Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/0239(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0086/2007

Testi mressqa :

A6-0086/2007

Dibattiti :

PV 24/04/2007 - 11
CRE 24/04/2007 - 11

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2007 - 11.3
CRE 25/04/2007 - 11.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0146

Testi adottati
PDF 543kWORD 177k
L-Erbgħa, 25 ta' April 2007 - Strasburgu
Sistema Komunitarja ta' monitoraġġ tat-traffiku ta' bastimenti u ta' tagħrif ***I
P6_TA(2007)0146A6-0086/2007
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-25 ta' April 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/59/KE dwar it-twaqqif ta" sistema Komunitarja tal-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u tat-tagħrif (COM(2005)0589 – C6-0004/2006 – 2005/0239(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0589)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0004/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0086/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-25 ta' April 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/.../KE li temenda d-Direttiva 2002/59/KE dwar it-twaqqif ta" sistema Komunitarja tal-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u tat-tagħrif
P6_TC1-COD(2005)0239

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 80, paragrafu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

F'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Permezz ta" l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta" Ġunju 2002 li għandha x'taqsam mat-twaqqif ta" sistema Komunitarja tal-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u tat-tagħrif, u li tabolixxi d-Direttiva 93/75/KEE tal-Kunsill(4), l-Unjoni Ewropea ssovvenzjonat ruħha b'mezzi supplementari biex twaqqaf is-sitwazzjonijiet li jkunu ta" theddida għall-ħarsien tal-ħajja umana fil-baħar u għall-protezzjoni ta" l-ambjent tal-baħar.

(2)  Skond din id-Direttiva, l-Istati Membri li huma Stati kostali għandhom jkunu jistgħu jiskambjaw it-tagħrif li jiġbru fil-qafas ta" missjonijiet fejn isegwu t-traffiku marittimu li huma jissorveljaw fiż-żoni ta" żoni ta" kompetenza tagħhom. Is-sistema Komunitarja ta" skambju ta" tagħrif SafeSeaNet, żviluppata mill-Kummissjoni bi qbil ma" l-Istati Membri, tinkludi min-naħa waħda sistema ta" skambju ta" informazzjoni u min-naħa l-oħra standardizzazzjoni tat-tagħrif ewlieni disponibbli dwar il-bastimenti u t-tagħbijiet tal-merkanzija tagħhom (preavviżi u rendikonti). Din b'hekk tippermetti li tkun lokalizzata sa ras il-għajn u li tkun ikkomunikata lill-awtoritajiet kollha informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-bastimenti f'ibħra Ewropej, il-movimenti tagħhom u t-tagħbijiet tal-merkanziji perikolużi jew niġġiesa tagħhom, kif ukoll dwar l-avvenimenti fil-baħar.

(3)  F'dan il-kuntest, sabiex tiġi ggarantita utilizzazzjoni siewja tat-tagħrif miġbur b'dan il-mod, jinħtieġ li l-infrastrutturi neċessarji għall-ġabra u għall-iskambju ta" informazzjoni speċifikati f'din id-Direttiva, u mwaqqfa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, jiġu integrati mas-sistema Komunitarja ta" skambju ta" tagħrif SafeSeaNet.

(4)  Fost it-tagħrif avżat u skambjat taħt id-Direttiva 2002/59/KE, dak relatat mal-karatteristiċi preċiżi tal-merkanziji perikolużi jew niġġiesa ttrasportati bil-baħar jieħu xejra ta" importanza partikulari. F'dan il-kuntest, u meta jiġu kkunsidrati l-inċidenti marittimi reċenti, hemm bżonn li jingħata permess lill-awtoritajiet tal-kosta biex ikollhom aċċess aktar faċli għall-karatteristiċi ta" l-idrokarburi ttrasportati, bil-baħar, element essenzjali fl-għażla tat-teknika għall-ġlieda l-aktar adattata, u li tiżgurahom li f'każ t'urġenza jkun hemm kuntatt dirett ma" l-operaturi li jkollhom l-aħjar għarfien tal-prodotti trasportati.

(5)  It-tagħmir li jippermetti l-identifikazzjoni awtomatika tal-bastimenti (AIS – Automatic Identification System) imsemmi fil-Konvenzjoni Internazzjonali ta' 1974 għas-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS) jippermetti, mhux biss li jiġu mtejjba l-possibilitajiet tal-monitoraġġ ta" dawn il-bastimenti, iżda fuq kollox li jtejbu s-sikurezza tagħhom f'sitwazzjonijiet ta" tbaħħir fil-qrib ħafna. Għaldaqstant ġie integrat mal-pjan ta" azzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE. Minħabba n-numru importanti ta" ħabtiet bejn il-bastimenti tas-sajd li b'mod evidenti ma kienux identifikati mill-bastimenti kummerċjali jew li ma kienux identifikaw il-bastiment kummerċjali ta" madwarhom, huwa ferm mixtieq li din il-miżura tkun estiża għall-bastimenti tas-sajd li jkunu itwal minn 15-il metru. L-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) irrikonoxxiet li l-pubblikazzjoni għal skopijiet kummerċjali fl-internet jew f' xi post ieħor ta' data AIS trażmessa minn bastimenti tista' tkun ta' detriment għas-sikurezza u s-sigurtà ta' bastimenti u ta' faċilitajiet portwali u ħeġġet lill-gvernijiet membri, suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali tagħhom, biex jiskoraġġixxu milli jagħmlu dan lil dawk li jippreżentaw data AIS lill-oħrajn għal pubblikazzjoni fl-internet, jew f'post ieħor. Minbarra dan, id-disponibilità ta' informazzjoni AIS dwar rotot u merkanzija ta' bastimenti m'għandiex tkun ta' detriment għal kompetizzjoni ġusta bejn il-protagonisti fl-industrija tat-tbaħħir.

(6)  Ta" min jikkunsidra li jiġu studjati s-sinerġiji possibbli bejn l-AIS u s-sistemi ta" pożizzjonament u ta" komunikazzjoni użati fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, bħas-sistema ta" sorveljanza tal-bastimenti bis-satellita (VMS). L-iskeda għat-tagħmir ta' bastimenti bl-AIS għandha tkun determinata b'mod xieraq fid-dawl tas-sejbiet ta' studju bħal dan. Ir-riċerka għall-integrazzjoni ta" dawn is-sistemi trid tikkunsidra l-bżonnijiet u l-esiġenzi għall-kontroll tal-flotot tas-sajd, b'mod partikulari dak relatat mas-sikurezza u s-segretezza ta" l-informazzjoni trasmessa.

