministrazzjoni tas-sikurezza u r-rekwiżiti għall-ħarsien mit-tniġġis
1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-amministrazzjoni tiegħu isserraħ fuq riżorsi xierqa, fi proporzjon mad-daqs u n-natura tal-flotta tagħhom. Dawn ir-riżorsi għandhom:
a)
jassiguraw il-konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet IMO u ma" konvenzjonijiet speċifiċi, mal-Kodiċi ta" l-Istat tal-Bandiera u ma" l-istrumenti relevanti ta" l-ILO;
b)
jassiguraw it-twettiq ta' investigazzjonijiet dwar diżgrazzjigħall-bastimenti kollha taħt il-bandiera tiegħu u jiżguraw li jittieħdu miżuri adegwati u f'waqthom biex jiġu rimedjati nuqqasijiet identifikati;
c)
jassiguraw l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni u l-għoti ta" gwida dwar dawk ir-rekwiżiti b'mod li jissodisfaw l-Istati bħala partijiet kontraenti, imsemmija fil-Konvenzjonijiet IMO relevanti;
d)
jinkludu għadd xieraq ta' staff ikkwalifikat li jimplimenta u jinforza l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Konvenzjonijiet IMO, inklużiosservaturi kkwalifikati ta' Istat tal-bandieragħat-twettiq ta' investigazzjonijiet, verifiki, spezzjonijiet u kontrolli;
e)
jinkludu għadd suffiċjenti ta' staff ikkwalifikat mill-Istat tal-bandiera biex jinvestiga okkorrenzi meta l-bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera ta" l-Istat Membru ġew detenuti mill-Istati tal-portijiet; kif ukoll;
f)
jinkludu għadd suffiċjenti ta' staff ikkwalifikat mill-Istat tal-bandiera biex jinvestiga okkorrenzi meta jitqajjem dubju dwar il-validità ta' ċertifikat jew awtorizzazzjoni jew kompetenza ta' individwi detenturi ta' ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet maħruġa taħt l-awtorità ta" l-Istat Membru mill-Istati tal-portijiet.
2. Kull Stat Membru għandu jassigura t-taħriġ ta' servejers ta' l-Istat tal-bandiera u s-sorveljanza tas-servejers u l-investigaturi u, fil-każ ta' inċidenti jew nuqqasijiet, ta' l-Istat tal-kosta, kif ukoll ta' l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti, jekk jiddelega l-awtorità lill-tali organizzazzjonijiet skond l-Artikolu 7.
3. Kull Stat membru għandu jiżviluppa jew iwettaq kapaċità għar-reviżjoni, l-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-kostruzzjoni tal-bastimenti u d-disinji tat-tagħmir, u kapaċità teknika għat-teħid ta' deċiżjonijiet fi proporzjon mad-daqs u n-natura tal-flotta tagħhom.
4. Id-dispożizzjonijiet biex rekwiżiti minimi jiġu stabbiliti għall-implimentazzjoni ta' l-obbligi previsti mill-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 5
Reġistrazzjoni ta' bastiment taħt bandiera ta' Stat Membru
1. Qabel ir-reġistrazzjoni ta' kull bastiment, l-Istati Membri konċernat għandhom jivverifikaw l-identità tal-bastiment, inkluż in-Numru ta' l-Identifikazzjoni IMO tal-bastiment, fejn hu xieraq, u rekords oħra tal-bastiment, sabiex il-bastiment ma jtajjarx il-bnadar ta' żewġ Stati jew iktar fl-istess ħin. Għandha tinkiseb evidenza li bastiment li qabel kien irreġistrat taħt bandiera ta' Stat ieħor tħassar mir-reġistru ta' dak l-Istat, jew li jkun inkiseb il-kunsens għat-trasferiment tal-bastiment mir-reġistru ta' dak l-Istat.
2. Bħala kundizzjoni minn qabel għar-reġistrazzjoni għall-ewwel darba ta' bastiment fir-reġistri tagħhom, l-Istati Membri ikkonċernati għandhom jiżguraw jekk il-bastiment ikkonċernat ikunx konformi mar-regoli u r-regolamenti internazzjonali applikabbli u jiżguraw li dan ikun ikkonfermat minn evidenza dokumentata fil-pussess tiegħu. Jekk meħtieġ, iżda fi kwalunkwe każ jekk il-bastiment ma jkunx għadu kif ġie mibni, għandu jikkomunika ma' l-Istat tal-bandiera ta' qabel u jitolbu jippreżentalu d-dokumenti u d-data meħtieġa.
3.Jekk it-talba ssir minn Stat Membru lill-Stat Membru ieħor, l-Istat tal-bandiera preċedenti għandu jkollu l-obbligu li jikkomunika d-dokumenti u d-data inkwistjoni, kif inhu stipulat fir-Regolament (KE) Nru 789/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar it-trasferiment ta' bastimenti tal-merkanzija u tal-passiġġieri bejn reġistri fil-Komunità(11).
4. Kull meta Stat tal-bandiera ieħor jitlob informazzjoni dwar bastiment li tħassar minn reġistru ta' Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu minnufih jipprovdi lill-Istat tal-bandiera l-ieħor dettalji tad-defiċjenzi, in-nuqqasijiet ta' konformità flimkien mal-limiti taż-żmien applikabbli tagħhom u kull tagħrif relatat mas-sikurezza.
5. Il-paragrafi 1, 2 u 4 għandhom japplikaw bla ħsara għall-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 789/2004.
Artikolu 6
Żgurar ta' sigurezza ta' bastimenti li jtajru bandiera ta' Stat Membru
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura neċessarja biex jiżguraw it-tħaris tar-regoli u l-istandards internazzjonali minn bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom partikolarment jinkludu dan li ġej:
a)
il-projbizzjoni mit-tbaħħir ta' bastimenti sakemm dawn il-bastimenti ma jkunux jistgħu isalpaw f'konformità mar-rekwiżiti tar-regoli u l-istandards internazzjonali;
b)
l-iżgurar ta' spezzjoni perjodika ta' bastimenti sabiex jivverifikaw li l-qagħda attwali tal-bastiment u ta' l-ekwipaġġ hija konformi maċ-ċertifikati li jġorr miegħu;
c)
l-iżgurar li, matul l-ispezzjoni perjodika msemmija fil-punt (b), is-servejer jivverifika, permezz ta' metodi xierqa u mezzi neċessarji, li l-baħħara assenjati lill-bastiment jafu sewwa d-dmirijiet speċifiċi tagħhom u l-arranġamenti, l-istallazzjonijiet, it-tagħmir u l-proċeduri tal-bastiment;
d)
l-iżgurar li l-ekwipaġġ tal-bastiment, bħala entità waħda, għandu l-kapaċità u r-riżorsi meħtieġa biex jikkoordina effettivament l-attivitajiet tiegħu f'sitwazzjoni ta' emerġenza u fit-twettiq ta' funzjonijiet essenzjali għas-sikurezza jew għall-prevenzjoni jew it-trażżin tat-tniġġis;
e)
dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti nazzjonali għal penalitajiet ta' severità adegwata biex jiġi skoraġġit il-ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali minn bastimenti;
f)
il-bidu ta' proċeduri - wara li twettqet investigazzjoni - kontra bastimenti intitolati li jtajtru l-bandiera tagħhom li kisru r-regoli u l-istandards internazzjonali, irrispettivament minn fejn ikun sar il-ksur;
g)
dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti nazzjonali għal penalitajiet ta' severità adegwata biex jiġi skoraġġit il-ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali minn individwi li nħarġulhom ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet taħt l-awtorità tagħhom; kif ukoll;
h)
il-bidu ta' proċeduri - wara li twettqet investigazzjoni - kontra individwi detenturi ta' ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet li kisru r-regoli u l-istandards internazzjonali, irrispettivament minn fejn ikun sar il-ksur.
2. Kif inhu stipulat fid-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li twaqqaf sistema Komunitarja tal-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u tat-tagħrif(12),l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw programm xieraq ta' kontroll u monitoraġġ għal bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex jipprovdu, anke bl-użu tas-sistema Komunitarja għall-iskambju ta' dejta SafeSeaNet,għal reazzjoni f'waqtha u komprensiva għat-talbiet għal informazzjoni u ta' kjarifika mressqa mill-Istati tal-port jew tal-kosta fil-każ ta' inċidenti jew nuqqasijiet.
3. L-Istati Membri, jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f'isimhom, għandhom joħorġu jew japprovaw ċertifikati lil bastiment biss wara li jkunu ddeċidew li l-bastiment jilħaq ir-rekwiżiti applikabbli.
4. L-Istati Membri għandhom joħorġu ċertifikat internazzjonali ta' kompetenza jew awtorizzazzjoni lil persuna wara li jiġi deċiż li dik il-persuna tilħaq ir-rekwiżiti applikabbli kollha.
5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bastimenti tagħhom ġew spezzjonati skond il-proċeduri u l-linji ta' gwida relevanti taħt is-sistema armonizzata ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni kif anness mar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea IMO A.948(23), fil-verżjoni aġġornata tagħha.
6. Meta l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta" Stat Membru huma detenuti mill-Istati tal-portijiet l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni skond il-gwida stabbilita fl-Anness III.
7. L-Anness III jista' jiġi emendat skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2) sabiex itejjeb il-gwida fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti eżistenti.
