Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0149/2007

Dibattiti :

PV 25/04/2007 - 2
CRE 25/04/2007 - 2

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2007 - 11.13
CRE 25/04/2007 - 11.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 253kWORD 90k
L-Erbgħa, 25 ta' April 2007 - Strasburgu
Relazzjonijiet transatlantiċi
P6_TA(2007)0155RC-B6-0149/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta April 2007 dwar relazzjonijiet transatlantiċi

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi, b'mod partikolari ż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet EU-US fil-qafas ta' Ftehima ta' Sħubija Transatlantika(1) u fuq relazzjonijiet ekonomiċi transatlantiċi EU-US(2).

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoniji dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu bejn l-UE u l-Istati Uniti tas-26 ta' Ġunju 2004 u d-Dikjarazzjoni dwar il-Koperazzjoni Mtejba fil-qasam tan-Non Proliferazzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu ta' l-20 ta' Ġunju 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżultat tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li seħħ fil-21 ta' Ġunju 2006 fi Vjenna,

–   wara li kkunsidra s-samit li ġej UE u l-Istati Uniti li se jsir fit-30 ta' April 2007 f'Washington,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti bbażata fuq il-valuri komuni tal-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem hija l-pedament tas-sigurtà u l-istabilità fiz-zona Ewro-Atlantika,

B.   billi, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, hemm bżonn li wieħed jenfasizza l-importanza li l-liġi internazzjonali u t-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jkunu osservati b'mod sħiħ,

C.   billi s-sitwazzjoni preżenti fil-Bajja ta' Guantánamo u l-programm sigriet ta' detenzjoni tas-CIA qed joħolqu tensjonijiet fir-relazzjonijiet transatlantiċi, minħabba li l-UE ma tistax taċċetta dawn l-irregolaritajiet legali, li jdgħajfu l-valuri l-aktar fundamentali ta' l-istat tad-dritt,

D.   billi l-ordni politika u ekonomika globali tgħaddi attwalment minn tibdiliet ewlenin, li twassal għal sfidi politiċi u ekonomiċi sinifikanti u timplika theddid serju ta' sikurezza, soċjali u ambjentali,

E.   billi s-sitwazzjoni attwali fil-Lvant Nofsani titlob koperazzjoni b'saħħitha bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qafas tal-Kwartett u mal-Lega ta' l-Istati Għarbija (LAS) sabiex tinkiseb aktar stabbilità fir-reġjun bil-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

F.   billi sħubija b'saħħitha u li taħdem bejn l-UE u l-Istati Uniti hija għodda vitali biex l-iżvilupp globali jieħu forma fl-interessi tal-valuri komuni u fuq il-bażi ta' multilateraliżmu effettiv u l-liġi internazzjonali; billi t-tmexxija politika b'saħħitha u konsistenti hija meħtieġa biex tippermetti lill-imsieħba jilħqu din il-mira; billi t-tmexxija politika b'saħħitha u konsistenti hija meħtieġa biex tippermetti lill-imsieħba jilħqu din il-mira,

G.   billi l-Istati Uniti għadha mhux lesta li testendi l-Programm għat-Tneħħija tal-Viża u qed tkompli timponi, fuq bażi mhux reċiproka, rekwiżit ta' viża fuq ċittadini tal-ħdax-il Stat Membru ġdid ta' l-UE, kif ukoll fuq il-Greċja u b'hekk qed ixxekkel ir-rabtiet transatlantiċi u qed tipperpetwa l-inugwaljanza fost iċ-ċittadini ta' l-UE;

H.   billi s-suq transatlantiku, bħala l-ikbar relazzjoni bilaterali ta' kummerċ u investiment fid-dinja, jipprovdi impjieg għal 14-il miljun persuna fl-UE u l-Istati Uniti, jammonta għal 40% tal-kummerċ dinji u jibqa' l-mutur ta' l-ekonomija dinjija,

I.   billi, minħabba l-irwol tagħhom fl-ekonomija dinjija, l-imsieħba transatlantiċi jaqsmu r-responsabbiltà għat-tiswir ta' l-iżvilupp globali u l-governanza fl-interess ta' valuri komuni, permezz ta' multilateraliżmu effettiv, sabiex il-prosperità tinqasam b'mod iktar ugwali u sabiex jiġu indirizzati b'suċċess l-isfidi globali bħas-sigurtà, il-governanza ekonomika globali, l-ambjent u t-tnaqqis tal-faqar,

