Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/0240(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0079/2007

Testi mressqa :

A6-0079/2007

Dibattiti :

PV 24/04/2007 - 11
CRE 24/04/2007 - 11

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2007 - 11.4
CRE 25/04/2007 - 11.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0147

Testi adottati
PDF 545kWORD 153k
L-Erbgħa, 25 ta' April 2007 - Strasburgu
Investigazzjoni ta" aċċidenti ***I
P6_TA(2007)0147A6-0079/2007
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-25 ta' April 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta" aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE (COM(2005)0590 – C6-0056/2006 – 2005/0240(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0590)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0056/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0079/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-25 ta' April 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta" aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE
P6_TC1-COD(2005)0240

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Għandu jinżamm livell ġenerali għoli ta" sigurtà fit-trasport marittimu fl-Ewropa u għandu jsir kull sforz sabiex jitnaqqas l-għadd ta' diżgrazzji u okkorrenzi marittimi.

(2)  L-investigazzjonijiet tekniċi fil-pront meta jseħħu xi diżgrazzji fuq il-baħar itejbu s-sigurtà marittima billi jgħinu ħalli jiġu pprevenuti milli jseħħu mill-ġdid diżgrazzji simili li jwasslu għal imwiet, telf ta' bastimenti u t-tniġġis ta' l-ambjent marittimu.

(3)  Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu(4) sabiex tittejjeb is-sigurtà fuq il-baħar, ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għal direttiva dwar l-investigazzjoni ta' l-inċidenti fit-tbaħħir.

(4)  L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu ta" l-1982 (UNCLOS)(5), jistabbilixxi d-dritt ta" l-Istati kostali sabiex jinvestigaw il-kawża ta" kwalunkwe diżgrazzja marittima li sseħħ fil-limiti ta" l-ibħra territorjali tagħhom li għandha mnejn tkun ta' riskju għall-ħajja jew għall-ambjent, li tinvolvi l-awtoritajiet tat-tiftix u s-salvataġġ ta' l-Istat kostali, jew li b'xi mod ieħor taffettwa lill-Istat kostali.

(5)  L-Artikolu 94 ta" l-UNCLOS jistabbilixxi li l-Istati tal-bandiera inkwistjoni għandhom jaraw li ssir inkjesta minn jew quddiem persuna jew persuni kkwalifikata(i) kif jixraq dwar ċerti diżgrazzji jew okkorrenzi tan-navigazzjoni fl-ibħra internazzjonali.

(6)  Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, ta" l-1974 (ir-regolament SOLAS I/21)), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sinjal tat-Tagħbija, ta" l-1966 u l-Konvenzjoni Internazzjoanli għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, ta" l-1973 jistabbilixxu r-responsabbiltajiet ta' l-Istati tal-bandiera sabiex dawn imexxu investigazzjonijiet dwar id-diżgrazzji u jgħaddu dak kollu li jinstab li jkollu x'jaqsam ma' dan lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

(7)  L-[abbozz tal-] Kodiċi għall-implimentazzjoni ta" l-Istrumenti Mandatorji ta" l-IMO(6) ifakkar dwar l-obbligu ta' l-Istati tal-bandiera sabiex dawn jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà marittima jitmexxew minn investigaturi kkwalifikati kif jixraq, li jkunu kompetenti f'dak li għandu x'jaqsam mad-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi. Barraminnhekk, il-Kodiċi jirrikjedi lill-Istati tal-bandiera sabiex ikunu ppreparati li jipprovdu investigaturi kkwalifikati għal dak il-għan, irrispettivament mill-inħawi tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza.

(8)  Għandu jitqies il-Kodiċi għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Okkorrenzi Marittimi adottata f'Novembru 1997 permezz tar-Riżoluzzjoni A.849 ta" l-Assemblea ta" l-IMO, li jipprevedi l-implimentazzjoni ta" metodu komuni għall-investigazzjoni tas-sigurtà f'dak li għandhom x'jaqsmu d-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi u l-kooperazzjoni bejn l-Istati sabiex jiġu identifikati l-fatturi li jwasslu għal diżgrazzji u okkorrenzi marittimi. Għandhom jitqiesu wkoll iċ-Ċirkulari 953 tal-Kumitat għas-Sigurtà Marittima (MSC) fi ħdan l-IMO, li tipprovdi definizzjonijiet aġġornati tat-termini użati fil-Kodiċi, u r-Riżoluzzjonijiet ta" l-IMO A.861(20) u MSC.163(78), li jipprovdu definizzjoni ta" "reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ" (voyage data recorders).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta" April 1999 dwar sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi ta" inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri(7) tirrikjedi li l-Istati Membri jiddeffinixxu, fil-qafas tas-sistemi ġuridiċi interni rispettivi tagħhom, status ġuridiku li jippermettilhom u lil kwalunkwe Stat Membru li jkun sostanzjalment interessat sabiex jipparteċipaw, jikkooperaw, jew fejn ikun previst skond il-Kodiċi għall-investigazzjoni tad-diżgrazzji marittimi, li jamministraw kwalunkwe investigazzjoni ta' xi diżgrazzja jew okkorrenza marittima li jkun jinvolvi lanċa ro-ro jew inġenji tal-baħar ta" veloċità kbira għall-passiġġieri.

(10)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema ta" informazzjoni u monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti tal-Komunità(8) tirrikjedi li l-Istati Membri jkunu konformi mal-Kodiċi ta' l-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Okkorrenzi Marittimi u jiżguraw li s-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet ta' l-okkorrenzi jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara l-konklużjoni tagħhom.

(11)  L-investigazzjoni tad-diżgrazzji u l-okkorrenzi li tkun tinvolvi bastimenti li jbaħħru, jew bastimenti oħra fil-portijiet jew żoni marittimi ristretti oħra, għandha ssir minn entità jew organizzazzjoni indipendenti mogħnija b'mod permanenti bis-setgħat li jippermettulha tieħu deċiżjonijiet jew taħt il-kmand tagħha sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta" interessi.