(7)  Din id-Direttiva tipprovdi li l-vapuri ġodda jkunu mgħammra bl-AIS. Biex tkun mgħammra l-flotta tas-sajd attwali, għandha tinħoloq linja baġitarja speċjali b'żjieda ma' l-Istrument Finanzjarju għal Gwida għas-Sajd, li għandha tippermetti kofinanzjar sa madwar 90% mill-fondi Komunitarji, tkun xi tkun iz-zona ġeografika.

(8)  L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/59/KE jirrekjedi li l-Istati Membri jadottaw miżuri partikulari fil-każ ta" bastimenti li jistgħu jkunu ta" riskju, minħabba l-imġiba tagħhom jew l-istat tagħhom. Għaldaqstant, kien jidher mixtieq li jiżdiedu mal-lista ta" dawn il-bastimenti, dawk li ma jippreżentawx l-assigurazzjonijiet jew il-garanziji finanzjarji sodisfaċenti jew inkella dawk imwissija mill-bdoti jew mill-awtoritajiet tal-port li l-bastimenti għandhom xi anomaliji li jistgħu jkunu ta" ħsara tant li jikkompromettu s-sikurezza tat-tbaħħir jew li jkunu ta" riskju għall-ambjent.

(9)  Bħall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/59/KE li għandu x'jaqsam mar-riskji maħluqa minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi mhux eċċezzjonalment favorevoli, deher il-bżonn li għandhom jiġu kkunsidrati l-perikli li jistgħu jinħolqu għat-tbaħħir bil-formazzjoni ta" meddiet kbar ta" silġ. Minn dak il-mument, meta awtorità kompetenti nnominata minn Stat Membru tikkunsidra, fuq il-bażi ta" previżjonijiet relatati ma" l-istat ta" dawn il-meddiet ta" silġ ipprovduti minn servizz kwalifikat ta" informazzjoni, li l-kundizzjonijiet għat-tbaħħir joħolqu riskju serju għas-sikurezza tal-ħajja umana jew riskju serju ta" tniġġis, ikun jaqbel li din tavża lill-kaptani tal-bastimenti li jkunu fiż-żona ta" ġurisdizzjoni tagħha jew li jkunu jridu jidħlu jew joħorġu mill-portijiet li qegħdin fiż-żona konċernata. Ikun hemm bżonn, f'dan il-kuntest, li din l-awtorità tkun tista" tieħu kull miżura adattata biex tiżgura l-ħarsien tal-ħajjiet umani fil-baħar u l-protezzjoni ta" l-ambjent. Biex ikunu evitati problemi possibbli fir-rigward tar-regoli tas-silġ stipulati minn xi soċjetajiet ta' klassifikazzjoni, għandu jkun ta' għajnuna jekk l-Istati jistandardizzaw ir-regoli tagħhom; f'dan ir-rigward jista' jkun hemm rekwiżiti unifikati mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Soċjetajiet ta' Klassifikazzjoni (IACS) jew minn soċjetajiet ewlenin oħra biex ikunu evitati konflitti possibbli bħal dawn.

(10)  L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/59/KE jirrekjedi b'mod partikulari li l-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet biex jippermettu, jekk is-sitwazzjoni teħtieġ, li jilqgħu bastimenti fil-periklu fil-portijiet tagħhom jew f'kull post protett ieħor fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, sabiex titrażżan il-vastità tal-konsegwenzi ta" l-inċidenti marittimi.

(11)  Madankollu, fid-dawl tal-linji tat-tmexxija dwar il-postijiet tal-kenn adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE, u wara l-ħidmiet li saru bil-kooperazzjoni tal-Kummissjoni, ta" l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima u ta" l-Istati Membri, kien jidher li kien hemm bżonn li jiġu speċifikati l-miżuri essenzjali li jridu jinkludu l-pjanijiet "postijiet ta" kenn" sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata u effikaċi ta" din il-miżura u biex tkun iċċarata l-importanza ta" l-obbligazzjonijiet li tagħhom huma responsabbli l-Istati Membri.

(12)  Huwa importanti, fil-każ ta" xi sitwazzjoni gravi fil-baħar, jiġifieri sitwazzjoni li tista" twassal għall-għarqa jew xi periklu għall-ambjent jew għat-tbaħħir, li jkun possibbli li tissejjaħ awtorità indipendenti li jkollha s-setgħat u t-tagħrif biex tieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa biex tassisti l-bastiment fil-periklu bil-ħsieb li tipproteġi l-ħajjiet ta' persuni u l-ambjent u biex timminimizza l-ħsara ekonomika. Huwa mixtieq li l-awtorità kompetenti għandha tkun ta' natura permanenti. B'mod partikulari, din l-awtorità għandu jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni b'mod indipendenti dwar l-ilqugħ ta" bastiment fil-periklu f'post tal-kenn. Għal dan il-għan, ikun siewi li l-awtorità konċernata tagħmel evalwazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni, fuq il-bażi tat-tagħrif li jinstab fil-pjan "post tal-kenn" applikabbli.

(13)  Il-pjanijiet għall-ilqugħ ta" bastimenti li jeħtieġu assistenza jridu jagħtu deskrizzjoni eżatta tal-katina ta" deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sejħa ta" allarm u kif ġew ikkontrollati s-sitwazzjonijiet imsemmija. L-awtoritajiet konċernati u l-attributi tagħhom iridu jiġu deskritti b'mod ċar, kif ukoll il-mezzi ta" komunikazzjoni bejn il-partijiet konċernati. Il-proċeduri applikabbli jridu jiggarantixxu li deċiżjoni tittieħed malajr, fuq bażi ta" kompetenza marittima speċifika fl-indirizzar ta' inċidenti li fihom huma mistennija konsegwenzi serji u ta' periklu.

(14)  Ta" min jirrikkmanda wkoll li l-Istati Membri, waqt l-elaborazzjoni tal-pjanijiet, joħolqu inventarju tal-postijiet tal-kenn mal-kosta, bil-ħsieb li l-awtorità kompetenti, f'każ ta" aċċident jew inċident fil-baħar, tkun tista" tidentifika b'mod ċar u ta" malajr iż-żoni l-aktar adattati biex jilqgħu l-bastimenti fil-periklu. Tali inventarju jrid jinkludi l-ġabra ta" fatti rilevanti, li għandhom x'jaqsmu b'mod partikulari mal-karatteristiċi fiżiċi, ambjentali u ekonomiċi tal-postijiet ikkunsidrati u mat-tagħmir u l-installazzjonijiet disponibbli biex jiffaċilitaw l-ilqugħ tal-bastimenti fil-periklu jew il-ġlieda kontra l-konsegwenzi ta" inċident jew ta" tniġġis.