Artikolu 7
Delega ta' awtorità għal xogħolijiet statutorji
1. Bla ħsara għad-Direttiva 94/57/KE jew għad-Direttiva 2007/.../KE [dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi], l-Istati Membri li jserrħu fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti għall-ispezzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti tagħhom għandhom jiżviluppaw u jżommu kapaċità, fi proporzjon mad-daqs u n-natura tal-flotta tagħhom, biex iwettqu kontinwament monitoraġġ u sorveljanza fuq il-proċess ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f'isimhom.
Għandhom jassiguraw li kollegament dirett bl-Internet jiġi stabbilit bejn l-amministrazzjoni u l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, u li l-istaff involut fil-monitoraġġ imwettaq mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandu għarfien tajjeb tar-regoli ta' dawn l-organizzazzjonijiet u ta' l-Istat tal-bandiera u li huwa disponibbli biex iwettaq sorveljanza effettiva fuq il-post ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.
2. L-Istati Membri li għalihom japplika l-paragrafu 1 għandhom jipprovdu għall-possibilità li jitwettqu investigazzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex ikun assigurat li jikkonformaw mal-konvenzjonijiet IMO u r-rekwiżiti nazzjonali.
3. L-investigazzjonijiet supplimentari msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunumeħtieġa f'intervalli ta' mhux iktar minn 12-il xahar għal bastimenti li:
a)
kienu mniżżla f'reġistru ta' Stat Membru għal inqas minn sentejn; kif ukoll,
b)
ġew miżmuma skond id-Direttiva 95/21/KE tal-Kunsill(13)tad-19 ta' Ġunju 1995 li tikkonċerna l-infurzar, fir-rigward ta' bastimenti li jużaw l-portijiet tal-Komunità u li jbaħħru fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' standards internazzjonali għas-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni ta' tniġġis u l-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol abbord jew skond id-Direttiva 2007/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwaril-kontroll ta' l-Istat tal-Port](14)f'xi żmien fl-aħħar 12-il xahar.
4. Ġaladarba regoli dettaljati ta' l-ispezzjoni adottati taħt l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2007/.../KE [dwar il-Kontroll ta' l-Istat tal-Port] ikunu daħlu fis-seħħ, l-investigazzjonijiet supplementari imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 m'għandhomx ikunu meħtieġa fi kwalunkwe każ għal bastimenti li jkunu ġew assenjati profil ta' riskju baxx taħt dik id- Direttiva fl-aħħar spezzjoni.
5. L-Istati Membri li għalihom japplika l-paragrafu 1 għandhom ukoll:
a)
joħorġu struzzjonijiet speċifiċi lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tagħhom li fihom jispjegaw l-azzjonijiet li għandhom jiġu segwiti f'każ li bastiment jinstab mhux tajjeb biex isalpa mingħajr periklu għall-bastiment u għall-persuni abbord, jew jinstab li jippreżenta theddida mhux raġonevoli ta' ħsara għall-ambjent tal-baħar; kif ukoll,
b)
jipprovdu lill-organizzazzjoni rikonoxxuta tagħhom bl-istrumenti tal-liġi nazzjonali kollha xierqa u l-interpretazzjonijiet tagħhom li jattwaw id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet jew jispeċifikaw jekk l-istandards ta' l-Amministrazzjoni jmorrux lil hinn mir-rekwiżiti tal-konvenzjoni f'xi rigward.
6. Linji gwidaneċessarji sabiex ikunu stabbiliti proċeduri ta' investigazzjoni u sistemi ta' sorveljanza għal investigazzjonijiet supplimentari u kriterji minimi għas-servejers u spetturi li jwettqu investigazzjonijiet supplimentari għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 8
Is-surveyors ta' l-Istat tal-bandiera
1. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu u jiddokumentaw ir-responsabilitajiet, l-awtorità u l-interrelazzjoni ta' l-istaff ta' l-Istat tal-bandiera kollu li jiġġestixxi, iwettaq u jivverifika x-xogħol li jkollu x'jaqsam mas-sikurezza u l-prevenzjoni tat-tniġġis u li jaffettwahom.
2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istaff responsabbli għall-ispezzjonijiet jew li jwettaqhom, inklużi l-ispezzjonijiet u l-verifiki addizzjonali fuq bastimenti u kumpaniji, jkun konformi mal-kriterji minimi stipulati fl-Anness II.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istaff, barra minn dak imsemmi fil-paragrafu 2 li jgħin fit-twettiq ta' l-obbligi ta' l-Istat tal-bandiera jkollu edukazzjoni, taħriġ u superviżjoni fi proporzjon max-xogħlijiet li huwa awtorizzat li jwettaq.
4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, permezz tal-metodi xierqa u l-mezzi neċessarji l-implimentazzjoni ta' sistema dokumentata għall-iżvilupp kontinwu ta' kompetenzi għall-istaff kif imsemmi fil-paragrafi 1 sa 3 u aġġornamenti kontinwi ta' l-għarfien tiegħu kif jixraq lid-dmirijiet li l-membri ta' l-istaff humamaħtura jew awtorizzati biex iwettqu.
5. L-Istat tal-bandiera għandu joħroġ dokumenti ta' identifikazzjoni li jaffermaw l-awtorità li ta lis-servejers li jwettqu xogħlijiet f'ismu abbord jew fl-istiva tal-bastimenti, u jekk meħtieġ, lill-bqija ta' l-istaff imsemmija fil-paragrafu 3.
6.Sabiex jittejbu l-linji gwida fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, l-Anness II jista' jiġi emendat bil-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
7. Rekwiżiti minimi jistgħu jiġu stabbiliti għall-kwalifikazzjoni ta' l-istaff imsemmija fil-paragrafu 3 skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 9
L-investigazzjonijiet ta' l-Istat tal-bandiera
L-Istati Membri għandhom iwettqu investigazzjoni wara li sseħħ diżgrazzja jew inċident ta' tniġġis fuq il-baħar li tinvolvi bastiment li jtajjar bandiera tagħhom, waqt li josservaw ir-responsabbilitajiet u l-obbligi taħt il-Kodiċi għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji u Inċidenti fil-Baħar, addottati mill-IMO permezz tar-riżoluzzjoni A.849(20), kif ġie mehmuż bħala anness mar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea ta' l-IMO A.884(21), fil-verżjoni aġġornata tagħha. Dawn l-investigazzjonijiet fuq id-diżgrazzji għandhom jitwettqu minn investigaturi kkwalifikati xierqa, mħarrġa f'oqsma relatati mad-diżgrazzja, li għandhom ikunu pprovduti mill-Istati Membri, irrespettivament mill-post fejn seħħet id-diżgrazzja jew inċident.
Artikolu 10
Ekwipaġġar sikur
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom huma adegwatament ekwipaġġati għal dak li għandu x'jaqsam mas-sikurezza fuq il-baħar u għandhom josservaw il-prinċipji ta' ekwipaġġar sikur, kif stipulat fir-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea IMO A.890 (21) dwar il-Prinċipji ta' ekwipaġġar sikur, fil-verżjoni aġġornata tagħha, u billi jitqiesu l-linji ta' gwida relevanti annessi ma' din ir-Riżoluzzjoni.
Artikolu 11
Miżuri ta' akkumpanjament
1. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jżommu ġabra ta' data tal-flotta għall-bastimenti tagħhom, bid-dettalji tekniċi ewlenin ta' kull bastiment u l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2, jew jassiguraw li jkollhom aċċess dirett għal bażi tad-dejta li tipprovdi informazzjoni simili. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni d-dritt li tgawdi u taqsam l-aċċess, kif meħtieġ, għall-ġabra ta' data għall-bastimenti tagħhom, filwaqt li jkollha il-possibilità li tieħu u tiskambja data magħhom.
2. L-informazzjoni li ġejja għandha tkun inkluża fil-bażi tad-dejta ta' kull Stat Membru:
a)
informazzjoni individwali, għal bastiment reġistrat:
i)
dettalji tal-bastiment (Isem, numru IMO, eċċ.); data tar-reġistrazzjoni u, jekk xieraq, tat-tħassir mir-reġistru,
ii)
l-identifikazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti involuti fiċ-ċertifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-bastiment fuq struzzjonijiet ta' l-Istat tal-bandiera,
iii)
id-dati u r-riżultat (Nuqqasijiet: Le jew Iva, deskrizzjoni, tiswijiet li saru jew li għandhom isiru; Detenzjonijiet: Le jew Iva, u t-tul ta' żmien)tal-kontrolli, inklużi kontrolli addizzjonali u supplimentari, jekk hemm, u l-verifiki li twettqu kemm direttament mill-Istat tal-bandiera kif ukoll minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti lililhom l-Istat iddelega l-awtorità,
iv)
l-identifikazzjoni ta' l-entità li spezzjonat il-bastiment skond id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll ta' l-Istat tal-port u d-dati ta" l-ispezzjonijiet,
v)
ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet ta' kontroll ta' l-Istat tal-port (Nuqqasijiet: Le jew Iva, deskrizzjoni, tiswijiet li saru jew li għandhom isiru;Detenzjonijiet: Le jew Iva, u t-tul ta' żmien),
vi)
informazzjoni dwar korruti,
vii)
informazzjoni dwar ksur skond il-Konvenzjonijiet IMO, b'mod partikulari l-MARPOL u skond id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta" Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u l-introduzzjoni ta" penali fil-każ ta" ksur(15),
(b)
Informazzjoni ġenerali fir-rigward tal-bastimenti kollha fir-reġistru tiegħu:
i)
reġistrazzjoni u identifikazzjoni tal-bastimenti li tħassru mir-reġistru matul it-12-il xahar ta' qabel; matul dan il-perjodu għandha tinżamm l-informazzjoni kollha miġbura fil-ġabra ta' data matul il-perjodu li fih baqgħu fir-reġistru,
ii)
in-numru ta' spezzjonijiet annwali ta' kull tip li jitwettqu minn jew f'isem l-Istat tal-bandiera, mqassma skond il-proċedura.