(12)  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi ġuridiċi interni tagħhom jippermettu lilhom u lil kull Stat Membru ieħor li huwa sostanzjalment interessat li jipparteċipa u li jikkoopera fi, jew li jmexxi investigazzjonijiet dwar inċidenti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta' l-IMO għall-investigazzjoni tad-diżgrazzji marittimi

(13)  Skond ir-regolament SOLAS V/20, il-bastimenti tal-passiġġieri u l-bastimenti l-oħra għajr dawk tal-passiġġieri ta" tunnellaġġ gross ta' 3,000 jew aktar mibnija fl-1 ta' Lulju 2002 jew wara għandhom iġorru reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ (VDRs - Voyage Data Recorders) li jkunu ta' għajnuna fl-investigazzjonijiet dwar l-inċidenti. Minħabba l-importanza tiegħu fit-tfassil ta" politika sabiex jiġu pprevenuti l-inċidenti fit-tbaħħir, it-tali apparat għandu jkun rekwiżit sistematikament abbord il-vapuri li jbaħħru fuq vjaġġi nazzjonali jew internazzjonali li jidħlu fil-portijiet Komunitarji.

(14)  Id-data pprovduta permezz ta" sistema VDR, flimkien ma" apparat elettroniku ieħor, tista" tintuża kemm retrospettivament wara xi diżgrazzja jew okkorrenza marittima sabiex jiġi investigati x'wassal għal dan, kif ukoll bil-ħsieb ta' prevenzjoni sabiex tinkiseb esperjenza taċ-ċirkustanzi li jafu jwasslu għal okkorrenzi ta' dan it-tip. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tali data, meta tkun disponibbli, tintuża kif jixraq għaż-żewġ għanijiet.

(15)  Għandhom jiġu investigati jew mixtarra b'xi mod ieħor is-sinjali ta" allarm mill-bastimenti jew l-informazzjoni minn kwalunkwe sors li xi bastiment, jew persuni fuqu jew minnu jinsabu fil-periklu jew li, minħabba xi okkorrenza konnessa mat-tħaddim tal-bastiment, hemm xi riskju potenzjali serju ta' danni lill-persuni, lill-istruttura tal-bastiment jew lill-ambjent.

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002(9) jirrikjedi li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn 'il quddiem imsejħa: "l-Aġenzija") taħdem ma" l-Istati Membri sabiex tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi u tipprovdi assistenza teknika konnessa ma' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fil-qasam ta" l-investigazzjoni ta" l-inċidenti, l-Aġenzija għandha l-kompitu speċifiku li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-iżvilupp, b'kunsiderazzjoni xierqa lis-sistemi ġuridiċi differenti fl-Istati Membri, ta' metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta' l-inċidenti marittimi skond il-prinċipji internazzjonali li hemm qbil fuqhom.

(17)  Skond ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni f'dak li huwa forniment ta" appoġġ lill-Istati Membri f'attivitajiet li jikkonċernaw investigazzjonijiet konnessi ma" aċċidenti marittimi serji, u fit-twettiq ta' analiżi tar-rapporti investigattivi eżistenti dwar id-diżgrazzji. L-Aġenzija għandha wkoll, fid-dawl tar-riżultati ta' l-analiżi, tinkorpora fil-metodoloġija konġunta kwalunkwe elementi li jirriżultaw minn dan, li jistgħu jkunu ta' interess għall-prevenzjoni ta' diżastri ġodda u t-titjib tas-sikurezza marittima fl-UE.

(18)  Il-linji gwida IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ li jkun hemm diżastru marittimu m'għandhomx l-għan li jinkriminaw lill-kaptan u lill-ekwipaġġ. Dawn jistgħu jagħtuhom aktar kunfidenza fil-metodi ta' investigazzjoni, u għalhekk għandhom jintużaw mill-Istati Membri.

(19)  Ir-rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà li jirriżultaw minn investigazzjoni tas-sigurtà marbuta ma' xi diżgrazzja jew okkorrenza għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri u mill-Komunita.

(20)  Billi għan l-investigazzjoni teknika huwa l-prevenzjoni ta" diżgrazzji jew okkorrenzi marittimi futuri, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà m'għandhomx jintużaw sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà jew li dak li jkun jingħata tort.

(21)  Billi l-għan ta' l-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà marittima fil-Komunità u b'hekk it-tnaqqis tar-riskju ta" diżgrazzji marittimi fil-futur, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala ta' l-azzjoni jew ta" l-effetti ta" l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(22)  Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li teżiġi l-proċeduri għal eżerċizju ta' setgħat implementattivi mogħtija lill-Kummissjoni(10).

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Is-Suġġett

L-għan ta" din id-Direttiva huwa li tittejjeb is-sigurtà marittima u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' diżgrazzji marittimi billi:

   a) jiġi ffaċilitat li jsiru investigazzjonijiet u analiżi xierqa fil-pront ta' diżgrazzji u okkorrenzi marittimi u
   b) jiġi żgurat li jsir rappurtar preċiż u f'waqtu ta" investigazzjonijiet dwar is-sigurtà u proposti għal azzjoni ta' rimedju.

L-investigazzjonijiet skond din id-Direttiva m'għandhomx ikollhom x'jaqsmu mad-determinazzjoni tar-responsabbiltà u lanqas mad-deċiżjoni ta" fuq min se jaqa' t-tort.

Artikolu 2

Il-kamp ta' applikazzjoni

1.  B'konformita? ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri skond il-Konvenzjoni dwar il-Liġi ta' l-Ibħra (UNCLOS), din id-Direttiva għandha tapplika għal diżgrazzji, okkorrenzi u sinjali ta" allarm marittimi li:

   a) jinvolvu bastimenti li jtajru l-bandiera ta" xi wieħed mill-Istati Membri, jew
   b) iseħħu fil-limiti ta" żoni li l-Istati Membri huma intitolati li jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni tagħhom fuqhom, jew
   c) jinvolvu interessi sostanzjali oħra ta' l-Istati Membri.

2.  Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal diżgrazzji, okkorrenzi u sinjali ta" allarm marittimi li jinvolvu biss:

   a) bastimenti tal-gwerra u bastimenti li jġorru s-suldati u bastimenti oħra li jkunu proprjetà jew li jitħaddmu minn Stat Membru u jintużaw biss għal servizz mhux kummerċjali tal-gvern,
   b) bastimenti li ma jitħaddmux b'mezzi mekkaniċi, bastimenti ta" l-injam b'kostruzzjoni primittiva, jotts għad-divertiment u inġenji għad-divertiment, sakemm dawn ma jkunux jew mhumiex se jkunu ekwipaġġati u jġorru aktar minn 12-il passiġġier għal għanijiet kummerċjali,
   c) bastimenti ta' mgħodijiet ta' l-ilma interni li jitħaddmu f'mogħdijiet ta' l-ilma interni,
   d) bastimenti tas-sajd ta" tul ta" anqas minn 24 metru,
   e) unitajiet fissi tat-tħaffir 'il hinn mill-art.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

1.   "SOLAS" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fil-Baħar ta" l-1974 (SOLAS 1974), kif emendata mill-Protokolli ta" l-1978 u l-1988.