(15)  Huwa importanti li l-lista ta" l-awtoritajiet responsabbli li jieħdu d-deċiżjoni dwar l-ilqugħ ta" bastiment f'post tal-kenn, kif ukoll l-awtoritajiet responsabbli biex jilqgħu u jieħdu ħsieb l-allarm, tkun is-suġġett ta" pubblikazzjoni adattata. Il-Kummissjoni għandha wkoll tiġi nfurmata mill-Istati Membri bl-inventarju tal-postijiet potenzjali tal-kenn. Fl-aħħarnett, jista" jkun siewi jekk it-tagħrif adattat dwar il-pjanijiet u l-postijiet tal-kenn ikun ukoll aċċessibbli għall-partijiet li jieħdu sehem f'operazzjoni marittima ta" salvataġġ u għall-awtoritajiet ta" l-Istati Membri fil-qrib li jkunu fir-riskju li jintlaqtu minn sitwazzjoni ta" periklu fil-baħar. Huwa importanti li l-partijiet li jippossedu informazzjoni bħal din jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tagħha.

(16)  L-implimentazzjoni ta' netwerk ta' żoni marittimi protetti għandha tiġi mgħaġġla, u minbarra dan, l-Istati Membri, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, għandhom ifasslu mapep ta' l-ambjent marittimu staġjonali u ta' l-indiċi ta' riżorsi umani.

(17)  In-nuqqas ta' garanziji finanzjarji jew ta' assigurazzjoni m' għandhomx jeżoneraw Stat Membru mill-obbligi tiegħu li jassisti bastiment f'diffikultà u li jakkomodah f'post ta' rifuġju jekk b'dan huwa jista' jnaqqas ir-riskji lill-ekwipaġġ u lill-ambjent. Minkejja li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw jekk il-bastiment hux kopert b'assigurazzjoni jew b'garanzija finanzjarja oħra li tippermetti indennizz adattat għall-ispejjeż u l-ħsarat konnessi ma" l-ilqugħ tiegħu fil-post tal-kenn, l-att li jitlob din l-informazzjoni ma għandux idewwem l-operazzjoni ta' salvataġġ.

(18)  Portijiet li jakkomodaw bastiment f'diffikultà jridu jkunu fi grad li jserrħu fuq rimbors fil-pront fir-rigward ta' spejjeż u kwalunkwe ħsara assoċjata ma' l-operazzjoni. Għal dan il-għan huwa importanti li jkunu applikati ukoll mhux biss id-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... [dwar ir-responsabilità ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien tal- vapuri](5) u r-regolamenti tal-Fondi ta' Kumpens Internazzjonali għat-Tniġġis miż-Żejt, iżda wkoll il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1996 dwar ir-Responsabilità u l-Kumpens għal Ħsarat Marbuta mat-Trasport bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u li Jagħmlu Ħsara (il-'Konvenzjoni HNS') u l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-2001 dwar Responsabilitajiet Ċivili għal Ħsarat minn Tniġġis ikkaġunat minn Żejt tal-Bunker (il-'Konvenzjoni dwar Żejt tal-Bunker'). Għalhekk l-Istati Membri għandhom jirratifikaw dawn il-konvenzjonijiet mill-aktar fis possibbli. Huwa mixtieq ukoll li l-Istati Membri għandhom jinsistu, fi ħdan l-IMO, għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni għat-Tneħħija ta' Vapuri Mkissra. F'każijiet ta' eċċezzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw kumpens għall-ispejjeż u t-telf ekonomiku mġarrba minn port b'riżultat ta' l-akkomodazzjoni ta' bastiment fil-periklu, b'mod partikulari jekk dawn l-ispejjeż u t-telf ekonomiku ma jkunux koperti bil-garanziji finanzjarji tas-sidien tal-bastimenti u b'mekkaniżmi ta' kumpens attwali oħrajn.

(19)  Sabiex tinkiseb il-koperazzjoni u l-fiduċja sħiħa tal-kaptani u l-ekwipaġġi tal-bastimenti, għandu jkun żgurat li dawn jistgħu jserrħu rashom li jingħatalhom trattament tajjeb u ġust mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jkun mitlub jilqa' l-bastiment tagħhom fil-periklu. Għal dan il-għan, ikun xieraq li l-Istati Membri jimxu mal-linji gwida ta' l-IMO dwar it-trattament ġust ta' l-ekwipaġġi.

(20)  Is-sorveljanza tal-kosti ta' l-Unjoni u l-monitoraġġ tal-bastimenti li jidħlu fl-ibħra territorjali tagħha huma sisien tas-sikurezza marittima Ewropea. Biex il-bastimenti ma jkollhomx impunità u jkun żgurat li kwalunkwe post tal-kenn jirċievi kumpens fil-każ ta' xi inċident, hu essenzjali li jiżdiedu l-kontrolli kostali u li jkun żgurat li l-ebda bastiment ma' jidħol fl-ibħra territorjali ta' l-Unjoni jekk ma jkollux garanzija finanzjarja skond it-tifsira tad-Direttiva 2007/.../KE [dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien tal-vapuri](6).

(21)  Il-miżuri ta" monitoraġġ u ta" organizzazzjoni tat-traffiku marittimu għandhom il-funzjoni speċifika li jħallu lill-Istati Membri jiksbu għarfien reali tal-bastimenti li jgħaddu mill-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u b'hekk jevitaw mill-aħjar ir-riskji potenzjali, jekk ikun hemm bżonn. F'dan il-qasam, l-iskambju tat-tagħrif jippermetti li titjieb il-kwalità tal-fatti miġbura u jiffaċilita l-ipproċessar tagħhom.

(22)  F'konformità mad-Direttiva 2002/59/KE l-Istati Membri u l-Kummissjoni, għamlu progress importanti f'dak li għandu x'jaqsam ma" l-armonizzazzjoni ta" l-iskambju ta" informazzjoni permezz ta" mezzi elettroniċi, b'mod partikulari dawk relatati mat-trasport ta" merkanziji perikolużi jew niġġiesa. Is-sistema Komunitarja ta" skambju ta" informazzjoni msejħa SafeSeaNet, żviluppata mill-2002, illum għandha tkun stabbilita bħala s-sistema ta" referenza fil-pjan Komunitarju. Hu importanti li jkun żgurat li s-sistema SafeSeaNet ma ġġibx magħha piżijiet amministrattivi jew ta' spejjeż miżjuda għall-industrija, li jkun hemm armonizzazzjoni mar-regoli internazzjonali u li titqies il-kunfidenzjalità b'relazzjoni ma' kwalunkwe implikazzjoni kummerċjali possibbli.