3. It-talbiet għall-informazzjoni mniżżla fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu emendati fid-dawl ta' l-iżviluppi relatati ma' ġabriet ta' data ġodda skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
Jistgħu jkunu stabbiliti formati armonizzati għall-għoti tat-tagħrif skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
4.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tingħata bis-sħiħ u minnufih lill-Istat tal-bandiera ġdid jekk bastiment jitlaq mir-reġistru u jiġi trasferit għal reġistru ieħor.
Artikolu 12
Evalwazzjoni u reviżjoni tal-prestazzjoni ta' l-Istati tal-bandiera
1. L-Istati Membri għandhom jevalwaw kull sena l-prestazzjonjiet tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.
2. Il-miżuri għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' l-Istati tal-bandiera għandhom jinkludu, fost oħrajn, rati ta' detenzjoni ta' kontroll ta' l-Istat tal-port, ir-riżultati ta' l-ispezzjoni ta' l-Istat tal-bandiera, statistika tad-diżgrazzji, proċessi ta' komunikazzjoni u informazzjoni, statistika tat-telf annwali (barra t-telf totali kostruttiv u indikaturi tal-prestazzjoni oħra kif jista' jkun xieraq, biex jiddeterminaw jekk l-istaff, ir-riżorsi u l-proċeduri amministrattivi humiex adegwati biex jaqdu l-obbligi marbuta ma' l-Istat tal-bandiera.
3. Għandha tiġi stabbilita metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
4. L-Istati Membri li fl-1 ta' Lulju tas-sena kalendarja jidhru f'lista sewda jew griża kif ippubblikata fir-rapport annwali tal-Memorandum ta' Ftehim (MOU) ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport estensiv dwar in-nuqqas ta' prestazzjoni tagħhom bħala Stat tal-bandiera qabel l-1 ta' Settembru ta" dik is-sena stess. Dan ir-rapport għandu jidentifika u janalizza r-raġunijiet ewlenin għal dan in-nuqqas ta' prestazzjoni u jidentifika l-kategoriji ta' bastimenti li wasslu għal dan ir-riżultat. Dan ir-rapport għandu jkun fih pjan għal azzjoni ta' rimedju, inkluż fejn jixraq spezzjonijiet supplimentari, li għandhom ikunu implimentati ma' l-ewwel opportunità.
Artikolu 13
Il-proċess ta' verifika ta' l-Istat tal-bandiera
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li verifika indipendenti tal-konformità tagħhom ma' din id-Direttiva titwettaq fi żmien tliet snin mid-dħul ta' din id-Direttiva u f'intervalli ta' żmien regolari minn hemm 'il quddiem.
2. Il-qafas u l-proċeduri għall-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura regolatorja fl-Artikolu 18(2).
Madankollu, il-verifiki mwettqa skond id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni A.974(24) ta' l-IMO għandhom ikunu aċċettati bħala l-verifika msemmija fil-paragrafu 1, jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 ġew sodisfatti. L-aċċettazzjoni hija bla ħsara għal kull spezzjoni addizzjonali mwettqa mill-Kummissjoni jew fuq talba tagħha sabiex tikkontrolla l-konformità mal-leġiżlazzjoni marittima Komunitarja.
3. L-Istat Membru għandu jassigura:
a)
li l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva tkun se tiġi vverfikata wkoll;
b)
li l-Kummissjoni tingħata possibiltà li tipparteċipa, bħala osservatur, fil-proċess ta' verifika ta' l-IMO;
c)
li r-rapport u l-informazzjoni dwar l-azzjoni sussegwenti meħuda se jkunu minnufih disponibbli għall-Kummissjoni.
għandu jiġi stabbilit kalendarju għat-twettiq tal-verifiki msemmija fil-paragrafu 1;
b)
għandhom jiġu definiti l-kundizzjonijiet għall-pubbliċità li għandha tingħata lir-riżultati tal-verifika.
5. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżviluppa rakkomandazzjonijiet u tagħmel proposti li jtejbul-proċeduri u r-riżultati tas-sistema ta' verifika ta' l-IMO fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2.
Artikolu 14
Ċertifikazzjoni tal-kwalità
1. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw, jimplimentaw u jwettqu sistema ta' ġestjoni tal-kwalità għall-amministrazzjoni tagħhom. Din is-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità għandha tkun iċċertifikata skond l-istandards ISO 9001:2000 jew standard ekwivalenti li jissodisfa talanqas l-aspetti kollha ta' l-ISO 9001:2000, u għandha tkun ivverifikata skond il-linji ta' gwida ta' l-ISO 19011:2002 jew standard ekwivalenti li jissodisfa l-aspetti kollha ta' l-ISO 19011:2002. Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16) għandha tiġi osservata b'rabta ma' l-istandards ekwivalenti hawn msemmija.
2. Is-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità għandha tiġi stabbilita f'perjodu ta' tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
3. Is-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità għandha tkun iċċertifikata f'perjodu ta' erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
4. Ir-referenzi fil-paragrafu 1 għall-istandards ISO jistgħu jiġu aġġornati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 15
Ftehimiet ta' kooperazzjoni
Il-Kummissjoni, qabel tmiem l-[2007], għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-fattibilità tat-twaqqif ta' Memorandum ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, l-Istati Membri u pajjiżi terzi, dwar l-obbligi ta' kontroll ta' l-Istat tal-bandiera, bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet kompetittivi indaqs bħall-Istati Membri għal dawk il-pajjiżi terzi, li ntrabtu li jimplimentaw b'mod obbligatorju l-Kodiċi għall-implimentazzjoni ta' l-istrumenti obbligatorji ta' l-IMO, permezz tar-Riżoluzzjoni ta'l-IMO A.973(24) u li qablu li jkunu verifikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni tal-IMO A.974(24).
Artikolu 16
Bgħit ta" informazzjoni u avviżi
1. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-IMOu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet IMO.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw kull sena l-Kummissjoni dwar:
a)
l-għadd ta' spezzjonijiet u verifiki li wettqu bħala Stati tal-bandiera;
b)
ir-riżorsi allokati tax-xogħolijiet imsemmija fl-Artikoli 4(1) u 4(2) kif ukoll fl-Artikolu 7(1);
c)
il-miżuri meħuda biex jikkonformaw ma' l-Artikoli 6 sa 11, l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 15.
3.Kampjun armonizzat tal-formola għall-obbligi ta' tagħrif imsemmija fil-paragrafu 2 jista' jiġi stabbilit skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).
4. Il-Kummissjoni, wara li tkun irċivietit-tagħrif mill-Istati Membri, għandha tħejji rapport konsolidat dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Dan ir-rapport għandu jkun indirizzat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 17
Emendi
Flimkien ma" l-emendi misjuba fl-Artikolu 2(2), Artikolu 6(7) u l-Artikolu 11(3), din id-Direttiva tista' tiġi emendata skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2) sabiex jitqiesu d-dispożizzjonijiet ġodda relatati ma' l-Istat tal-bandiera u l-impenji żviluppati fuq livell internazzjonali, partikolarment, fl-IMO u fl-ILO.
L-emendi tal-Konvenzjonijiet IMO u tal-Kodiċi għall-implimentazzjoni ta' l-istrumenti obbligatorji ta' l-IMO jistgħu jitħallew barra mill-ambitu ta' din id-Direttiva skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.
Artikolu 18
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri (COSS) imwaqqaf mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahrejn.
Artikolu 19
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn [...]. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir referenza bħal din.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Komunità.
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS I
KODIĊI TA' L-ISTAT TAL-BANDIERA (FSC)
IL-PARTIJIET 1 U 2 TA' L-ABBOZZ TAL-KODIĊI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ISTRUMENTI OBBLIGATORJI TA' L-IMO
PARTI 1 – OQSMA KOMUNI
L-Għan
1. L-għan tal-Kodiċi huwa li jtejjeb is-sikurezza marittima tad-dinja u l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar.
2. L-amministrazzjonijiet differenti se jikkunsidraw dan il-Kodiċi skond iċ-ċirkostanzi tagħhom u se jintrabtu biss għall-implimentazzjoni ta' dawk l-istrumenti msemmija fl-paragrafu 6 li għalih huma gvernijiet jew partijiet kontraenti. Minħabba l-ġeografija u ċ-ċirkostanzi, xi amministrazzjonijiet jistgħu jkollhom rwol akbar bħala Stat tal-bandiera milli bħala Stat tal-port jew bħala Stat tal-kosta, filwaqt li oħrajn jistgħu jkollhom rwol akbar bħala Stat tal-kosta jew Stat tal-port milli Stat tal-bandiera. Dawn l-iżbilanċi bl-ebda mod ma jnaqqsu dmirijiethom bħala Stat tal-bandiera, tal-port jew tal-kosta.
