Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2210(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0054/2007

Testi mressqa :

A6-0054/2007

Dibattiti :

PV 24/04/2007 - 18
CRE 24/04/2007 - 18

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2007 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0154

Testi adottati
PDF 289kWORD 131k
L-Erbgħa, 25 ta' April 2007 - Strasburgu
Strateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali
P6_TA(2007)0154A6-0054/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-25 ta' April 2007 dwar Strateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali (2006/2210(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Lejn Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali' (COM(2003)0572),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Strateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali' (COM(2005)0670),

–   wara li kkunsidra r-Reviżjoni ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE - Strateġija Mġedda(1),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika adottata f'Rio de Janeiro fl-1992,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat KE, li jistipulaw li rekwiżiti ta' ħarsien ambjentali jridu jkunu integrati fis-setturi varji tal-politika Komunitarja bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ta' l-attivitajiet ekonomiċi b'rispett għall-ambjent,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (is-Sitt EAP)(3),

–   wara li kkunsidra s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (is-Sitt EAP), wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Lejn l-avvanz ta' l-użu sostenibbli tar-riżorsi: Strateġija Tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart' (COM(2005)0666),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2005 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-Tħeġġiġ ta' Teknoloġiji għall-Iżvilupp Sostenibbli: Pjan ta' Azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għat-Teknoloġiji Ambjentali(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0054/2007),

A.   billi, fl-għexieren ta' snin li ġejjin, bidla demografika mgħaġġla fid-dinja se ġġib pressjoni dejjem akbar fuq il-klima, ir-riżorsi naturali u l-bijodiversità, u billi din il-bidla hija konnessa wkoll mad-disparità fil-prosperità bejn id-dinja industrijalizzata u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

B.  Billi żvilupp ekonomiku sostenibbli, flimkien ma' tqassim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mir-riżorsi naturali, aċċess għar-riżorsi u s-swieq, huwa meħtieġ biex itaffi l-faqar u jżid il-benesseri tal-bniedem,

C.   billi, minħabba ż-żieda mgħaġġla tal-popolazzjoni tad-dinja, sa l-2010, 400 miljun persuna oħra se jkunu qed jgħixu fid-dinja; billi f'dinja fejn kulħadd jiddependi minn xulxin dejjem aktar ma nistgħux nibqgħu nipproduċu u nikkunsmaw kif qed nagħmlu bħalissa u billi, fid-dinja kollha, 15,500 speċi ta' pjanti u annimali huma f'periklu serju ta' estinzjoni; billi fl-għexieren ta' snin riċenti kważi kull tip ta' ekosistema u l-ispeċi kollha diġà batew ħafna u billi l-ilma ħelu huwa riżors prezzjuż ħafna, li qiegħed taħt pressjoni; billi l-kriżi dinjija ta' l-ilma hija theddida għall-ħajja tal-bniedem u għall-iżvilupp sostenibbli u fl-aħħarnett anke għall-paċi u s-sigurtà,

D.   billi, madwar id-dinja, il-'footprint' ekoloġiku(5) medju issa huwa 2.2 ettari per kapita għalkemm mhux suppost ikun iktar minn 1.8 ettari sabiex jibqa' fil-limiti tal-bijokapaċità tad-Dinja; mad-dinja kollha, il-bnedmin qed jużaw 25% iktar minn kemm id-Dinja tipproduċi kull sena, jew fi kliem ieħor, id-Dinja kellha bżonn sena u tliet xhur biex tipproduċi dak li aħna użajni f'sena waħda (2003) (WWF Eco-report 2006),

E.   billi, skond l-Evalwazzjoni tal-Millenju ta' l-Ekosistemi tan-NU ta' l-2005, kien hemm tnaqqis f'kull 2 minn 3 ekosistemi mill-bidu tas-sittinijiet u billi d-domanda għar-riżorsi naturali żdiedet b'70% fl-istess perjodu,

F.   billi skond l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-'footprint' ekoloġiku ta' l-Ewropa kien aktar mill-bijokapaċità tiegħu stess fl-1960 u sa llum huwa d-doppju tal-bijokapaċità tiegħu; billi dan mhux kompatibbli ma' l-iżvilupp ekwitabbli sostenibbli,

G.   billi l-falliment s'issa biex jiġi assenjat valur lill-kapital naturali, f'servizzi ta' l-ekosistema partikulari huwa impediment serju fl-isforzi ġenerali biex jiġi stabbilit qafas għal użu sostenibbli ta' riżorsi naturali,

H.   billi l-interessi tal-kummerċ u ta' l-ambjent m'hemmx għalfejn ikunu f'kunflitt; billi, madanakollu, prosperità ekonomika suffiċjenti fil-futur se tkun possibbli biss f'sistema bbażata fuq is-suq li fiha l-forom kollha tal-kapital, inkluż kapital naturali, ikollhom valur sħiħ, u l-ispejjeż tal-ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent jiġu kompletament internalizzati fil-prezzijiet tal-prodott,

I.   billi t-tkabbir ekonomiku li qed jiżdied fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jżid aktar il-pressjoni fuq l-ambjent,

J.   billi progress fil-qasam tat-tagħrif speċjalizzat u tat-teknoloġija huwa kruċjali sabiex jintlaħaq bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku fuq naħa u s-sostenibilità soċjali u ekoloġika fuq l-oħra,

K.   billi skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, imsaħħaħ mill-Proċess ta' Cardiff, rekwiżiti ta' ħarsien ambjentali jridu jkunu integrati fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika ta' l-UE,

