Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2207(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0133/2007

Testi mressqa :

A6-0133/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0152

Testi adottati
PDF 256kWORD 87k
L-Erbgħa, 25 ta' April 2007 - Strasburgu
Azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust
P6_TA(2007)0152A6-0133/2007

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-25 ta' April 2007 dwar il-Green Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (2006/2207(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Azzjonijiet ta' Riżarċiment tad-Danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2005)0672) (Green Paper dwar id-Danni),

‐   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004 (SEC(2005)0805),

‐   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 1961(1), bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill tal-Ministri tal-KEE li l-Parlament jiġi kkonsultat fir-rigward tal-proposta għal regolament inizjali ta' implimentazzjoni dwar l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KEE,

‐   wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni fl-ittrattament ta' każijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE(2),

‐   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ta" Gothenburg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001, il-Kunsill Ewropew ta" Laeken ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2001, il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002, u l-Kunsilli Ewropej ta' Brussell ta' l-20 u l-21 ta' Marzu 2003, tal-25 u s-26 ta' Marzu 2004, tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 u tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006,

‐   wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat f'Novembru 2004 mill-Grupp ta' Livell Għoli, bit-titolu 'Niffaċċjaw l-isfida - L-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi',

‐   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(3), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar il-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE(4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi(5),

‐   wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jirrikonoxxu d-dritt għal ħarsien effettiv ġudizzjarju, u b'mod partikulari d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, kif ukoll il-protokolli tagħhom,

‐   wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-protokolli tagħha,

‐   wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(6),

‐   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0133/2007),

A.   billi l-politika tal-kompetizzjoni kienet tifforma parti mill-esperiment ta' integrazzjoni ta' l-Ewropa sa mill-bidu, u hija element ewlieni tal-proċess tal-bini ta' l-Unjoni Ewropea,

B.   billi l-kompetizzjoni ħielsa u mingħajr tfixkil hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u Göteborg, il-vitalità tas-suq intern, l-eċċellenza imprenditorjali, l-interessi tal-konsumatur u l-għanijiet ta' l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-aġir anti-kompetittiv jagħmel ħsara lil dawn l-objettivi,

C.   billi l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE huma dispożizzjonijiet tal-politika pubblika li għandhom effetti diretti u li għandhom jiġu applikati b'mod awtomatiku mill-awtoritajiet kompetenti; billi dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu drittijiet bejn individwi, li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw b'mod effettiv b'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, inkluża l-kawża 26/62(7) (Van Gend & Loos), li hija notevoli partikolarment għaliex hija prekursur ta' kawżi suċċessivi,

D.   billi fl-Istati Membri, il-liġi dwar il-kompetizzjoni hija primarjament infurzata permezz tal-kanali tal-liġi pubblika u fil-livell ta" l-Istati Membri jeżistu differenzi u ostakli konsiderevoli li jistgħu jżommu lil dawk li jistgħu jagħmlu t-talba milli jfittxu kumpens,

E.   billi l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsidraikkonsidra li, fin-nuqqas ta" regoli Komunitarji li jirregolaw id-dritt tal-vittmi li jippreżentaw talba għal danni lill- awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali hija s-sistema legali domestika ta" kull Stat Membru li trid tindika l-qrati u t-tribunali li jkollhom ġuriżdizzjoni u li tistabbilixxi r-regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet li individwi jiksbu b'mod dirett mil-liġi Komunitarja, sakemm tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (b'konformità mal-prinċipju ta" l-ekwivalenza), u sakemm huma ma jagħmlux l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mil-liġi Komunitarja (b'konformità mal-prinċipju ta" effettività) prattikament impossibbli jew diffiċli wisq,

F.   billi l-użu rari u eċċezzjonali ta' azzjonijiet privati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, kif jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 1/2003, jindika li hemm bżonn ta' miżuri biex jiffaċilitaw it-talbiet għal azzjoni kontra danni; billi miżuri bħal dawn għandhom iżidu l-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-regoli ta' proċedura u ta' evidenza differenti fl-Istati Membri; billi dan m'għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn intrapriżi li jaġixxu ekonomikament b'mod legali jitpoġġew f'riskju żejjed li jħallsu għal talbiet mhux ġustifikati, jew li jbiddlu l-pożizzjoni tagħhom biex jevitaw il-litigazzjoni, li tqum ħafna flus.

