Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2007 dwar il-konsegwenzi tat-tkabbir fil-ġejjieni fuq l-effettività tal-politika ta' koeżjoni (2006/2107(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2006 dwar dokument ta' strateġija 2005 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir(1),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2006 dwar Strateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007 li tinkludi rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda" (COM(2006)0649),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006(2) dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar aspetti istituzzjonali tal-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea li tintegra Stati Membri ġodda(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2006: 'Tkabbir, Sentejn Wara - Suċċess Ekonomiku' (COM(2006)0200),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija(4),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tat-3 ta' Ottubru 2005(5) dwar il-ftuħ tan-negozjati mal-Kroazja,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(7),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(8),
– wara li kkunsidra t-Tielet rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali tat-18 ta' Frar 2004 (COM(2004)0107),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2006 dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi u r-Riforma tal-politika Ewropea ta' koeżjoni: ir-Raba' rapport ta' progress dwar il-koeżjoni (COM(2006)0281),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 1993 f'Kopenhagen, tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2004 u ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat UE u l-Artikolu 158 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0087/2007),
A. billi, skond l-Artikolu 2 tat-Trattat UE, il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali hija għan importanti ta' l-Unjoni Ewropea u tipprovdi ċ-ċittadini b'sinjal viżibbli ta' solidarjetà Ewropea,
B. billi l-politika ta' koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea gawdiet minn suċċessi konsiderevoli fil-kisba ta' għanijiet ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, kif juri b'mod partikolari r-Raba' Rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni,
C. billi t-tkabbir ta' l-UE fil-passat ikkontribwixxa biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, l-istabilità, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll it-tkabbir u l-prosperità fl-Unjoni kollha kemm hi, benefiċċji li għenu lill-UE ssir ekonomija aktar kompetittiva u dinamika u li għalhekk jridu jiġi kkunsidrati meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar tbabbir futur,
D. billi, madanakollu, jridu jsiru aktar sforzi sabiex tintlaħaq il-konverġenza tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, peress li l-punt ta' tluq ekonomiku tagħhom kien aktar baxx minn dak tal-pajjizi aderenti fil-fażijiet ta' tkabbir preċedenti, filwaqt li fl-istess ħin kellha sseħħ bidla radikali fis-sistemi politiċi u ekonomiċi tagħhom,
E. billi l-effetti tal-globalizzazzjoni wwaqfu l-proċess ta' konverġenza u jikkawżaw ukoll problemi ta' lokazzjoni għal negozji ġodda fl-Unjoni kollha,
F. billi politika ta' koeżjoni mmaniġġjata sew tista' tgħin lir-reġjuni jlaħħqu ma' wħud mill-isfidi tal-globalizzazzjoni,
G. billi l-pressjoni fuq il-baġits tal-gvern qed jikber, filwaqt li ħafna Stati Membri qed jiksru l-kriterji ta' stabilità u billi t-tendenzi demografiċi qed iżidu piż addizzjonali fuq il-baġits u jdgħajfu t-tkabbir ekonomiku,