(23)  Il-progress miksub fit-teknoloġiji ġodda u b'mod partikulari fl-implimentazzjoni spazjali tagħhom, bħall-istrumenti li jsegwu l-bastimenti permezz tas-satelliti, is-sistemi ta" l-immaġni kif ukoll Galileo, llum jippermettu li s-sorveljanza tat-traffiku marittimu testendi lejn il-baħar miftuħ u b'hekk ikopru aħjar l-ibħra Ewropej. Barra minn hekk, l-IMO emendat il-Konvenzjoni SOLAS sabiex jitqiesu żviluppi fis-sikurezza u s-sigurtà marittima u fl-ambjent marittimu sabiex jiġu żviluppati sistemi għall-identifikazzjoni u l-ittraċċar globali mill-bogħod ta' vapuri (LRIT). Skond l-arkitettura approvata mill-IMO, li tagħti l-possibilità li jitwaqqfu ċentri reġjonali tad-data LRIT, u jekk titqies l-esperjenza miksuba bis-sistema SafeSeaNet, għandu jitwaqqaf Ċentru Ewropew tad-Data LRIT għall-ġbir u l-immaniġġar ta' tagħrif LRIT. Sabiex iġib data LRIT, Stat Membru jeħtieġ li jkun imqabbad maċ-Ċentru Ewropew tad-Data LRIT.

(24)  Ir-rekwiżiti ta' l-IMO biex is-sistema LRIT titwaħħal fil-bastimenti japplikaw biss għal dawk il-bastimenti li jkunu fuq vjaġġi internazzjonali. Madankollu, billi l-bastimenti fuq vjaġġi domestiċi bejn portijiet ta' Stat Membru jistgħu jkunu ta' riskju għas-sikurezza marittima, għas-sigurtà u għall-ambjent, l-LRIT għandu jitwaħħal fuqhom ukoll, skond skeda li se tkun proposta mill-Kummissjoni meta jasal il-waqt.

(25)   Sabiex tiggarantixxi l-aħjar utilizzazzjoni armonizzata fil-pjan Komunitarju tat-tagħrif miġbur taħt id-Direttiva preżenti jew strumenti oħra relatati mas-sikurezza marittima, il-Kummissjoni, jekk ikun hemm bżonn, għandha tkun tista" tipproċessa, tuża u xxerred din id-data ma" l-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri.

(26)  L-informazzjoni miġbura li hi konformi ma' din id-Direttiva tista' tixxerred u tintuża biss biex tevita sitwazzjonijiet li jheddu s-sikurezza tal-ħajja umana fuq il-baħar u l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar; huwa għalhekk mixtieq li l-Kummissjoni, bil-koperazzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, tinvestiga kif tittratta l-problemi tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(27)  F'dan il-qafas, l-iżvilupp tas-sistema "Equasis" juri l-importanza ta" l-inkoraġġiment ta" kultura ta" sikurezza marittima, b'mod partikulari ma" l-operaturi tat-trasport marittimu, f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha tkun tista" tikkontribwixxi, b'mod partikulari permezz ta" din is-sistema, għat-tixrid ta" kull informazzjoni ta" interess marittimu miġbura mill-entitajiet pubbliċi jew privati differenti involuti fis-sikurezza marittima.

(28)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta" Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat għas-Sikurezza Marittima u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (COSS)(7), jiġbor id-dmirijiet tal-kumitati stabbiliti fil-qasam tal-leġiżlazzjoni Komunitarja relatata fis-suġġett ta" sikurezza marittima, prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti u l-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord. Bħala riżultat ta" dan ikun opportun li l-kumitat eżistenti jiġi sostitwit mill-COSS.

(29)  Ikun opportun ukoll li jiġu kkunsidrati l-modifiki fl-istrumenti internazzjonali msemmija.

(30)  L-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima mwaqqfa mir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002(8) għandha tipprovdi l-għajnuna meħtieġa biex tassigura l-implimentazzjoni konverġenti u effikaċi ta" din id-Direttiva.

(31)  B'riżultat ta" dan, ikun opportun li tiġi modifikata d-Direttiva 2002/59/KE.

IDDEĊIDEW HEKK DWAR DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2002/59/KE għandha tiġi mibdula b'dan li ġej:

(1)  Il-premessa 19 għandha tinbidel b'dan li ġej:

"

(19)  Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta" din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta" Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni*. B'mod partikulari, il-Kummissjoni għandu jkollha l-poter li tħejji anness dwar is-SafeSeaNet u li temenda l-Annessi I, III u IV fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba. Billi dawk il-miżuri huma ta' skop ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom ikunu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-poter ukoll li tippreskrivi r-rekwiżiti biex jitwaħħal it-tagħmir LRIT fuq bastimenti li jagħmlu vjaġġi interni u li timmodifika d-definizzjonijiet, ir-referenzi jew l-annessi sabiex jiġu jaqblu mal-liġijiet tal-KE jew ma' dawk internazzjonali. Dawk il-miżuri għandhom ikunu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

____________

* ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

"

(2)  Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

L-għan ta' din id-Direttiva hu li jistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ u informazzjoni dwar it-traffiku tal-baħar fil-Komunità għat-tisħiħ tas-sikurezza u l-effiċjenza tat-traffiku marittimu, it-titjib tas-sikurezza tal-portijiet u l-ibħra, it-titjib tar-rispons ta' l-awtoritajiet għal inċidenti, aċċidenti jew sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta' periklu fil-baħar, fosthom operazzjonijiet ta' tiftix u ta' salvataġġ, u kontribut lejn prevenzjoni u stħarriġ aħjar tat-tniġġis mill-bastimenti.

"

(3)  L-Artikolu 2(2) għandu jiġi emendat kif ġej:

   a) il-kliem ta" introduzzjoni għandu jinbidel b'dan li ġej: "Ħlief jekk jingħad mod ieħor, din id-Direttiva ma tapplikax għal:";
   b) il-punt (c) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
   c) il-provvisti u t-tagħmir li jintużaw abbord il-bastimenti.
"

