Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2007 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-madwar, 2006-2009 (2006/2232(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar "HIV/AIDS: Żmien ta' azzjoni"(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 dwar l-AIDS(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2005 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-24 ta' Novembru 2005 dwar "Jum Dinji tal-Ġlieda kontra l-AIDS - Dikjarazzjoni ta' l-UE dwar il-Prevenzjoni ta' l-HIV għal Ġenerazzjoni Ħielsa mill-AIDS",
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' l-UE dwar id-Drogi (2005-2012) adottata mill-Kunsill fit-17 ta' Diċembru 2004,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Il-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-madwar, 2006-2009 (COM(2005)0654) ,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar "Qafas Koerenti tal-Politika Ewropea għal Azzjonijiet Esterni fil-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulosi" (COM(2004)0726) ,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-Dokument ta' Strateġija dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2004)0373) ,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726) ,
– wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni ta' Dublin" dwar Sħubija fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali, adottata fil-Konferenza Ministerjali "Negħlbu l-Ostakoli - Sħubija fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali" li saret fil-qafas tal-Presidenza Irlandiża fit-23 u l-24 ta' Frar 2004,
– wara li kkunsidra id-"Dikjarazzjoni ta' Vilnius" dwar il-miżuri biex jissaħħaħ ir-rispons għall-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-Pajjiżi tal-Madwar, adottata mill-Ministri u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi tal-madwar fil-konferenza "L-Ewropa u l-HIV/AIDS - Sfidi Ġodda, Opportunitajiet Ġodda", li nżammet f'Vilnius, il-Litwanja, fis-16 u s-17 ta' Settembru 2004,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-55 Sessjoni tagħha fit-8 ta' Settembru 2000 kif ukoll l-Objettivi ta' Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti u b'mod partikolari l-objettiv li tinbidel it-tendenza tat-tixrid ta' l-HIV/AIDS sa l-2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' l-Impenji dwar l-HIV/AIDS adottata mis-Sessjoni Speċjali ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS fis-27 ta' Ġunju 2001,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-"Dikjarazzjoni ta' Impenn dwar l-HIV/AIDS" tat-2 ta' Awwissu 2001,
– wara li kkunsidra x-xogħol ta' segwitu ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Impenn dwar l-HIV/AIDS, "Lejn aċċess universali: Evalwazzjoni tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS biex ikunu żviluppati l-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ fil-qasam ta' l-AIDS" ta' l-24 ta' Marzu 2006,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rigward id-Dikjarazzjoni ta' Impenn dwar l-HIV/AIDS: ħames snin wara, ta' l-24 ta' Marzu 2006,
– wara li kkunsidra id-"Dikjarazzjoni Politika dwar l-HIV/AIDS" adottata fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-2 ta' Ġunju 2006,
– wara li kkunsidra l-HIV/AIDS Programm tad-WHO "Lejn Aċċess Universali sa l-2010" ta' l-2006,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' l-2006 tal-UNAIDS dwar l-Epidemija Globali ta' l-AIDS,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar l-Epidemija tal-UNAIDS ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Nofs is-Sena għall-2005 ta' l-EuroHIV ta' Awwissu 2006,
– wara li kkunsidra l-Eurobarometer dwar il-Prevenzjoni ta' l-AIDS ta' Frar 2006,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa 1399 (2004) kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tiegħu 1675 (2004) dwar Strateġija Ewropea għall-promozzjoni tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0091/2007),