H. billi l-UE għandha tibqa' komunità miftuħa u l-kwistjonijiet ta' politika strutturali ma jistgħux ikunu ta' xkiel għat-tkabbir futur, sakemm riformi neċessarji jiggarantixxu l-kapaċità ta' integrazzjoni,
I. billi minn Ottubru 2005 il-Komunità qed ikollha negozjati ta' adeżjoni miftuħa mat-Turkija u l-Kroazja, u f'Diċembru 2005 l-Kunsill Ewropew ta lill-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja status ta' kandidat; billi l-istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bosnija-Ħerżegovina, il-Montenegro u s-Serbja (inkluż il-Kosovo)) huma meqjusa bħala kandidati potenzjali għas-sħubija; billi l-proċess ta' riforma f'dawn il-pajjiżi kollha diġà qed jirċievi appoġġ minn programmi ta' qabel l-adeżjoni li fihom komponenti ta' politika strutturali,
J. billi, bid-dħul tar-Rumanija u l-Bulgarija, daħlu fis-seħħ regoli speċjali biex jintalbu approprjazzjonijiet mill-Fondi Strutturali, u l-effetti kollha ta' din l-adeżjoni fuq il-politika strutturali għad iridu jiġu determinati,
K. billi l-pajjiżi kollha li qed jirċevu għajnuna ta' qabel l-adeżjoni mill-UE kif ukoll valutazzjoni sħiħa tar-Rumanija u l-Bulgarija teħtieġ EUR 150 biljun oħra fil-perjodu ta' finanzjament attwali fuq il-bażi ta' l-iskema tal-politika strutturali fis-seħħ; billi, madanakollu, l-adeżjoni tal-pajjiżi kollha li qed jirċevu għajnuna ta' qabel l-adeżjoni mhux se sseħħ fl-istess waqt,
L. billi l-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija żiedet iz-zona ta' l-UE-25 eliġibbli għal fondi strutturali ta' l-UE b' 9% u l-popolazzjoni tagħha b'6% u naqqset il-GDP per capita tagħha b'5%; billi l-adeżjoni tal-Kroazja se żżid iz-zona ta' l-UE-27 b'1.3% u l-popolazzjoni tagħha b'0.9%, waqt li se żżid il-GDP per capita tagħha b'0.6%; billi l-adeżjoni tat-Turkija se żżid iz-zona ta' l-UE-27 b'18.3% u l-popolazzjoni tagħha b'14.7%, waqt li se żżid il-GDP per capita tagħha b'10.5%; billi l-adeżjoni ta' l-istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent se żżid iz-zona ta' l-UE-27 b'4.8% u l-popolazzjoni tagħha b'4%, waqt li se żżid il-GDP per capita tagħha b'3.5%;
M. billi hemm bżonn b'mod urġenti ta' riforma istituzzjonali, finanzjarja u politika ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li fuqhom hija msejsa l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE; billi l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea hija kompletament dipendenti fuq l-ilħuq tal-kriterji ta' Kopenhagen u b'hekk ta' l-iżvilupp demokratiku fil-pajjiżi msemmija fil-premessa I,
N. billi, f'Unjoni Ewropea b'34 Stat Membru, il-Kroazja tkun responsabbli għal 7% biss ta' dan il finanzjament strutturali addizzjonali, ikkalkulati skond ir-regoli eżistenti, u l-istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent, li attwalment qed jirċievu l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni ta' 9.2%, waqt li t-Turkija waħedha tirċievi 63%,
O. billi l-adeżjoni ta' l-Istati tal-Balkani tal-Punent meta jitqiesu fuq bażi individwali, anke waqt il-qafas finanzjarju attwali, mhux se toħloq l-ebda effett statistiku fuq l-eliġibilità tar-reġjuni ta' l-Istati Membri u lanqas m'hi se toħloq xi impatt finanzjarju drammatiku fuq il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE b'27 Stat Membru minħabba d-daqs, il-popolazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku tagħhom; billi l-Kroazja, li magħha hemm negozjati l-aktar avvanzati u li hi aktar żviluppata f'termini soċjo-ekonomiċi minn xi Stati Membri attwali, f'termini komparati tkun tippreżenta l-iżgħar piż finanzjarju għall-Unjoni meta wieħed iqis id-daqs, il-popolazzjoni u l-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-pajjiż u mhux se toħloq l-ebda effett statistiku fir-rigward taz-zoni eliġibbli fil-livell reġjonali u nazzjonali, anki fil-perjodu finanzjarju attwali,