"Il-Kodiċi ta" l-IMO" tfisser il-Kodiċi għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Okkorrenzi Marittimi adottat mill-Organizzazzjni Marittima Internazzjonali permezz tar-Riżoluzzjoni ta" l-Assemblea A.849 tas-27 ta" Novembru 1997 kif ġie emendat.

2.  It-termini li ġejjin għandhom jiġu miftiehma skond id-definizzjonijiet misjuba fil-Kodiċi ta' l-IMO:

   (a) "Diżgrazzja marittima",
   (b) "Diżgrazzja serja ħafna",
   (c) "Okkorrenza marittima",
   (d) "Investigazzjoni dwar is-sigurtà konnessa ma" okkorrenza jew diżgrazzja marittima",

(e)  "Stat li għandu interessi sostanzjali".

3.  It-termini "diżgrazzja serja" u "diżgrazzja inqas serja" għandhom jiġu miftiehma skond id-definizzjonijiet aġġornati li jinsabu fiċ-Ċirkulari 953 ta' l-MSC ta" l-IMO.

4.  It-termini "lanċa ro-ro" u "inġenji tal-baħar ta" veloċità kbira għall-passiġġieri" għandhom jiġu miftiehma skond id-definizzjonijiet misjuba fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/35/KE.

5.  "L-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni" jfisser Stat Membru li huwa obbligat li jamministra, jew, fil-każ ta" aktar minn Stat wieħed li jkun interessat sostanzjalment, imexxi, investigazzjoni dwar is-sigurtà skond din id-Direttiva.

6.  "Ir-reġistratur tad-data tul il-vjaġġ (voyage data recorder)" (VDR) għandu jiġi miftiehem skond id-definizzjoni misjuba fir-Riżoluzzjonijiet ta' l-IMO A.861(20) u MSC.163 (78).

7.  "Sinjal ta" allarm" ifisser sinjal li jingħata minn bastiment, jew informazzjoni minn kwalunkwe sors, li tindika li bastiment, jew il-persuni fuqu jew minnu, ikunu f'periklu fuq il-baħar.

8.  "Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà" tfisser kwalunkwe proposta, inklużi dawk għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni u kontroll, minn waħda minn dawn:

   a) entità investigattiva ta" l-Istat li jkun qed jamministra jew imexxi l-investigazzjoni dwar is-sigurtà rigward diżgrazzja jew okkorrenza marittima abbażi ta" l-informazzjoni miġjuba minn dik l-investigazzjoni; jew, f'każi fejn ikun jixraq,
   b) mill-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-Aġenzija u abbażi ta' analiżi tad-data astratta u r-riżultati ta' investigazzjonijiet li jkunu saru.

Artikolu 4

L-istatus ta' l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, skond is-sistemi ġuridiċi interni rispettivi tagħhom, ir-regoli ta' kif jitmexxew l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà f'każijiet ta' diżgrazzja jew okkorrenza marittima. Permezz ta" dan, dawn għandhom jiżguraw li t-tali investigazzjonijiet:

   a) ikunu indipendenti minn investigazzjonijiet kriminali jew investigazzjonijiet oħrajn li jkunu qed isiru fl-istess waqt sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà jew biex jingħata t-tort; u jkun permess li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet li bdew taħt din id-Direttiva biss jistgħu jikkontribwixxu għal investigazzjonijiet oħra; kif ukoll
   b) ma jkunux preklużi, sospiżi jew imdewma minħabba it-tali investigazzjonijiet.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt dawn l-investigazzjonijiet jiġu protetti x-xiehda biex l-istqarrijiet tagħhom u informazzjoni oħra li huma jipprovdu ma jiġux miksuba minn awtoritajiet ta' pajjiżi terzi sabiex dawn l-istqarrijiet jew informazzjoni ma jintużawx f'investigazzjonijiet kriminali f'dawn il-pajjiżi.

2.  Ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jinkludu dispożizzjonijiet sabiex jippermettu:

   a) il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka fl-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà f'każijiet ta' xi diżgrazzja jew okkorrenza marittima mmexxija minn Stati Membri oħrajn, jew id-delega lil Stat Membru ieħor ta" l-intrigu li jmexxi l-investigazzjoni dwar diżgrazzja jew okkorrenza marittima skond id-dispożizzjonijiet ta" din id-Direttiva;
   b) il-koordinament, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, ta" l-attivitajiet ta" l-entitajiet investigattivi rispettivi tagħhom sal-punt neċessarju ħalli jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva u
   c) miżuri ta' senjalazzjoni bikrija fil-każ ta' diżgrazzja jew okkorenza.

Artikolu 5

L-obbligu li ssir investigazzjoni

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li ssir investigazzjoni mill-entità investigattiva msemmija fl-Artikolu 8 wara diżgrazzji marittimi serji jew serji ħafna:

   a) li jinvolvu bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, ġrat fejn ġrat id-diżgrazzja, jew
   b) li tkun seħħet fil-limiti taż-żoni li fuqhom huwa intitolat li jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu, irrispettivament mill-bandiera mtajra mill-bastiment(i) involuti fid-diżgrazzja, jew
   c) li tinvolvi interess sostanzjali ta" l-Istat Membru, irrispettivament mill-inħawi fejn tkun seħħet id-diżgrazzja u mill-bandiera mtajra mill-bastiment jew bastimenti inkwistjoni.

2.  Minnbarra li tinvestiga diżgrazzji serji u serji ħafna, l-entità investigattiva msemmija fl-Artikolu 8 għandha, wara li tkun stabbilixxiet l-fatti inizjali tal-każ, tiddeċiedi jekk għandhiex issir jew le investigazzjoni dwar is-sigurtà ta' okkorrenza marittima, sinjal ta' allarm jew diżgrazzja anqas serja.