J.   billi relazzjoni ekonomika transatlantika koperattiva hija fl-interessi reċiproċi ta' l-UE u l-Istati Uniti u billi hemm bżonn ta' tmexxija politika konsistenti għat-tisħiħ tas-suq transatlantiku; għalhekk, jappoġġja lill-Presidenza Ġermaniża fl-isforzi tagħha biex fis-Samit li ġej tagħmel progress reali fit-tisħiħ sostanzjali ta' koperazzjoni regolatorja,

K.   billi s-Senat ta' l-Istati Uniti adotta unanimament riżoluzzjoni fid-9 ta' Diċembru 2006, li tħeġġeġ liż-żewġ imsieħba transatlantiċi biex jaħdmu flimkien sabiex isaħħu s-suq transatlantiku u biex juru sens ta' tmexxija fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' l-2007 billi jaqblu biex jistabbilixxu data biex jiġi finalizzat is-suq transatlantiku,

L.   billi s-servizzi finanzjarji huma kwistjonijiet ewlenin għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti; billi iktar koperazzjoni msaħħa, konverġenza regolatorja u kundizzjonijiet indaqs bejn l-Istati Uniti u l-UE fir-Regolament dwar servizzi finanzjarji huma fl-interess taż-żewġ partijiet,

Kwistjonijiet politiċi, ta' sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-klima mtejba tar-relazzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Uniti fuq bażi ugwali; jemmen li dan l-isfond pożittiv joffri opportunitajiet serji għall-UE u l-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien mill-qrib fuq firxa wiesgħa ta' sfidi tal-politika ta' interess komuni, b'mod speċjali fl-approċċ komuni lejn il-Balkani tal-Punent, ir-reġjun tal-Kawkażja t'Isfel, l-Ażja Ċentrali, il-Lvant Nofsani, l-Afghanistan, il-Mediterran, l-Amerika Latina u l-Afrika;

2.  Jistieden lill-Kunsill u lill-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani sabiex jibdew negozjati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani għal soluzzjoni ta' paċi komprensiva bbażata fuq żewġ Stati sikuri u vijabbli; jappoġġja t-talba tal-Kwartett għall-kontinwazzjoni ta' għajnuna internazzjonali għall-poplu Palestinjan; huwa ta' l-opinjoni li għandu jsir kull sforz sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni fil-Libanu; jilqa' b'sudisfazzjon it-tnedija mill-ġdid tal-Pjan adottat mil-LAS fis-Samit ta' Riyahd; jilqa' l-formazzjoni tal-gvern ta' unità nazzjonali Palestinjan u jħeġġeġ liż-żewġ imsieħba transatlantiċi jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv miegħu, b'kunsiderazzjoni għall-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jilqa" b'sodisfazzjon iż-żjarat riċenti f'Damasku minn politiċi importanti Amerikani u Ewropej; jitlob għal azzjoni konġunta ta' l-UE u l-Istati Uniti sabiex jevalwaw ir-rieda bla kundizzjoni tas-Sirja li terġa" tibda n-negozjati ma" l-Iżrael u li tikkopera b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali;

4.  Jilqa' l-koperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-kwistjoni nukleari Iranjana, u jħeġġeġ liż-żewġ imsieħba biex ikomplu l-koperazzjoni fit-tisħiħ ta' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Ekonomika (IAEA) u fl-istabbiliment ta' sistema komprensiva ta' ftehimiet internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni ta' armamenti għall-qerda tal-massa sabiex isaħħu t-Trattat ta' Non-Proliferazzjoni b'mod konġunt bħala element ewlieni fil-prevenzjoni tal-firxa ta' l-armamenti nukleari;

5.  Jiddeplora l-aħbar ta' l-Iran li għandu l-intenzjoni li jibda l-arrikkiment ta' l-uranju fuq skala industrijali minħabba li pass bħal dan minn dak il-pajjiż jikkontradixxi b'mod dirett it-talbiet ripetuti tal-Bord tal-Gvernaturi IAEA u t-talbiet li jorbtu fuq l-Iran mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fir-Riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1747 (2007), sabiex jissospendi l-attivitajiet kollha relatati ma' l-arrikkiment;