L.   billi hemm ftit komplementarjetà u m'hemmx biżżejjed koordinazzjoni bejn il-fora internazzjonali differenti responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli (Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, Protokoll ta' Kyoto, Konvenzjoni għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, eċċ.), barra minn hekk ma hemm l-ebda għodda biex tinforza dawn il-ftehimiet madwar id-dinja,

M.   billi l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi(6) mħaddna mis-Samit tar-Rebbiegħa ta' l-2005 tagħti prijorità għolja lil aktar użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u tistieden lill-UE biex tkun minn ta' l-ewwel fil-bidla għal konsum u produzzjoni iktar sostenibbli fl-ekonomija globali,

N.   wara li kkunsidra l-prinċipji gwida għal żvilupp sostenibbli adottati mill-Kunsill Ewropew fil-15 u fis-16 ta' Ġunju 2006, li għandhom jiffurmaw il-bażi għal żvilupp sostenibbli, b'mod partikulari dawk relatati mal-kwalità tal-ħajja u s-solidarjetà bejn u fost il-ġenerazzjonijiet,

O.   billi, fil-komunikazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni ta' l-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli ta' l-UE - pjattaforma għall-azzjoni (COM(2005)0658), il-Kummissjoni tiddikjara li:

   - l-UE u l-Istati Membri jridu jkomplu jinvestu fir-riċerka u t-teknoloġija biex isibu metodi ġodda ta' produzzjoni u konsum li huma effiċjenti f'sens ta' nfiq u effiċjenti f'sens ta' riżorsi,
   - l-UE għandha tkun minn ta' l-ewwel fid-dinja fit-teknoloġiji eko-effiċjenti u li jiffrankaw l-enerġija sabiex jitnaqqas il-livell għoli ta' dipendenza fuq ir-riżorsi naturali,
   - l-UE trid tissalvagwardja l-kapaċità tad-dinja li ssostni l-ħajja fid-diversità kollha tagħha, tirrispetta l-limiti tar-riżorsi naturali tal-pjaneta u tiżgura livell għoli ta' ħarsien u titjib tal-kwalità ta' l-ambjent,
   - sa l-2012, 12% tal-konsum ta' l-enerġija ta' l-Istati Membri jrid jiġi minn sorsi li jiġġeddu,
   - sa l-2010, 21% tal-konsum ta' l-elettriku ta' l-Istati Membri jrid jiġi minn sorsi li jiġġeddu,

P.   billi f'Ġunju 2006, il-Kunsill Ewropew talab fost l-oħrajn, dan li ġej fl-Istrateġija Mġedda ta' Żvilupp Sostenibbli ta' l-UE:

   - l-istrateġija ta' l-UE dwar l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali għandha tkun komplementata b'numru ta' miri u miżuri fuq livell ta' UE,
   - biex titjieb l-effiċjenza tar-riżorsi sabiex jitnaqqas l-użu ġenerali ta' riżorsi naturali li ma jiġġeddux u l-impatti ambjentali relatati ta' l-użu ta' materja prima, u b'hekk jintużaw riżorsi naturali li jiġġeddu b'rata li ma taqbiżx il-kapaċità ta' riġenerazzjoni tagħhom,

Q.   billi s-Sitt EAP:

   - jistipula programm li l-objettivi tiegħu jaqblu mal-prijoritajiet ewlenin tal-Komunità, jiġifieri l-bidla fil-klima, in-natura u l-bijodiversità, l-ambjent, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja, ir-riżorsi naturali u l-iskart,
   - jitlob il-promozzjoni ta' bidliet fi skemi ta' sussidju li għandhom impatt ħażin sostanzjali fuq l-ambjent u li m'humiex kompatibbli ma' l-iżvilupp sostenibbli,
   - jiddikjara li strateġiji tematiċi għandhom jinkludu objettivi u kalendarji ambjentali kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti,
   - u fost l-oħrajn jitlob b'mod espliċitu għal reviżjoni ta' l-effiċjenza tal-miżuri ta' politika u ta' l-impatt tas-sussidji relatati ma' riżorsi naturali u skart, u kif ukoll biex jiġu stabbiliti għanijiet u miri għall-effiċjenza tar-riżorsi u l-użu mnaqqas ta' riżorsi, filwaqt li tiġi żganċjata r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-impatti ambjentali negattivi,

R.   billi l-Anness ta' l-Istrateġija Tematika jiddikjara li:

   - jekk jinkiseb titjib annwali fil-produttività tar-riżorsi ta' 3%, filwaqt li l-ekonomija tikber b'rata ta' 3% fis-sena wkoll, l-użu tar-riżorsi jkun bejn wieħed u ieħor stabbli,
   - sakemm l-affarijiet kollha jkunu indaqs, l-użu ta' materjali li jirregolarizzaw mhux se jkunu biżżejjed biex inaqqsu l-impatti ambjentali mifruxa fuq l-ekonomija u jiksbu sistemi ta' żganċjar,

S.   billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar ir-Rebħa tal-Ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima(7) il-Parlament Ewropew iddikjara li tnaqqis qawwi ta' emissjonijiet, jiġifieri ta' 30% sa l-2020 u ta' 60-80% sa l-2050 għandhom jiġu approvati mill-pajjiżi żviluppati,

T.   billi l-agrikoltura tuża inqas minn 50% ta' l-art kollha u tikkonsma 30% ta' l-ilma kollu u 20% tal-fjuwil kollu,

U.   billi t-trasport huwa s-settur ta' l-utent aħħari li qed jikber bl-aktar rata mgħaġġla u huwa responsabbli għal 40% ta' l-użu ta' l-enerġija totali madwar id-dinja kollha u għal bejn wieħed u ieħor 40-80% tat-tniġġis ta' l-arja totali u għal 28% ta' l-emissjonijiet tas-CO2 fl-Ewropa,