A. Billi skond ir-rapport dwar l-Epidemija tal-UNAIDS għall-2006 aktar minn 39,5 miljun qegħdin jgħixu bl-HIV u 4,3 miljun persuna ġdida ħadu l-HIV fl-2006, filwaqt li 95% tal-persuni affetwati bl-HIV/AIDS jgħixu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
B. Billi r-Rapport ta' Nofs is-Sena għall-2005 tal-EuroHIV juri li 215,510 persuni ġodda ħadu l-marda ta' l-HIV fil-perjodu 1998-2005 fl-Unjoni Ewropea u 646,142 persuna ħadu l-marda ta' l-HIV fir-Reġjun Ewropew ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO),
C. Billi, skond il-EuroHIV, kważi kwart mill-infezzjonijiet HIV ġodda kollha jolqtu liż-żgħażagħ taħt l-età ta' 25 sena,
D. Billi l-persuni li għandhom l-HIV/AIDS jiffaċċjaw stigma u diskriminazzjoni
E. Billi progress riċenti fit-trattament ta' l-HIV/AIDS, flimkien ma' nuqqas ta" ffinanzjar tal-prevenzjoni, ikkontribwixxa għal żieda f'imġieba ħażina u għalhekk f'numri li qed jikbru ta" infezzjonijiet ġodda ta" l-HIV,
F. Billi r-Rapporti tal-EuroHIV u tal-UNAIDS jikkonfermaw li n-numru ta' nies infettati ġodda għadu qiegħed jikber b'rata allarmanti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-pajjiżi tal-madwar, u li huwa stmat f'xi pajjiżi li n-numru ta' persuni infettati bl-HIV huwa kważi tliet darbiet akbar min-numru uffiċjali,
G. Billi minkejja n-numru li żdied ta" infezzjonijiet ta" l-HIV, it-tnaqqis stabbli fin-numru ta" każijiet ta" l-AIDS li instab f'dawn l-aħħar snin kompla fl-2005, b'inqas minn nofs tan-numru ta" każijiet misjuba fl-2005 meta mqabbel ma" l-1998,
H. Billi proporzjon kbir ta' infezzjonijiet ta' l-HIV jibqgħu ma jinstabux; billi ħafna nies ma jafux li jkunu HIV positive u x'aktarx jiskopru dan biss ladarba jimirdu b'mard relatat ma' l-HIV/AIDS(3),
I. Billi l-infettività ta' l-HIV tiżdied b'mod sinifikanti meta jkun hemm mard ieħor trażmess sesswalment (bħall-gonorrea, il-klamidja, l-erpete u s-sifilide),
J. Billi l-gruppi esposti għall-akbar riskju li jieħdu l-HIV jinkludu Persuni li Jieħdu d-Drogi bis-siringa, irġiel li jkollhom relazzjonijiet omosesswali, dawk li joffru servizzi sesswali u l-klijenti tagħhom, migranti, priġunieri u żgħażagħ taħt l-età ta' 25 sena,
K. Billi l-epidemija fost dawk li jieħdu d-droga bis-siringa hija waħda mir-raġunijiet għat-tixrid mgħaġġel ħafna ta' l-infezzjoni HIV f'ħafna pajjiżi ta' Ewropa tal-Lvant,
L. Billi r-rapport dwar l-Epidemija tal-UNAIDS għall-2006 sab li madwar tliet kwarti ta' l-infezzjonijiet ta' l-HIV li ttieħdu eterosesswalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Punent huma fost l-immigranti u l-migranti,
M. Billi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, il-prevalenza ta' l-HIV fid-donazzjonijiet tad-demm tibqa' baxxa; billi ċ-ċifri ta' dan l-aħħar għal xi pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant, madankollu, juru xejra fid-direzzjoni opposta,
N. Billi d-dikjarazzjoni ta' Dublin tirrikonoxxi li "il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-bniet u s-subien, u r-rispett għad-dritt għal saħħa riproduttiva u sesswali, u l-aċċess għall-edukazzjoni dwar is-sesswalità, l-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa kif ukoll in-nuqqas ta' ħabi dwar is-sesswalità, huma fatturi fundamentali fil-ġlieda kontra l-pandemija",
O. Billi programmi ta' prevenzjoni, inklużi l-edukazzjoni, iż-żieda fl-aċċess għall-informazzjoni u għall-kondoms, u aċċess għat-trattament u r-rijabilitazzjoni mid-droga u għal servizzi għat-tnaqqis tal-ħsara, huma l-għodda l-aktar effettiva fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS,
P. Billi l-condom għan-nisa għadu qed jintuża ftit wisq, għalkemm jikkostitwixxi l-unika għodda li hemm diġà disponibbli u li hija kkontrollata min-nisa li tipproteġihom minn tqala mhux mixtieqa, mill-HIV u minn infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment,