L-Istrateġija
3. Sabiex Stat jilħaq l-għan ta' dan il-Kodiċi, għandha tiġi żviluppata strateġija li tkopri l-kwistjonijiet li ġejjin:
1)
l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' l-istrumenti internazzjonali obbligatorji relevanti;
2)
l-aderenza mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali, kif jixraq;
3)
reviżjoni u verifika kontinwi ta' l-effikaċja ta' l-Istati fir-rigward ta' l-ilħiq ta' l-obbligi internazzjonali tiegħu; kif ukoll
4)
l-ilħiq, iż-żamma u t-titjib tal-prestazzjoni u l-kapaċità organizzattivi ġenerali.
Fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija msemmija hawn fuq, il-gwida mogħtija f'dan il-Kodiċi għandha tkun irrispettata.
Ġenerali
4. Skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu ta' l-1982 (UNCLOS) u l-Konvenzjonijiet IMO, l-Amministrazzjonijiet huma responsabbli għall-promulgazzjoni ta" liġijiet u regolamenti u għat-teħid tal-passi l-oħrajn kollha li jinħtieġu sabiex dawn l-istrumenti jingħatalhom effett sħiħ u komplut biex jiġi assigurat li, fir-rigward tas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar, bastiment ikun adatt għas-servizz li għalih ikun maħsub u mħaddem minn ekwipaġġ marittimu kompetenti.
5. Fit-teħid tal-miżuri għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis ta' l-ambjent tal-baħar, l-Istati għandhom jaġixxu sabiex ma jittrasferux, direttament jew indirettament, il-ħsara jew il-perikli minn żona għal oħra jew ibiddlu tip ta' tniġġis f'ieħor (UNCLOS, Artikolu 195).
L-ambitu
6. L-istrumenti obbligatorji ta' l-IMO jindirizzaw f'dan il-Kodiċi huma:
1) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar 1974 (SOLAS 74), kif emendata;
2) il-Protokoll ta'l-1978 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar 1974, kif emendata (SOLAS PROT 1978);
3) il-Protokoll ta'l-1988 dwar il- Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar 1974, kif emendata (SOLAS PROT 1988),;
4) il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 (MARPOL 73/78);
5) il-Protokoll tal-1997 sabiex jemenda il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikat mill-Protokoll relatat tal-1978 (MARPOL PROT 1997);
6) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħhara, 1978, kif emendata, (STCW);
7) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sinjal tat-Tagħbija, 1966 (LL 66);
8) il-Protokoll tal-1988 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sinjal tat-Tagħbija, 1966 (LL PROT 1988);
9) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Kejl ta' Tunnellaġġ ta' Bastimenti, 1969 (Tunnellaġġ 69); kif ukoll
10) il-Konvenzjoni dwar ir-Regolamenti Internazzjonali għat-Tħaris mill-Kolliżjonijiet fuq il-Baħar, 1972 kif emendata (COLREG 72);
kif ukoll l-istrumenti kollha li jsiru obbligatorji permezz ta' dawn il-konvenzjonijiet u protokolli. Listi mhux eżawrjenti ta' l-obbligi skond l-istrumenti obbligatorji msemmija hawn fuq jinsabu fl-Annessi 1 sa 4. Lista ta' l-istrumenti relevanti tingħata fl-Anness 5 u sommarju ta" l-emendi għall-istrumenti mandatorji riflessi f'dan il-Kodiċi hu mogħti fl-anness 6(17).
L-azzjonijiet tal-bidu
7. Meta strument obbligatorju ġdid jew emendat ta' l-IMO jidħol fis-seħħ fi Stat, il-Gvern ta' dak l-Istat għandu jkun f'qagħda li jimplimenta u jinforza d-dispożizzjonijiet tiegħu permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa u jipprovdi l-infrastruttura meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar. Dan ifisser li l-Gvern ta' l-Istat għandu jkollu;
1)
il-kapaċità li jippromulga liġijiet li jippermettu ġuriżdizzjoni u kontroll effikaċi fi kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali dwar il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u, partikolarment, jipprovdi bażi legali għar-rekwiżiti ġenerali għar-reġistri, l-ispezzjoni ta' bastimenti, liġijiet fil-qasam tas-sikurezza u għall-ħarsien mit-tniġġis lil dawn il-bastimenti u t-tfassil ta' regolamenti assoċjati;
2)
bażi legali għall-infurzar tal-liġijiet u regolamenti nazzjonali tiegħu, inklużi l-proċessi investigattivi u penali assoċjati; kif ukoll
3)
id-disponibilità ta' biżżejjed staff b'għarfien espert marittimu biex jgħin fil-promulgazzjoni tal-liġijiet nazzjonali neċessarji u biex jaqdi r-responsabilitajiet kollha ta' l-Istat, inkluż ir-rappurtar kif jesiġu l-konvenzjonjiet rispettivi.
8. Qafas ta' leġiżlazzjoni nazzjonali possibbli biex jattwa d-dispożizzjonijiet ta' l-istrumenti relevanti ta' l-IMO jidher fil-"Guidelines for Maritime Legislation", pubblikazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti(18).
Komunikazzjoni ta' l-informazzjoni
9. L-Istat għandu jikkomunika l-istrateġija tiegħu, kif imsemmi fil-paragrafu 3, inkluża l-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali lil dawk kollha kkonċernati.
Ir-reġistri
10. Għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma, kif jixraq, reġistri biex jipprovdu evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti u l-ħidma effikaċi ta' l-Istati. Ir-reġistri għandhom jinżammu fi stat tali li jkunu jistgħu jinqraw, jiġu identifikati bla diffikultà u rkuprati. Għandha tiġi stabbilita proċedura dokumentata biex tiddefinixxi l-kontrolli meħtieġa għall-identifikazzjoni, il-ħażna, il-protezzjoni, l-irkupru, ż-żamma u r-rimi tar-reġistri.
It-titjib
11. L-Istati Membri għandhom ikomplu jtejbu l-adegwatezza tal-miżuri li jittieħdu biex jattwaw dawk il-konvenzjonijiet u protokolli li jkunu aċċettaw. Għandu jsir titjib permezz ta' applikazzjoni u nfurzar rigorużi u effettivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif jixraq, u monitoraġġ kontinwu tal-konformità.
12. L-Istat għandu jqajjem kultura li tipprovdi opportunitajiet għall-persuni għat-titjib fil-prestazzjoni tas-sikurezza marittima u l-attivitajiet għall-ħarsien ta' l-ambjent.
13. Minbarra dan, l-Istat għandu jieħu azzjoni biex jidentifika u jelimina l-kawża ta' kull nuqqas ta' konformità sabiex dawn ma jerġgħux iseħħu, inklużi:
1.
reviżjoni u analiżi tan-nuqqasijiet ta' konkormità;
2.
implimentazzjoni ta' l-azzjoni korrettiva meħtieġa; kif ukoll
3.
reviżjoni ta' l-azzjoni korrettiva meħuda.
14. L-Istat għandu jddetermina l-azzjoni biex jelimina l-kawżi tan-nuqqasijiet potenzjali ta' konformità sabiex dawn ma jerġgħux iseħħu.
PARTI 2 – STATI TAL-BANDIERA
L-implimentazzjoni
15. L-Istati tal-bandiera, sabiex jaqdu b'mod effikaċi r-responsabilitajiet u l-obbligi tagħhom, għandhom:
1)
jimplimentaw l-oqsma tal-politika permezz ta' ħruġ ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u gwida li jgħinu fl-implimentazzjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet u l-protokolli kollha dwar is-sikurezza u l-prevenzjoni tat-tniġġis li tagħhom huma partijiet; kif ukoll
2)
iqassmu r-responsabilitajiet fi ħdan l-Amministrazzjoni tagħhom biex kull politika adottata tkun aġġornata u riveduta kif meħtieġ.
16. L-Istati tal-bandiera għandhom jistabbilixxu r-riżorsi u l-proċessi kapaċi li jamministraw programm għas-sikurezza u l-ħarsien ta' l-ambjent li, għallinqas, għandu jkun fih dan li ġej:
1)
struzzjonijiet amministrattivi biex jimplimentaw ir-regoli u regolamenti internazzjonali applikabbli kif ukoll jiżviluppaw u jxerrdu kull regolament interpretattiv nazzjonali li jista' jinħtieġ;
2)
riżorsi li jassiguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta' l-istrumenti obbligatorji ta' l-IMO elenkati fil-paragrafu 6 bl-użu ta' programm ta' verifika u spezzjoni indipendenti minn kull korp amministrattiv li joħroġ iċ-ċertifikati meħtieġa u d-dokumentazzjoni relevanti u/jew minn kull entità li ġiet iddelegata bl-awtorità mill-Istati tal-bandiera biex toħroġ iċ-ċertifikati meħtieġa u d-dokumentazzjoni relevanti;
3)
riżorsi li jassiguraw il-konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet STCW ta' l-1978, kif emendata. Dan jinkludi riżorsi li jassiguraw, fost oħrajn, li:
3.
1 it-taħriġ, il-valutazzjoni tal-kompetenzi u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni;
3.
2 iċ-ċertifikazzjoni STCW u l-awtorizzazzjonijiet jirriflettu l-kompetenzi tal-baħħara, bl-użu ta' terminoloġija STCW xierqa kif ukoll termini li huma identiċi għal dawk użati f'kull dokument dwar l-ekwipaġġar sikur maħruġ għall-bastiment;
3.