V.   billi għarfien aħjar ta' kif jaħdmu s-sistemi naturali se joħloq opportunitajiet ġodda għal sistemi ta' produzzjoni u ta' konsum ekoloġikament sodi; billi diġà hemm iktar minn 2,000 teknoloġija bbrevattati ispirati min-natura ("biomimicry"),

W.   billi wieħed mill-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp adottat min-Nazzjonijiet Uniti fl-2000 kien dak li jkun żgurat ambjent sostenibbli qabel l-2015 billi l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fi programmi ta' politika nazzjonali, jitwaqqaf it-telf ta' riżorsi naturali u jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' nies mingħajr aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb; billi sa l-2020 il-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' mill-inqas 140 miljun ruħ li jgħixu f'mandraġġi jridu jitjiebu b'mod sinifikanti,

X.   billi kull sena bejn 5 u 6 miljun persuna - l-iktar tfal - imutu minn mard ikkawżat mit-tniġġis ta' l-ilma u ta' l-arja, billi 370 000 mewta prematura huma kkawżati mit-tniġġiż ta' l-arja fl-Ewropa,

Y.   billi l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali huwa conditio sine qua non għall-prosperità fit-tul,

Z.   billi l-bażi tal-biċċa l-kbira tal-problemi ambjentali hija l-użu mhux sostenibbli ta' riżorsi naturali,

AA.   billi trasformazzjoni tas-sistema preżenti ta' produzzjoni u ta' konsum hija meħtieġa b'mod urġenti;

AB.   billi s-soċjetà primarjament tiddependi fuq prodotti magħmula minn sett ta' materjali different, jiġifieri materjali bijoloġiċi, minerali u sintetiċi, li ħafna drabi jitħalltu sabiex jipproduċu materjali komposti u billi dawn il-materjali għandhom jintużaw u jiġu trattati b'mod li meta l-utilità tal-prodotti tispiċċa, huma ma jsirux skart mingħajr użu,

AC.   billi sa mhux aktar tard mill-2015 immaniġġjar aħjar u l-fatt li ma ssirx esplojtazzjoni żejda ta' riżorsi naturali li jiġġeddu bħall-istokks tal-ħut, il-bijodiversità, l-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-atmosfera jistgħu jirriżultaw fl-irkupru ta' ekosistemi tal-baħar li saritilhom il-ħsara, skond il-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg adottat fil-Laqgħa Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johennesburg fl-2002,

AD.   billi s-sistema industrijali tagħna tgħix fuq ekosistemi mbiegħda permezz tal-kummerċ u ħafna drabi hija insensittiva għad-degradazzjoni tagħhom; billi għalhekk l-istrateġija tar-riżorsi naturali għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-'footprint' ekoloġiku u għandha bħala għan primarju t-tnaqqis tal-'footprint' ekoloġiku ta' l-UE fid-dinja u li tmexxi u tinkoraġġixxi pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE biex jagħmlu l-istess,

AE.   billi sa mhux aktar tard mill-2010, it-telf tal-bijodiversità jrid jitwaqqaf, skond il-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg,

AF.   billi hemm disparitajiet kbar bejn Stati Membri fir-rigward tal-produttività tar-riżorsi; billi l-eliminazzjoni ta' dawn id-disparitajiet biss tfisser li l-produttività mtejba tnaqqas l-ammont ta' riżorsi naturali użati u konsegwentement titnaqqas il-pressjoni fuq l-ambjent u titjieb il-pożizzjoni kompetittiva ta' l-Istati Membri,

AG.   billi Stati Membri żviluppati ekonomikament u orjentati lejn is-servizz esportaw ammont kbir ta' l-attivitajiet tagħhom li jikkunsmaw l-enerġija u r-riżorsi naturali lejn pajjiżi inqas żviluppati fl-UE u barra mill-UE; billi l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li Stati Membri differenti jużaw ammonti differenti ta' riżorsi naturali sabiex jilħqu l-istess rata ta' tkabbir ekonomiku,

AH.   billi l-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg talab ukoll biex jinfired it-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjoni ambjentali billi jitjiebu l-effiċjenza u s-sostenibilità fl-użu ta' riżorsi u proċessi ta' produzzjoni u billi jitnaqqsu d-degradazzjoni tar-riżorsi, it-tniġġis u l-iskart,

AI.   billi l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għat-Teknoloġiji Ambjentali fuq imsemmi:

   - jinnota li l-użu effiċjenti ta' riżorsi u materjali jnaqqas l-ispejjeż għall-industrija u d-djar, u b'hekk ikun hemm iktar flus fl-idejn u l-ekonomija ta' l-UE tiddependi inqas minn riżorsi skarsi u swieq instabbli ħafna,
   - jinnota li ħafna drabi riżorsi skarsi jikkawżaw kunflitti reġjonali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,
   - jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkunu promossi teknoloġiji li jgħinu fil-prevenzjoni ta' diżastri naturali jew attivitajiet li jistgħu jwasslu għall-qerda ta' riżorsi naturali jew li jagħmlulhom il-ħsara,

AJ.   billi politika tista' tkun implimentata biss jekk il-pubbliku u l-konsumatur huma mħeġġa jibdlu l-imġiba fil-konsum tagħhom biex iqisu l-ħtiġijiet ta' l-ambjent u s-saħħa,