G.   billi l-konsumaturi u n-negozji li sofrew danni bħala riżultat ta" ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għandu jkollhom dritt għal kumpens,

H.   billi żviluppi fir-regoli tal-ġustizzja ċivili ta' l-UE, b'mod partikolari rigward l-aċċess għall-ġustizzja, ma' żammewx il-pass ma' żviluppi riċenti fil-liġi tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni fis-suq intern,

I.   billi fil-Kawża C-453/99(8) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikun żgurat li l-Artikolu 81 tat-Trattat ikun effettiv għal kollox, individwi u kumpaniji jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu li jkun sarilhom minnħabba kuntratt jew b'imġiba li tillimita jew tgħawweġ il-kompetizzjoni,

J.   billi l-mekkaniżmi ta" riparazzjoni għal ksur tar-regoli antitrust fil-livell Ewropew ma jiggarantux l-effettività sħiħa ta" l-Artikolu 81 tat-Trattat, b'mod partikolari fir-rigward tal-vittmi,

K.   billi ħafna Stati Membri qed jeżaminaw metodi sabiex jipproteġu aħjar lill-konsumaturi billi jippermettu azzjonijiet kollettivi, u billi azzjonijiet differenti jistgħu jwasslu għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern,

L.   billi kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni f'oqsma li għalihom il-Kummissjoni ma għandiex kompetenza esklussiva trid, skond it-trattat, tikkonforma mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

1.  Jinnota li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità se jbatu minn nuqqas ta' effett dissważiv, u l-effettività tagħhom ser tkun kompromessa, jekk kwalunkwe persuna li taġixxi b'mod proskritt tkun tista' tgawdi vantaġġi fis-suq jew immunità fir-rigward tal-ksur tagħhom minħabba ostakoli għal talbiet sħaħ għal riżarċiment tad-danni; jikkonsidra li għandhom ikunu faċilitati l-metodi biex jittieħdu azzjonijiet legali mir-rappreżentanti ta' l-interess pubbliku u mill-vittmi;

2.  Jikkonsidra li ċ-ċittadini jew in-negozji li jsofru danni bħala riżultat ta" ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni għandu jkollhom l-opportunità li jitolbu kumpens għat-telf tagħhom;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt tal-vittmi li sofrew telf bħala riżultat ta' mġieba anti-kompetittiva biex iressru azzjonijiet legali "indipendenti" jew "ta' segwitu" biex jieħdukumpens; jilqa' għalhekk il-Green Paper dwar id-danni kif ukoll il-ħidma ta' preparazzjoni marbuta magħha;

4.  Jitlob, bil-għan li tiġi promossa l-kompetizzjoni aktar milli l-litigazzjoni, għall-promozzjoni ta' arranġamenti extra-ġudizzjarji amikevoli u b'ħeffa, u l-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar l-eċċezzjonijiet li jistgħu jinġiebu f'talbiet għal danni li jirriżultaw minn aġir anti-kompetittiv, u jinnota li fil-każ li l-parti li allegatament tiġi akkużata li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tiddikjara u tagħti prova li ngħata kumpens għad-danni qabel il-konklużjoni tal-proċeduri, dan jista' jitqies bħala fattur mitiganti fid-deċiżjoni biex jiġi stabbilit l-ammont ta' kumpens li għandu jingħata; jilqa' wkoll b'sodisfazzjon il-fatt li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea jistgħu, sa ċertu punt, jassumu l-irwol ta' instituzzjoni ta' arbitraġġ billi jamministraw proċeduri ta' arbitraġġ, inkluża n-nomina ta' arbitru fuq talba tal-partijiet;

5.  Jikkonsidra, għalhekk, li s-sistemi legali ta" l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċeduri effettivi ta" liġi ċivili li permezz tagħhom ikun jista" jintalab kumpens għal danni li jirriżultaw minn ksur tal-liġital-kompetizzjoni;

6.  Huwa tal-fehma li l-istituzzjoni ta' azzjonijiet privati għandu jkun kumplimentari għal u kompatibilli ma' l-infurzar pubbliku, li, min-naħa tiegħu, jista' jsir aktar strateġiku u selettiv fin-natura tiegħu, billi jiffoka fuq il-kwistjonijiet l-aktar importanti u sinifikattivi; jikkonsidra, madankollu, li tali bidla fl-enfasi m'għandiex tfisser ġustifikazzjoni għan-nuqqas fir-riżorsi li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti;