Fid-deċiżjoni tagħha, għandha tqis is-serjetà tad-diżgrazzja jew okkorrenza, it-tip ta" bastiment u/jew merkanzija involut/a fis-sinjal ta" l-allarm u/jew kwalunkwe talba mill-awtoritajiet tat-tiftix u s-salvataġġ.

3.  L-ambitu u l-arranġamenti prattiċi għall-amministrazzjoni ta" l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom jiġu ddeterminati mill-entità investigattiva ta' l-Istat Membru li jkun qed imexxi l-investigazzjoni b'kooperazzjoni ma" l-entitajiet ekwivalenti ta' l-Istati l-oħrajn li jkunu sostanzjalment interessati, b'tali mod u manjiera li jidhrilha li l-aktar li jkunu jistgħu jwasslu għall-kisba ta' l-għanijiet ta' din id-Direttiva, u bil-ħsieb li jilqgħu kontra diżgrazzji u okkorrenzi futuri.

4.  L-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom isegwu l-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni tad-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi żviluppata skond l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002. L-adozzjoni, l-aġġornament jew il-modifika tat-tali metodoloġija għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandha tiġi deċiża skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 19(3).

5.  Għandha tinbeda investigazzjoni dwar is-sigurtà mill-aktar fis possibbli skond il-prattiċità wara li sseħħ id-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittimi u mhux aktar tard minn xahrejn minn wara li tkun ġrat.

Artikolu 6

L-obbligu li jitħejja rapport

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu, fil-qafas tas-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom, li l-entità investigattiva tagħhom tiġi mgħarrfa minnufih, mill-awtoritajiet responsabbli u/jew mill-partijiet involuti, kull meta jseħħu diżgrazzji u okkorrenzi jew jingħataw sinjali ta' allarm li jaqgħu fil-limiti tal-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 7

Investigazzjonijiet dwar is-sigurtà konġunti

1.  F'każi ta" diżgrazzji serji jew serji ħafna li jinvolvu interess sostanzjali għal żewġ Stati Membri jew aktar, l-Istati Membri inkwistjoni għandhom jaqblu mingħajr dewmien liema fosthom se jkun l-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni. Jekk l-Istati Membri konċernati ma jiddeterminawx liema Stat Membru se jmexxi l-investigazzjoni, għandhom jimplimentaw immedjatament rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni, ibbażata fuq opinjoni mill-Aġenzija.

L-Istati Membri għandhom joqgħodu lura milli jmexxu investigazzjonijiet dwar is-sigurtà parallelli dwar l-istess diżgrazzja jew okkorrenza marittima. Huma m'għandhom jieħdu ebda miżura li għandha mnejn timmina l-amministrazzjoni ta" investigazzjoni dwar is-sigurtà li taqa" fil-limiti tal-kamp ta" applikazzjoni ta" din id-Direttiva.

2.  Stat Membru jista", b'kunsens komuni, jiddelega lil xi Stat Membru ieħor l-intrigu tat-tmexxija f'investigazzjoni dwar is-sigurtà ta" diżgrazzja jew okkorrenza marittima. Jistà jistieden Stat Membru ieħor jipparteċipa f'tali investigazzjoni.

3.  Meta lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri tkun involuta f'okkorrenza, sinjal ta" allarm jew diżgrazzja marittima, il-proċedura ta' investigazzjoni għandha tinfetaħ mill-Istat Membru li fl-ibħra tiegħu jkun seħħ l-inċident jew okkorrenza jew, jekk dan ikun seħħ f'ibħra ekstraterritorjali, mill-aħħar Stat Membru fejn il-lanċa jew il-biċċa tal-baħar tkun żaret.

Dan l-Istat għandu jibqa' responsabbli mill-investigazzjoni u l-koordinament ma' l-Istati Membri l-oħrajn li jkunu sostanzjalment interessati sakemm jasal iż-żmien meta jintlaħaq qbil reċiproku dwar liema Stat fosthom għandu jmexxi l-investigazzjoni.

Artikolu 8

Entitajiet investigattivi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà rigward diżgrazzji marittimi jitmexxew taħt ir-responsabbiltà ta" organizzazzjoni jew entità investigattiva (minn hawn "il quddiem imsejħa "entità investigattiva"), li għandha s-setgħat neċessarji, fuq bażi permanenti, u li tikkonsisti minn investigaturi li huma kwalifikati kif jixraq fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' diżgrazzji u okkorrenzi marittimi.

Dik l-entità investigattiva għandha tkun, b'mod partikolari, funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-aċċertar li l-bastimenti jilħqu l-istandards biex jitħallew ibaħħru, miċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjoni, ir-riżorsi umani, in-navigazzjoni bla periklu, il-manutenzjoni, il-kontroll tat-traffiku marittimu, il-kontroll statali tal-portijiet, l-operat tal-portijiet marittimi ta' korpi responsabbli minn investigazzjonijiet għall-iskopijiet ta' responsabilta ?u infurzar tal-liġi u, b'mod ġenerali, minn kull parti li l-interessi tagħha jafu jkunu konflinġenti mal-kompitu afdat f'idejha.

2.  L-entità investigattiva għandha tiżgura li l-investigaturi individwali jkollhom għarfien u esperjenza prattiċi f'dawk l-oqsma li jkollhom x'jaqsmu mad-dmirijiet investigattivi normali tagħhom. Barraminnhekk, l-entità investigattiva għandha tiżgura li tkun lesta li tagħti aċċess lil esperti adatti, jekk dawn ikun meħtieġa.

3.  L-attivitajiet fdati lill-entità investigattiva jistgħu jiġu estiżi għall-ġabra u l-analiżi ta' data relatata mas-sigurtà marittima, b'mod partikolari għal skopijiet ta' prevenzjoni, sakemm dawn l-attivitajiet ma jaffetwawx l-indipendenza tagħha u ma jinkludux responsabbilità f'affarijiet regolatorji, amministrattivi jew ta" standardizzazzjoni.