P. billi, skond ir-regoli u l-kundizzjonijiet ta" bħalissa, bl-adeżjoni tat-Turkija l-politika ta' koeżjoni Ewropea tieħu dimensjoni kompletament ġdida, li għadha qatt ma ġiet applikata għal pajjiż ta' kobor bħal dan, b'livell ta' żvilupp ekonomiku daqshekk baxx u b'diverġenzi reġjonali kbar,
Q. Q billi f'Ġunju 2006 il-Konklużjonijiet tal-Presidenza saħqu, li, l-Unjoni Ewropea, meta tilqa' fi ħdana Stati Membri ġodda, għandha tibqa' f'pożizzjoni li żżomm id-dinamika ta' integrazzjoni Ewropea u 'li għandu jsir kull sforz biex il-koeżjoni u l-effettività ta' l-Unjoni jkunu protetti',
R. billi fil-Komunikazzjoni tat-8 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni titlob li qabel ma jkun hemm tkabbir fil-ġejjieni jiġu analizzati sew l-impatti fuq il-baġit ta' l-UE waqt li jitqies l-iżvilupp futur ta' l-oqsma ta' politika relevanti bħall-politika dwar l-agrikultura u l-koeżjoni,
S. billi l-politika reġjonali, bħala waħda mill-akbar assi tal-baġit ta' l-UE, se tkun diskussa b'mod partikolarment intensiv - mhux l-inqas b'referenza għall-kriterji ta' effiċjenza - fir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju ta' l-UE previst għall-2008-2009,
T. billi, f'Unjoni li għadha qed tikber, hemm bżonn aktar minn qatt qabel ta' l-effiċjenza tal-politiki Komunitarji, peress li l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u l-valur miżjud ġenwin u ppruvat tagħha huma dipendenti ħafna fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli; billi, għalhekk, għandha tingħata l-akbar attenzjoni għar-reviżjoni tas-sistema Komunitarja għar-riżorsi proprji,
1. Iqis li l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea tfisser b'mod partikolari li għandha tkun f'pożizzjoni, fid-dawl tar-realtajiet tal-baġit, li tfittex li tilħaq l-objettiv ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; għalhekk iqis li, fil-waqt ta' l-adeżjoni ta' kull pajjiż kandidat, hemm bżonn li jiġi deċiż jekk l-UE hix kapaċi tintegra l-istat konċernat;
2. Iqis li riforma istituzzjonali, finanzjarja u politika hi wkoll neċessarja fil-kuntest ta' reviżjoni tal-qafas finanzjarju ta' l-UE; b'rabta ma' dan, jemmen li hemm bżonn isir tqabbil bejn l-effetti ta' l-istrumenti prinċipali varji għall-finanzjament (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) dwar l-iżvilupp ta' l-UE-27, biex hekk ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet baġitarji xierqa;
3. Iqis li tkabbir futur m'għandux iwassal sabiex dejjem aktar reġjuni jitilfu d-dritt għall-finanzjament mill-politika ta' koeżjoni taħt l-Objettiv 1 attwali bħala riżultat ta' l-effett ta' l-istatistika u mingħajr ma jiġu eliminati verament inugwaljanzi eżistenti;
4. Jenfasizza li politika ta' koeżjoni onesta u effiċjenti hija impossibbli mingħajr żieda fin-nefqa ta' l-UE għal 1,18% tal-GNI ta' l-UE, kif mistqarr mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005 dwar Sfidi politiċi u Mezzi Baġitarji ta' l-Unjoni wara t-tkabbir 2007-2013(9);
5. Jiddispjaċih, għalhekk, li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tat-8 ta' Novembru 2006 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir, ma toffri l-ebda analiżi dettaljata tal-konsegwenzi finanzjarji ta' tkabbir futur;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi dettaljata ta' l-impatt sabiex tippermetti li ssir previżjoni xierqa ta' l-effetti kollha fuq il-politika strutturali ta' l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija;
7. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni, b'rabta mat-tkabbir li jmiss, biex tikkalkula b'mod regolari, b'ċifri separati għal kull pajjiż, l-infiq fil-politika reġjonali li l-UE jista' jkollha tagħmel bl-applikazzjoni tal-kriterji kurrenti kif ukoll dawk emendati u mwessgħa, u l-konsegwenzi li dan ikollu fuq l-eligibilità eżistenti ta' finanzjament ta' reġjuni; f'dan ir-rigward, jinnota li jistgħu jintużaw ukoll id-databases u l-istrumenti analitiċi tan-Network Ewropew ta' Osservazzjoni ta' l-Ippjannar Spazjali (ESPON); jemmen li għandu jiġi kkunsidrat it-titjib ta' l-integrazzjoni ta' l-istrumenti varji ta' l-UE għall-finanzjament;
8. Iqis li hemm bżonn ta' studji kontinwi bbażati fuq l-esperjenza miksuba minn tkabbir preċedenti u li jinkludi it-titjib soċjo-ekonomiku li se jseħħ waqt il-perjodu attwali ta' programmazzjoni, biex jiġu żviluppati xenarji għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE fil-futur;
9. Jisħaq dwar l-importanza ta' approċċ iebes ħafna f'termini ta' valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva fl-użu tal-Fondi Strutturali li jinvolvi immaniġġjar sod u sorveljanza xierqa biex, fl-interess taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, jitjib il-bilanċ ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji fl-ispiża ta' koeżjoni ta' l-UE;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika kapitolu fir-raba rapport ta' koeżjoni li jmiss tagħha għall-opinjoni tagħha dwar is-sostenibilità tal-politika ta' koeżjoni attwali, u għall-miżuri li jistgħu fil-ġejjieni , fejn xieraq, iħallu effett fuq il-politika ta' koeżjoni;
11. Iqis li, minħabba l-istat preżenti tas-sistema tar-riżorsi ta' l-UE, se jkun diffiċli li tiffinanzja tkabbir futur mingħajr ma tipperikola l-effettività tal-politika ta' koeżjoni attwali;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ komunikazzjoni li tfassal proposta għal mudell gradwat għall-politika ta' koeżjoni, li tippermetti li ssir distinzjoni oħra bejn l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni u sħubija, u li tagħti l-possibilità lill-kandidati potenzjali ta' adeżjoni li jirċievu għajnuna effettiva għall-iżvilupp reġjonali, soġġetta għall-progress politiku, qabel sħubija possibbli fl-Unjoni Ewropea;
13. Jistieden għal approċċ gradwat għat-Turkija b'mod partikolari, iffokata aktar mill-qrib fuq il-finanzjament ta' aspetti tematiċi speċifiċi (bħall-gruppi ta' industriji, il-bini ta' istituzzjonijiet u l-ugwaljanza) u r-reġjuni, sabiex jiġu evitati miżuri mekkanizzati ta' finanzjament għall-adeżjoni mingħajr ir-riflessjoni neċessarja u sabiex jintlaħqu effetti ta' koeżjoni u tkabbir aktar preċiżi;
14. Jitlob biex ikun involut fil-proċess ta' kodeċiżoni fl-evalwazzjoni u r-riforma ta' l-għajuna ta' qabel l-adeżjoni mill-2010 'l quddiem;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi f'aktar dettall dak li trid tfisser bit-'tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat', u, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra aktar strumenti ta' finanzjament strutturali;
16. Iqis li huwa essenzjali biex il-politika ta' koeżjoni tkun effettiva ir-responsabbilà individwali ta' l-Istati Membri għandha tiżdied fil-futur;
17. Jipproponi li, fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-politika ta' koeżjoni tal-futur, l-UE għandha tagħmel użu akbar ta' l-effett ta' lieva tal-finanzjament ta' self - partikolarment fir-reġjuni li diġa rċevew fondi ta' l-UE għal ħafna snin - sabiex l-effettività ta' l-appoġġ Komunitarju titjieb, allavolja mhux se tissostitwih;