6.  Jemmen li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni ta' l-armi għall-qerda tal-massa jibqgħu l-ikbar sfidi tas-sigurtà għaż-żewġ imsieħba; għalhekk jisħaq fuq il-bżonn taż-żewġ naħat li jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom f'dan il-qasam u li jappoġġjaw l-irwol li n-NU jrid ikollha fil-ġlieda għaż-żewġ sfidi;

7.  Jemmen li hemm il-ħtieġa li wieħed jiddefinixxi, flimkien ma' l-Istati Uniti, qafas konġunt biex jissalvagwardja l-garanziji meħtieġa fis-sħubija speċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jista' wkoll ikollu x'jaqsam ma' l-aspetti kollha marbuta mal-moviment ħieles ta' persuni bejn l-UE u l-Istati Uniti; iqis li, f'din il-perspettiva, il-kuntatti bejn il-Parlament u l-Kungress għandhom jissaħħu;

8.  Jirrikonoxxi li l-iskambju ta' dejta u informazzjoni huwa għodda prezzjuża fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-kriminalità relatata miegħu, iżda jisħaq li garanziji b'saħħithom ta' ħarsien tad-dejta jiffaċilitaw l-iskambju tad-dejta filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien tal-privatezza, u li f'kull każ jeħtieġ li, skambju ta' dejta bħal dan ikun ibbażat fuq ftehima jew ftehimiet internazzjonali bi struttura simili għal dik tal-ftehima bejn il-KE u l-Istati Uniti dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u fl-estradizzjoni, li bħalissa qed tiġi evalwata mill-Kungress ta' l-Istati Uniti;

9.  Jiddispjaċih bil-qawwa li l-ftehimiet dwar ir-Reġistri ta' l-Ismijiet tal-Passiġieri, ls-SWIFT u l-eżistanza tas-Sistema Awtomatizzata ta' Identifikar ta' l-Istati Uniti wasslu għal sitwazzjoni ta" inċertezza legali fir-rigward tal-garanziji neċessarji ta" ħarsien tad-dejta għall-iskambju u t-trasferiment ta' dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika u, b'mod partikulari, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza li d-dejta għandha tiġi skambjata fejn meħtieġ skond il-ftehima attwali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-għajnuna legali u l-estradizzjoni reċiproka i f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tad-data tal-KE u ta" l-UE; jemmen li l-iskambju ta' dejta personali jrid isir fuq bażi legali propja, marbuta ma' regoli u kundizzjonijiet ċari u trid tkunu koperta minn protezzjoni adegwata tal-privatezza u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini individwali;

10.  Jitlob lill-Istati Uniti u l-pajjiżi l-oħra kollha li jużaw viżas għad-dħul f'ċertu Stati Membri ta' l-UE biex ineħħu immedjatament ir-reġim tal-viża u biex jittrattaw iċ-ċittadini kollha ta' l-Istati Membri ta' l-UE b'mod ugwali; jiddispjaċih dwar l-inklużjoni ta' "klawżola għall-iskambju ta' informazzjoni" addizzjonali (klawżola PNR) fit-tibdiliet proposti għall-Programm għat-Tneħħija tal-Viża ta' l-Istati Uniti;

11.  Jenfasizza l-fatt li ħafna mill-miżuri fil-proposta leġiżlattiva "Titjib fl-Att tas-Sigurtà ta" l-Amerka ta" l-2007", meta tiġi adottata mill-Kungress ta" l-Istati Uniti, se jkollhom impatt dirett fuq il-pajjiżi ta" l-UE, b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna koperazzjoni bejn il-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ħarsien tad-drittijiet u l-garanziji fundamentali;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn muri mill-Viċi President F. Frattini sabiex iniedi qafas ta' koperazzjoni Ewro-Atlantika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, b'regoli armonizzati dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistaqsi lill-Kummissjoni sabiex tkompli dawn l-isforzi u tinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament f'din l-inizjattiva;

13.  Jinnota l-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli li għadu kif inħoloq u li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u rappreżentanti governattivi tad-Dipartimenti tal-Ġustizzja u tas-Sigurtà tal-Patrija ta' l-Istati Uniti, li jikkostitwixxi l-qafas għad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà; Sabiex tingħata aktar legittimita demokratika lil dan id-djalogu, isejjaħ biex il-Parlament Ewropew ikun involut;