4.  L-Istati Membri, li jkunu qed jaġixxu fil-qafas tas-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom, u fejn ikun xieraq b'kooperazzjoni ma" l-awtoritajiet responsabbli mill-inkjesta ġuridika, għandhom jirrikjedu li l-investigaturi fi ħdan l-entità investigattiva, jew fi ħdan kwalunkwe entità investigattiva oħra li din tkun iddelegatilha l-intrigu ta' l-investigazzjoni, jkunu awtorizzati li:

   a) jkollhom aċċess liberu għal kwalunkwe sit tad-diżgrazzja jew żona relevanti kif ukoll għal kwalunkwe bastiment, relitt, jew struttura li tkun tinkludi merkanzija, tagħmir jew bċejjeċ li jirriżultaw mid-diżgrazzja,
   b) jiżguraw li minnufih isir elenku ta" l-evidenza u t-tiftix ikkontrollat għar-relitt, bċejjeċ li jirriżultaw mid-diżgrazzja jew komponenti jew sustanzi oħra u t-tneħħija tagħhom ħalli dawn jittieħdu biex jiġu eżaminati jew analizzati,
   c) jirrikjedu l-eżami jew l-analiżi ta" l-oġġetti msemmija fil-punt (b), u jkollhom aċċess liberu għar-riżultati tat-tali eżamijiet jew analiżi,
   d) ikollhom aċċess liberu għal kwalunkwe informazzjoni relevanti u data rreġistrata, inkluża d-data tar-reġistratur tad-data tul il-vjaġġ (VDR), konnessa ma" xi bastiment, vjaġġ, merkanzija, ekwipaġġ jew kwalunkwe persuna, oġġett, kundizzjoni jew ċirkustanza, flimkien mal-jedd li jikkupjawha u jutilizzawha,
   e) ikollhom aċċess liberu għar-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-iġsma tal-vittmi jew ta' testijiet fuq kampjuni li jkunu ttieħdu mill-iġsma tal-vittmi,
   f) jirrikjedu u jkollhom aċċess liberu għar-riżultati ta" l-eżamijiet ta" persuni involuti fl-operat tal-vapur jew kwalunkwe persuna relevanti oħra, jew ta" testijiet fuq kampjuni mittieħda minnhom,
   g) jeżaminaw ix-xhieda mingħajr il-preżenza ta" kwalunkwe persuna oħra li l-interessi tagħha jitqiesu mill-investigaturi bħala ostakolanti għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà,
   h) jakkwistaw dokumenti ta" survery u informazzjoni relevanti miżmuma mill-Istat tal-bandiera, is-sidien, is-soċjetajiet ta" klassifikazzjoni jew kwalunkwe parti relevanti oħra, kull meta dawk il-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu stabbiliti fl-Istat Membru,
   i) jitolbu għal assistenza mill-awtoritajiet relevanti fl-Istati rispettivi, inklużi s-servejers ta" l-Istat tal-port u dak tal-bandiera, l-uffiċjali li jgħassu l-kosta, l-operaturi tas-servizzi tat-traffiku tal-basimenti, l-iskwadri tat-tiftix u s-salvataġġ, il-bdoti jew staff tal-port jew marittimu ieħor.

5.  L-entità investigattiva għandha tingħata l-jedd li tirreaġixxi minnufih kull meta tiġi mgħarrfa b'xi diżgrazzja, u li tikseb riżorsi suffiċjenti sabiex twettaq ħidmietha b'mod indipendenti. L-investigaturi tagħha għandhom jingħataw status li jintitolhom għall-garanziji neċessarji ta' indipendenza.

6.  L-entità investigattiva tista" tgħaqqad il-kompiti tagħha skond din id-Direttiva mal-ħidma ta' investigazzjonijiet ta" okkorrenzi għajr diżgrazzji marittimi bil-kundizzjoni li t-tali investigazzjonijiet ma jipperikolawx l-indipendenza tagħha.

Artikolu 9

Is-segretezza tar-reġistri

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri li ġejjin ma jkunux disponibbli ħlief għall-finijiet ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà:

   a) kull evidenza tax-xhieda u stqarrijiet, kontijiet u noti oħra meħuda jew riċevuti mill-entità investigattiva matul l-investigazzjoni dwar is-sigurtà,
   b) rekords li juru l-identità tal-persuni li jkunu taw xhieda fil-kuntest ta" l-investigazzjoni dwar is-sigurtà,
   c) informazzjoni medika jew privata dwar il-persuni involuti fid-diżgrazzja jew l-okkorrenza.

Artikolu 10

Qafas ta" kooperazzjoni permanenti

1.  L-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu qafas ta" kooperazzjoni permanenti li jagħmilha possibbli għall-entitajiet investigattivi rispettivi tagħhom dwar is-sigurtà rigward id-diżgrazzji jew inċidenti marittimi sabiex jikkoperaw bejniethom u mal-Kummissjoni sa fejn ikun meħtieġ ħalli jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva.

2.  Ir-regoli proċedurali tal-qafas ta' kooperazzjoni permanenti u l-arranġamenti organizzattivi rikjesti minnhom għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 19(2).

3.  L-entitajiet investigattivi fl-Istati Membri u l-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas ta" kooperazzjoni permanenti, għandhom jiftiehemu, b'mod partikolari, dwar l-aħjar modalitajiet ta' kooperazzjoni sabiex:

   a) jużaw bejniethom l-istess installazzjonijiet, l-impjanti u t-tagħmir għall-investigazzjoni teknika tar-relitt u t-tagħmir tal-bastiment u oġġetti oħra relevanti għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà, inklużi l-estrazzjoni u l-evalwazzjoni ta' l-informazzjoni mir-reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ (voyage data recorders) u tagħmir elettroniku ieħor,
   b) jipprovdu lil xulxin il-kooperazzjoni u l-ħiliet tekniċi meħtieġa sabiex jitwettqu kompiti speċifiċi,
   c) jiksbu u jużaw bejniethom informazzjoni relevanti għall-analiżi tad-data dwar id-diżgrazzja u jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa dwar is-sigurtà fuq livell Komunitarju,
   d) ifasslu prinċipji komuni għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà u għall-addattament ta" metodi investigattivi għall-iżvilupp ta" progress tekniku u xjentifiku,
   e) jistabbilixxu regoli dwar il-kunfidenzjalità sabiex jiġu kondiviżi l-evidenza tax-xhieda u l-ipproċessar tad-data,
   f) jorganizzaw, meta jkun xieraq, l-attivitajiet ta" taħriġ relevanti għall-investigaturi individwali,
   g) jippromwovu l-kooperazzojni ma' l-entitajiet jew organizzazzjonijiet investigattivi ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għall-investigazzjoni ta' l-inċidenti marittimi fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

4.  Kwalunkwe Stat Membru li l-impjanti jew is-servizzi tiegħu ntużaw, jew normalment ikunu ntużaw, minn bastiment qabel diżgrazzja jew okkorrenza, u li għandu informazzjoni konnessa ma" l-investigazzjoni, għandu jgħaddi t-tali informazzjoni lill-entità investigattiva li tkun qed tmexxi l-investigazzjoni.