(4)  L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

  a) il-punt a) għandu jiġi emendat kif ġej:
   i) fl-ewwel sentenza, il-kliem ta" introduzzjoni "l-istrumenti li ġejjin:" huma mibdula bil-kliem:"l-istrumenti li ġejjin, fil-verżjoni attwali tagħhom:";
   (ii) Għandhom jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:"
   "ir-Riżoluzzjoni A.949/(23) ta" l-IMO', ir-Riżoluzzjoni 949/(23) ta" l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali li turi "Id-Direttivi dwar il-postijiet tal-kenn għall-bastimenti li għandhom bżonn l-għajnuna
"
   "ir-Riżoluzzjoni A.950/(23) ta" l-IMO', ir-Riżoluzzjoni 950/(23) ta" l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali intitolata 'Servizzi għall-għajnuna marittima (MAS)';
   'Ir-Riżoluzzjoni A.917(22) ta' l-IMO' tirreferi għar-Riżoluzzjoni A.917(22) ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali bit-titolu "Linji gwida għall-użu abbord ta' l-AIS", kif emendata mir-Riżoluzzjoni A.956(23) ta' l-IMO;
   'Ir-Riżoluzzjoni A.987(24) ta' l-IMO' tirreferi għar-Riżoluzzjoni A.987(24) ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali bit-titolu "Linji gwida dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta' inċident marittimu";";
   b) għandhom jiżdiedu il-punti (s), (t), (u) u (v) li ġejjin:"
(s)  "SafeSeaNet": tfisser is-sistema Komunitarja ta" skambju ta" tagħrif marittimu żviluppata mill-Kummissjoni bil-kooperazzjoni ta" l-Istati Membri sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni Komunitarja, kif stabbilit f' Anness Speċjali li jitfassal f'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(3);
   t) "servizz regolari": tfisser sensiela ta" vjaġġi organizzata b'mod li tiżgura kollegament bejn żewġ portijiet simili kif ukoll, kemm skond orarju tal-ħinijiet pubbliċi, kif ukoll b'mod regolari jew b'tali frekwenza li din tikkostitwixxi sensiela sistematika li tingħaraf;
   u) "bastiment tas-sajd": tfisser kull bastiment mgħammar jew użat bi skopijiet kummerċjali għall-qbid tal-ħut jew ta" riżorsi ħajjin oħra tal-baħar;

(v)  "LRIT" tfisser sistema li tittrażmetti awtomatikament informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-ittraċċar mill-bogħod skond ir-Regolament 19, Kapitolu V tal-Konvenzjoni SOLAS."

(5)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej:

"

Artikolu 6a

L-użu ta" sistemi ta" identifikazzjoni awtomatika AIS mill-bastimenti tas-sajd

Kull bastiment tas-sajd, li b'kollox huwa itwal minn 24 metru , u li jbaħħar f' ibħra li huma taħt il-ġurisdizzjoni ta" xi Stat Membru jrid ikun mgħammar, skond il-kalendarju li jidher fl-Anness II, paragrafu I (3), b'sistema ta" identifikazzjoni awtomatika (AIS) skond in-normi ta" azzjoni ta" l-IMO.

Il-bastimenti tas-sajd mgħammra b'AIS għandhom iżommuha taħdem il-ħin kollu, ħlief meta ftehimiet,regoli jew istandards internazzjonali jagħtu dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta' tagħrif ta' navigazzjoni.

Skond il-linji gwida ta' l-IMO għall-użu ta" l-AIS fuq il-bastimenti, l-AIS tista" tintefa meta l-kaptan iqis li dan ikun meħtieġ fl-interess tas-sikurezza jew tas-sigurtà tal-bastiment tiegħu.

"

(6)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 6b li ġej:

"

Artikolu 6b

Użu ta" identifikazzjoni u traċċjar mill-bogħod ta" bastimenti (LRIT)

1.  Bastimenti li jagħmlu vjaġġi internazzjonali, ħlief meta jkunu mgħammra bl-AIS u meta joperaw esklużivament f'zona tal-baħar A1 koperta minn netwerk AIS, għandhom ikunu mgħammra b'sistema LRIT skond ir-Regolament 19 Kapitolu V tal-Konvenzjoni SOLAS u skond l-istandards ta' rendiment u r-rekwiżiti funzjonali adottati mill-IMO.

Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 28(2), għandha tistipula r-rekwiżiti biex jitwaħħal tagħmir LRIT fuq bastimenti li jagħmlu vjaġġi interni bejn portijiet ta" Stat Membru ta" l-Unjoni Ewropea.

2.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw biex, sal-31 ta" Diċembru 2008, iwaqqfu Ċentru Ewropew tad-Data LRIT li jkun inkarigat li jipproċessa t-tagħrif dwar l-identifikazzjoni u t-traċċjar mill-bogħod.

Iċ-Ċentru Ewropew tad-Data LRIT għandu jkun komponent tas-sistema Ewropea ta" tagħrif u skambju marittimu, is-SafeSeaNet. L-ispejjeż relatati mal-modifiki ta' l-elementi nazzjonali tas-SafeSeaNet biex jinkludu t-tagħrif LRIT għandhom jitħallsu mill-Istati Membri.

L-Istati Membri, sa mhux aktar tard mill-31 ta" Diċembru 2008, għandhom jistabbilixxu u jżommu kuntatt maċ-Ċentru Ewropew tad-Data LRIT.

3.  Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-politika u l-prinċipji għall-aċċess tat-tagħrif miżmum fiċ-Ċentru Ewropew tad-Data LRIT skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 28(2).

"

(7)  L-Artikolu 12 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"

Artikolu 12

Obbligazzjonijiet ta" min qiegħed jibgħat il-merkanzija

1.  Jekk min jibgħat il-merkanzija, joffri għall-ġarr merkanzija perikoluża jew niġġiesa f'port ta" Stat Membru, għandu jagħti lill-kaptan jew lill-amministratur ta' bastiment, ikun ta' liema daqs ikun, qabel ma l-merkanzija titgħabba fuq il-bastiment, dikjarazzjoni li jkollha t-tagħrif li ġej:

   a) it-tagħrif fl-Anness I(2);
   b) għas-sustanzi msemmija fl-Anness I għall-Konvenzjoni Marpol, id-dokument bid-data ta'sigurta bil-karatteristiċi fiżiko-kimiċi tal-prodotti, inkluż il-viskosità tagħhom espressa f'cSt mal-50°C u d-densità mal-15°C u d-data l-oħra li qiegħda fid-dokument bid-data ta" sikurezza skond ir-riżoluzzjoni IMO MSC.150(77);
   c) in-numri ta" emerġenza ta" min qed jibgħat il-merkanzija jew ta" kull persuna oħra fil-pussess ta'tagħrif fuq il- karatteristiċi fiżiko-kimiċi tal-prodotti u dwar l-azzjoni li għandha tittieħed f'emerġenza.

2.  Bastimenti ġejjin minn port barra l-Komunità u li sejrin lejn port ta" Stat Membru jew li se jankraw fl-ibħra territorjali ta" Stat Membru u li għandhom sustanzi perikolużi jew niġġiesa għandu jkollhom dikjarazzjoni mingħand min jibgħat il-merkanzija li fiha t-tagħrif li ġej:

   a) it-tagħrif elenkat fl-Anness I(3);
   b) it-tagħrif meħtieġ taħt il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Għandhom ikunu d-dmir u r-responsabiltà ta" min qiegħed jibgħat il-merkanzija biex jiżgura li t-tagħbija miġjuba għat-trasport taqbel sew ma" dak li jkun hemm iddikjarat b'mod konformi mal-paragrafi 1 u 2.