14.  Ifakkar ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament li jitolbu għall-għeluq taċ-ċentru ta' detenzjoni fil-Bajja ta'Guantánamo; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iħeġġu lill-Gvern ta' l-Istati Uniti biex isib mekkaniżmu jagħmilha faċli li d-detenuti jiġu akkużati jew jinħelsu skond il-liġi internazzjonali; huwa mħasseb minħabba l-fatt li l-eżistenza stess taċ-ċentru ta' detenzjoni fil-Bajja ta' Guantánamo qed tkompli tibgħat sinjal negattiv rigward kif il-ġlieda kontra t-terroriżmu qed titwettaq; Iħeġġeġ lill-Kunsill biex joħroġ dikjarazzjoni ċara u qawwija li titlob lill-Gvern ta' l-Istati Uniti biex itemm il-prattika ta' l-arresti straordinarji u r-rendimenti, u biex il-Gvern ta' l-Istati Uniti jintalab kjarifiki dwar l-eżistenza ta' ħabsijiet sigrieti barra mit-territorju ta' l-Istati Uniti;

15.  Ifakkar l-opinjoni li n-NATO, li tibqa' rabta importanti bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti u garanti tas-sigurtà Ewropea, għandha tiżviluppa l-potenzjal tagħha bħala forum transatlantiku għal dibattitu politiku fi sħubija vera bejn partijiet ugwali;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar l-istatus tan-negozjati fil-Kosovo u jenfasizza l-bżonn li jinstab eżitu bilanċjat u vijabbli dwar l-istatus futur tiegħu; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet sabiex jużaw is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li għandu jsir fit-30 ta' April 2007 f'Washington biex japprovaw il-kunsens tagħhom tal-Pjan Ahtisaari u biex ikomplu d-djalogu tagħhom mal-partijiet konċernati kollha; għal dan il-għan jirrakkomanda relazzjoni eqreb tas-sigurtà bejn in-NATO u l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Kosovo fejn l-UE se tieħu r-responsabbiltà tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet fil-Kosovo f'idejha filwaqt li se jibqgħu hemm madwar 16,000 suldat tan-NATO; jemmen li sħubija ta' l-UE-US iżjed b'saħħitha trid tikkomplimenta, iżjed milli tfixkel, din ir-relazzjoni;

17.  Jistieden lill-Istati Uniti biex tirdoppja l-isforzi tagħha biex tikkonsulta u tispjega s-sistema ppjanata tad-difiża bil-missili fin-NATO sabiex tippermetti lill-Alleanza u lill-Ewropa biex jibqgħu magħqudin, biex jirreżistu pressjoni barranija u jevitaw milli jinqasmu f'inħawi ta' sigurtà differenti; jisħaq l-importanza li jitfittxu l-konsultazzjonijiet dwar is-sistema fil-Kunsill NATO-Russja; Jisħaq li s-sistema ta' l-Istati Uniti għandha tkun koordinata u interoperabbli mas-sistema tan-NATO tad-Difiża bil-Missili Ballistiċi ta' Firxa Usa' (Theatre Ballistic Missile Defence)(TBMD);

18.  Jistieden lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Gvern ta" l-Istati Uniti sabiex jagħtu x'jifhem lill-President tal-Bank Dinji, Paul Wolfowitz li r-riżenja tiegħu mill-kariga tkun pass mixtieq sabiex jiġi evitat li tiddgħajjef il-politika tal-Bank kontra l-korruzzjoni;

Kwistjonijiet Ekonomiċi u Kummerċjali

19.  Jenfasizza li waqt is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu jingħata impetus ġdid lir-relazzjonijiet transatlantiċi billi tiġi aġġornata l-Aġenda Transatlantika l-Ġdida;

20.  Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill Ewropew biex tniedi Sħubija Ekonomika Translatlantika Ġdida, bi pjan direzzjonali għall-kisba ta' suq transatlantiku mingħajr xkiel, biex tissaħħaħ il-pożizzjoni taż-żewġ imsieħba fil-kompetizzjoni globali u biex jużaw aħjar il-potenzjal ta' l-ekonomiji tagħhom, mingħajr ma jiddgħajfu n-negozjati multilaterali tal-kummerċ inkluż id-Doha Round;

