Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2277(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0075/2007

Testi mressqa :

A6-0075/2007

Dibattiti :

PV 26/04/2007 - 5
CRE 26/04/2007 - 5

Votazzjonijiet :

PV 26/04/2007 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0160

Testi adottati
PDF 229kWORD 75k
Il-Ħamis, 26 ta' April 2007 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità fl-UE
P6_TA(2007)0160A6-0075/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilitajiet fl-Unjoni Ewropea (2006/2277(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet adottata fit-13 ta' Diċembru 2006 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Manifest tan-Nisa b'Diżabilità fl-Ewropa adottat fit-22 ta' Frar 1997 mill-Forum Ewropew tad-Diżabilitajiet,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra s-Sena Ewropea għal Opportunitajiet Indaqs (2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Opportunitajiet Indaqs għall-Persuni b'Diżabilitajiet: Pjan ta' Azzjoni Ewropew" (COM(2003)0650),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is Sessi (A6-0075/2007),

A.   billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (il-Konvenjoni) tirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet b'diżabilità normalment huma iktar esposti għar-riskju, fid-dar u barra mid-dar, ta' vjolenza, korriment u abbużi, abbandun jew trattament traskurat, maltrattament jew sfruttament,

B.   billi l-Konvenzjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi inkorporata il-perspettiva ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isforzi kollha għall-promozzjoni tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali mill-persuni b'diżabilitajiet,

C.   billi l-Konvenzjoni tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni kollha b'diżabilitajiet, u li għandhom biżżejjed età biex jiżżewġu, li jiżżewġu u jibdew familja,

D.   billi madwar 80% tan-nisa b'diżabilitajiet huma vittmi ta' vjolenza psikoloġika u fiżika u billi r-riskju ta' vjolenza sesswali hu akbar għal dawn in-nisa milli għal oħrajn; billi fil-ħajja tan-nisa b'diżabilità l-vjolenza mhix biss fenomenu frekwenti f'ħajjithom, imma hija ġieli l-oriġini innifisha tad-diżabilità tagħhom,

E.   billi l-persuni b'diżabilitajiet jikkostitwixxu grupp ta" popolazzjoni diversifikat, u billi l-azzjonijiet maħsuba biex jappoġġawhom għandhom iqisu kemm id-diversità kif ukoll il-fatt li xi gruppi, bħan-nisa b'diżabilità, iħabbtu wiċċhom ma diffikultajiet addizzjonali u ma' aktar minn tip wieħed ta' diskriminazzjoni,

F.   billi, skond riċerka li twettqet fl-Istati Membri, huma b'mod partikulari l-ommijiet ta' tfal b'disabilita' li jieħdu passi (mediċi, edukattivi, amministrattivi, eċċ.) bil-għan li jidentifikaw id-diżabilità ta" uliedhom u li jsibu l-aħjar soluzzjonijiet biex jindirizzawha,

G.   billi r-responsabbiltà għal persuni b'diżabilità u dipendenti s-soltu jeħduha fuqhom in-nisa u dan ifisser, f'ċerti każi fejn m'hemmx faċilitajiet xierqa ta' kura, li jkollhom jitilqu mis-suq tax-xogħol,

H.   billi kemm l-istituzzjonijiet ta' l-UE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ta" l-Istati Membri jridu jieħdu azzjoni bl-għan li jiżguraw li l-ugwaljanza għal kulħadd tkun awtentika u effettiva, u billi jkun xieraq li s-Sena ta" l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007) isservi ta" katalista għal dan,

I.   billi n-nisa b'diżabilitajiet isofru minn aktar minn tip wieħed ta" diskriminazzjoni minħabba s-sess, ir-razza, l-infermità u d-diżabilità tagħhom u billi huma aktar fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali,

J.   billi t-trattament indaqs tan-nisa b'diżabilitajiet u ta" l-ommijiet ta" ulied b'diżabilitajiet huwa dritt tal-bniedem fundamentali u obbligu etiku,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu t-tneħħija ta' l-ixkiel u l-ostakli eżistenti, inkluż l-ixkiel arkitettoniku, sabiex tinħoloq ugwaljanza ta' drittijiet u opportunitajiet għan-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni fil-ħajja familjari, politika, kulturali soċjali u professjonali, b'mod partikolari permezz ta" implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u permezz ta użu aħjar ta' l-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi Komunitarji rilevanti u mill-Fond Soċjali Ewropew;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu b'mod sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilitajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fil-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, partikularment dawk li jirrigwardjaw l-ippjanar urban, l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, it-trasport, is-saħħa u s-servizzi soċjali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jappoġġaw lin-nisa b'diżabilitajiet sabiex ikunu jistgħu jimxu 'l quddiem f'dawk l-oqsma tal-ħajja soċjali, professjonali, kulturali u politika li fihom għadhom m'humiex rappreżentati biżżejjed;