Q. Billi l-EuroHIV m'għandu ebda data nazzjonali minn Spanja jew mill-Italja għalkemm it-tnejn jitqiesu mill-EuroHIV bħala żoni ewlenin ta' l-epidemija,
R. Billi data reċenti tikkonferma li l-ambitu ta' infezzjonijiet ġodda ta' l-HIV kif ukoll in-numru ta' persuni li qed jgħixu bl-AIDS huma differenti għal kull Stat Membru u għall-pajjiżi tal-madwar, u bl-istess mod huma l-gruppi meqjusa l-aktar vulnerabbli,
S. Billi n-nisa issa jirrapreżentaw l-50% tan-nies li qed jgħixu bl-HIV/AIDS fid-dinja kollha, iżda l-bżonnijiet speċjali tagħhom fir-rigward tas-saħħa riproduttiva f'termini ta' l-ippjanar tal-familja, tat-twelid bla periklu u ta' l-irdigħ tat-trabi spiss jiġu traskurati; billi, skond il-UNAIDS, matul l-aħħar sentejn, in-numru ta' nisa u bniet infettati bl-HIV żdied f'kull reġjun tad-dinja, bir-rati jiżdiedu partikolarment fl-Ewropa tal-Lvant, fl-Asja, u fl-Amerika Latina; u billi, skond id-WHO, in-nisa huma probabilment iktar suxxettibbli mill-irġiel għal infezzjoni mill-HIV fi kwalunkwe relazzjoni eterosesswali, minħabba fatturi bijoloġiċi;
T. Billi numru jikber ta" nisa qed ikunu infettati bla ma jintebħu bil-Virus-HI fil-ħajja privata tagħhom permezz ta" kuntatt eterosesswali mhux sikur u jibdew iġorru l-virus li mbagħad jistgħu jittrażmettuh lit-tfal tagħhom; billi reazzjonijiet effettivi għall-AIDS iridu jindirizzaw il-fatturi li qed ikomplu jqiegħdu lin-nisa f'riskju u li jżidu l-vulnerabilità tagħhom, bħan-nuqqas ta' determinazzjoni proprja, bħall-vjolenza kontra u t-traffikar tan-nisa, il-faqar u d-diskriminazzjoni sesswali,
U. Billi l-aħħar Eurobarometer dwar il-prevenzjoni ta' l-AIDS ta' Frar 2006 wera li 54% tal-popolazzjoni ta' l-UE-25 jemmnu jew huma konvinti li jistgħu jiġu infettati bl-HIV "billi jbusu fuq il-ħalq xi ħadd li jkollu l-AIDS jew li jkun HIV positive" u 42% jemmnu jew huma konvinti li huwa possibbli li jiġu infettati bl-HIV "billi jixorbu mill-istess tazza li kienet għadha kemm ntużat minn xi ħadd bl-AIDS jew li jkun HIV positive",
V. Billi fid-"Dikjarazzjoni ta' Dublin", rappreżentanti tal-gvernijiet mill-Ewropa u l-Asja Ċentrali wiegħdu li "nippromwovu tmexxija soda u responsabbli fil-livell tal-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet tagħna biex in-nies (tagħna) jkunu mħarsa minn din it-theddida għall-futur tagħhom, u nippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u nindirizzaw l-istigma u niżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-servizzi għal dawk kollha fil-bżonn" u "nagħmlu l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali punt regolari fuq l-aġendi ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali tagħna",
W. Billi Ministri u Rappreżentanti tal-Gvernijiet mill-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-madwar ikkonfermaw mill-ġdid l-impenji magħmula fid-"Dikjarazzjoni ta' Dublin" permezz tad-"Dikjarazzjoni ta' Vilnius"; iż-żewġ Dikjarazzjonijiet jenfasizzaw il-bżonn ta' miżuri ta' segwitu qawwija u komprensivi għall-azzjonijiet imsemmijin fihom,
X. Billi d-"Dikjarazzjoni ta' Vilnius" issemmi espressament l-użu ta' strumenti finanzjarji nazzjonali kif ukoll fondi tal-Komunità, inklużi l-Fondi Struturali, għall-implimentazzjoni tal-politiki biex jiġu indirizzati l-HIV/AIDS,
Y. Billi l-NGOs jiddependu spiss mill-finanzjamenti pubbliċi; billi l-proċeduri ta' sejħiet pubbliċi għall-offerti tal-programmi ffinanzjati mill-Komunità s-soltu jkunu komplikati u l-isħubija fl-UE spiss tfisser it-tmiem ħesrem ta' l-appoġġ finanzjarju għall-NGOs minn sorsi internazzjonali oħra li mhumiex dawk ta' l-UE,
Z. Billi mhux l-Istati Membri kollha għandhom aċċess ugwali għal trattament u mediċini u f'ħafna minnhom - partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda - jeżistu inugwaljanzi rigward id-disponibilità ta" finanzjament u riżorsi,