7.  Jitlob li l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat jiġu implimentati b'mod uniformi, irrispettivament min-natura amministrattiva jew ġudizzjarja ta' l-awtorità li tadotta d-deċiżjoni; huwa tal-fehma li deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu konsistenti u għandhom jirriflettu prinċipji komuni ta' sigurtà u effettività li jevitaw it-tagħwiġ u l-inkonsistenza fi ħdan l-Unjoni; jikkonsidra li l-objettiv għandu jkun li wieħed jasal għal proċeduri u sitwazzjoni fejn deċiżjoni finali li tkun diġà ngħatat minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCA) jew awtorità nazzjonali ġudizzjarja tkun torbot lill-Istati Membri kollha sakemm il-partijiet u ċirkostanzi tal-każ ikunu l-istess;

8.  Jenfasizza li huwa kruċjali li l-awtoritajiet ġudizzjarji jiġu pprovduti b'taħriġ fil-liġi tal-kompetizzjoni sabiex jiżguraw il-kwalità tas-sentenzi tagħhom, u biex jirrispettaw l-importanza essenzjali li l-proċeduri jiġu mmaniġġjati minn korpi speċjalizzati jew kwalifikati ħafna;

9.  Isostni li sabiex jiġu mħarsa l-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-vittmi, l-awtoritajiet ġudizzjarji kollha li jimplimentaw ir-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni għandhom ikunu jistgħu jadottaw miżuri proviżorji, jordnaw miżuri ta' inkjesta u jagħmlu użu mill-poteri ta' investigazzjoni tagħhom fejn hu neċessarju;

10.  Jenfasizza li, għall-iskopijiet biex jiġu stabbiliti l-fatti relevanti għall-applikazzjoni ta' Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, l- awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom igawdu setgħat komparabbli ma' dawk mogħtija lill- NCAs, u li, biex tiġi żgurata l-konsistenza, hemm ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-NCAs u l-qrati nazzjonali u wkoll fost l- awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali;

11.  Jenfasizza li l-awtoritajiet kompetenti li jimplimentaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità għandhom ikollhom kriterji uniformi għall-istabbiliment tal-piż tal-prova; jinnota li jista' jkun meħtieġ li tkun ikkunsidrata l-asimettrija ta' l-informazzjoni disponibbli għal-partijiet; jissuġġerixxi li fil-proċeduri legali, il-fatti għandhom ikunu meqjusa stabbiliti meta l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun sodisfatta mill-eżistenza ta' ksur u dannu b'rabta kawżali;

12.  Jitlob li l-awtoritajiet ġudizzjali responsabbli mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni jingħataw is-setgħa li jordnaw aċċess għall-informazzjoni relevanti għar-riżultat finali tal-proċess għad-danni, suġġett għal smigħ minn qabel tal-parti l-oħra ħlief f'każijiet urġenti, permezz ta' miżuri proporzjonati taħt is-superviżjoni tagħhom; jiġbed l-attenzjoni li fl-aċċess ta' informazzjoni rilevanti għar-riżultat finali tal-proċess ikunu rispettati l-leġittimità tas-sigriet professjonali fir-relazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, is-sigrieti tan-negozju ta' l-operaturi ekonomiċi u l-leġiżlazzjoni dwar sigrieti uffiċjali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex malajr kemm jista' jkun, tfassal komunikazzjoni dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-awtoritajiet li japplikaw il-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jaċċettaw li sejbien ta" ksur li tkun waslet għalih l-NCA, ladarba jkun finali u, fejn ikun xieraq, ikkonfermat fl-appell, ikun jikkostitwixxi awtomatikament prova prima facie ta" nuqqas fi proċeduri ċivili li jinvolvu l-istess kwistjonijiet, sakemm il-konvenut kellu opportunità xierqa li jiddefendi lilu nnifsu fil-proċeduri amministrattivi;

14.  Jikkonsidra ukoll li mhuwiex neċessarju li jiddiskuti u jippreskrivi fil-livell ta' Komunità l-bżonn li jinħatru esperti;

15.  Jikkonsidra li r-Regolament propost dwar il-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali (Rome II) għandu jipprovdi soluzzjoni sodisfaċenti ħlief fejn l-aġir antikompetittiv jaffettwa l-kompetizzjoni f'iktar minn Stat Membru wieħed, u li għalhekk għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' regola speċifika relatata ma każijiet bħal dawn;