3 tista' titwettaq investigazzjoni imparzjali dwar kull nuqqas, sew bl-att kif ukoll bl-omissjoni, li jiġi rrapurtat u li jista' jkun ta' theddida diretta għas-sikurezza tal-ħajja jew tal-proprjetà fuq il-baħar jew għall-ambjent tal-baħar, mid-detenturi taċ-ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet maħruġa minn dik il-Parti;
3.
4 iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-Istat tal-bandiera jistgħu jkunu effettivament irtirati, sospiżi jew mħassra meta dan ikun ġustifikat, u meta dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni tal-frodi; kif ukoll
3.
5 arranġamenti amministrattivi, inklużi dawk li jinvolvu l-attivitajiet ta' taħriġ, valutazzjoni u ċertifikazzjoni mwettqa fi ħdan il-kompetenza ta' Stat ieħor, huma tali li l-Istat tal-bandiera jaċċetta r-responsabilitajiet tiegħu sabiex jassigura l-kompetenza tal-kaptani, l-uffiċjali u baħħara oħra li jaħdmu fuq bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu(19);
4)
ir-riżorsi li jassiguraw it-twettiq ta' investigazzjonijiet f'diżgrazzji u ġestjoni adegwata u f'waqtha ta' każijiet ta' bastimenti b'defiċjenzi identifikati; kif ukoll
5)
l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni u l-għoti ta" gwida dwar dawk ir-rekwiżiti b'mod li jissodisfaw l-amministrazzjoni, imsemmija fil-Konvenzjonijiet IMO relevanti.
17. L-Istati tal-bandiera għandhom jassiguraw li l-bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom huma ekwipaġġati biżżejjed u effiċjentement, billi jitqiesu l-Prinċipji dwar l-Ekwipaġġar Sikur adottati mill-IMO.
Delega ta' l-awtorità
18. L-Istati tal-bandiera li jawtorizzaw organizzazzjonijiet rikonunxxuti biex jaġixxu f'isimhom fit-twettiq ta' surveys u spezzjonijiet, il-ħruġ ta' ċertifikati u dokumenti, l-immarkar tal-bastimenti u xogħol statutorju ieħor meħtieġ skond il-konvenzjonijiet IMO għandhom jirregolaw din l-awtorizzazzjoni skond ir-regolament SOLAS XI-1/1 sabiex:
1)
jiddeterminaw li l-organizzazzjoni rikonuxxuta għandha riżorsi adegwati f'termini ta' kapaċitajiet tekniċi, ta' ġestjoni u ta' riċerka biex ittemm il-ħidmiet imqassma, skond l-Istandards minimi għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f'isem l-Amministrazzjoni stabbiliti fir-riżoluzzjoni IMO relevanti(20);
2)
ikollhom, bħala bażi, ftehim formali bil-miktub bejn l-Amministrazzjoni u l-organizzazzjoni rikonuxxuta li, għall-inqas, jkun fih l-elementi stabbiliti fir-riżoluzzjoni relevanti ta' l-IMO(21), jew arranġamenti ġuridiċi ekwivalenti, u li jistgħu jkunu bbażati fuq il-mudell tal-ftehim għall-awtorizzazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet rikonuxxuti li jaġixxu f'isem l-Amministrazzjoni(22);
3)
joħorġu struzzjonijiet speċifiċi li jispjegaw l-azzjonijiet li għandhom ikunu segwiti f'każ li bastiment jinstab mhux tajjeb li jsalpa mingħajr periklu għall-bastiment u għall-persuni abbord, jew jinstab li jippreżenta theddida mhux raġonevoli ta' ħsara għall-ambjent tal-baħar;
4)
jipprovdu lill-organizzazzjoni rikonoxxuta bl-istrumenti tal-liġi nazzjonali kollha xierqa u l-interpretazzjonijiet tagħhom li jattwaw id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet jew jispeċifikaw jekk l-istandards ta' l-Amministrazzjoni jmorrux lil hinn mir-rekwiżiti tal-konvenzjoni f'xi rigward; kif ukoll
5)
jesiġu li l-organizzazzjoni rikonuxxuta għandha żżomm reġistri li jipprovdu lill-Amministrazzjoni bid-data biex jgħinuha fl-interpretazzjoni tar-regolamenti tal-konvenzjoni.
19. L-Istati tal-bandiera li jinnominaw is-surveyors bil-għan li jwettqu surveys u spezzjonijiet f'isimhom għandhom jirregolaw dawn in-nomini, kif jixraq, skond il-gwida prevista fil-paragrafu 18, partikolarment is-subparagrafi 3 sa 4.
20. L-Istat tal-bandiera għandu jistabbilixxi jew jipparteċipa fi programm ta' sorveljanza b'riżorsi adegwati għall-monitoraġġ ta', u komunikazzjoni ma', l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tiegħu sabiex jassigura li l-obbligi internazzjonali jintlaħqu bis-sħiħ, billi:
1)
jeżerċitaw l-awtorità tiegħu biex iwettaq spezzjonijiet supplimentari biex jassigura li l-bastimenti intitolati li jtjaru l-bandiera tiegħu jkunu konformi ma' l-istrumenti obbligatorji ta' l-IMO;
2)
iwettaq spezzjonijiet supplimentari kif iqis meħtieġ biex jassigura li l-bastimenti intitolati li jtjaru l-bandiera tiegħu jkunu konformi mar-rekwiżiti nazzjonali li jissuplimentaw ir-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet ta' l-IMO; kif ukoll
3)
jipprovdi staff li għandu għarfien tajjeb tar-regoli u r-regolamenti ta' l-Istat tal-bandiera u ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u li huwa disponibbli li jwettaq sorveljanza effettiva fuq il-post ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.
L-infurzar
21. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura neċessarja biex jiżguraw it-tħaris tar-regoli u l-istandards internazzjonali minn bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom u minn entitajiet u persuni taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom sabiex tkun assigurata l-konformità ma' l-obbligi internazzjonali tagħhom. Din il-miżura għandha, fost oħrajn, tinkludi:
1)
il-projbizzjoni ta' bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom milli jbaħħru sa meta dawn il-bastimenti jkunu jistgħu jsalpaw f'konformità mar-rekwiżiti tar-regoli u l-istandards internazzjonali;
2)
l-ispezzjoni perjodika ta' bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex jivverifika li l-qagħda attwali tal-bastiment u ta' l-ekwipaġġ huma konformi maċ-ċertifikati li jġorr miegħu;
3)
li, matul l-ispezzjoni perjodika imsemmija fis-subparagrafu .2, is-surveyor għandu jassigura li l-baħħara assenjati lill-bastiment jafu sewwa:
3.
1 id-dmirijiet speċifiċi tagħhom; kif ukoll
3.
2 l-arranġamenti, l-installazzjonijiet, it-tagħmir u l-proċeduri tal-bastiment;
4)
l-iżgurar li l-ekwipaġġ tal-bastiment, bħala entità waħda, jista' jikkoordina effettivament l-attivitajiet tiegħu f'sitwazzjoni ta' emerġenza u fit-twettiq ta' funzjonijiet essenzjali għas-sikurezza jew għall-prevenzjoni jew it-trażżin tat-tniġġis;
5)
dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti nazzjonali għal penalitajiet ta' severità adegwata biex jiġi skoraġġit il-ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali minn bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom;
6)
il-bidu ta' proċeduri – wara li twettqet investigazzjoni - kontra bastimenti intitolati li jtajtru l-bandiera tagħhom li jkunu kisru r-regoli u l-istandards internazzjonali, irrispettivament minn fejn ikun sar il-ksur;
7)
dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti nazzjonali għal penalitajiet ta' severità adegwata biex jiġi skoraġġit il-ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali minn individwi li nħarġulhom ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet taħt l-awtorità tagħhom; kif ukoll
8)
il-bidu ta' proċeduri – wara li twettqet investigazzjoni – kontra individwi detenturi ta' ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet li jkunu kisru r-regoli u l-istandards internazzjonali, irrispettivament minn fejn ikun sar il-ksur.
22. Stat tal-bandiera għandu jqis l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programm ta' kontroll u monitoraġġ, kif jixraq, sabiex:
1)
jipprovdi għal investigazzjonijiet f'waqthom u bir-reqqa dwar diżgrazzji, b'rappurtar, kif jixraq, lill-IMO;
2)
jipprovdi għall-ġbir ta' data statistika, sabiex tkun tista' titwettaq analiżi tat-tendenzi għall-identifikazzjoni ta' oqsma problematiċi; kif ukoll
3)
jipprovdi għal reazzjoni f'waqtha għad-defiċjenzi u għall-allegazzjonijiet ta' okkorrenzi ta' tniġġis irrapurtati mill-Istati tal-port jew tal-kosta.
23. Barra minn hekk, l-Istat tal-bandiera għandu:
1)
jassigura l-konformità ma' l-istrumenti applikabbli ta' l-IMO permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;
2)
jipprovdi għadd xieraq ta' staff ikkwalifikat li jimplimenta u jinforza l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fis-subparagrafu 15.1, inkluż l-istaff għat-twettiq ta' investigazzjonijiet u spezzjonijiet;
3)
jipprovdi għadd suffiċjenti ta' staff ikkwalifikat mill-Istat tal-bandiera biex jinvestiga okkorrenzi meta l-bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu ġew detenuti mill-Istati tal-portijiet;
4)
jipprovdi għadd suffiċjenti ta' staff ikkwalifikat mill-Istat tal-bandiera biex jinvestiga okkorrenzi meta jitqajjem dubju mill-Istati tal-portijiet dwar il-validità ta' ċertifikat jew awtorizzazzjoni jew kompetenza ta' individwi detenturi ta' ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet maħruġa taħt l-awtorità tiegħu; kif ukoll
5)
jassigura t-taħriġ u s-sorveljanza ta' attivitajiet tas-surveyors u l-investigaturi ta' l-Istat tal-bandiera.