Artikolu 11

L-ispejjeż

L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jevitaw milli jitolbu ħlas għall-għoti ta" kwalunkwe assistenza meħtieġa minn Stati Membri oħra għall-finijiet ta' l-amministrazzjoni ta" investigazzjonijiet dwar is-sigurtà skond din id-Direttiva.

Artikolu 12

Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li jkollhom interess sostanzjali

1.  L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, sa kemm possibbilment jistgħu, ma' pajjiżi terzi li jkollhom interess sostanzjali fl-investigazzjoni ta' diżgrazzji tal-baħar.

2.  Il-pajjiżi terzi li jkollhom interess sostanzjali għandhom, b'kunsens reċiproku, jitħallew jissieħbu f'investigazzjoni dwar is-sigurtà mmexxija minn Stat Membru skond it-termini ta' din id-Direttiva fi kwalunkwe stadju ta" l-investigazzjoni.

3.  Il-kooperazzjoni ta" Stat Membru f'investigazzjoni mmexxija minn pajjiż terz li jkollu interess sostanzjali m'għandhiex tippreġudika l-ħtiġijiet amministrattivi u ta" rappurtar ta" l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà rigward diżgrazzji jew okkorrenzi marittimi skond din id-Direttiva.

Artikolu 13

Iż-żamma ta' l-evidenza

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li l-partijiet involuti f'diżgrazzji, okkorrenzi u sinjali ta" allarm taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jinkiseb dan li ġej:

   a) li jirreġistraw l-informazzjoni kollha minn tabelli, ġurnal ta' abbord, każetts tal-vidjo u reġistrazzjonijiet elettroniċi u manjetiċi, inkluża l-informazzjoni mir-reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ (voyage data recorders) u apparat elettroniku ieħor konness mal-perjodu ta" qabel, waqt u wara xi inċident,
   b) li jżommu milli t-tali informazzjoni titħassar billi tiġi rreġistrata fuqha informazzjoni oħra jew titbiddel b'xi mod ieħor,
   c) li jwaqqfu milli ssir interferenza ma" kwalunkwe apparat ieħor , meta dan l-apparat jista" b'mod raġjonevoli jitqies bħala konness ma" l-investigazzjoni ta" l-inċident,
   d) li, minnufih, jiġbru u jżommu kull evidenza għall-finijiet ta" l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà marittima f" disgrazzja jew inċident.

Artikolu 14

Ir-rapporti dwar l-inċidenti

1.  L-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà rigward id-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi mwettqa skond it-termini ta" din id-Direttiva għandhom jidhru f'rapport ippubblikat ippreżentat skond il-linji ta" gwida ffissati fl-Anness I.

2.  L-entitajiet investigattivi għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex ir-rapport ikun disponibbli għall-pubbliku, u b'mod speċjali għas-settur marittimu kollu, li se jirċievi konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet speċifiċi, meta jkun meħtieġ, fi żmien 12-il xahar minn dakinhar tad-diżgrazzja. Jekk ma jkunx possibbli li r-rapport finali joħroġ f'waqtu, għandu jiġi ppubblikat rapport interim fi żmien 12-il xahar minn dakinhar tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza.

3.  L-entità investigattiva ta" l-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni għandha tibgħat lill-Kummissjoni kopja tar-rapport finali jew ta" dak interim. Din għandha tqis l-osservazzjoni possibbli min-naħa tal-Kummissjoni għat-titjib tal-kwalità tar-rapport bl-aktar mod li jwassal sabiex jinkisbu l-għanijiet ta" din id-Direttiva.

4.  Kull tliet snin il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Parlament Ewropew f'forma ta' rapport li għandu jistipula l-grad ta' implimentazzjoni u konformita? ma' din id-Direttiva, kif ukoll passi oħra li hemm bżonn jittieħdu fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet stipulati fir-rapport.

Artikolu 15

Rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà li jkunu saru mill-entitajiet investigattivi jingħataw il-piż li jixirqilhom minn dawk indirizzati u, fejn ikun il-każ, tittieħed azzjoni dwarhom skond id-dritt Komunitarju u dak internazzjonali. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-Aġenzija, għandha tinkorpora fil-metodoloġija konġunta l-konklużjonijiet tar-rapporti ta' diżastri u r-rakkomandazzjonijiet ta' sikurezza li hemm fihom.

2.  Fejn ikun il-każ, xi entità investigattiva jew il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-Aġenzija, għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà abbażi ta' analiżi tad-data b'mod astratt u tar-riżultati ta' kwalunkwe investigazzjonijiet li jkunu saru.

3.  Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà jew rakkomandazzjoni interim fl-ebda ċirkustanza m'għandha tiġġudika fuq min jaqa" t-tort jew ir-responsabbiltà ta" xi diżgrazzja.

Artikolu 16

Sistema ta" allarm minn kmieni

Jekk l-entità investigattiva ta" xi Stat Membru jidhrilha, f'xi stadju ta" investigazzjoni ta" inċident jew diżgrazzja marittima, li hemm bżonn ta" azzjoni urġenti fuq livell Komunitarju sabiex jiġi pprevenut ir-riskju ta" diżgrazzji oħra, din għandha mingħajr telf ta" żmien tinforma lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li dawk konċernati jiġu allarmati minn kmieni.

Il-Kummissjoni għandha tixtarr il-kwistjoni minnufih u, jekk ikun neċessarju, toħroġ nota ta" twissija għall-attenzjoni ta" l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri kollha l-oħra, l-industrija tat-tbaħħir, u lil kwalunkwe parti relevanti oħra.

Artikolu 17

Id-database Ewropew dwar id-diżgrazzji marittimi

1.  Id-data dwar id-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi għandha tinżamm u tiġi analizzata permezz ta' database elettroniku Ewropew li għandu jitwaqqaf mill-Kummissjoni, li għandu jissejjaħ il-Pjattaforma Ewropea ta" l-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP - European Marine Casualty Information Platform).