1.  Jieħu nota fuq qalbu tal-komunikazzjoni fuq imsemmija mill-Kummissjoni "Strateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali", u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' viżjoni ċara dwar kif jintlaħaq l-objettiv ġenerali; iqis li għandha tkun meqjusa bħala l-ewwel pass fi proċess li eventwalment iwassal għal strateġija komprensiva għall-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali;

2.  Iqis li l-pjattaforma għal azzjoni tal-Kummissjoni għall-istudju ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp sostenibbli hija kawta wisq u limitata fl-iskop tagħha u li, fil-forma preżenti tagħha, mhux se jirnexxielha tipperswadi lill-pubbliku jew lil dawk il-politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet biex isegwu l-għanijiet kruċjali li tipprovdi għalihom;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi għanijiet u miri fuq livell politiku u settorjali għall-effiċjenza tar-riżorsi, u biex tħaffef il-ħidma fuq għodod xierqa biex jinżamm il-progress;

4.  Jinnota b'dispjaċir li l-Istrateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali (l-Istrateġija Tematika) tonqos milli ssegwi l-objettivi tas-Sitt EAP tal-Komunità Ewropea; iqis li l-objettivi tas-Sitt EAP relatati ma' l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali se jibqgħu ma jintlaħqux sakemm l-azzjonijiet konċertati ppreżentati fl-Istrateġija Tematika ma jsirux aktar effettivi; iqis li dan japplika partikularment għall-objettiv li jiġi żgurat li l-użu tar-riżorsi naturali u l-impatt tagħhom ma jaqbiżx il-kapaċità ta' l-ambjent;

5.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex iżżid l-isforzi tagħha u tieħu deċiżjonijiet bil-ħsieb li ssir l-iktar ekonomija ekonomika fid-dinji f'termini ta' l-użu tagħha tar-riżorsi u ta' l-enerġija; jenfasizza li l-kisba ta' għanijiet bħal dawn tippermetti indipendenza u siġurtà ta' forniment ta' riżorsi u enerġija akbar u firda tat-tkabbir ekonomiku mill-isfruttament tar-riżorsi naturali;

6.  Jenfasizza li t-tniġġis, l-iskarsezza dejjem akbar tar-riżorsi naturali u tal-materja prima u d-diffikultà dejjem akbar biex jinkiseb aċċess għalihom jikkostitwixxu theddida għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u se jikkawżaw żidiet fil-prezz fuq tali skala li bejn wieħed u ieħor jiddistabilizzaw kompletament is-sistemi ekonomiċi u soċjali ta' l-Unjoni Ewropea u ta' pajjiżi terzi, u se joħolqu riskji ta' kunflitti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Unjoni Ewropea jwieġbu b'modi xierqa għas-sitwazzjoni;

7.  Iqis li, anke jekk hemm il-ħtieġa ta' data iktar speċifika f'ċerti oqsma, din m'għandhiex tintuża bħala skuża biex ikunu posposti miżuri li jeħtieġ li jittieħdu biex ikun żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali; jinnota wkoll li l-għerf disponibbli bħalissa huwa biżżejjed biex jippermetti li tittieħed azzjoni prattika issa biex jittejjeb il-konsum sostenibbli tar-riżorsi naturali;

8.  Jisħaq fuq l-objettivi essenzjali ta' l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, inklużi livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent u s-saħħa pubblika, id-disponibilità ta' riżorsi naturali għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, kontribuzzjoni għall-istabilità u l-prosperità tas-sistema ekonomika u soċjali tagħna u li jiġi limitat l-użu tar-riżorsi naturali sabiex l-impatt ambjentali jitnaqqas u jsir stabbli;

9.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu l-opinjoni tal-Parlament, tal-pubbliku Ewropew u l-ambjent bis-serjetà, u jitlob lill-Kummissjoni biex tistabilixxi miri u skedi li jorbtu għal riżorsi naturali kif ġej:

   a) biex jiġu żviluppati u implimentati l-aħjar prattiki għal kull katina ta' produzzjoni,
   b) biex jintlaħaq tnaqqis kwantitattiv fl-emissjonijiet ta' gass li għandu effett serra b'mill-inqas 30% sa l-2020 u bi 80% sa l-2050 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990

10.  Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-aħjar prattiki għall-gruppi ta' prodotti ewlenin, filwaqt li tibda mill-'ewwel għaxra' (definiti mill-Kummissjoni) u dan għandu jitlesta fi żmien tliet snin. Iċ-Ċentru tad-Data għar-Riżorsi Naturali (propost fl-Istrateġija Tematika) għandu jkun responsabbli biex jiddefinixxi l-aħjar prattiki;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi politiki tal-Komunità sabiex:

   - tiġi mrawma interazzjoni tal-partijiet interessati u tiġi promossa l-applikazzjoni ta' evalwazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) u/jew metodi oħrajn fost kumpaniji u biex tiġi pprovduta informazzjoni fuq talba,
   - jiġu żviluppati miri għas-CO2 fuq bażi nazzjonali u settorjali;

12.  Iqis li l-Istrateġija Tematika għandha tinkludi linji gwida li jispjegaw il-miżuri neċessarji għal ċertu setturi u l-bidliet meħtieġa proposti għal politiki sabiex jintlaħaq użu sostenibbli u aktar effiċjenti tar-riżorsi;

13.  Iqis li, billi tipposponi l-azzjoni prattika, l-UE se ċċedi l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fil-qasam ta' l-innovazzjoni u l-kummerċ f'teknoloġiji eko-effiċjenti ġodda;