24. Meta Stat jiġi infurmat li bastiment intitolat li jtajjar il-bandiera tiegħu ġie detenut minn Stat tal-port, l-Istat tal-bandiera għandu jissorvelja li jittieħdu miżuri korrettivi xierqa biex il-bastiment ikkonċernat isir minnufih konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli.
25. L-Istat tal-bandiera, jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f'isimhom, għandu joħroġ jew japprova ċertifikat internazzjonali lil bastiment wara li jkun iddeċieda li l-bastiment jilħaq ir-rekwiżiti applikabbli kollha.
26. L-Istat tal-bandiera għandu joħroġ ċertifikat internazzjonali ta' kompetenza jew awtorizzazzjoni għal persuna wara li jiġi deċiż li dik il-persuna tilħaq ir-rekwiżiti applikabbli kollha.
Is-surveyors ta' l-Istat tal-bandiera
27. L-Istat tal-bandiera għandu jiddefinixxi u jiddokumenta r-responsabilitajiet, l-awtorità u l-interrelazzjoni ta' l-istaff kollu li jiġġestixxi, iwettaq u jivverifika x-xogħol li jkollu x'jaqsam mas-sikurezza u l-prevenzjoni tat-tniġġis u dak li jaffettwahom.
28. L-istaff responsabbli għal, jew li jwettaq, surveys, spezzjonijiet u verifiki fuq bastimenti u kumpaniji koperti mill-istrumenti obbligatorji relevanti ta' l-IMO għandu jkollu talanqas dan li ġej:
1)
kwalifiki xierqa minn istitut tal-baħar jew nawtiku u esperjenza ta' tbaħħir relevanti bħala uffiċjal fuq bastiment b'ċertifikat li għandu jew li kellu ċertifikat validu tal-kompetenza tas-STCW II/2 jew III/2 u li żammu l-għarfien tekniku tagħhom dwar bastimenti u t-tħaddim tagħhom minn mindu ngħataw iċ-ċertifikat tal-kompetenza; jew
2)
grad jew ekwivalenti minn istitut terzjarju fi ħdan il-qasam ta' l-inġinerija jew tax-xjenza rikonoxxut mill-Istat.
29. L-istaff ikkwalifikat skond 28 (1) irid ikun serva għal perjodu ta' mhux anqas minn tliet snin fuq il-baħar bħala uffiċjal fid-departiment tal-gverta jew tal-magna.
30. L-istaff ikkwalifikat taħt 28 (2) irid ikun ħadem f'kapaċità relevanti għal mhux inqas minn tliet snin.
31. Barra minn hekk, dan l-istaff għandu jkollu għarfien prattiku u tekniku xieraq tal-bastimenti, tat-tħaddim tagħhom u tad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-istrumenti nazzjonali u internazzjonali meħtieġa biex iwettaq dmirijietu bħala surveyor ta' l-Istat tal-bandiera miksub permezz ta' programmi ta' taħriġ dokumentati.
32. Staff ieħor li jgħin fit-twettiq ta' dan ix-xogħol għandu jkollu edukazzjoni, taħriġ u superviżjoni fi proporzjon max-xogħolijiet li huwa awtorizzat li jwettaq.
33. L-esperjenza relevanti ta' qabel fil-qasam ta' l-għarfien espert għandu jitqies bħala vantaġġ; f'każ li m'hemmx esperjenza qabel l-Amministrazzjoni għandha tipprovdi t-taħriġ xieraq f'dan il-qasam.
34. L-Istati tal-bandiera jistgħu jakkreditaw lil surveyors permezz ta' programm formalizzat u dettaljat ta' taħriġ li jwassal għall-istess standard ta' għarfien u kapaċità bħal dak meħtieġ fil-paragrafi 29 sa 32.
35. L-Istat tal-bandiera jrid ikun implimenta sistema dokumentata għall-kwalifikazzjoni ta' l-istaff u aġġornamenti kontinwi ta' l-għarfien tiegħu kif jixraq lix-xogħolijiet li huwa awtorizzat jagħmel.
36. Il-kwalifiki għandhom jinkludu, skond il-funzjoni(jiet) li għandha/hom titwettaq/jitwettqu:
1)
għarfien dwar regoli u regolamenti applikabbli internazzjonali u nazzjonali għal bastimenti, il-kumpaniji, l-ekwipaġġ, it-tagħbija u t-tħaddim tagħhom;
2)
għarfien dwar regoli u regolamenti internazzjonali u nazzjonali applikabbli għall-bastimenti, il-kumpaniji, l-ekwipaġġ, it-tagħbija u t-tħaddim tagħhom;
3)
komprensjoni tal-miri u l-għanijiet ta' l-istrumenti internazzjonali u nazzjonali li jittrattaw is-sikurezza marittima u l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar, u tal-programmi relatati;
4)
komprensjoni tal-proċessi kemm abbord kif ukoll ta' fuq l-art, interni kif ukoll esterni;
5)
pussess ta' kompetenza professjonali meħtieġa għat-twettiq tax-xogħolijiet mogħtija b'mod effikaċi u effiċjenti;
6)
kuxjenza totali dwar is-sikurezza f'kull ċirkostanza, anki għas-sikurezza ta' l-individwu kkonċernat; kif ukoll
7)
taħriġ u esperjenza fix-xogħolijiet differenti li jridu jitwettqu u, preferibbilment, anki fil-funzjonijiet li jridu jiġu vvalutati.
37. L-Istat tal-bandiera għandu joħroġ dokument ta' identifikazzjoni lis-surveyor li jwettaq ix-xogħolijiet tiegħu/tagħha.
L-investigazzjonijiet ta' l-Istat tal-bandiera
38. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu wara li sseħħ diżgrazzja jew okkorrenza ta' tniġġis fuq il-baħar. Dawn l-investigazzjonijiet fuq id-diżgrazzji għandhom jitwettqu minn investigaturi kkwalifikati xierqa, mħarrġa f'oqsma relatati mad-diżgrazzja. L-Istati tal-bandiera għandhom ikunu lesti jipprovdu b'investigaturi kkwalifikati għal dan il-għan, irrispettivament mill-post fejn tkun seħħet id-diżgrazzja jew okkorrenza.
39. L-Istat tal-bandiera għandu jassigura li l-investigaturi individwali jkollhom għarfien ta' xogħol u esperjenza prattika f'dawk l-oqsma li għandhom x'jaqsmu mad-dmirijiet normali tagħhom. Barra minn hekk, l-Istat tal-bandiera, biex jgħin lill-investigaturi individwali jwettqu dmirijiethom barra l-inkarigi normali, għandu jassigura aċċess fil-pront għall-għarfien espert fl-oqsma li ġejjin, kif ikun meħtieġ:
1)
navigazzjoni u r-Regolamenti dwar il-Kolliżjonijiet;
2)
regolamenti ta' l-Istat tal-bandiera dwar iċ-ċertifikati tal-kompetenza;
3)
awżi għat-tniġġis tal-baħar;
4)
ika ta' l-intervisti;
5)
ta' l-evidenza; kif ukoll
6)
wazzjoni ta' l-effetti ta' l-element uman.
40. Kull inċident li jinvolvi feriment ta' persuni li jeħtiġilhom assenza minn dmirijiethom għal tlett ijiem jew aktar u kull mewta li tirriżulta minn inċidenti u diżgrazzji fuq il-post tax-xogħol għal bastimenti ta' l-Istat tal-bandiera għandhom ikunu investigati, u r-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet għandu jiġi ppubblikat.
41. Id-diżgrazzji fuq il-bastiment għandhom ikunu investigati u rrappurtati skond il-konvenzjonijiet relevanti ta' l-IMO, u l-linji ta' gwida żviluppati mill-IMO(23). Ir-rapport dwar l-investigazzjoni għandu jitressaq lill-IMO flimkien ma' l-osservazzjonijiet ta' l-Istat tal-bandiera, skond il-linji ta' gwida imsemmija hawn fuq.
L-evalwazzjoni u r-reviżjoni
42. L-Istat tal-bandiera għandhom jevalwaw perjodikament il-prestazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-proċessi, proċeduri u riżorsi amministrattivi neċessarji biex jaqdu l-obbligi kif meħtieġ mill-konvenzjonijiet li fihom huma partijiet.
43. Il-miżuri għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' l-Istati tal-bandiera jistgħu jinkludu, fost oħrajn, rati ta' detenzjoni ta' kontroll ta' l-Istat tal-port, ir-riżultati ta' l-ispezzjoni ta' l-Istat tal-bandiera, statistika tad-diżgrazzji, proċessi ta' komunikazzjoni u informazzjoni, statistika tat-telf annwali (barra t-telf totali kostruttiv (constructive total losses CTLSs)), u indikaturi tal-prestazzjoni oħra kif jista' jkun xieraq, biex jiddeterminaw jekk l-istaff, ir-riżorsi u l-proċeduri amministrattivi humiex adegwati biex jaqdu l-obbligi marbuta ma' l-Istat tal-bandiera tagħhom.