2.  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet intitolati li jingħatalhom aċċess għad-database.

3.  L-entitajiet investigattivi ta" l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar id-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi skond il-format ta" l-Anness II. Huma għandhom jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni d-data li tirriżulta mill-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà rigward l-okkorrenzi u d-diżgrazzji tal-baħar skond l-iskema tad-database EMCIP.

4.  Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-entitajiet investigattivi ta" l-Istati Membri dwar ir-rekwiżiti u l-iskala taż-żmien tal-proċeduri tan-notifika u r-rapportar.

Artikolu 18

Trattament ġust tal-baħħara

L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-linji gwida IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta' diżgrazzja marittima.

Artikolu 19

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (COSS) istitwit permezz ta" l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002(11).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahrejn.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' l-istess Deċiżjoni.

Artikolu 20

Setgħat biex isiru emendi

Il-Kummissjoni tista" taġġorna d-definizzjonijiet f'din id-Direttiva, u r-riferenzi għall-atti Komunitarji u l-istrumenti ta' l-IMO, skond il-proċedura regolatorja imsemmija fl-Artikolu 19(2) sabiex tikkonformahom mal-miżuri Komunitarji jew ta' l-IMO li daħlu fis-seħħ, suġġetta għall-osservanza tal-limiti ta" din id-Direttiva.

Filwaqt li taġixxi skond l-istess proċedura, il-Kummissjoni tista' temenda wkoll l-Annessi.

Artikolu 21

Miżuri addizzjonali

M'hemm xejn f'din id-Direttiva li għandu jżomm lil xi Stat Membru milli jieħu miżuri addizzjonali dwar is-sigurtà marittima li mhumiex koperti minn din id-Direttiva, sakemm it-tali miżuri ma jiksrux lil din id-Direttiva jew b'xi mod jaffettwaw b'mod negattiv il-kisbiet li hija mmirata lejhom, u lanqas tipperikola r-realizzazzjoni ta' l-objettivi ta' l-Unjoni.

Artikolu 22

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li jistgħu jiġu applikati għall-kontravenzjonijiet kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, propozjonati u diżwassivi.

Artikolu 23

Emendi ta" atti eżistenti

1.  L-Artikolu 12 tad-Direttiva 1999/35/KE jitħassar.

2.  L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/59/KE jitħassar.

Artikolu 24

It-traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma" din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn ...(12). Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta dawn jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir it-tali referenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 25

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi ,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

Il-format u l-kontenut tar-rapport rigward investigazzjonijiet dwar is-sigurtà

Kelmtejn qabel

Dan jidentifika l-uniku għan ta" l-investigazzjoni dwar is-sigurtà, li rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà fl-ebda każ ma toħloq preżunzjoni ta' responsabbiltà jew tort, u li r-rapport ma jkunx inkiteb, f'dawk li huma kontenut u stil, bl-intenzjoni li jintuża fi proċeduri ġuridiċi.

(Ir-rapport m'għandu jagħmel l-ebda referenza għal evidenza tax-xhieda u lanqas jorbot lil xi ħadd li jissemma fir-rapport ma' xi persuna li tkun tat xhieda matul l-investigazzjoni.)

1.  Sommarju

Din il-parti tagħti ħarsa ġenerali tal-fatti bażiċi tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza tal-baħar: x'ġara, meta, fejn u kif; u tistqarr jekk irriżultax li kien hemm xi mwiet, korrimenti, danni lill-bastiment, lill-merkanzija, lil partijiet terzi jew lill-ambjent.

2.  Informazzjoni fattwali

Din il-parti tinkludi għadd ta" taqsimiet diskreti, li jipprovdu informazzjoni suffiċjenti li l-entità investigattiva tifhem li hija fattwali, u li minnha timla b'mod komplet il-partijiet relevanti tad-database Ewropew dwar id-diżgrazzji fuq il-baħar, tissostanzja l-analiżi u tiffaċilita li wieħed jifhem.

Dawn it-taqsimiet għandhom, talanqas, jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

2.1.  Id-dettalji tal-bastiment:

–  Il-bandiera mtajra mill-vapur/ir-reġistru li fih huwa mniżżel,

–  L-identifikazzjoni tal-bastiment,

–  Il-karatteristiċi ewlenin tal-vapur,

–  Is-sidien u dawk li jimmaniġġjawh,

–  Id-dettalji tal-kostruzzjoni,

–  L-istaff minimu biex tiġi assigurata s-sigurtà,

–  Il-merkanzija awtorizzata.

2.2.  Id-dettalji tal-vjaġġ:

–  Il-portijiet li żar,

–  It-tip ta" vjaġġ,

–  Informazzjoni dwar il-merkanzija,

–  Ir-riżorsi umani.

2.3.  L-informazzjoni dwar id-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima:

–  It-tip ta" diżgrazzja jew okkorrenza marittima,

–  Id-data u l-ħin,

–  Il-pożizzjoni u l-inħawi tad-diżgrazzja jew okkorrenza marittima,

–  L-ambjent estern u intern,

–  L-operat tal-vapur u t-taqsima tal-vjaġġ,

–  Il-post abbord,

–  Data dwar il-fatturi umani,

–  Il-konsegwenzi (lil persuni, il-bastiment, il-merkanzija, l-ambjent, oħrajn).

2.4.  L-involviment ta" l-awtorità tax-xatt u r-reazzjoni ta" emerġenza:

–  Min kien involut,

–  Il-mezzi użati,

–  Il-ħeffa tar-reazzjoni,

–  L-azzjonijiet meħuda,

–  Ir-riżultati miksuba.

Minbarra li tipprovdi d-dettalji neċessarji u informazzjoni oħra ta" l-isfond, din il-parti tar-rapport tinkludi r-riżultati ta" kwalunkwe eżamijiet jew testijiet relevanti u kwalunkwe azzjoni ta" sigurtà li għandha mnejn tkun diġà ttieħdet sabiex tipprevjeni milli jseħħu diżgrazzji marittimi futuri.