"

(8)  Fit-tieni paragrafu ta" l-Artikolu 14, il-punt (c) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"
   c) kull Stat Membru għandu jkun jista' jibgħat bla dewmien, meta jkun mitlub, tagħrif permezz tas-SafeSeaNet dwar il-bastiment u l-merkanzija perikoluża jew li tniġġes li jkollu abbord lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti ta" Stat Membru ieħor. Dan m'għandux iwassal biex l-Istati Membri jitolbu tagħrif b'mod regolari dwar il-bastimenti u l-merkanziji tagħhom għal skopijiet oħra għajr dawk ta' sikurezza jew ta' sigurtà marittima jew ta' ħarsien ta" l-ambjent marittimu.
"

(9)  Fl-Artikolu 16(1) għandhom jiżdiedu il-punti d) u e) li ġejjin:

"
   d) bastimenti li ma jinnotifikawx jew li m#għandhomx ċertifikati ta" assigurazzjoni jew garanziji finanzjarji skond id-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... [dwar ir-responsabbilta ċivili u garanziji finanzjarji tal-propjetarji tal-bastimenti]*(9);
   e) bastimenti li ġew rappurtati minn bdoti jew awtoritajiet tal-port talli għandhom difetti li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni fis-sigurta jew joħolqu riskju għall-ambjent.
  

______________

  

*ĠU L ...

"

(10)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

"

Artikolu 18 a

Miżuri f'każ ta" riskji minħabba l-preżenza ta" silġ

(1)  Jekk l-awtoritajiet kompetenti nnominati mill-Istati Membri jaħsbu li, minħabba l-istat tas-silġ, ikun hemm riskju serju għall-protezzjoni tal-ħajja umana fil-baħar jew għall-ħarsien taż-żoni marittimi jew tal-kosta tagħhom jew taż-żoni marittimi jew tal-kosta ta" l-Istati l-oħra:

   a) jridu jgħaddu lill-kaptani tal-bastimenti, li jkunu fiż-żoni ta" ġurisdizzjoni tagħhom jew li jkunu jixtiequ jidħlu jew joħorġu minn wieħed mill-portijiet tagħhom, l-informazzjoni adattata dwar l-istat tas-silġ, ir-rotot irrikkmandati u s-servizzi ta" vapuri li jkissru s-silġ fiż-żona ta" ġurisdizzjoni tagħhom;
   b) jistgħu jitolbu li l-bastimenti, li jkunu fiż-żoni konċernati u li jixtiequ jidħlu jew joħorġu minn port jew moll jew inkella jitilqu miż-żona ta" l-irmiġġ, jagħti prova permezz ta' xhieda dokumentarja li jissodisfa r-rekwiżiti tar-reżistenza u l-qawwa relatati mas-sitwazzjoni tas-silġ fiż-żona kkonċernata.

(2)  Il-miżuri meħuda biex jiġu implimentati l-arranġamenti għall-paragrafi 1 u 2 huma bbażati, għal dawk l-informazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma" l-istat tas-silġ, fuq il-previżjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-silġ u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi pprovduti minn servizz kwalifikat ta" informazzjoni meteoroloġika, rikonoxxut mill-Istat Membru.

"

(11)  Fl-Artikolu 19(2) għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"

Għal dan il-għan, huma jittrasmettu t-tagħrif fir-rigward ta" l-Artikolu 12 lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara t-talba tagħhom.

"

(12)  L-Artikolu 20 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"

Artikolu 20

Ilqugħ ta" bastimenti fil-periklu fil-postijiet tal-kenn

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti li jkollha l-għerf espert meħtieġ u li tkun indipendenti fis-sens li jkollha s-setgħa, meta ssir il-ħidma ta" salvataġġ, li tieħu deċiżjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess dwar l-ilqugħ ta' bastimenti fil-periklu bil-għan li:

   titħares il-ħajja umana;
   titħares il-kosta;
   jitħares l-ambjent marittimu;
   jkun hemm sigurtà fil-baħar; u
   titnaqqas kemm jista" jkun it-telf ekonomiku.

2.  L-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 tista", inter alia:

   a) tirrestrinġi ċ-ċaqliq tal-bastiment jew tmexxih biex isegwi rotta speċifika. Dan ir-rekwiżit ma jaffettwax ir-responsabiltà tal-kaptan għall-imaniġġjar sikur tal-bastiment tiegħu;
   b) tagħti avviż uffiċjali lill-kaptan tal-bastiment biex iwaqqaf it-theddida għall-ambjent jew għas-sikurezza marittima;
   c) titla" fuq il-bastiment jew tibgħat tim ta" evalwazzjoni fuq il-bastiment biex tevalwa l-ħsara lill-bastiment u l-grad ta' riskju, tgħin lill-kaptan biex jirrimedja s-sitwazzjoni u tgħarraf lill-istazzjon kostali kompetenti;
   d) titlob u tibgħat ħaddiema tas-salvataġġ hija stess fejn meħtieġ;
   e) tara li l-bastiment jiġi piklotat jew jiġi rmunkat.

3.  L-Istati Membri, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, għandhom ifasslu mapep ta' l-ambjent marittimu staħonali (transkonfinali) u ta' l-indiċi ta' riżorsi umani.

4.  L-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu r-responsabiltà għat-twettiq tal-pjanijiet msemmija fl-Artikolu 20a.

5.  Fuq il-bażi ta" evalwazzjoni preliminari taċ-ċirkustanzi, l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddeċiedi dwar l-ilqugħ ta" bastiment f'periklu f'post ta" kenn.

L-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżgura li, fuq il-bażi ta" evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi skond il-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 20a, bastimenti f'periklu jiddaħħlu f'post ta" kenn fil-każijiet kollha fejn l-ilqugħ tal-bastiment f'periklu f'post ta" kenn jippermetti li jitnaqqsu r-riskji assoċjati ma" dawk iċ-ċirkustanzi.

6.  L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-Linji Gwida ta" l-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta" xi inċident marittimu fir-rigward ta" l-ekwipaġġ ta" bastiment li jkun jinsab fil-periklu f'ilmijiet li jiġu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

7.  L-awtoritajiet speċifikati fil-paragrafu 4 jiltaqgħu ta" sikwit sabiex jiskambjaw il-kompetenzi tagħhom u jtejbu l-miżuri meħuda skond l-Artikolu preżenti. Jistgħu jiltaqgħu meta jridu, minħabba ċirkostanzi partikulari, fuq inizjattiva ta" waħda minnhom jew tal-Kummissjoni.

"

(13)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 20a li ġej:

"

L-Artikolu 20a

Pjanijiet għall-ilqugħ ta" bastimenti fil-periklu

(1)  L-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet bil-ħsieb li jirrispondu għar-riskji maħluqa mill-bastimenti fil-periklu li jsibu ruħhom fl-ibħra relatati mal-ġurisdizzjoni tagħhom u sabiex jiżguraw l-ilqugħ ta' bastimenti u l-ħarsien tal-ħajja umana.