44. Il-miżuri jistgħu jinkludu reviżjoni perjodika ta':
1)
proporzjonijiet tat-telf u inċidenti tal-flotta għall-identifikazzjoni ta' tendenzi fuq perjodi magħżula ta' żmien;
2)
l-għadd ta' każijiet verifikati ta' bastimenti detenuti b'relazzjoni mad-daqs tal-flotta;
3)
l-għadd ta' każijiet verifikati ta' inkompetenza u mġiba ħażina minn individwi detenturi ta' ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet maħruġa taħt l-awtorità tiegħu;
4)
ir-risposti għar-rapporti jew interventi mill-Istat tal-port dwar id-defiċjenzi;
5)
l-investigazzjonijiet f'diżgrazzji serji u t-tagħlimiet li jittieħdu minnhom;
6)
ir-riżorsi finanzjarji, tekniċi u oħrajn li ġew impenjati;
7)
ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet, is-surveys u l-kontrolli tal-bastimenti tal-flotta;
8)
l-investigazzjonijiet ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol;
9)
l-għadd ta' okkorrenzi u ksur skond il-MARPOL 73/78, kif emendata; kif ukoll
10)
l-għadd ta' sospensjonijiet u rtirar ta' ċertifikati, awtorizzazzjonijiet, approvazzjonijiet, eċċ.
ANNESS II
KRITERJI MINIMI GĦAS-SURVEYORS TA' L-ISTAT TAL-BANDIERA
(kif imsemmija fl-Artikolu 8)
1. Is-surveyors iridu jiġu awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjonijiet li hemm riferenza għalihom f'din id-Direttiva mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru.
2. Is-surveyors għandhom ikollhom għarfien teoriku u esperjenza prattika xierqa ta' bastimenti, it-tħaddim tagħhom u d-dispożizzjonijiet tar-rekwiżiti nazzjonali u internazzjonali relevanti. Dan l-għarfien u esperjenza għandhom jinkisbu permezz ta' programmi ta' taħriġ dokumentati.
3. Is-surveyors għandhom, talanqas, jew:
1)
id-diploma meħtieġa bil-liġi biex wieħed iservi bħala uffiċjal fuq il-gverta jew fid-dipartiment tal-magna, miksuba minn istitut tal-baħar jew nawtiku, li tipprovdi evidenza ta' esperjenza minima ta' tliet snin bħala uffiċjal fuq il-baħar, jew inkella, ta' sena fuq il-baħar u sentejn oħra ta' servizz ma' l-awtorità kompetenti ta' xi Stat Membru fil-pożizzjoni ta' rekluta għal Servejer ta' l-Istat tal-Bandiera, jew li għandu jew li kellu ċertifikat tal-kompetenza validu tas-STCW II/2 jew III/2; jew
2)
ikunu għaddew minn eżami rikonoxxut minn Awtorità kompetenti bħala perit navali, inġinier mekkaniku jew inġinier li għandu x'jaqsam ma' l-oqsma marittimi u li ħadem f'dik il-kapaċità għal mhux inqas minntliet snin; jew għal perjodu ta" sena u li ħadem ukoll għal perjodu ta" sentejn ma" l-awtorità kompetenti ta" Stat Membru bħala servejer ta" l-Istat tal-bandiera; jew
3)
ikollhom grad universitarju relevanti jew ekwivalenti u ġew imħarrġa u kkwalifikati f'istitut ta' taħriġ għas-surveyors, u li servew għal, talanqas sentejn fil-pożizzjoni ta' Surveyor ta' l-Istat tal-Bandiera li għadu qed jitħarreġ fi ħdan l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru.
4. Is-surveyors li huma kwalifikati taħt il-punti 3(1) u 3(2) iridu jkunu żammu l-għarfien tekniku tal-bastimenti u t-tħaddim tagħhom minn mindu kisbu ċ-ċertifikat tal-kompentenza jew kwalifiki tagħhom.
5. Is-surveyors ikkwalifikati li jaqgħu taħt 3(3) għandhom ikollhom l-istess livell ta' għarfien u kapaċità bħal dak meħtieġ mis-surveyors kwalifikati taħt 3(1) u 3(2).
6. Is-surveyors għandhom ikollhom il-kapaċità li jikkomunikaw bil-fomm u bil-miktub ma' baħħara bil-lingwa l-iktar mitkellma fuq il-baħar.
7. Is-servejers m'għandux ikollhom interess personali jew tal-familja ta" kwalunkwe tip fil-bastiment li qed jiġi spezzjonat, fl-ekwipaġġ tiegħu, fl-aġent, fil-kumpanija, fis-sid jew fil-kerrej, jew fi kwalunkwe organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwettqu kontrolli statutarji jew ta' klassifikazzjoni jew li joħorġu ċertifikati għal bastimenti.
8. Is-servejers li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija hawn fuq huma aċċettati wkoll jekk kienu impjegati ma' l-awtorità kompetenti għal kontrolli statutarji jew spezzjonijiet ta' kontroll ta' l-Istat tal-port fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva u jekk l-Istat tal-port konċernat aċċeda għall-Memorandum ta' Ftehim ta" Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port.
ANNESS III
GWIDA GĦALL-AZZJONIJIET TA' SEGWITU FUQ BASTIMENTI DETENUTI MILL-ISTAT TAL-PORT
(kif imsemmija fl-Artikolu 6)
1. Detenzjoni mill-Istat tal-port
1. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru (minn hawn 'il quddiem l-Istat tal-bandiera) tiġi infurmata li bastiment intitolat li jtajjar il-bandiera tagħha nżamm minn Stat tal-port ieħor, għandha tara li jittieħdu miżuri korrettivi xierqa biex il-bastiment ikkonċernat isir konformi mar-regolamenti u l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli. Il-miżuri elenkati hawn taħt jitqiesu xierqa: il-lista ma twaqqafx l-adozzjoni ta" miżuri ekwivalenti jew addizzjonali, sakemm ikunu konsistenti ma" l-għanijiet ta" din id-Direttiva u mal-mezzi ta' azzjoni permessi minnha.
2. L-azzjonijiet immedjati
1. Malli l-Istat tal-bandiera jiġi infurmat bid-detenzjoni huwa għandu jikkuntattja l-kumpanija (il-kumpanijia għal skopijiet ta' l-ISM) u l-Istat tal-port biex jistabbilixxi, kemm jista' jkun, iċ-ċirkostanzi kollha tad-detenzjoni.
2. L-Istat tal-bandiera, abbażi ta' din l-informazzjoni, għandu jqis liema azzjoni immedjata tinħtieġ biex il-bastiment isir konformi. Jista' jqis li ċerti defiċjenzi jistgħu jkunu korretti minnufih u kkonfermati mill-Istat tal-port (pereżempju ċattra tas-salvataġġ li teħtieġ manutenzjoni). F'dawn il-każijiet l-Istat tal-bandiera għandu jfittex konferma mill-Istat tal-port li d-defiċjenzi ġew korretti.
3. Għal nuqqasijiet iktar gravi, partikolarment dawk strutturali u oħrajn koperti miċ-ċerifikati maħruġa mill-Istat tal-bandiera jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta (OR), l-Istat tal-bandiera għandu jirrikjedi spezzjoni supplementari speċjali minn wieħed mis-servejers tiegħu jew jaħtar servejerer mill-OR biex iwettaqha f'ismu. Inizjalment din l-ispezzjoni għandha tikkonċentra fuq dawk l-oqsma fejn in-nuqqasijiet ġew reġistrati mill-Istat tal-port. Jekk meqjusa neċessarja mill-Istat tal-bandiera jew mis-servejer ta' l-OR din tista' tiġi estiża għal kontroll komplet mill-ġdid għal dawk l-oqsma koperti miċ-ċertifikati statutarji relevanti.
4. F'każijiet fejn l-OR wettqet spezzjonijiet fil-paragrafu 3 ta' hawn fuq is-surveyor tagħha għandu jirraporta lill-Istat tal-bandiera dwar l-azzjonijiet meħuda u l-qagħda tal-bastiment wara l-ispezzjoni sabiex l-Istat tal-bandiera jkun jista' jiddetermina liema azzjoni addizzjonali, jekk tinħtieġ, hija neċessarja.
5. Jekk l-ispezzjoni mill-Istat tal-port ġiet ukoll sospiża skond l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 95/21/KE, jew l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2007/.../KE [dwar il-kontroll tal-port mill-Istat], l-Istat tal-bandiera għandu jħejji għal spezzjoni mill-ġdid tal-bastiment għal dawk iċ-ċertifikati li jkopru l-oqsma fejn id-defiċjenzi ġew irreġistrati mill-Istat tal-port u għal kull qasam ieħor li sussegwentement jinsablu defiċjenza. L-Istat tal-bandiera għandu jew iwettaq din l-ispezzjoni huwa stess jew jirrikjedi rapport komplut mis-surveyor mill-OR u, fejn jixraq, konferma li ntemmet spezzjoni sodisfaċenti u li kull defiċjenza ġiet korretta. Meta jkun sodisfatt, l-Istat tal-bandiera għandu jikkonferma ma' l-Istat tal-port li l-bastiment huwa konformi mar-rekwiżiti tar-regolamenti u konvenzjonijiet internazzjonali relevanti.