4.  Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex jippromwovu u jiffinanzjaw, b'riżorsi xierqa, b'politiki innovattivi u b'servizzi li jindirizzaw is-sessi u d-diżabilità, b'mod partikulari rigward l-assitenza personali, il-mobilità, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja, ix-xogħol, il-ħajja indipendenti u s-sigurtà soċjali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw leġiżlazzjoni u politiki effettivi li jiffokaw fuq in-nisa u t-tfal, li jiżguraw li każi ta" sfruttament, vjolenza u abbuż sesswali kontra persuni b'diżabilitajiet – fil-post fejn ikunu joqogħdu jew barra minnu – jiġu identifikati u investigati u, fejn ikun xieraq, jittieħdu passi bil-liġi; jissuġġerixxi li, f'dak il-kuntest, tingħata attenzjoni partikulari lin-nisa b'diżabilitajiet li d-diżabilità tagħhom ma tkunx tħallihom jirrappreżentaw lilhom infushom, u li jitfasslu miżuri preventivi sabiex tiġi eliminata kull differenza f'dak li għandu x'jaqsam mad-dritt tan-nisa b'disabilita' u dak ta' nisa oħra rigward l-integrita' fiżika personali u l-espressjoni sesswali tagħhom;

6.  Jiddeplora l-fatt li huwa tliet darbiet aktar probabbli għan-nisa b'diżabilitajiet li jisfaw vittmi tal-vjolenza milli għan-nisa mingħajr diżabilitajiet, u għaldaqstant jagħmel stedina biex il-Programm Daphne jintuża wkoll biex tiġi miġġielda vjolenza ta" dan it-tip;

7.  Jenfasizza l-importanza li tiġi miġġielda b'mod attiv is-segregazzjoni mit-tfulija 'l quddiem tan-nies b'diżabilitajiet;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-proġetti pilota u l-proċeduri ppruvati u misjuba tajbin għal stabbilimenti integrattivi mill-kindergarten, l-iskola u t-taħriġ sal-ħajja professjonali;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tieħu l-passi kollha possibbli, inkluża azzjoni leġiżlattiva, biex tintegra s-sistema ta" għajnuna u tagħmel disponibbli aktar finanzjament għan-nisa u t-tfal b'diżabilitajiet;

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw in-nuqqas ta" sanita' adatta għan-nisa b'diżabilitajiet billi jipprovdu staff mediku speċjalizzat u infrastrutturi xierqa;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien ma" l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tinvestiga l-problemi partikulari rigward l-assistenza tas-saħħa u dik medika li jiltaqgħu magħhom in-nisa b'diżabilitajiet, b'attenzjoni fuq il-prevenzjoni u t-tagħrif;

12.  Iqis li hemm relazzjoni bejn li wieħed ikollu diżabilità u livell aktar baxx ta' studju milħuq u r-riperkussjonijiet ta' dan aktar tard fir-rati tax-xogħol fost il-persuni b'diżabilità;

13.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-nisa b'diżabilitajiet jilħqu livelli ta' studju aktar baxxi, u li għalhekk ikollhom aktar problemi biex jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol, biex jibqgħu fih u biex jiġu promossi fih; jenfasizza li l-persuni b'diżabilità għandu jkollhom l-istess possibilitajiet li jistudjaw u d-dritt ta' aċċess għas-suq tax-xogħol bl-għan li jkunu jistgħu jappoġġaw lilhom infushom; huwa tal-fehma li jkun xieraq li n-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet ikunu wkoll inkuraġġiti biex ifittxu l-edukazzjoni u x-xogħol fuq il-bażi tar-riżorsi u l-interessi tagħhom aktar milli fuq il-bażi tan-nuqqasijiet tagħhom;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawwmu l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta" l-aċċess universali fejn jidħlu l-ambjent, il-prodotti u s-servizzi, sabiex in-nisa b'diżabilitajiet ikunu jistgħu jgawdu mill-akbar awtonomija possibbli;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, minħabba l-fatt li f'bosta sitwazzjonijiet il-faċilitajiet tat-Teknoloġiji ta" l-Informatika u tal-Komunikazzjoni (ITC) huma strument fundamentali għall-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità, ifasslu miżuri xierqa sabiex tiġi eliminata d-distinzjoni diġitali bejn is-sessi, sabiex in-nisa b'diżabilitajiet ikunu jistgħu jkollhom aċċess għall-faċilitajiet ta" l-ITC u jibbenefikaw minnhom b'kundizzjonijiet daqs dawk ta" l-irġiel;