16.  Iħeġġeġ lill- awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali sabiex jikkoperaw għall-ħarsien ta' l-informazzjoni kunfidenzjali u għall-effettività tal-programmi ta' klemenza; jikkonsidra li fil-każ ta' kunflitt relatat mal-kwistjonijiet ta' l-aċċess u l-ipproċessar ta' informazzjoni bħal din li tkun disponibbli għall-membri tan-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN), dan il-kunflitt għandu jiġu riżolt fid-dawl ta' l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja mill-Qorti tal-Ġustizzja;

17.  Jenfasizza li l-ħlasijiet mogħtija lill-kwerelanti għandhom jkunu kompensatorji u m'għandhomx jeċċedu d-danni reali (damnum emergens) u t-telf (lucrum cessans) li jkunu ġarrbu, sabiex jiġi evitat l-arrikkiment inġust (indebiti solutio), u sabiex tkun tqieset il-ħila tal-vittma li jimmitiga d-danni u t-telf; jissuġġerixxi, madankollu, li, fil-każ ta' kartels, li l-ewwel applikanti li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi programmi ta' klemenza m'għandhomx ikunu responsabbli flimkien u separatament mal-persuni l-oħra li jkunu kisru r-regoli, u li l-interessi għandhom jiġu kkalkolati mid-data tar-reat;

18.  Jikkonsidra li kwalunkwe miżura proposta trid tirrispetta kompletament il-politika pubblika ta" l-Istati Membri, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma" danni punittivi;

19.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-fatt li l-possibilità li jinvokaw difiża "passing-on" jista' jkollha effett negattiv fuq il-kalkolu tad-danni u fuq ir-rabta kawżali;

20.  Jaqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-vittmi kollha għandhom ikunu jistgħu jressqu azzjoni legali; huwa tal-fehma li Stati Membri li jipprovdu għal azzjonijiet għal telf indirett għandhom joffru lill-konvenut il-possibilità li jargumenta li l-profitti kollha jew parti mill-profitti li għamel bħala riżultat tar-reat ġew mgħoddija lill-partijiet terzi (id-difiża passing-on), sabiex tiġi evitata l-possibilità ta' arrikkiment inġust; jinnota li, għaldaqstant, huwa essenzjali li jkun hemm mekkaniżmu għat-talbiet multipli żgħar;

21.  Huwa tal-fehma li , fl-interessi tal-ġustizzja u għal raġunijiet ta' ekonomija, ħeffa u konsistenza, il-vittmi għandhom ikunu jistgħu b'mod voluntarju jressqu azzjonijiet kollettivi, sew b'mod dirett sew permezz ta' organizzazzjonijiet li l-istatut tagħhom għandu dan l-objettiv;

22.  Jinnota li f'diversi każi, se jkun hemm asimettrija ta' riżorsi bejn il-kwerelant u l-konvenut fil-proċeduri legali għad-danni li ġejjin minn imġieba anti-kompetittiva u f'dawn il-każijiet, il-kwerelanti m'għandhomx jiġu mxekkla milli jieħu azzjonijiet ta' riżarċiment ta' danni, li jkollhom bażi soda, minħabba l-biża' li jkollhom iħallsu spejjeż legali eċċessivi inklużi l-ispejjeż tal-konvenut jekk l-azzjoni ma jkollhiex suċċess; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu jistgħu jikkunsidraw is-sitwazzjonijiet ekonomiċi differenti tal-partijiet u fejn ikun xieraq għandhom jagħmlu evalwazzjoni fil-ftuħ tal-proċeduri; jikkonsidra li l-livell ta' l-ispejjeż għandu jkun ibbażat fuq kriterji raġonevoli u oġġettivi, b'kont meħud tan-natura tal-proċess, u għandu jinkludi l-ispejjeż kollha li joħolqu l-proċeduri legali;

23.  Jirrakkomanda li fil-qafas ta' programmi ta' għajnuniet pubbliċi li jistgħu jkunu adottati b'mod leġittimu sabiex ikunu ffaċilitati l-azzjonijiet privati ta' riżarċiment ta' danni u telf minħabba mġiba mhux kompettitiva, ikunu stipulati kundizzjonijiet ċari fir-rigward tas-sorveljanza tal-proċedimenti u r-rimborż ta' l-għajnuniet ta' dan it-tip, speċjalment fejn il-każ ikun deċiż u l-kontravventur jiġi ordnat li jħallas l-ispejjeż;