(2)  Il-pjanijiet speċifikati f'paragrafu 1 huma elaborati wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-direttivi rilevanti ta" l-IMO speċifikati fl-Artikolu 3, punt a), u jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

   a) l-identità ta" l-awtorità jew ta" l-awtoritajiet bl-inkarigu li jirċievu u li jieħdu ħsieb is-sejħiet ta" l-allarm;
   b) l-identità ta" l-awtorità li għandha r-responsabbiltà li tevalwa s-sitwazzjoni, li tiddetermina post tal-kenn adattat u li tieħu deċiżjoni dwar l-ilqugħ ta" bastiment fil-periklu fil-post tal-kenn magħżul;
   c) l-inventarju tal-postijiet tal-kenn potenzjali li jiġbor il-punti prinċipali ta" l-elementi maħsuba biex jiffaċilitaw evalwazzjoni u deċiżjoni ta" malajr, li jinkludi wkoll id-deskrizzjoni tal-fatturi ambjentali u soċjali u tal-kundizzjonijiet naturali tal-postijiet potenzjali li ġew ikkunsidrati;
   d) il-proċeduri ta" evalwazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-post tal-kenn fuq il-bażi tal-postijiet potenzjali rreġistrati fl-inventarju;
   e) il-mezzi u l-installazzjonijiet adegwati għall-għajnuna, s-salvataġġ u l-ġlieda kontra t-tniġġis;
   f) il-mekkaniżmi eventwali internazzjonali ta" koordinazzjoni u ta" deċiżjoni li japplikaw;
   g) il-proċeduri ta" garanziji finanzjarji u ta" responsabbiltà mwaqqfa fir-rigward tal-bastimenti milqugħa f'post tal-kenn.

(3)  L-Istati Membri jippubblikaw l-isem ta" l-awtorità kompetenti speċifikata fl-Artikolu 20(4) kif ukoll il-lista tal-kuntatti adattati għall-ilqugħ u r-rispons għas-sejħiet ta" l-allarm. Huma jgħaddu lill-Kummissjoni l-inventarju tal-postijiet tal-kenn potenzjali. Barra minn dan, huma jgħaddu t-tagħrif li għandu x'jaqsam mal-pjanijiet u l-postijiet tal-kenn lill-Istati Membri ġirien.

Minn meta jibdew jitħaddmu l-proċeduri msemmija fil-pjanijiet għall-ilqugħ tal-bastimenti fil-periklu, huma jiżguraw li kull tagħrif li għandu x'jaqsam mal-pjanijiet u l-postijiet tal-kenn ikun għad-dispożizzjoni tal-partijiet involuti fl-operazzjonijiet, fosthom is-servizzi ta" salvataġġ u ta" rmonk.

"

Persuni li jirċievu informazzjoni relevanti skond dan il-paragrafu dwar pjanijiet ta" emerġenza u postijiet ta" refuġju għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni.

(14)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 20b li ġej:

"

Artikolu 20b

Garanziji finanzjarji u kumpens

(1)  In-nuqqas ta" ċertifikat ta" assigurazzjoni jew ta" garanzija finanzjarja m'għandux jeżonera lill-Istati Membri mill-evalwazzjoni u d-deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 20 u m'huwiex, fih innifsu, raġuni suffiċjenti biex Stat Membru jirrifjuta li jilqa' f'post ta" kenn bastiment li jkun jinsab fil-periklu.

(2)  Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, meta jkun qed jilqa' f'post ta" kenn bastiment li jkun jinsab fil-periklu, l-Istat Membru jista" jitlob lill-operatur, aġent jew kaptan tal-bastiment jippreżenta ċertifikat ta" assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja, fi ħdan it-tifsira ta" l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2007/.../KE [dwar ir-responsabilità ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien tal-vapuri](10), li jkunu jkopru r-responsabilità tiegħu għad-dannu kkawżat mill-bastiment. L-att tat-talba għal dan iċ-ċertifikat m'għandux iwassal biex bastiment li jkun jinsab fil-periklu jdum ma jiġi akkomodat.

"

(3)  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kumpens ta" l-ispejjez u tat-telf ekonomiku potenzjali mġarrba minn port bħala riżultat ta" deċiżjoni li tkun ittieħdet skond l-Artikolu 20(5) jekk spejjeż jew telf ekonomiku bħal dawn ma jkunux kumpensati mis-sid jew l-operatur tal-vapur fi żmien raġonevoli skond id-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar ir-responsabilità ċivili u l-garnanziji finanzjarji tas-sidien tal-vapuri] u l-mekkaniżmi internazzjonali ta" kumpens eżistenti.

(15)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 22a li ġej:

"

Artikolu 22 a

Sistema Ewropea ta" skambju ta" tagħrif marittimu SafeSeaNet

(1)  L-Istati Membri jwaqqfu sistemi ta" amministrazzjoni tat-tagħrif marittimu, nazzjonali u lokali sabiex jiżguraw l-ipproċessar tat-tagħrif kif speċifikat f'din id-Direttiva.

(2)  Is-sistemi ta" komunikazzjoni stabbiliti biex jimplimentaw il-paragrafu 1 iridu jippermettu l-ħidma siewja tat-taħrig miġbur u jissodisfaw b'mod notevoli l-kundizzjonijiet esposti fl-Artikolu 14 ta" din id-Direttiva.

(3)  Sabiex ikun hemm garanzija ta" skambju tajjeb tat-tagħrif speċifikat f'din id- Direttiva, l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi, nazzjonali u lokali, mwaqqfa biex jiġbru, jipproċessaw u jerfgħu t-tagħrif speċifikat minn din id-Direttiva, jistgħu jkunu konnessi mas-sistema Komunitarja ta" skambju ta" tagħrif marittimu msejħa SafeSeaNet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sistema Komunitarja għall-iskambju ta' tagħrif marittimu SafeSeaNet tkun topera 24 siegħa kuljum.

(4)  Meta jkunu qegħdin jikkoperaw fi ħdan ftehimiet reġjonali jew fil-qafas ta' proġetti transkonfinali, interreġjonali jew transnazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi jew netwerks ta' tagħrif żviluppati jkunu konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u jkunu kompatibbli u marbuta mas-sistema SafeSeaNet.

(5)  Sabiex ikun żgurat li hemm perjodu biżżejjed biex ikun ippruvat il-funzjonament tas-sistema SafeSeaNet, dik is-sistema għandha tkun qed taħdem b'mod sħiħ fl-1 ta" Jannar 2009.".