6. F'każijiet ta' nuqqasijiet gravi ta' konformità mar-regolamenti u konvenzjonijiet internazzjonali l-Istat tal-bandiera għandu dejjem jibgħat is-surveyor tiegħu stess, u mhux surveyor mill-OR, biex iwettaq jew jissorvelja l-ispezzjonijiet u s-surveys imsemmija fil-paragrafi 3 sa 5.
7. Ħlief jekk ikun japplika il-paragrafu 10, l-Istat tal-Bandiera għandu jeħtieġ li jittieħdu miżuri korrettivi mill-kumpanija sabiex il-bastiment isir konformi mar-regolamenti u l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli qabel ma l-bastiment jitħalla jsalpa mill-port ta' detenzjoni (flimkien ma' l-azzjoni korrettiva meħtieġa mill-Istat tal-port). Jekk din l-azzjoni korrettiva ma tittiħidx iċ-ċertifikati relevanti għandhom ikunu rtirati.
8. L-Istat tal-bandiera għandu jqis sa liema punt id-defiċjenzi rreġistrati mill-Istat tal-port u misjuba hekk wara spezzjoni/survey ta' l-Istat tal-bandiera jindikaw nuqqas tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-bastiment u l-kumpanija. L-Istat tal-bandiera, kif meħtieġ, għandu jħejji għall-verifika mill-ġdid tal-bastiment u/jew tal-kumpanija u f'kollaborazzjoni ma' l-Istat tal-port, iqis jekk din il-verifika ġdida għandhiex titwettaq qabel ma l-bastimenti jitħalla jitlaq il-port ta' detenzjoni.
9. F'kull ħin l-Istat tal-bandiera għandu jikkollabora u jikkoopera ma' l-Istat tal-port biex jgħin fl-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċjenzi misjuba u jirreaġixxi mill-aktar fis possibbli għal kull talba għal kjarifika mill-Istat tal-port.
10. Jekk in-nuqqasijiet ma jistgħux jiġu kkoreġuti fil-port ta' detenzjoni u l-Istat tal-port, skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 95/21/KE jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2007/…/KE [dwar il-kontroll tal-port mill-Istat] jippermetti lill-bastimenti li jmur f'tarzna l-Istat tal-bandiera għandu jikkollabora ma' l-Istat tal-port biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom jitwettaq dan il-vjaġġ u għandhom jikkonfermaw dawn il-kundizzjonijiet bil-miktub.
11. Jekk il-bastiment mhuwiex konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 10 hawn fuq jew jonqos milli jkun preżenti fit-tarzna maqbula l-Istat tal-bandiera għandu minnufih ifittex spjegazzjoni mill-kumpanija u jqis l-irtirar taċ-ċertifikati tal-bastiment. Barra minn hekk l-Istat tal-bandiera għandu jwettaq spezzjoni addizzjoni fl-ewwel opportunità disponibbli.
12. Jekk mill-informazzjoni disponibbli l-Istat tal-bandiera jqis li d-detenzjoni mhijiex ġustifikata dan għandu jgħarraf lill-Istat tal-port bit-tħassib tiegħu u jikkollabora mal-kumpanija biex iqis jekk jużax il-proċedura ta' appell disponibbli fl-Istat tal-port.
3. L-azzjonijiet sussegwenti
1. Skond il-gravità tad-defiċjenzi misjuba u l-azzjoni immedjatament sussegwenti li ttieħdet, l-Istat tal-bandiera għandu wkoll iqis it-twettiq ta' spezzjoni addizzjonali tal-bastiment wara li dan ikun ġie rilaxxat mid-detenzjoni. Din l-ispezzjoni addizzjonali għandha tinkludi valutazzjoni ta' l-effikaċja tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza. Għandha titwettaq, bħala gwida, spezzjoni addizzjonali fuq il-bastiment mill-Istat tal-bandiera fi żmien [6] ġimgħat minn mindu jiġi infurmat bid-detenzjoni Din l-ispezzjoni addizzjonali għandha titħallas mill-kumpanija. Jekk l-Istat huwa previst iwettaq spezzjoni statutorja fuq il-bastiment fi żmien [3] xhur jista' jqis li jħalli l-ispezzjoni addizzjoni sa dak iż-żmien.
2. Minbarra dan l-Istat tal-bandiera għandu jqis jekk verifika mill-ġdid tal-kumpanija involuta għandhiex titwettaq. L-Istat tal-bandiera għandu wkoll jirrevedi l-ispezzjonijiet preċedenti ta' bastimenti oħra taħt ir-responsabilità ta' l-istess kumpanija sabiex jiġu identifikati jekk hemmx xi nuqqasijiet komuni għall-flotta tal-kumpanija.
3. Jekk il-bastiment ġie detenut b'mod ġustifikabbli għal iktar minn darba fis-sentejn ta' qabel l-azzjoni sussegwenti għandha tkun iktar urġenti u f'kull każ l-ispezzjoni addizzjonali mill-Istat tal-bandiera għandha titwettaq fi żmien [4] ġimgħat minn mindu l-Istat tal-bandiera ġie infurmat bid-detenzjoni.
4. Jekk id-detenzjoni twassal ukoll għal projbizzjoni tal-bastiment skond l-Artikolu 7b tad-Direttiva 95/21/KE jew l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2007/…/KE [dwar il-kontroll tal-port mill-Istat)], l-Istat tal-bandiera għandu jwettaq spezzjoni addizzjonali u jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jassigura li l-kumpanija terġa' ġġib il-bastiment kompletament konformi mal-konvenzjonijiet u regolamenti kollha relevanti. Meta jkun sodisfatt, l-Istat tal-bandiera għandu jipprovdi lill-kumpanija b'dokument b'dak l-għan.
5. Fil-każijiet kollha l-Istat tal-bandiera għandu jqis liema azzjoni legali tista" tittieħed kontra l-kumpanija, inklużi multi li jkunu severi biżżejjed biex jiskuraġġixxu l-ksur ta" standards Komunitarji u ta" regoli internazzjonali. F'każ li bastiment kontinwament ma jinsabx konformi mar-rekwiżiti tar-regolamenti Komunitarji u l-konvenzjonijiet internazzjonali l-Istat tal-bandiera għandu jqis liema sanzjonijiet addizzjonali jistgħu jkunu meħtieġa, inkluż it-tħassir tal-bastiment mir-reġistru.
6. Meta l-miżuri korrettivi kollha jintemmu sabiex il-bastiment isir konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mar-regolamenti Komunitarji l-Istat tal-Bandiera għandu jibgħat rapport lill-IMO u lill-Kummissjoni, imfassal skond is-SOLAS 74 kif emendata, il-Kapitolu I, ir-Regolament 19(d) u l-paragrafu 5.2 tar-Riżoluzzjoni ta' l-IMO A.787(19) kif emendata, fir-rigward ta" l-IMO, u li jkun fih informazzjoni addizzjonali dwar dispożizzjonijiet marbuta mal-Komunità, fir-rigward tal-Kummissjoni.
4. Stħarriġ addizzjonali
1. L-istħarriġ addizzjonali kif imsemmi hawn fuq għandu jinkludi eżami ta' l-oqsma li ġejjin li jidħol biżżejjed fil-fond biex jissodisfa s-surveyor ta' l-Istat tal-bandiera li t-tagħmir u l-ekwipaġġ tiegħu huma konformi mar-regolamenti u l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli għalihom:
Ċertifikati u dokumenti
Struttura tal-buq u tagħmir
Kundizzjonijiet dwar l-għoti tas-sinjali tat-tagħbija
Makkinarju u sistemi ewlenin
Indafa ta' l-ispazji tal-makkinarju
Attrezzaturi għas-salvataġġ tal-ħajja
Sikurezza f'każ ta' nar
Tagħmir tan-navigazzjoni
Ġarr u tagħmir tat-tagħbija
Tagħmir tar-radju
Tagħmir elettroniku
Prevenzjoni tat-tniġġis
Kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol
Ekwipaġġar
Ċertifikazzjoni ta' l-ekwipaġġ
Sikurezza tal-passiġġieri
Rekwiżiti operattivi inklużi l-komunikazzjoni għall-ekwipaġġ, drills, taħriġ, xogħol u sigurtà fuq il-pont u fil-kamra tal-magna.
2. Għandu jinkludi wkoll, iżda ma jillimitax ruħu għal, l-oġġetti relevanti għal spezzjoni estiża speċifikata fl-Anness V għad-Direttiva 95/21/KE jew fil-Parti C ta" l-Anness VIII għad-Direttiva 2007/.../KE [dwar il-kontroll mill-Istat tal-port)]. Is-servejers ta' l-Istat tal-bandiera m'għandhomx joqogħdu lura milli jinkludu, fejn iqisu meħtieġ, testijiet funzjonali ta' oġġetti bħal dgħajjes ta' sopravivenza u l-arranġamenti biex ikunu varati, makkinarju ewlieni u awżiljarju, koperturi tal-bokkaporti, sistema ta' l-enerġija elettrika u tas-sentina.
Irreferi għall-Kodiċi għall-Investigazzjonijiet ta' Diżgrazzji u Okkorrenzi fuq il-Baħar (Code for the Investigation of Marine Casualties and Incidents), adottat mill-Organizzazzjoni bir-riżoluzzjoni A.849(20), kif emendat bir-riżoluzzjoni A.884(21).