1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2007 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Taqsima VIIIB, Kontrullur Ewropew għall-Ħarsien tad-Data (C6-0472/2006 - 2006/2170(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005(1),
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2005 - Volum I (C6-0472/2006)(2),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005, u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabilità tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE(4),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5), u partikularment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0111/2007),
1. Jagħti kwittanza lill-Kontrollur Ewropew għall-Ħarsien tad-Data għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005;
2. Jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni hawn taħt;
3. Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi d-deċiżjoni tiegħu, u r-riżoluzzjoni li tagħmel parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lis-Kontrullur Ewropew għall-Ħarsien tad-Data, u biex jagħmel l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L).
ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p.1).
2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2007 b'osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Taqsima VIIIB - Kontrollur Ewropew għall-Ħarsien tad-Data (C6-0472/2006 – 2006/2170(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005(1),
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2005 - Volum I (C6-0472/2006)(2),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005, u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabilità tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE(4),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5), u partikularment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0111/2007),
1. Jinnota li fl-2005, il-Kontrollur Ewropew għall-Ħarsien tad-Data (EDPS) kellu għad-dispożizzjoni tiegħu approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal total ta' EUR 2 840 733 b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 82.77%;
2. Jinnota li l-verifika ta' l-EDPS mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri ma wasslet għall-ebda osservazzjonijiet materjali; jinnota li wara l-introduzzjoni ta' sistema ta' kontabilità fuq bażi ta' dovuti b'effett mill-1 ta' Jannar 2005, ir-rendikonti finanzjarji ta' l-EDPS għall-2005 juru riżultat ekonomiku pożittiv ta' EUR 211 631 u eċċess ta' passiv fuq l-attiv ta' EUR 202 504;
3. Jinnota li l-2005 kienet l-ewwel sena li fiha l-EPDS kien qed jopera bis-sħiħ; ifakkar li l-baġit ta' l-2005 irrapreżenta żieda ta' 48.8% fuq il-baġit ta' l-2004;
4. Jinnota li l-EPDS ippreżenta baġit ta' EUR 5 080 699 għall-2007 li jirrapreżenta żieda ta' 23% fuq il-baġit finali ta' l-2006 (EUR 4 147 378), li tirrifletti talba ta' ħames impjiegi ġodda, żieda fl-ispazju għall-uffiċċji u żieda fl-ispejjeż tat-traduzzjoni;
5. Ifakkar li fl-24 ta' Ġunju 2004 s-Segretarji Ġenerali tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill iffirmaw, flimkien ma' l-EPDS, ftehima ta' koperazzjoni amministrattiva biex jgħinu lill-EPDS għal perjodu inizjali ta' tliet snin, skond liema:
–
l-Uffiċjal tal-Kontabilità u l-Awditur Intern tal-Kummissjoni kienu maħtura bħala l-Uffiċjal tal-Kontabilità u l-Awditur ta' l-EPDS,
–
id-dipartimenti tal-Kummissjoni jipprovdu għajnuna għax-xogħlijiet kollha dwar l-immaniġġjar ta' persuni li għandhom x'jaqsmu ma' l-istituzzjoni (determinazzjoni ta' drittijiet, ħlas ta' salarji, rimbors ta' spejjeż għall-kura tas-saħħa, dawk li jirrigwardaw missjonijiet, eċċ.),
–
id-dipartimenti tal-Kummissjoni jgħinu wkoll lill-EDPS biex jiġi stabbilit u implimentat il-baġit,
–
l-EPDS huwa installat fil-bini tal-Parlament Ewropew; id-dipartimenti tal-Parlament Ewropew jgħinu lill-EDPS f'dak li jikkonċerna faċilitajiet materjali u 'know-how' relatati ma' l-installazzjoni tiegħu fil-bini (sigurtà tal-bini, posta, kompjuters, telefowns, uffiċċji u provvisti),
6. Jinnota li fis-7 ta' Diċembru 2006 il-ftehima ta' koperazzjoni amministrattiva kienet imġedda għall-perjodu ta' 3 snin b'effett mis-16 ta' Jannar 2007;
7. Jinnota li permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Novembru 2006 l-EPDS iddeċieda li jwaqqaf struttura ta' kontroll intern adegwata għall-attivitajiet u l-ħtiġijiet ta' l-istituzzjoni;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' l-EPDS u l-assistent kontrollur li jippubblikaw, kull sena, dikjarazzjoni ta' l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tagħhom hekk kif il-websajt il-ġdid tagħhom ikun lest kmieni fl-2007; jinnota li sadanittant huma għaddew dikjarazzjonijiet bil-miktub rigward l-interessi finanzjarji tagħhom għas-snin 2005 u 2006 f'formola simili għal dik li timtela kull sena mill-Membri tal-Parlament Ewropew, li fiha ma jidhrux attivitajiet professjonali, xogħol jew attivitajiet oħra li minnhom jirċievu ħlas dikjarabbli jew informazzjoni rilevanti oħra;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-EPDS huwa dispost li jingħaqad mal-ftehima interistituzzjonali dwar l-OLAF u jħeġġu biex jieħu l-passi kollha neċessarji malajr kemm jista' jkun.