14.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu t-tmexxija fit-tfittxija għal soluzzjonijiet innovattivi u fil-promozzjoni ta' użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u li għandha timmira biex tkun minn ta' l-ewwel fid-dinja fit-teknoloġiji eko-effiċjenti; jinnota li s-suq għal prodotti sostenibbli se jkollu jikber biex ilaħħaq mad-domanda dejjem akbar ta' 'klassi tan-nofs' li qed tikber b'mod rapidu għal prodotti u servizzi tal-konsumatur li jirrispettaw il-kapaċità reġjonali u globali;

15.  Jilqa' r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li l-politika dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali s'issa ma kenitx xierqa;

16.  Filwaqt li jirrikonoxxi li l-ħidma lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali hija proċess fit-tul, jikkunsidra li l-operjodu ta' żmien ta' 25 sena kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa twil wisq;

17.  Jilqa' l-konċentrazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-ħsieb dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tul il-Komunikazzjoni u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli ssegwi dan l-approċċ sa ma tasal għal azzjoni ta' politika konkreta;

18.  Jisħaq li l-isforzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp(R & D) għandhom ikunu direzzjonati biex itejbu l-għarfien tagħna ta' kif jaħdmu s-sistemi naturali sabiex is-sistemi ta' produzzjoni u ta' konsum jiġu strutturati fuq linji bijoloġiċi, u b'hekk titjieb il-produttività tar-riżorsi u jitnaqqas it-tniġġis;

19.  Iqis li l-istabbiliment ta' Ċentru tad-Data Ewropew qabel l-2008 huwa utli jekk xogħlu jkun li jassessja u jtejjeb perjodikament u biex jistabbilixxi wkoll liema indikaturi oħra għadhom meħtieġa li jiffaċilitaw l-ilħuq ta" l-objettiv urġenti li jnaqqas l-impatt ambjentali u ta" saħħa ta" l-użu tar-riżorsi naturali għal livell minimu;

20.  Ma jaqbilx mal-Kummissjoni li m'hemmx indikaturi magħrufa li jippermettu li objettivi speċifiċi, ċari u li għandhom kalendarju jkunu inklużi issa fl-Istrateġija Tematika; jinnota li indikaturi li huma magħrufa diġà jinkludu il-GDP (Prodott Gross Domestiku), id-DMI (Input Dirett ta' Materjal) u d-DMC (Konsum Domestiku ta' Materjal); indikaturi oħra kif disponibbli u ddettaljati bħal dawk imsemmija hawn fuq se jkunu relatati ma' aspetti varji tal-kwalità tal-ħajja, bħall-kundizzjonijiet tas-saħħa pubbliċi, l-inklużjoni soċjali, il-kuxjenza soċjali tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u 'footprint' ambjentali; l-isfida se tkun it-titjib tal-kwalità tal-ħajja billi jiġu stabbiliti għanijiet aktar immaterjali bl-appoġġ ta' teknoloġiji ta' l-informatika u l-komunikazzjoni, u b'mod ġenerali,b'teknoloġiji inqas esiġenti u li għalhekk inaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali;

21.  Jipproponi li l-Kummissjoni għandha twettaq fi tliet snin evalwazzjoni rigward il-possibilitajiet u l-istrumenti li jifirdu l-użu tar-riżorsi naturali mit-tkabbir ekonomiku. L-Istrateġija Tematika riveduta għandha tinkludi dawn l-istrumenti ta' żganċjar. Dan l-approċċ għandu jkun implimentat fir-reviżjoni tal-politiki eżistenti;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata żieda mal- GDP - li tiffoka fuq l-aspetti kwalitattivi ta" tkabbir – u f'dan il-proċess jiġu żviluppati speċifikament metodoloġiji sabiex jiġi assenjat valur fuq il-kapital naturali;

23.  Iqis li, jekk flimkien mat-tnaqqis fl-użu tar-riżorsi naturali ikun hemm ukoll bidla għal alternattiva, l-ewwel għandha ssir riċerka dwar l-impatt ambjentali ta' l-alternattiva proposta;

24.  Jistieden lill-UE biex tiżgura li l-istrumenti u l-leġiżlazzjoni kollha tal-Komunità jikkontribwixxu b'mod globali għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u għal żvilupp sostenibbli fl-UE u f'pajjiżi barra l-UE; l-UE għandha tinkoraġġixxi t-twaqqif ta' strateġiji ta' riżorsi fil-pajjiżi mhux fl-UE, li jkunu riflessi anke fil-fondi u fil-politika ta' l-għajnuna tagħha;

25.  Jikkunsidra li huwa importanti li wieħed jittratta mhux biss l-użu tal-Komunità ( l-użu fl-UE) tar-riżorsi naturali iżda wkoll l-importazzjonijiet tar-riżorsi minn pajjiżi terzi;

26.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li jindirizza d-dgħjufijiet ovvji tal-mudell ta" l-ekonomija attwali rigward l-assenjazzjoni ta" valur għas-servizzi ta" l-ekosistema u sabiex jiġi ppreżentat qafas ta" politika li jagħti prijorità lill-effiċjenza tar-riżorsi u tas-sistemi ta" produzzjoni li huma strutturati progressivament matul il-linji bijoloġiċi;