AA. Billi l-Istati Membri jeħtieġu appoġġ sabiex jibnu programmi li jinkoraġġixxu t-testijiet, it-taħriġ ta' konsulenti kif ukoll tkomplija tat-taħriġ tul il-ħajja u appoġġ għall-persuni infettati mill-HIV, b'mod partikulari peress li t-trattament mediku jittieħed tul il-ħajja, jikkawża ta' spiss effetti kollaterali u peress li meta wieħed ma jżommx strettament ma' l-istruzzjonijiet ta' l-użu ta' mediċina kontra l-HIV, ladarba jkun beda joħodha, dan jista' jirriżulta f'reżistenza ta' razez ta' l-HIV,
AB. Billi matul l-aħħar snin kompetizzjoni ġenerika ħarxa fil-qasam tal-Mediċini Antiretrovirali (ARVs) ta' l-ewwel linja kkontribwiet għal tnaqqis fil-prezz ta' kważi 99%, minn $10,000 għal, bejn wieħed u ieħor, $130 għal kull pazjent fis-sena, iżda l-prezzijiet tad-drogi tat-tieni linja, li l-pazjenti jkollhom bżonn, kif ir-reżistenza tiżviluppa b'mod naturali, għadhom għoljin, l-aktar minħabba aktar ostakoli dwar privattivi fil-pajjiżi ewlenin li jipproduċu mediċini ġeneriċi,
AC. Billi ma teżisti l-ebda tilqima kontra l-HIV u għadhom qed jitkomplew ir-riċerki fil-qasam tal-mikrobiċidi u fi żviluppi oħra għal drogi innovattivi ġodda,
AD. Billi ħames snin wara d-Dikjarazzjoni ta' Doha (skond liema kull Stat membru tad-WTO "għandu d-dritt li jagħti liċenzji obbligatorji u l-libertà li jistabbilixxi r-raġunijiet għal liema jingħataw liċenzji ta' dan it-tip"), id-WHO rrimarkat li 74% tad-drogi għall-AIDS għadhom imħarsa bi privattiva,
AE. Billi skond l-istima tal-WHO 10% ta' l-infezzjonijiet kollha ġodda ta' l-HIV globalment huma relatati mat-teħid tad-droga bis-siringa, u li anqas minn 5% ta' dawk li jieħdu d-droga bis-siringa fid-dinja kollha għandhom aċċess effettiv għall-prevenzjoni u għas-servizzi ta' trattament u ta' kura ta' l-HIV,
AF. Billi t-tuberkulosi (TB) tgħaġġel l-iżvilupp ta' l-HIV f'AIDS, u li 90% ta' persuni HIV-positive imutu bit-TB fix-xhur minn meta jiżviluppaw sintomi attivi tat-TB minħabba nuqqas ta' kura xierqa, li għalhekk huwa stmat, li t-tuberkulosi hija ħtija ta' terz ta' l-imwiet bl-AIDS,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-madwar u jappoġġja l-azzjonijiet u l-inizjattivi ssuġġeriti fiha;
2. Itenni d-dritt ta' kull bniedem għal edukazzjoni dwar is-saħħa, informazzjoni korretta, prevenzjoni tal-mard, kura tas-saħħa, servizzi mediċi u aċċess għall-prodotti farmaċewtiċi;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-aħħar data disponibbli dwar l-infezzjonijiet ġodda ta' l-HIV biex tidentifika l-pajjiżi u l-gruppi ta' popolazzjonijiet l-aktar milquta minn din l-epidemija u biex tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istati Membri rispettivi;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika, skond id-data nazzjonali pprovduta mill-Istati Membri, il-gruppi l-aktar vulnerabbli f'kull soċjetà u biex tistabbilixxi lista komprensiva ta' dawn il-gruppi sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzawhom u jilħquhom b'mod effiċjenti, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifitajiet ta' kull pajjiż, u tingħatalhom informazzjoni dwar kif jipproteġu lilhom infushom u lil sħabhom;
5. Allarmat bin-numru ta' każi li qed jiżdied b'rata mgħaġġla ta' razez ta' l-HIV/AIDS li huma reżistenti għal diversi drogi kif ukoll ta' TB li hija reżistenti għal diversi drogi jew li hija kompletament reżistenti, jistieden lill-Kummissjoni biex iżomm statistika separata dwar dawn u biex tidentifika u taqsam l-aħjar prassi fil-prevenzjoni tagħhom;
6. Iħeġġeg lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri xierqa biex jintlaħqu popolazzjonijiet migranti u immigranti fl-Unjoni Ewropea, b'mod speċjali meta jiġu minn pajjiżi b'rati għoljin ta' prevalenza sabiex tittaffa t-tendenza allarmanti ta' infezzjonijiet ġodda ta' l-HIV fost dawn il-gruppi;
7. Jinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta" Jannar 2003 li tistabbilixxi livelli stabbiliti ta" kwalità u sigurtà għall-ġbir, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-ħażna u t-tqassim ta" demm tal-bniedem u komponenti tad-demm(4), b'mod partikolari fir-rigward ta" screening b'mod sistematiku għall-HIV tad-donazzjonijiet tad-demm;
8. Jenfasizza l-importanza li tiġi rrappurtata data korretta; jirrimarka li l-ġbir tad-data għandha tkun kunfidenzjali u bbażata fuq testijiet anonimi u volontarji; jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-metodi rispettivi tagħhom ta' l-ittestjar u r-rappurtaġġ;
9. Jinnota li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) se jkollu r-responsabbiltà sħiħa għas-sorveljanza, l-ġbir u l-pubblikazzjoni tad-data dwar l-HIV/AIDS fl-2008; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri xierqa biex ma jitħalliex li jkun hemm vojt possibbli fir-rappurtaġġ tad-data l-ġdida; jitlob lill-ECDC biex iżomm f'moħħu s-sensittivitajiet relatati mas-suġġett meta jiġu ppubblikati r-rapporti;
10. Jistieden lil Spanja u lill-Italja biex jirrappurtaw id-data nazzjonali tagħhom lill-ECDC;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti disponibbli kollha, bħalma huma l-Politika għall-Viċinanzi u l-Istrumenti tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, biex jintlaħqu l-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni fil-pajjiżi tal-madwar, b'attenzjoni partikolari għaż-żona ta' Kaliningrad fir-Russja;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa programmi bbażati fuq l-evidenza u biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta' miżuri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' ħsara, inklużi l-użu tal-kondoms, il-kura ta' sostituzzjoni tad-droga, l-aċċess għall-ittestjar volontarju, l-iskambju ta' labar u siringi ġodda u l-għoti ta' pariri lil membri jew gruppi li jitqiesu vulnerabbli għall-HIV jew li huma affetwati jew infettati bih, u biex tistimula u tferrex l-aħjar prassi fil-prevenzjoni pożittiva u tipprovdi rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' tali miżuri;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu kampanji ta' komunikazzjoni li jipprovdu lill-popolazzjoni b'informazzjoni ċara dwar l-infezzjoni HIV, dwar metodi biex tipprevjeni l-infezzjoni, dwar prattiki mhux sikuri u dwar prattiki li jistgħu jgħinu jipprevenu l-infezzjoni bl-HIV;
14. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, minħabba l-fatt li n-nisa infettati bl-HIV ħafna drabi kienu ssuġġettati għal vjolenza minn sieħeb maskili u li n-nisa għandhom iktar riskju ta" infezzjoni mill-HIV, biex jieħdu l-miżuri biex tkun miġġielda l-vjolenza li huma stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta" Frar 2006 dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u kwalunkwe azzjoni fil-futur(5);
15. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Forum għas-Soċjetà Ċivili u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli u tintensifika l-koperazzjoni tagħha mas-soċjetà ċivili fil-qafas ta' dan il-Forum;
16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-possibilitajiet li jiġu stabbiliti Fora tas-Soċjetà Ċivili fuq livell nazzjonali sabiex titjieb il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-gvernijiet nazzjonali, is-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-NGOs lokali li jaħdmu fil-qasam ta' l-HIV/AIDS;
17. Jenfasizza l-importanza kemm tad-"Dikjarazzjoni ta' Dublin" u kemm tad-"Dikjarazzjoni ta' Vilnius" u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwihom;
18. Jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni torganizza l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-oqsfa differenti tad-Direttorati Ġenerali responsabbli u biex ittejjeb il-proċessi u l-mekkaniżmi amministrattivi differenti sabiex tipprovdi l-miżuri l-aktar effettivi u koordinati possibbli, biex jiġu evitati standards doppji u biex jitwettqu l-aħjar sinerġiji possibbli;
19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toffri appoġġ politiku u għajnuna teknika lill-pajjiżi ġirien li jixtiequ japprofittaw ruħhom mill-flessibilitajiet inklużi fil-Ftehima TRIPS meta jiġu affaċċjati bi problema fis-saħħa pubblika, u biex toffri appoġġ fil-bini ta' infrastruttura għall-konsulenza dwar l-HIV u l-ittestjar kif ukoll għat-tqassim u t-tkomplija tal-medikazzjoni;
20. Jiddeplora l-fatt li r-regoli attwali dwar l-iffinanzar dirett ta' l-NGOs mill-Komunità kif ukoll ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti ffinanzjati bi programmi tal-Komunità ma ġewx armonizzati; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-proċeduri attwali bl-iskop li jitjieb l-aċċess ta' l-NGOs għall-forom differenti ta' l-iffinanzjar tal-Komunità,
21. Itenn li s-sħubija fl-UE spiss tfisser tmiem ħesrem ta' l-appoġġ finanzjarju ta' l-NGOs minn sorsi internazzjonali oħra li mhumiex dawk ta' l-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza biex timmonitorja s-sitwazzjoni fil-Bulgarija u r-Rumanija b'urġenza u tipproponi miżuri biex jimtela l-vojt finanzjarju;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi biċ-ċar ir-regoli għall-użu tal-Fondi Strutturali u tal-Fondi Soċjali għall-proġetti u l-programmi relatati ma' l-HIV/AIDS;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-possibilitajiet kollha disponibbli fis-Seba' Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp biex tkompli tiffinanzja u tidentifika proġetti promettenti oħra li jirrigwardjaw ir-riċerka dwar l-HIV/AIDS u l-iżvilupp ta' mediċini ARV innovattivi ġodda, tilqim u mikrobiċidi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li r-riċerka dwar l-HIV/AIDS tkun bbilanċjata fir-rigward tas-sessi u tinkludi diversi aspetti fiżjoloġiċi u bijoloġiċi fir-rigward tan-natura tal-viruses li jiġu trasmessi;
24. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiżviluppa riċerka u evalwazzjoni ta' metodi preventivi li jiffukaw fuq l-imġiba, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex taħdem lejn programmi ta' prevenzjoni bbażati fuq il-provi u li jiffukaw fuq l-imġiba;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jallokaw aktar fondi pubbliċi għar-riċerka farmaċewtika billi jirrikjedu li l-benefiċjarji tal-fondi pubbliċi jiddedikaw ammont sostanzjali tar-riċerka tagħha għall-mard ta' dan it-tip;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex talloka riżorsi għal miżuri ta' prevenzjoni fil-qafas tal-Programm ta' Azzjoni dwar is-Saħħa Pubblika fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilitajiet u l-mezzi prattiċi u biex tuża r-riżultati tar-riċerka klinika biex tkun miġġielda l-HIV/AIDS fil-pajjiżi sħab, fil-Punent tal-Balkani u fl-Asja Ċentrali, skond il-proċeduri għal għajnuna esterna u f'konformità mad-direttivi għal azzjoni kif miftiehma fid-dokumenti ta" strateġija mall-pajjiżi rilevanti u fil-programmi indikattivi;
28. Jemmen li l-kura biex titwaqqaf il-firxa tal-marda għandha rwol importanti fil-kura ta' nies bl-HIV/AIDS u jħeġġeġ l-iżvilupp u l-espansjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea kollha;
29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari għall-promozzjoni tal-programmi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva għan-nisa biex tpatti kontra ż-żieda fit-tixrid ta' l-epidemija fost il-popolazzjoni femminili;
30. Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu sussidji u jipprovdu flus għar-riċerka u l-iżvilupp ta" mikrobiċidi u kondoms tan-nisa li permezz tagħhom in-nisa jkunu kapaċi jipproteġu lilhom infushom u lil sieħeb raġel mill-HIV/AIDS bi ftehim jew mingħajr ftehim mas-sieħeb, minħabba li l-kondoms qed jibqgħu jkunu l-protezzjoni l-iktar magħrufa u disponibbli b'mod wiesa' kontra l-HIV/AIDS u l-mard trażmess sesswalment (STDs), iżda jeħtieġu ftehim ma" sieħeb raġel(6),
31. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali biex iżidu l-kapaċità tan-nisa u tat-tfajliet li jipproteġu lilhom infushom mir-riskju ta' infezzjoni bl-HIV;
32. Jenfasizza l-bżonn li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-prevenzjoni ta" l-HIV/AIDS u l-programmi biex jippromwovu d-drittijiet sesswali u s-saħħa;
33. Jitlob lill-Istati Membri biex jirrispettaw id-drittijiet sesswali u ta' riproduzzjoni ta' persuni li jkunu infettati bl-HIV/AIDS;
34. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-involviment ibbilanċjat bejn is-sessi kemm min-naħa tan-nisa u kemm min-naħa ta" l-irġiel fil-ġlieda kontra l-AIDS u jħeġġiġhom sabiex jirrevedu l-korpi nazzjonali ta' koordinazzjoni dwar l-AIDS;
35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħinu lill-persuni kollha affettwati, u b'mod partikolari lin-nisa tqal, biex ikollhom aċċess, għal mediċina kontra l-HIV sabiex titnaqqas l-inċidenza ta" trażmissjoni tal-marda lit-tfal li jkunu għadhom ma twildux;
36. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tagħti l-assistenza finanzjarja u l-appoġġ totali lill-isforzi siewja tal-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-tuberkulosi u l-malarja; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess;
37. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-infezzjoni doppja HIV/TB hija l-kawża tal-mewt ta' terz tal-persuni li jkunu HIV positive; għalhekk jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħrfu dan il-fatt billi jistabbilixxu u jippromwovu programmi għall-ġlieda kontra ż-żewġ infezzjonijiet fl-istess waqt; jinnota t-tixrid allarmanti ta' razez tat-TB reżistenti għal ħafna drogi jew totalment reżistenti; jinnota ulterjurment id-djanjożi doppja frekwenti ta' HIV u epatite u dipressjoni, u jħeġġeġ azzjoni biex pazjenti ta' dan it-tip jiġu ttrattati u kkurati;
38. Jenfasizza l-importanza li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, dawk li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa, l-industrija farmaċewtika, l-NGOs u s-soċjetà ċivili jkunu responsabbli biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri li jirrigwardjaw il-kopertura universali tal-prevenzjoni, it-trattament u l-kura;
39. Jinsab imħasseb dwar l-ispejjeż għoljin ta' drogi ġodda u tat-tieni linja għat-trattament ta' l-AIDS; jitlob li jseħħ dibattitu fundamentali dwar il-liġi tal-privattivi; iqis li tibdil żgħir fi prodott jew ingredjent attiv m'għandu jitħalla iwassal għal xejn ħlief estensjoni proporzjonali għall-perjodu tal-ħarsien tal-privattiva;
40. Jitlob lill-Istati Membri biex iqisu jagħtux lill-Kummissjoni, f'isem l-UE, mandat limitat fl-iskop u fiż-żmien, skond l-Artikoli 300 u 308 tat-Trattat KE, biex tinnegozja ftehima ma' l-industrija farmaċewtika bil-għan li jitraħħsu l-prezzijiet għal mediċini ARV fl-Unjoni Ewropea;
41. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu użu ikbar tal-media u l-mezzi ta" distribuzzjoni l-iktar adattati sabiex jinfurmaw aħjar il-popolazzjoni, speċjalment l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, dwar l-infezzjoni ta" l-HIV, il-modi li bihom tiġi trażmessa, l-ittestjar għall-HIV u t-tip ta" aġir li jippromwovi l-prevenzjoni;
42. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibiltà li tinkludi fil-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej sezzjoni ddedikata għall-ġlieda kontra l-AIDS, inkluża data dwar ir-riżorsi ta" informazzjoni, gwida u kura rigward l-HIV/AIDS disponibbli fl-Istati Membri;
43. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-soċjetà ċivili u lis-settur privat sabiex jibdew jew jappoġġaw programmi u jiżviluppaw kampanji ta' informazzjoni u għarfien għall-ġlieda kontra l-omofobija, l-istigma li jġorru n-nies li jgħixu bl-HIV/AIDS u d-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli u kontra dawk infettatti bl-HIV, bil-għan li jitkissru l-barrieri li jnaqqsu l-effett ta' l-immanniġġar ta' l-HIV/AIDS; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kontra persuni bl-HIV/AIDS, b'mod partikulari fis-settur tas-servizzi (pereżempju fir-rigward ta" l-assikurazzjoni, is-servizzi bankarji u l-kura tas-saħħa);
44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu politiki u programmi għall-integrazzjoni soċjali u d-dħul fis-suq tax-xogħol tal-persuni bl-HIV/AIDS;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jidhru bħala l-mexxejja tal-promozzjoni u l-iffinanzjar ta' l-aċċess għall-edukazzjoni dwar l-HIV/AIDS fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, inkluż l-għoti ta' pariri dwar l-imġiba sesswali responsabbli u l-prevenzjoni u t-trattament ta' mard li jiġi trasmess permezz tas-sess (STDs), u għall-informazzjoni, ittestjar u servizzi relatati, b'attenzjoni xierqa għall-prinċipji tal-kunfidenzjalità u tal-kunsens infurmat;
46. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jippromwovu edukazzjoni fil-qasam tas-saħħa fl-iskejjel biex iqajmu kuxjenza u jippromwovu mġiba sesswali mhux perikoluża;
47. Jinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li ċ-ċittadini kollha jirċievu edukazzjoni u informazzjoni sesswali, li tinkludi rispett u responsabilità li wieħed għandu jkollu għall-persuna li tkun is-sieħba tiegħu u drittijiet ugwali għall-persuni li huma omosesswali, bisesswali u transġeneru, u jenfasizza l-importanza li tingħata edukazzjoni sesswali fl-iskejjel;
48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkalkulaw kemm huma kompetenti u infurmati il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa primarja dwar is-suġġett ta' l-HIV/AIDS u biex jipprovdu korsijiet ta' taħriġ għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa sabiex jippermettulhom li jipprovdu tmexxija pubblika xierqa u biex iqajmu kuxjenza pubblika b'mod xieraq;
49. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ sħiħ lin-nisa u lill-irġiel li huma responsabbli għall-kura ta" kuljum ta" persuni li għandhom l-AIDS, u/jew li jieħdu ħsieb tat-tfal u l-orfni tagħhom; jenfasizza li huma għandhom jingħataw taħriġ fil-kura fid-djar u jkunu megħjuna biex isiru konxji dwar il-prevenzjoni tat-teħid ta" l-HIV/AIDS u dwar il-benefiċċji ta" trattament u kura tajbin għall-persuni bl-AIDS;
50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilitajiet li jitwaqqfu Sħubijiet Pubbliċi Privati fil-pajjiżi tal-madwar sabiex jiġu promossi aktar metodi fil-glieda kontra l-HIV/AIDS;
51. Jilqa' l-inizjattiva tal-Presidenza Ġermaniża biex torganizza l-Konferenza "Responsabbiltà u Sħubija - Flimkien kontra l-HIV/AIDS" fit-12 u t-13 ta' Marzu 2007 fi Bremen kif ukoll għall-fatt li Madrid sejra tospita l-XI il-Konferenza Ewropea dwar l-AIDS mill-24 sas-27 ta' Ottubru 2007;
52. Jenfasizza l-irwol ċentrali tal-komunitajiet, ta' l-organizzazzjonijiet lokali, ta' l-NGOs u tal-persuni bl-HIV/AIDS fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;
53. Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' "ċentru ta' skambju" (clearinghouse) fuq livell ta' l-UE bl-objettiv li jinġabru u jigu analizzati l-aħjar prattiki mill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet kollha attivi fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS; jemmen li dan il-mekkaniżmu għandu jgħin biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fl-azzjonijiet attwali u biex jiġu mfassla strateġiji ġodda;
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lid-WHO (Ewropa) u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.