3.  In-narrattiva

Din il-parti tirrakonta d-diżgrazzja jew okkorrenza marittima permezz ta" sekwenza ta" ġrajjiet, f'ordni kronoloġika li twassal sa qabel, waqt u wara d-diżgrazzja jew okkorrenza marittima u l-involviment ta" kulmin kien imdaħħal fiha (jiġifieri persuni, materjal, l-ambjent, apparat jew aġenti esterni). Il-perjodu kopert min-narrattiva jiddependi mis-sekwenza taż-żmien ta' dawk l-ġrajjiet inċidentali partikolari li kkontribwew direttament għad-diżgrazzja jew okkorrenza marittima.

4.  L-analiżi

Din il-parti tinkludi għadd ta" taqsimiet diskreti, li jipprovdu analiżi ta" kull ġrajja inċidentali, b'kummenti marbuta mar-riżultati ta" kwalunkwe eżamijiet jew testijiet relevanti li jkunu saru tul l-investigazzjoni u kwalunkwe azzjoni ta" sigurtà li għandha mnejn tkun diġà ttieħdet sabiex jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi futuri.

Dawn it-taqsimiet għandhom ikopru kwistjonijiet bħal:

–  Il-kuntest u l-ambjent tal-ġrajja inċidentali,

–  Azzjonijiet żbaljati jew nuqqasijiet umani, avvenimenti li jinvolvu materjal perikoluż, effetti fuq l-ambjent, ħsarat fl-apparat, u influwenzi esterni,

–  Il-fatturi kontributorji li jinvolvu funzjonijiet marbuta ma" persuni, operazzjonijiet abbord il-vapur (shipboard operations), amministrazzjoni tax-xatt jew influwenza regolatorja.

L-analiżi u l-kummentarju jagħmluha possibbli għar-rapport sabiex jagħmel konklużjonijiet loġiċi, jistabbilixxi l-fatturi kontributorji kollha, jinkludi dawk b'riskji li għalihom id-difiżi eżistenti mmirati lejn il-prevenzjoni ta" ġrajjiet inċidentali, u/jew dawk immirati lejn l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-konsegwenzi tagħhom, jinstabu li jew mhumiex adegwati inkella nieqsa.

5.  Konklużjonijiet

Din il-parti tikkonsolida l-fatturi kontributorji stabbiliti u d-difiżi nieqsa jew inadegwati (materjali, funzjonali, simboliċi jew proċedurali) li għalihom għandhom jiġu żviluppati azzjonijiet ta' sigurtà sabiex jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi futuri.

6.  Rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà

Meta jkun il-każ, din il-parti tar-rapport tinkludi rakkomandazzjonijiet tas-sigurtà dderivati mill-analiżi u l-konklużjonijiet u li jorbtu ma' oqsma partikolari, bħal-leġiżlazzjoni, it-tifsil, il-proċeduri, l-ispezzjoni, it-tmexxija, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ, ix-xogħol ta' tiswija, il-manutenzjoni, l-assistenza max-xatt u r-reazzjoni ta' emerġenza.

Ir-rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà huma indirizzati lil dawk li jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jimplimentawhom, bħal sidien il-bastimenti, il-maniġers, organizzazzjonijiet rikonoxxuti, awtoritajiet marittimi, servizzi ta' traffiku tal-bastimenti, entitajiet ta' l-emerġenza, organizzazzjonijiet marittimi internazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, bil-ħsieb li jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi futuri.

Din il-parti tinkludi wkoll kwalunkwe rakkomandazzjonijet tas-sigurtà interim li jafu jkunu saru matul l-investigazzjoni tas-sigurtà.

7.  Appendiċi

Fejn ikun il-każ, il-lista li ġejja li mhix waħda eżawrjenti tinthemeż mar-rapport f'format elettroniku u/jew stampat:

   Ritratti, xbihat iffilmjati, reġistrazzjonijiet ta' ħsejjes, tabelli, tpinġijiet,
   L-istandards applikabbli,
   It-termini tekniċi u l-abbrevjazzjonijiet użati,
   Studji speċjali dwar is-sigurtà,
   Tagħrif mixxellanju.

ANNESS II

DATA TA" NOTIFIKA RIGWARD DIŻGRAZZJI JEW OKKORRENZI MARITTIMI

(Parti mill-Pjattaforma Ewropea ta" l-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar)

01.  L-Istat Membru responsabbli / persuna li għandha tiġi kkuntattjata

02.  L-Istat Membru investigatur

03.  Ir-rwol ta" l-Istat Membru

04.  L-istat kostali affettwat

05.  In-numru ta" stati li għandhom interess sostanzjali

06.  L-istati li għandhom interessi sostanzjali

07.  L-entità notifikatriċi

08.  Ħin tan-notifika

09.  Data tan-notifika

10.  Isem il-bastiment

11.  In-numru ta" l-IMO / ittri distintivi

12.  Bandiera mtajra mill-bastiment

13.  It-tip ta" diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima

14.  It-tip tal-bastiment

15.  Id-data tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima

16.  Il-ħin tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima

17.  Pożizzjoni - Latitudni

18.  Pożizzjoni - Lonġitudni

19.  L-inħawi tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima

20.  Il-port minn fejn salpa l-bastiment

21.  Il-port fejn kien destinat

22.  L-iskema ta" separazzjoni tat-traffiku

23.  It-taqsima tal-vjaġġ

24.  L-operat tal-bastiment

25.  Il-post abbord

26.  Imwiet:

· Ekwipaġġ

· Passiġġieri

· Oħrajn

27.  Korrimenti gravi:

· Ekwipaġġ

· Passiġġieri

· Oħrajn

28.  Tniġġis

29.  Dannu lill-bastiment

30.  Dannu lill-merkanzija

31.  Dannu ieħor

32.  Deskrizzjoni qasira tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima

Nota: In-numri sottolineati jfissru li d-data għandha tiġi pprovduta għal kull bastiment jekk aktar minn bastiment wieħed ikun involut fid-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima.

(1) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.
(2) ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007.
(4) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 730.
(5) L-Att Finali tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu 1973 - 1982, Klassi Nru 341.45 L 412 1997.
(6) Il-verżjoni IMO FSI 13/WP.3 tad-9 ta" Marzu 2005.
(7) ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/84/KE (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 53).
(8) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.
(9) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1891/2006, (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).
(10) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(11) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 93/2007 (ĠU L 22, 31.1.2007, p. 12).
(12)* ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data.

Avviż legali - Politika tal-privatezza