27.  Iqis li sa l-2030 l-użu ta' riżorsi primarji li ma jiġġeddux fl-UE jrid jitnaqqas b'erba' darbiet, jew l-użu tar-riżorsi naturali jrid jitnaqqas bin-nofs sa l-2030 filwaqt li fl-istess ħin tiżdied il-prosperità fid-dinja kollha; jinnota li jistgħu jintużaw l-indikaturi li ġejjin: TMR (Bżonn Totali ta' Materjal), DMI (Input Dirett Materjali) u DMC (Konsum Domestiku Materjali); jinnota li dawn l-indikaturi juru l-kwantitajiet ta' riżorsi li jintużaw f'ekonomija u li billi wieħed jiddividi l-GDP b'dawn l-indikaturi huwa possibbli li titkejjel il-produttività ta' l-użu tar-riżorsi naturali;

28.  Jaqbel li fil-preżent ftit li xejn hemm indikaturi ta' l-impatt aggregati li diġà huma aċċettati ħafna għal kejl tal-progress tat-tnaqqis fl-impatt ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi, dak li huwa magħruf bħala indikatur eko-effiċjenti; iqis li hemm bżonn li dawn jiġu ffinalizzati mill-aktar fis possibli u mhux aktar tard mill-2008; jinnota li f'dan ir-rigward aktar żvilupp ta" "konsum materjali ta" valur ambjentali"(EMC) għandu jiġi appoġġjat attivament;

29.  Iqis li l-istrumenti tas-suq u s-sussidji, partikolarment dawk ta' natura fiskali, jistgħu jintużaw sabiex inaqqsu l-użu ta' riżorsi li jagħmlu ħsara lill-ambjent, partikolarment permezz ta' allokazzjoni mill-ġdid ta' sussidji, permezz ta' tnaqqis f'fażijiet, iżda b'mod mgħaġġel, ta' kwalunkwe sussidju għal attivitajiet mhux sostenibbli u permezz ta' l-appoġġ għall-introduzzjoni ta' ekotaxxi. It-tneħħija ta' sussidji li jagħmlu ħsara fuq l-użu ta' riżorsi għandha tkun inkluża fil-pjan preparatorju tal-Kummissjoni kif rekwiżit fl-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli;

30.  Iqis li allokazzjoni mill-ġdid ta' sussidji, per eżempju li jkun hemm iktar sussidji għal enerġija idroelettrika ġġenerata fuq skala żgħira, kif ukoll għal enerġija ġġenerata permezz tar-riħ u enerġija solari, se jippromwovu l-użu ta' teknoloġiji ġodda u jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva ta' l-Ewropa fid-dinja, kif ukoll se jnaqqsu d-dipendenza fuq fjuwils fossili impurtati minn partijiet oħra tad-dinja;

31.  Jinnota li l-iżganċjar tat-tkabbir ekonomiku u t-titjib ta" l-effiċjenza ta" l-użu tar-riżorsi hija diġà kkunsidrata bħala objettiv politiku f"9 Stati Membri (inklużi l-Ġermanja u l-Finlandja) u l-Ġappun; jikkunsidra li żganċjar relattiv mhux suffiċjenti, ġaladarba l-konsum assolut tar-riżorsi naturali jibqa" għoli żżejjed; għaldaqstant jisħaq li l-programm ta" politika relatat ma" l-użu sostenibbli ta" riżorsi naturali għandu jikkonċentra fuq l-iżganċjar tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi naturali li jġib tnaqqis assolut kemm fir-riżorsi wżati kif ukoll fl-impatt ambjentali fl-użu tar-riżorsi;

32.  Jisħaq li l-UE għandha tadotta mira ċara għat-tnaqqis assolut ta" l-użu tar-riżorsi,ġaladarba l-analiżi fl-Anness għall-Istrateġija Tematika tindika li għandna bżonn immorru lil hinn mit-3% tat-titjib effiċjenti tar-riżorsi annwali, u li t-tnaqqis bin-nofs ta" l-użu tar-riżorsi fil-perjodu 2005-2030 jeħtieġ kważi 6% ta' titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi annwali;

33.  Iqis li l-impatt ħażin mill-użu totali tar-riżorsi fl-UE jrid jitnaqqas bin-nofs għal kull kategorija ta' riżorsa, pereżempju permezz ta' approċċ settorjali fl-industrija tal-bini, fit-trasport u setturi oħrajn, sabiex jitnaqqas l-impatt ta' l-użu ta' dawn ir-riżorsi u titnaqqas id-dipendenza minnhom;

34.  Iqis li l-Istrateġija Tematika għandha jkollha l-għan li tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali, ittejjeb l-immaniġġjar tagħhom u l-immaniġġjar ta' l-iskart, tadotta metodi ta' produzzjoni u xejriet ta' konsum aktar sostenibbli u tiżgura li l-użu tar-riżorsi naturali ma jkunx iktar mill-piż potenzjali li l-ambjent jista' jiflaħ;

35.  Jipproponi li jkunu stabbiliti miri għal tnaqqis fl-użu ta' riżorsi fis-setturi li ġejjin: l-ikel, l-akkomodazzjoni u t-trasport, għaliex skond studji reċenti dawn jikkawżaw l-aktar l-impatti negattivi;

36.  Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu tliet azzjonijiet prinċipali:

   a) tidentifika u tiżviluppa politiki u azzjonijiet speċifiċi għall-ogħla 20 riżorsi (materjali) bl-akbar impatti; dawn għandhom jiġu proposti mhux aktar tard mill-2008,
   b) tipprepara djalogi bejn il-partijiet interessati fis-setturi l-aktar intensivi fl-estrazzjoni ta' riżorsi u ta' produzzjoni sabiex tidentifika miri settorjali u miżuri xierqa għat-titjib ta" l-effiċjenza tar-riżorsi,
   c) tiżviluppa kriterji ta" bażi ta' riferenza għall-immaniġġjar sostenibbli u l-ġbir ta" riżorsi bijotiċi (eż. l-injam, il-ħut, u prodotti ta" l-agrikoltura);