21.  Jitlob lill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika biex jużaw is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti biex iniedu n-negozjati ta' Ftehima ta' Sħubija Transatlantika ġdida, inkluż suq transatlantiku msaħħaħ bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jkopri l-investiment, il-proprjetà intelletwali, l-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku u r-relazzjoni bejn il-kummerċ u sigurtà; jistieden liż-żewġ imsieħba biex iniedu negozjati dwar Ftehima dwar Koperazzjoni Regolatorja effettiva, inklużi metodoloġiji komuni, miżuri biex jiġu minimizzati diverġenzi regolatorji futuri, trejdjunjins u gruppi tal-konsumaturi; iħeġġeġ sabiex il-leġiżlaturi fuq iż-żewġ naħat ikunu involuti sistematikament fin-negozjati;

22.  Jinsisti li n-negozjati dwar suq transatlantiku mingħajr ostakli m'għandux iwassal għal armonizzazzjoni fuq livell aktar baxx ta' l-istandards soċjali, ambjentali u tas-saħħa u għandhom iżommu l-awtonomija u l-integrità tal-politika tal-kompetizzjoni ta' l-UE u r-regoli tagħha dwar il-ħarsien tas-servizzi pubbliċi u d-diversità kulturali;

23.  Jinsab imħasseb dwar l-impatt potenzjalment perikoluż tad-defiċit li qed jikber tal-kont kurrenti federali ta' l-Istati Uniti fuq l-ekonomija globali u l-istabilità tas-swieq internazzjonali tal-munita; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-imsieħba biex jikkommettu ruħhom ħalli jevitaw żbilanċi eċċessivi li jiggravaw l-iżbilanċi internazzjonali;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-presidenza Ġermaniża tal-G8 li tpoġġi l-problema tar-regolazzjoni tas-suq internazzjonali tal-kapital fuq l-aġenda għas-samit li jmiss tal-G8; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Istati Uniti ħabbret unilateralment prinċipji ġodda għall-fondi ta' kapital (capital pools) privati bbażati fuq miżuri ta' trasparenza li ma jorbtux. jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura drittijiet ekwivalenti ta' pussess fit-territorji ta' xulxin għall-intrapriżi. jemmen bis-sħiħ li għandu jkun hemm djalogu dwar il-fondi ta' lqugħ u l-ekwitajiet privati minħabba r-riskju sistematiku li l-attivitajiet tagħhom jirrappreżentaw, u d-dibattitu li dejjem qed jikber dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi usa" tagħhom. jitlob lill-Kummissjoni tindika x'se tagħmel f'dan ir-rigward, b'kunsiderazzjoni li l-Istati Uniti qed tipprepara l-proposti. ifakkar li żewġ terzi mill-fondi ta' lqugħ u l-fondi azzjonarji privati huma bbażati f'ċentri 'off-shore', u għalhekk jitlob li jiġu evalwati l-implikazzjonijiet fiskali tagħhom;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-konverġenza tal-prattiki ta' sorveljanza fir-rigward tal-konsolidazzjoni transatlantika tal-boroż. itenni t-talba tiegħu, għalhekk, għat-titjib tad-Djalogu Regolatorju dwar is-Swieq Finanzjarji permezz ta' reviżjoni tal-politika kull sentejn, tas-servizzi finanzjarji transatlantiċi qabel u wara kull samit annwali bejn l-UE u l-Istati Uniti; iħeġġeġ lis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex jaqbel dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' standards tal-kontabilità, ibbażati fuq sorveljanza regolatorja li wieħed jista' jserraħ fuqha; jenfasizza l-importanza, min-naħa ta' l-Istati Uniti, ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehima ta' Basel II dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u tar-rikonoxximent ta' l-Istandards Internazzjonali ta" Rappurtaġġ Finanzjarju min-naħa tal-Kummissjoni għat-Titoli u l-Kambju; itenni b'dispjaċir il-ħtieġa li l-assiguraturi ta' l-UE fl-Istati Uniti jikkollegaw ir-riskji bis-sħiħ, billi jiffaċċjaw regoli ta' l-Istati li huma diskriminatorji ħafna; għalhekk jistieden lis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex jaqbel dwar aktar rikonoxximent reċiproku transatlantiku u s-solvenza u r-rekwiżiti ta' l-irrappurtar uniformi; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-inkorporazzjonijiet (mergers) transatlantiċi u/jew ix-xiri ta' boroż jew ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra ma jwasslux, direttament jew indirettament, sabiex il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki ta' sorveljanza ta' l-Istati Uniti jiġu imposti unilateralment fl-UE;