24.  Jikkonsidra li l-perjodi nazzjonali ta' preskrizzjoni għall-azzjonijiet minħabba ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-Komunità għandhom jippermettu li jitressqu azzjonijiet fi żmien sena minn deċiżjoni tal-Kummissjoni jew minn sejbien ta' NCA li tistabbilixxi l-ksur tar-regoli msemmija (jew fil-każ ta' appell, sena minn meta jinqata' l-appell); Jikkonsidra li, meta ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni ta' dan it-tip, għandu jkun possibbli li jitressqu azzjonijiet għar-riżarċiment ta' danni b'riżultat ta' ksur ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat jew tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità fi kwalunkwe ħin fil-perjodu li matulu l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni li timponi multa minħabba t-tali ksur; jikkunsidra li ż-żmien għandu jiġi sospiż waqt il-perjodu ddedikat għad-diskussjonijiet formali kollha jew għall-medjazzjoni bejn il-partijiet;

25.  Jissuġġerixxi li ż-żmien ta" preskrizzjoni li japplika għad-dritt li jintalab kumpens fil-każ ta" ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għandu jiġi sospiż miż-żmien meta l-Kummissjoni jew l-NCA fi Stat Membru jew aktar jiftħu investigazzjoni dwar dan il-ksur;

26.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li t-tressiq ta' azzjonijiet privati għar-riżarċiment ta' danni ma jaffetwax is-setgħat jew ir-responsabilitajiet fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, li ngħataw lill-Kummissjoni permezz tat-Trattat;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, kemm jista' jkun malajr, tadotta linji gwida għall-forniment ta' assistenza għall-partijiet sabiex jiġu kwantifikati d-danni li jkunu ġarrbu u tiġi stabbilita r-rabta kawżali; jitlob ukoll li tingħata prijorità lit-tfassil ta' komunikazzjoni dwar it-tressiq ta' azzjonijiet legali indipendenti, liema komunikazzjoni tkun tinkludi rakkomandazzjonijiet għall-preżentata ta' talbiet u eżempji għall-aktar każi frekwenti;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprepara White Paper bi proposti dettaljati biex jiġi ffaċilitat it-tressiq ta' azzjonijiet privati "indipendenti" u "ta' segwitu" għar-riżarċiment ta' danni minħabba mġiba li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità, li, b'mod komprensiv, tindirizza l-kwistjonijiet mqajma f'din ir-Riżoluzzjoni u li, fejn hu xieraq, tikkonsidra qafas legali adatt; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tinkludi fiha proposti għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha responsabbli biex japplikaw ir-regoli Komunitarji dwaril-kompetizzjoni;

29.  Jikkonsidra li kwalunkwe inizjattiva tal-Kummissjoni li tirregola d-dritt tal-vittmi li jfittxu għad-danni fl- awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali trid tkun akkumpanjata minn studju ta" impatt ;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem mill-qrib ma" l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta" l-Istati Membri sabiex jitnaqqsu kwalunkwe ostakli transkonfinali li ma jħallux liċ-ċittadini u n-negozji ta" l-UE jippreżentaw talbiet għal danni transkonfinali f'każi ta" ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni fl-Istati Membri; jikkonsidra li, jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni legali sabiex tneħħi ostakli ta' dan it-tip;

31.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li fihom iċ-ċittadini u n-negozji għad m'għandhomx dritt effettiv ta' dan it-tip li jitolbu kumpens sabiex jadattaw il-liġi proċedurali ċivili tagħhom;

32.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jkollu rwol ko-leġiżlattiv fil-qasam tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u li għandu jinżamm infurmat b'mod regolari dwar l-azzjonijiet legali privati mressqa;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali.

(1) ĠU 61, 15.11.1961, p. 1409.
(2) ĠU C 313, 15.10.1997, p. 3.
(3) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.
(4) ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18
(5) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1
(6)1 ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(7)2 Kawża 26/62, NV Algemene Transport-en Expeditie Onderneming van Gend en Loos v Dipartiment tat-Taxxi Interni ta'l-Olanda [1963] ECR-1.
(8) Kawża C-453/99, Courage Ltd v Crehan [2001] ECR I-6297 u s-sentenza tat-13 ta' Lulju 2006 fil-kawżi konġunti C-295/04 sa 298/04, Manfredi et v Lloyd Adriatico Assicurazioni SpA et, għandhom mhux ippublikati fir-Rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja 2006 pI 6619.

Avviż legali - Politika tal-privatezza