"

(16)  L-Artikolu 23 għandu jiġi emendat kif ġej:

   a) il-paragrafu (ċ) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
   c) "c) jestendu l-kopertura tas-sistema Komunitarja ta" monitoraġġ u ta" tagħrif dwar it-traffiku tal-bastimenti u/jew jattwalizzawha sabiex itejjbu l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-bastimenti, filwaqt li jqisu l-iżviluppi fil-qasam tat-teknoloġija ta" l-informatika u tal-komunikazzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw biex, jekk jinqala" l-każ, jitwaqqfu s-sistemi obbligatorji ta" rendikonti, s-servizzi obbligatorji tat-traffiku marittimu u s-sistemi adattati għall-organizzazzjoni tat-traffiku, bl-iskop li jissottomettuhom lill-IMO għall-approvazzjoni. Huma jikkooperaw ukoll, fi ħdan l-awtoritajiet reġjonali jew internazzjonali kkonċernati, għall-iżvilupp ta" mekkaniżmi għal monitoraġġ tat-traffiku u għal sorveljanza marittima fuq distanzi twal;
"
   b) għandhom jiżdiedu l-punti e), f) u (g) li ġejjin: "
   e) jiżguraw l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tas-sistemi nazzjonali użati għall-immanġjar ta' l-informazzjoni msemmija fl-Anness, jintegraw sistemi konvenzjonali ma" sistemi bbażati fuq is-satelliti, u jiżviluppaw u jaġġornaw is-sistema tas-SafeSeaNet;
   f) jistudjaw il-probabbiltà u jiddeterminaw ir-regoli dettaljati għall-integrazzjoni ta' l-AIS mas-sistemi ta" pożizzjonament u ta" komunikazzjoni użati fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd. Is-sejbiet ta" dak l-istudju għandhom ikunu disponibbli sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-obbligu msemmi fl-Artikolu 6a, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2008;
   g) jistudjaw u jimplimentaw il-proċeduri li se jiggarantixxu b'mod aktar effettiv il-kunfidenzjalità tat-tagħrif miġbur.".
"

(17)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 23a li ġej:

"

Artikolu 23a

Ipproċessar u amministrazzjoni tat-tagħrif ta" sikurezza marittima

(1)  Il-Kummissjoni tiżgura lill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri, jekk ikun hemm bżonn, li tipproċessa, tutilizza u xxerred it-tagħrif miġbur taħt din id-Direttiva jew miġbur minn kull entità pubblika jew privata fi ħdan il-missjonijiet rispettivi tagħhom.

(2)  Jekk jinqala" l-każ, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-ħidma ta" sistemi ta" ġbir u ta" tixrid tal-fatti relatati mas-sikurezza marittima, notevolment permezz tas-sistema "Equasis" jew ta" kull sistema oħra ekwivalenti ta" karattru pubbliku.

"

(18)  L-Artikolu 24 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 24

Kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni

1.  L-Istati Membri, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mibgħut lilhom skond din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom jaraw li d-data ta" l-AIS u ta" l-LRIT trażmessa mill-bastimenti tinżamm milli tkun disponibbli għall-pubbliku jew użata għal għanijiet li jmorru kontra s-sikurezza, is-sigurtà u l-ħarsien ta" l-ambjent, jew li jaffettwaw il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-bastimenti. B'mod partikulari, m'għandhomx jawtorizzaw it-tixrid ta' tagħrif dwar id-dettalji tal-merkanzija jew tal-persuni abbord, ħlief jekk il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment ikun qabel ma' dan l-użu.

"

F'koperazzjoni ma" l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tan-Netwerks u t-Tagħrif, il-Kummissjoni għandha tinvestiga kif għandhom jingħelbu l-problemi tas-sigurtà tan-netwerks u t-tagħrif li jistgħu jkunu assoċjati mal-miżuri pprovduti taħt din id-Direttiva, u b'mod partikulari l-Artikoli 6, 6a, 14 u 22a tagħha. Sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta" din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiġġieled kontra l-użu mhux awtorizzat jew l-abbuż kummerċjali tad-data li tagħha jkun sar skambju skond din id-Direttiva.

(19)  L-Artikolu 27(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

2.  Barra minn hekk, l-Annessi I, III u IV jistgħu jkunu emendati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 28(3), fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba b'din id-Direttiva, sakemm dawn l-emendi ma jwessgħux il-kamp ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

"

(20)  L-Artikolu 28 għandu għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 28

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni hija megħjuna mill-Kumitat għas-Sikurezza Marittima u l-Ħarsien mit-Tniġġis mill-Bastimenti (COSS), imwaqqaf mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

2.  Fil-każ fejn issir referenza għall-paragrafu preżenti, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE jiġu applikati, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta" l-Artikolu 8 tagħha.

Iż-żmien imsemmi fl-Artikolu 5, paragrafu 6, tad-Deċiżjoni 1999/468/KE huwa ffissat għal tliet xhur.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' l-istess Deċiżjoni.

____________________

* ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 93/2007 (ĠU L 22, 31.1.2007, p. 12).

"

(21)  Fl-Anness I, l-Inċiż X tal-punt 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

   X. tagħrif varju:

   il-karatteristiċi u l-kwantità stmata ta' karburant tal-bunker għall-bastimenti kollha li jġorru karburant tal-bunker,
   l-istatus tan-navigazzjoni.

"

(22)  Fl-Anness II (I), għandu jiżdied il-punt 3 li ġej:

"

3.  Bastimenti tas-sajd

Kull bastiment tas-sajd li t-tul totali tiegħu ikun minn 24 metru 'il fuq huwa suġġett għar-rekwiżitit tal-ġarr kif imsemmi fl-Artikolu 6 bis skond il-kalendarju li ġej:

–   bastiment tas-sajd ġdid ta" tul totali ta" 24 metru u aktar ...*;

–   bastiment tas-sajd li t-tul totali tiegħu huwa ta" 24 metru jew aktar iżda ta" anqas minn 45 metru: sa mhux aktar tard minn ...**;

____________________

* fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva;

** sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta" din id-Direttiva.

"

Artikolu 2

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma" din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn ...(11). Huma għandhom jgħaddu immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta" dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll tabella li turi r-relazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom tali referenza meta toħroġ il-pubblikazzjoni uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipalital-liġi nazzjonali li huma għandhom jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Id-Direttiva preżenti tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta" l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri huma d-destinatarji ta" din id-Direttiva.

Magħmula fi [...],

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.
(2) ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007.
(4) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.
(5)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal in-numru u d-data.
(6)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal in-numru.
(7) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 93/2007 (ĠU L 22, 31.1.2007, p. 12).
(8) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).
(9)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal in-numru u d-data.
(10)+ ĠU: Jekk jagħġbok daħħal in-numru.
(11)* 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Avviż legali - Politika tal-privatezza