37.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkuraġġixxi l-iżvilupp tal-mudelli ġodda li joffru l-prodotti, per eżempju, sistemi ta" servizzi ta" prodott, provvista ta" utilità lill-konsumaturi permezz ta" l-użu tas-servizzi aktar milli l-prodotti, u b'hekk jiġi ottimizzat l-użu kemm ta" l-enerġija u kemm tal-materjali;

38.  Jisħaq li l-isforzi sabiex jintużaw ir-riżorsi naturali b'mod aktar effiċjenti għandhom isiru b'attenzjoni sħiħa fuq l-impatt fuq il-kummerċ u għandhom bħala skop li jnaqqsu progressivament l-effett ekoloġiku ta" l-UE fid-dinja;

39.  Iqis li l-Istrateġija Tematika għandha tkun integrata f'livelli varji tal-politika u fl-oqsma relevanti kollha tal-politika; għal dan il-għan, il-miri ta' l-UE ta' prevenzjoni ta" l-iskart u l-miri tar-riċiklaġġ u ta' l-użu mill-ġdid għandhom rwol fundamentali;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi teknoloġiji li jiffukaw fuq prodotti li jdumu, li jistgħu jintużaw mill-ġdid u li jistgħu jiġu rriċiklati;

41.  Iqis li t-tiswija u l-użu mill-ġdid ta' prodotti jestendu l-ħajja tal-prodott u din hija miżura sostenibbli biex jinkiseb tnaqqis fil-ħolqien ta' l-iskart u biex tiżdied il-konsevazzjoni tar-riżorsi; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħeġġu b'mod attiv 'soċjetà li tuża mill-ġdid' permezz ta' miżuri edukattivi, ekonomiċi u strutturali, bħal ma' huwa l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet u n-netwerks għall-użu mill-ġdid u għat-tiswija;

42.  Jappoġġja l-approċċ ta" l-Istrateġija Tematika sabiex tanalizza politiki eżistenti sabiex jgħollu l-effettività ta" l-Istrateġija, iżda jipproponi li f'din il-fażi jintgħażlu ll-ewwel l-aktar politiki relevanti eżistenti u dawk li għadhom fil-preparazzjoni (eż.: L-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ ta" l-Iskart, Politika ta" Prodott Integrat). L-Istrateġija Tematika għandha tkun ukoll konsistenti ma" l-objettivi ta" Liżbona;

43.  Jipproponi l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fil-politiki Ewropej attwali li jnaqqsu mill-kapaċità ta" l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali;

44.  Jinnota li l-Kummissjoni tippjana reviżjoni regolari ta" l-Istrateġija Tematika li se tibda fl-2010 u tkompli sejra kull ħames snin wara. Iqis dan bħala ta" valur iżda jenfasizza l-ħtieġa li din l-evalwazzjoni għandha tinkludi analiżi xierqa ta" l-azzjonijiet li jittieħdu lejn il-kisba ta" l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u sabiex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa kostanti għall-politika f'dan il-qasam sabiex tevolvi f'relazzjoni ma" l-iżviluppi xjentifiċi. L-evalwazzjoni għandha teżamina wkoll l-effetti fil-pajjiżi terzi ta" azzjonijiet li jittieħdu fil-livell ta" l-UE;

45.  Iqis li l-politika agrikola, b'mod partikulari, għandha jkollha l-mira li titnaqqas il-pressjoni fuq l-ambjent permezz ta' l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali inklużi l-art, l-ilma u l-fjuwils, iżda mhux biss ta' dawn;

46.  Jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni globali tal-politika Ewropea dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ħtieġa li jiġi żgurat li kull pass lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi fl-Ewropa ma jwassalx għal iżjed impatti ambjentali fil-pajjiżi terzi;

47.  Iqis li, fl-agrikoltura, hemm il-ħtieġa li jsir progress ġenwin fir-riċerka fil-metodi ta" produzzjoni ekoloġiċi, fir-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ relatat, inter alia, fl-użu ta' fertilizzanti, pestiċidi u ilma, fil-promozzjoni ta' ktajjen qosra, fl-internalizzazzjoni ta" l-ispejjeż esterni u fir-rabta tal-kundizzjonijiet ambjentali ma" l-appoġġ ekonomiku;

48.  Iqis li l-irwol ġdid u responsabbli ta" l-użu tar-riżorsi naturali fil-biedja organika u sostenibbli għandu jkun rikonoxxut u appoġġjat;

49.  Iqis li, minħabba li speċi varji ta" ħut preżentement huma l-aktar riżorsi mhedda fuq medda twila ta" żmien u li l-għajbien ta" l-ispeċi jista" jirriżulta b'aktar bidliet ekoloġiċi, jitlob li jkun hemm politika għas-sajd responsabbli u serja;

50.  Iqis li l-Istati Membri jridu jimplimentaw l-istrateġija ta' l-UE għall-bijodiversità, kemm għas-sajd u kemm f'oqsma oħra, u, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jieħdu miżuri biex jintlaħaq l-objettiv li jitwaqqaf it-tnaqqis tal-bijodiversità sa l-2010;