16.  Jemmen li, bil-ħsieb li jitjieb l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuni b'diżabilitajiet, biex ikunu jistgħu jsiru aktar attivi u biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom, ikun xieraq li jsir użu mill-inċentivi kollha possibbli, inklużi l-inċentivi tat-taxxa, sabiex dawk li jħaddmu jitħeġġu sabiex jimpjegaw persuni b'diżabilitajiet u biex jadattaw il-ħinijiet tax-xogħol skond il-ħtiġijiet tal-ġenituri li jkunu qed irabbu tfal b'diżabilitajiet;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fl-isforzi tagħhom biex iżidu t-tħaddim ta" nisa b'diżabilitajiet, ma jħallux li ssir diskriminazzjoni minn min iħaddem b'konnessjoni ma' l-impjieg ta" nisa b'diżabilitajiet;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu il-prinċipju ta' "flessibilità" fl-oqsma marbuta mad-diżabilità, peress li kull persuna b'diżabilità jkollha bżonnijiet differenti, sabiex, f'komunità b'diversitajiet ta' ċittadini l-għajnuniet ikunu jistgħu jiġu adattati għal kull sitwazzjoni individwali;

19.  Iqis li l-miżuri maħluqa jkunu mmirati lejn integrazzjoni ikbar;

20.  Ifakkar li huma n-nisa li, fil-biċċa l-kbira tal-każi, jieħdu ħsieb in-nies b'diżabilitajiet, u għalhekk huwa tal-fehma li huwa neċessarju li jiġu żviluppati miżuri sabiex jinħoloq għarfien soċjali bil-għan li jiġi żgurat li anki l-irġiel ikunu mdaħħla f'dan ix-xogħol;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifittxu li r-responsabbiltà li wieħed jieħu ħsieb il-persuni b'diżabilitajiet u dik għall-parteċipazzjoni tagħhom, jagħmluha responsabbiltà tas-soċjetà kollha kemm hi aktar milli tal-familji tal-persuni kkonċernati u biex iqisu, meta jfasslu l-politiki, id-dedikazzjoni partikulari tan-nisa li huma responsabbli minn persuni b'diżabilitajiet, u s-sitwazzjoni tal-persuni, ta' spiss il-qraba, li jieħdu responsabbiltà għall-persuni b'diżabilitajiet; huwa tal-fehma li huwa importanti li wieħed jenfasizza l-fatt li dan ix-xogħol prinċipalment jagħmluh in-nisa u li għaldaqstant in-nisa huma affettwati b'mod partikulari mit-tnaqqis fis-servizzi ta" l-assistenza pubblika, kemm bħala persuni mħallsin biex jieħdu ħsieb ħaddieħor kif ukoll bħala qraba;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu l-miżuri meħtieġa biex tingħata assistenza lix-xogħol tal-familji u l-organizzazzjonijiet li jgħinu kemm lil persuni b'diżabilitajiet kif ukoll lill-familji tagħhom;

23.  Huwa tal-fehma li hu neċessarju li jitressqu proposti dwar modi kif jiġu stabbiliti diversi miżuri ta" appoġġ sabiex kemm il-persuni b'diżabilitajiet kif ukoll il-familji tagħhom ikunu jistgħu jkollhom ħajja normali bħall-persuni mingħajr diżabilitajiet u l-familji tagħhom, kif ukoll miżuri ta' appoġġ għal dawk – spiss qraba – li jieħdu fuq spallejhom ir-responsabbiltà ekonomika u soċjali għal persuni b'diżabilitajiet, li għalihom ta' spiss jiddedikaw ħinhom kollu, responsabilità li tiżolahom u teħtieġ appoġġ fuq diversi livelli; jinnota li, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, in-nisa jġorru parti kbira minn tali responsabiltajiet, kemm dawk imħallsa kif ukoll dawk li m'humiex; huwa tal-fehma li huwa evidenti minnu nnifsu li dan m'hux xogħol li primarjament għandu jsir minn sess jew ieħor u li jkun xieraq li l-idea li din hija responsabbiltà tan-nisa tiġi miġġielda b'mod attiv;