26.  Jistieden liż-żewġ partijiet sabiex jikkonkludu b'suċċess l-Aġenda ta' Doha dwar l-Iżvilupp tad-WTO b'rispett sħiħ tad-dimensjoni ta' l-iżvilupp; għalhekk iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex fis-Samit ta' l-2007 jiddikajaraw l-impenn sħiħ tagħhom favur pass pożittiv 'il quddiem sas-sajf ta' l-2007; u sabiex, barra mill-għanijiet tagħhom rigward l-aċċess għas-suq u s-servizzi, jaqblu dwar strateġija konġunta dwar il-promozzjoni, fid-WTO u fi ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ, ta' standards bażiċi ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol li jistgħu jiġu infurzati; sabiex jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur is-sussidji 'Green Box' fl-agrikultura, flimkien ma' strateġija komuni dwar it-transkonformità, il-bijofjuwils, il-benesseri ta' l-annimali, is-saħħa ta' l-annimali u l-influwenza tat-tjur; u sabiex jenfasizzaw l-importanza tal-ftehima bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-inbid;

27.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiddiskutu mas-sħab transatlantiċi kif jagħmlu progress fil-kwistjoni ta' l-aċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mediċini, u biex jopponu bil-qawwa l-inizjattiva ta' l-Istati Uniti li tinkludi fil-ftehimiet bilaterali kollha negozjati mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw klawsoli li bihom dawk il-pajjiżi jirrinunzjaw għall-użu tad-dispożizzjoni tal-Ftehima ta' Doha li tippermettilhom jipproduċu jew jimportaw mediċini ġeneriċi meħtieġa biex jaffrontaw problemi pubbliċi kbar ta' saħħa (AIDS, tuberkulożi, eċċ); madankollu huwa mħasseb li l-ħsieb tal-Kungress li jawtorizza l-importazzjoni parallela tal-mediċini mill-Istati Membri ta' l-UE tista' toħloq ostakli għad-disponibiltà tagħhom għall-pazjenti ta' l-UE u tista' tiffavorixxi l-iffalsifikar; għalhekk isaqsi lill-UE biex tqajjem din il-kwistjoni waqt is-Samit li ġej;

28.  Iqis li l-UE u l-Istati Uniti, li jirrappreżentaw 38% tal-konsum dinji ta' l-enerġija, għandhom ikunu minn ta' quddiem permezz ta' sforzi konġunti sabiex jiżviluppaw il-produzzjoni ta' enerġija alternattiva u l-effiċjenza ta' l-enerġija; jitlob għalhekk liż-żewġ imsieħba biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar l-enerġija, is-sigurtà ta' l-enerġija u s-sostenibiltà ambjentali biex jistabbilixxu suq globali, stabbli u prevedibbli għall-enerġija bbażat fuq ir-regoli tas-suq u biex ifittxu li jinkludu dispożizzjonijiet li jiggvernaw il-kummerċ ta' l-enerġija fir-regolamenti tad-WTO;

29.  Jinsisti, f'dan il-kuntest, fuq ir-responsabilità speċifika ta' pajjiżi żviluppati biex ikunu minn ta' quddiem fit-tnaqqis ta' emissjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Uniti biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-ratifika tal-Protokoll ta' Kyoto; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Uniti biex jieħdu miżuri domestiċi qawwija li jwasslu għal tnaqqis assolut ta' emissjonijiet, u biex jassumu rwol attiv f'negozjati internazzjonali futuri bil-ħsieb ta' parteċipazzjoni fis-sistema tal-bidla fil-klima tal-ġejjieni; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi reġjonali 'cap-and-trade' fl-Istati Uniti u attivitajiet fil-livell ta' stat li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri effettivi sabiex inaqqsu l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima; jitlob biex it-tibdil fil-klima jiġi diskuss regolarment fil-livell tad-delegazzjonijiet interparlamentari u fil-kuntest tad-Djalogu Leġiżlattiv Transatlantiku;

30.  Jistenna li s-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti jipprepara t-triq għal ftehima tas-Samit G8 f'Ġunju għat-twaqqif ta' reġim post-Kyoto dwar l-emmissjonijiet li jkun jinvolvi lill-Istati Uniti u ekonomiji emerġenti ewlenin bħaċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja, il-Messiku, l-Afrika t'Isfel u l-Indonesja, u li jinkludi, fost kwistjonijiet oħra, sistema effettiva tal-kummerċ ta' l-emissjonijiet tal-karbonju u l-promozzjoni ta' teknoloġiji ġodda;