18. Iqis f'dan il-kuntest li għandhom jiġu ffissati kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-finanzjament ta' self u għotjiet għar-reġjuni l-anqas żviluppati fl-UE;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħseb fi proposti għal politika ta' koeżjoni għall-ġejjieni li tkun adattata aktar mill-qrib għall-bżonnijiet reali tar-reġjuni, peress li huwa ċar li r-reġjuni li ilhom jirċievu għajnuna mill-fondi ta' l-UE għal 10, 20 jew 30 sena kisbu livell differenti ta' żvilupp minn dawk li għadhom ma rċevew l-ebda fondi; jemmen li t-tweġiba għall-isfida futura għall-politika ta' koeżjoni ta' l-UE possibilment tista' tkun id-differenzjazzjoni akbar;
20. Jesprimi tħassib għall-fatt li f'xi reġjuni l-għajnuna ta' l-UE mhix immirata sew, u bħala riżultat ta' dan is-sitwazzjoni f'dawk ir-reġjuni m'hix qed titjieb minkejja l-ħafna snin ta' appoġġ finanzjarju, jiġifieri r-riżorsi Komunitarji qed jinħlew;
21. Jitlob li aktar fondi privati jintużaw bħala sors ta' kofinanzjament għall-fondi strutturali, u sabiex il-kofinanzjament privat ta' proġetti u programmi taħt il-Fondi Strutturali jiġi simplifikat b'mod sinifikattiv skond l-aħjar prassi;
22. Jitlob sabiex il-finanzjament strutturali futur ikun magħmul b'mod li jiġu evitati effetti ta' spustjament u finanzjament mill-UE ta' rilokazzjoni ta' kumpaniji, u jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tħares b'mod kritiku, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, dwar il-kwistjoni jekk sussidji li jingħataw lil kumpaniji humiex effettivi biex jinfluwenzaw deċiżjonijiet tan-negozju rigward il-lokazzjoni waqt li jitqies id-daqs tad-ditti konċernati;
23. Jinnota li s-suċċess tal-politika ta' koeżjoni hija konnessa mal-politiki ta' ekonomija nazzjonali u li f'dan ir-rigward l-implimentazzjoni ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Istrateġija ta' Liżbona għandha influwenza partikolari fuq is-suċċess tal-politika ta' koeżjoni;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li, fil-qafas ta' programmi futuri għal kompetittività reġjonali u għal koperazzjoni territorjali, il-finanzjament ikun konċentrat aktar bir-reqqa fuq l-Ewropizzazzjoni ta' l-ekonomija reġjonali u fuq infrastrutturi ta' importanza Ewropea;
25. Jitlob għal użu akbar fil-ġejjieni tal-Fondi Strutturali biex itaffu l-effetti ta' bidliet demografiċi u l-migrazzjoni reġjonali konsegwenza ta' dan;
26. Iqis li għandu jsir użu akbar fil-futur mill-Fond Soċjali Ewropew bħala strument orizzontali, fost oħrajn, biex jgħin reġjuni ilaħħqu ma' l-isfidi soċjali tal-globalizzazzjoni kif ukoll ma' l-effetti ta' bidliet demografiċi;
27. Jenfasizza li r-riżultati tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jiġu riveduti biss jekk l-għoti ta' Fondi Strutturali jseħħ b'mod trasparenti, u għalhekk jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tapplika kriterji ta' trasparenza rigorużi ħafna għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja;
28. Jitlob li jiġu applikati sanzjonijiet aktar ħorox f'każijiet fejn jiġi ppruvat abbuż mill-għajnuna finanzjarja u għal proċeduri aktar effettivi għall-irkupru ta' fondi;
29. Jinnota li ġlieda b'suċċess kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-bini ta' kapaċitajiet amministrattivi li jkunu jistgħu jimplimentaw programmi ta' Fondi Strutturali b'mod trasparenti u effiċjenti huma prerekwiżiti kruċjali biex wieħed jirċievi finanzjament strutturali Ewropew; jitlob li l-istrumenti ta' kontroll jiġu applikati b'mod konsistenti u riġidu;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqisu dawn il-punti kollha meta jagħmlu revizzjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju attwali ta' l-UE ppjanat għall-2008-2009;
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.