51.  Jilqa" l-proposta tal-bord internazzjonali li se jinkludi parteċipanti minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li, inter alia, jiżviluppaw bażijiet ta' riferenza ta' sostenibilità biex jaqla', jiġbor u jittrasporta materjali u prodotti li ġejjin minn barra l-UE, inkluż mhux biss l-istandards ta" kwalità materjali iżda wkoll l-istandards ta" kwalità ta" produzzjoni, waqt li jitqiesu l-kwistjonijiet soċjali u ambjentali;

52.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-pajjiżi ta" l-Ewropa tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent li m'humiex parti mill-UE, permezz ta', fost l-oħrajn, qsim ta' teknoloġija u tagħrif speċjalizzat; iżid li l-Ewropa ma tistax timporta b'mod xieraq il-bijokapaċità minn pajjiżi oħra mingħajr l-użu tar-riżorsi sostenibbli li bl-istess mod issir objettiv għal dawk il-pajjiżi u mingħajr ma tiżgura li hija qiegħda timporta riżorsi li huma sfruttati wisq jew mhedda;

53.  Iqis li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu mgħejuna jilħqu l-istandards ta' l-UE u r-rekwiżiti ta' l-ittikkettar;

54.  Jisħaq l-importanza għal din l-Istrateġija Tematika tar-rekwiżit diġà inkorporat fi strateġiji ta' politika oħra li sa l-2010 medja ta' 12% tal-konsum ta' l-enerġija fl-UE u 21% tal-konsum ta' l-elettriku fl-UE għandhom jiġu minn riżorsi naturali sostenibbli, u li 12% għandu jjitla' għal 15% fl-2015;

55.  Jimmira li sa l-2010, jagħmel konformi l-prinċipju ta" l-UE ta' akkwist pubbliku aħdar (green public procurement) bl-istandard attwalment miksub mill-Istat Membru li jiffunzjona l-aħjar;

56.  Iqis, b'konformità ma' politika tal-konsum ta' l-enerġija li tiġġedded, li sa l-2010 meta ta' mill-inqas 12% tal-materja prima li tiġġedded fl-UE, għandha tkun ġejja minn sorsi li jkunu qed juru li qed jiġu amministrati b'mos sostenibbli, ċifra li għandha togħla għal mill-inqas 15% fl-2015; fl-istess ħin jenfasizza l-importanza tal-mira ta' l-UE li tiffranka 20% ta' l-enerġija sa l-2020;

57.  Iqis li l-UE għandha tagħmel dak kollu possibbli biex tagħti tagħrif tajjeb lill-konsumaturi u lill-produtturi dwar l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, li l-edukazzjoni ambjentali, b'mod partikulari dak li jikkonċerna l-konsum sostenibbli, għandu jifforma parti mill-edukazzjoni elementari, u li l-konsumaturi u l-produtturi għandhom ikunu involuti f'ideat dwar bidliet li jistgħu jwasslu għal użu sostenibbli tar-riżorsi naturali;

58.  Iqis li l-produtturi għandhom ifornu informazzjoni lill-pubbliku dwar il-metodi ta" oriġini u ta" produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi tagħhom u l-produzzjoni tal-ktajjen involuti, inkluża informazzjoni dwar l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu li minnu jgħaddu l-prodott u r-riżorsi użati fil-proċess ta" produzzjoni, kif ukoll sa liema punt il-prodott jista' jissewwa, jintuża mill-ġdid u jiġi riċiklat;

59.  Iqis li l-politika ta' l-UE għandha titfassal b'mod li tinkoraġġixxi lil Stati Membri jadottaw approċċi iktar ambizzjużi - u żgur li ma jaqtgħulhomx qalbhom milli jagħmlu dan - bil-għan li jittejjeb l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali;

60.  Iqis li l-Kummissjoni sa l-2008 għandha tissottometti pjan direzzjonali għal riforma, għal kull settur, ta" skemi sussidjarji li għandhom impatt negattiv sostanzjali fuq l-ambjent u huma diffiċli li jiġu rrikonċiljati ma" żvilupp sostenibbli, bil-ħsieb li jitneħħew gradwalment;

61.  Jilqa' kwalunkwe inizjattiva tal-Kummissjoni li tista' tirriżulta fl-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u jnaqqsu l-impatt negattiv ta' l-użu tar-riżorsi naturali fuq l-ambjent;

62.  Jiġbed l-attenzjoni għal bżonn li titjieb il-komunikazzjoni bejn il-bejjiegħa u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni f'din il-konnessjoni tkabbar it-tikketta preżenti ta' l-enerġija (fridges, karozzi, bini) għal gruppi kollha ta' prodotti li jużaw l-enerġija sa l-2010;

63.  Jipproponi li l-Kummissjoni tiżviluppa fi żmien tliet snin, metodoloġija li tkejjel l-impatt ambjentali ta' kull katina ta' produzzjoni;

64.  Jipproponi li l-Kummissjoni kull tliet snin timmoniterja l-progress li jkun sar fit-titjib ta' l-effiċjenza tar-riżorsi;

65.  Jirrakkomanda l-użu ta' bord internazzjoanli (propost fl-Istrateġija Tematika) sabiex jiġu estiżi l-aħjar prattiki u l-miri tas-CO2 għal livell globali;

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Dokument tal-Kunsill 10117/2006, 9.6.2006.
(2) ĠU L 197, 21.7.2001, p.30.
(3) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
(4) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p.77.
(5) "Il-footprint ekoloġiku" hi espressjoni tal-punt sa liema l-bnedmin jikkunsmaw ir-riżorsi tad-Dinja fir-rigward ta' ettari ta' art produttiva.
(6) Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa - Ħidma flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi (COM(2005)0024).
(7) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.120.

Avviż legali - Politika tal-privatezza