31.  Jilqa' l-Istrateġija Konġunta ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar id-Drittijiet tal-Propjetà Intelletwali adottata fis-Samit ta' l-2006 bejn l-UE u l-Istati Uniti; jirrakkomanda li jiġi rivedut il-proċess ta' riforma tal-brevetti fuq taż-żewġ naħat;

32.  Jerġa' jġedded it-talba tiegħu lill-Kummissjoni(3) biex tinvestiga, bħala fatt urġenti, il-fatt li l-kumpaniji u s-setturi ta' l-UE b'operazzjonijiet fl-Istati Uniti mhux koperti mill-ftehima Safe Harbour jistgħu preżentament jiġu mġiegħla jagħmlu d-dejta personali disponibbli għall-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti, b'mod partikolari fergħat ta' l-Istati Uniti f'banek Ewropej, kumpaniji ta' l-assigurazzjoni, istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u fornituri ta' servizzi tat-telecoms;

33.  Iħeġġeġ lill-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti u lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex waqt is-Samit li jmiss jiffirmaw il-Ftehima għat-Trasport ta' l-Ajru tat-2 ta' Marzu 2007 bejn l-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea bħala l-ftehima fl-ewwel stadju għall-kooperazzjoni l-ġdida bejn l-Istati Uniti u l-UE fiz-Zona importanti ħafna ta' l-Avjazzjoni Transatlantika; jispera li l-Istati Uniti tirratifika din il-ftehima u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex kemm jista' jkun malajr jibdew in-negozjati tal-ftehima fit-tieni stadju;

34.  Jistieden lill-imsieħba Ewropej u Amerikani biex iqisu fir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom l-irwol u l-karatteristiċi speċjali ta' l-oqsma kulturali u edukattivi;

Qafas istituzzjonali u l-irwol tal-Parlament

35.  Jenfasizza li huwa biss l-involviment usa' fil-livelli kollha tal-Kungress, tal-Parlament Ewropew li jista' jwassal biex verament jissaħħaħ il-proċess kollu u li l-iskambju eżistenti interparlamentari għandu gradwalment jinbidel f''Assemblea Transatlantika" de facto;

36.  Jitlob lis-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jappoġġja d-dimensjoni parlamentari tas-sħubija transatlantika u biex isaħħaħ l-irwol tal-leġiżlaturi fid-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, u biex tinvolvi aktar mill-qrib lis-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku;

37.  Jisħaq l-impenn tiegħu biex ikompli jikkontribwixxi għas-saħħa u l-istabilità tas-Sħubija Transatlantika permezz ta' l-indħil tiegħu fid-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi; jappoġġja l-isforz biex tiġi stabbilita sistema leġiżlattiva ta" twissija minn kmieni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress ta' l-Istati Uniti;

38.  Iħeġġeġ lis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex jifthiem dwar livell xieraq ta' parteċipazzjoni parlamentarja fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti u jitlob li jkun hemm laqgħa qabel kull Samit bejn id-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi u l-Grupp ta' Livell Avvanzat sabiex isir skambju ta' opinjonijiet dwar il-progress tal-Programm ta' Ħidma u l-preparazzjonijiet għas-Samit; itenni l-bżonn li jinħoloq qafas parlamentari istituzzjonali stabbli;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiddiskuti l-istrateġija tagħha dwar in-negozjar mal-kumitati rilevanti tal-PE qabel tidħol fin-negozjati ma' l-entitajiet ekwivalenti fl-Istati Uniti, meta dawn in-negozjati jittrattaw kwistjonijiet leġiżlattivi;

40.  Jistieden lill-kumitat rilevanti sabiex juża l-baġit tas-sena 2007 sabiex jipprovdi l-fondi meħtieġa għat-twaqqif ta' bażi uffiċjali tal-Parlament Ewropew f'Washington DC li tiżgura istituzzjonaliżmu xieraq ta' l-attivitajiet tal-Parlament stess u tippermetti relazzjoni mtejba bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress ta' l-Istati Uniti;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

(1) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 226.
(2) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 235.
(3) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar SWIFT, il-ftehima PNR u d-djalogu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet, Testi Adottati, P6_TA(2007)0039

Avviż legali - Politika tal-privatezza