Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2549(RSO)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0158/2007

Testi mressqa :

B6-0158/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P6_TA(2007)0151

Testi adottati
PDF 201kWORD 38k
L-Erbgħa, 25 ta' April 2007 - Strasburgu
Kompożizzjoni ta' kumitat temporanju dwar il-bidla fil-klima
P6_TA(2007)0151B6-0158/2007

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007 dwar it-twaqqif u l-istipulazzjoni tal-kompetenzi, tal-kompożizzjoni u tat-tul tal-mandat tal-kumitat temporanju għall-bidla klimatika

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 175 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tad-19 ta' April 2007 li jiġi propost it-twaqqif ta' kumitat temporanju għall-bidla tal-klima u li tiddefinixxi l-attribuzzjonijiet u l-kompożizzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri konkreti fil-livelli kollha biex tiġi ffaċċjata l-bidla klimatika u l-ħtieġa, għall-mexxejja politiċi, li dan il-proċess jiġi attivat,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla klimatika, b'mod partikulari dawk li ġew adottati fis-16 ta' Novembru 2005(1), fis-26 ta' Ottubru 2006(2) u fl-14 ta' Frar 2007(3),

–   wara li kkunsidra l-ħtieġa li jinġabru u li jiġu koordinati l-opinjonijiet tal-kumitati differenti kkonċernati, sabiex il-Parlament Ewropew ikun jista' jkollu rwol ewlieni fil-qasam tas-sensibilizzazzjoni u jpoġġi l-isfida tal-bidla fil-klima fuq quddiem fl-aġenda internazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-ħtieġa li bħala konsegwenza jiġu organizzati l-ħidmiet u l-istrutturi tiegħu, b'mod partikulari billi jingħataw l-mezzi supplimentari meħtieġa biex din il-kwistjoni tiġi trattati b'mod xieraq,

1.  Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat temporanju għall-bidla fil-klima, li jkollha l-attribuzzjonijiet li jmiss:

   a) li jifformula proposti dwar il-politika integrata tal-futur ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-bidla klimatika u li jikkordina l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward tan-negozjati tal-qafas internazzjonali dwar il-politika dwar il-klima għal wara l-2012;
   b) fir-rigward tal-bidla klimatika, li janalizza u jevalwa l-istat tal-kwistjoni u li jipproponi azzjonijiet xierqa, fil-livelli kollha, flimkien ma' l-evalwazzjoni dwar l-impatt finanzjarju tagħhom u dwar l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni;
   c) li jibni inventarju kemm jista' jkun komplut tal-progressi riċenti u tal-prospettivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-bidla klimatika, b'tali mod li jagħti lill-Parlament l-analiżi dettaljati meħtieġa dwar dawn sabiex dan ikun jista' jassumi r-responsabbiltajiet politiċi tiegħu;
   d) li jistudja l-impatt ambjentali, ġuridiku, ekonomiku, soċjali, ġeopolitiku, reġjonali u fuq is-saħħa pubblika ta' dawn il-progressi riċenti u ta' dawn il-prospettivi;
   e) li janalizza u jevalwa l-applikazzjoni li tkun saret attwalment tal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti;
   f) għal dan il-għan, li jagħmel il-kuntatti xierqa u li jorganizza smigħ mal-parlamenti u mal-gvernijiet ta' l-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi, ma' l-istituzzjonijiet Ewropej u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll mar-rappreżentatni tal-komunità xjentifika, ta' l-intrapriżi u tas-soċjetà ċivili, inklużi n-netwerks ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

2.  Jiddeċiedi li l-kompetenzi tal-kumitati permanenti tal-Parlament li għandhom f'idejhom l-adozzjoni, is-segwitu u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett ma jinbidlux, imma li l-kumitat temporanju jista' jifformula rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet jew inizjattivi li għandhom jittieħdu;

3.  Jiddeċiedi li t-tul tal-mandat tal-kumitat temporanju se jkun ta' tnax-il xahar mill-10 ta' Mejju 2007, u li wara t-tmien tiegħu l-kumitat għandu jippreżenta rapport lill-Parlament, li jkun jinkludi, jekk ikun il-każ, ir-rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet jew inizjattivi li għandhom jittieħdu;

4.  Jiddeċiedi li l-kumitat temporanju se jkollu 60 membru.

(1) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 120.
(2) Testi adottati, P6_TA(2006)0460.
(3) Testi adottati, P6_TA(2007)0038.

Avviż legali - Politika tal-privatezza