Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2007 dwar l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI dwar is-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali (10543/2006 – C6-0240/2006 – 2006/0806(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija (10543/2006)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat UE, skond liema l-Kunsill ikkonsulta mal-Parlament (C6-0240/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 93 u 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0052/2007),
1. Japprova l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija kif emendata;
2. Jistieden lill-Kunsill sabiex jemenda t-test f'dan is-sens;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jistieden lill-Kunsill sabiex jikkonsultah mill-ġdid jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvern tar-Repubblika ta' l-Awstrija.
Test propost mir-Repubblika ta' l-Awstrija
Emendi tal-Parlament
Emenda 1 ARTIKOLU 1, PUNT 1, PUNT (A) Artikolu 2, paragrafu 2 (Deċiżjoni 2002/348/ĠAI)
2. Il-punti nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-futbol għandhom, skond ir-regoli domestiċi u internazzjonali applikabbli, ikollhom aċċess għall-informazzjoni li tinvolvi data personali dwar partitarji ta' riskju.
2. Il-punti nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-futbol għandhom, skond il-liġijiet domestiċi u internazzjonali applikabbli, ikollhom aċċess għall-informazzjoni li tinvolvi data personali dwar partitarji ta' riskju. Tali data għandha tintuża esklussivament b'konnessjoni mal-logħobiet tal-futbol u ma tistax tintuża għal kwalunkwe attivitajiet oħra.
Emenda 2 ARTIKOLU 1, PUNT 1 A (ġdid) Artikolu 3, paragrafu 3, (Deċiżjoni 2002/348/JHA)
(1a)L-Artikolu 3(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
3.L-iskambju tad-data personali għandu jsir skond il-liġijiet domestiċi u internazzjonali applikabbli filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali u - kif xieraq - ir-Rakkomandazzjoni Nru R(87)15 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-17 ta' Settembru 1987 rigward ir-regolazzjoni ta' l-użu tad-data personali fis-settur tal-pulizija. Tali skambju għandu jsir bil-għan li jsiru preparamenti u li jittieħdu miżuri xierqa għall-ħarsien tal-liġi u l-ordni waqt avveniment tal-futbol. Tali skambju jista', b'mod partikulari, jinvolvi dettalji ta' individwi li realment jew potenzjalment huma ta' theddida għal-liġi u l-ordni u għas-sigurtà.