24.  Jipproponi li l-Istati Membri jarmonizzaw ir-regolamenti muniċipali li jirregolaw l-ipparkjar għad-diżabbli u li jikkunsidraw li jnaqqsu n-nollijiet tat-trasport għal dawk li jkunu qed jakkumpanjaw lil persuni diżabbli;

25.  Hu tal-fehma li wieħed mill-għanijiet prinċipali li l-Unjoni Ewropea għandha timmira li tilħaq huwa t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità u tal-familji tagħhom u l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-media tissaħħaħ il-viżibilità tan-nisa b'diżabilitajiet u tittejjeb l-impressjoni li tingħata dwarhom, u dan iwassal biex il-pubbliku ġenerali jsir jaf aktar dwar il-ħajja ta" kuljum tagħhom u jingħatawlhom opportunitajiet akbar biex jesprimu lilhom infushom u jieħdu sehem fil-ħajja soċjali u politika;

27.  Jisħaq fuq kemm hu importanti li l-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt evidenti minnu nnifsu tan-nisa b'diżabilitajiet għall-espressjoni sesswali tagħhom infushom u d-dritt tagħhom li jibdew familja;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu leġiżlazzjoni li tiżgura ħajja indipendenti għan-nisa u l-irġiel b'diżabilità, b'mod li wieħed jirrikonoxxi li din hija dritt fundamentali li jrid jiġi rrispettat;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti b'diżabilitajiet japprofittaw mill-kondizzjonijiet neċessarji għall-indipendendenza u d-determinazzjoni awtonoma tagħhom u biex, filwaqt li jagħmlu dan, jiddedikaw attenzjoni speċjali għall-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza;

30.  Jirrikonoxxi li, anki fir-rigward ta" servizzi dwar il-ħajja indipendenti u servizzi tas-saħħa eżistenti, in-nisa b'diżabilità jesperjenzaw diskriminazzjoni fejn jidħol l-aċċess;

31.  Jenfasizza l-irwol ta" l-edukazzjoni tat-tfal subien u bniet fil-bini tas-soċjetà tal-ġejjieni, u jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex tkun immirata biex tiżgura li d-diżabilità ma xxekkilhomx milli jipparteċipaw fis-soċjetà bl-istess drittijiet u opportunitajiet, sabiex titħeġġeġ klima ta' koperazzjoni, integrazzjoni, u tqajjim ta' kuxjenza dwar id-diżabilità fl-iskejjel, peress li din ta' l-aħħar hi għodda indispensabbli biex issir realtà;

32.  Jisħaq fuq l-irwol importanti ta' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu man-nisa b'diżabilitajiet u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħinuhom;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar 'data' reċenti kklassifikata skond is-sessi dwar is-suġġett tad-diżabilità u li ssir riċerka li tuża l-indikaturi tas-sessi sabiex tiskopri s-sitwazzjoni reali tan-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet;

34.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-assistenza għas-saħħa riproduttiva tan-nisa b'diżabilitajiet, b'mod li jingħata kas ta" aspetti bħall-ippjanar tal-familja, is-servizzi tas-saħħa u l-informazzjoni dwar il-maternità, sabiex ikunu kapaċi jistabbilixxu relazzjonijiet li jkunu ġusti, responsabbli u sodisfaċenti;

35.  Huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-politika ta" l-UE tagħti lill-organizzazzjonijiet ta" min iħaddem, lill-'unions' tal-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi aktar inkuraġġiment biex ifasslu mezzi aktar effettivi biex jassistu lill-persuni b'diżabilitajiet;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-ħolqien ta" network għan-nisa b'diżabilitajiet madwar l-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi kandidati, b'mod li tippermetti l-iskambju ta" l-aħjar prassi, il-bini tal-kapaċità u r-responsabilizzazzjoni;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess tan-nisa b'diżabilitajiet għall-medja awdjoviżiva ġdida;

38.  Ifakkar lill-Kummissjoni li għarfien fil-fond ta' din il-kwistjoni u tal-"mudell soċjali għad-diżabilità", msejjes fuq ix-xkiel soċjali kuntrarjament għall-"approċċ mediku għad-diżabilità" li jillimita ruħu biss għall-aspetti mediċi tad-diżabilità, jikkostitwixxi bażi xierqa biex jiġu provduti soluzzjonijiet, servizzi u appoġġ, biex jitfasslu politiċi, biex jiġu attribwiti riżorsi u biex titkejjel l-inċidenza tal-politiki fuq il-qagħda tal-persuni b'diżabilità;

39.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-kollaborazzjoni tagħhom biex tkun avvanzata u mtejba l-qagħda tan-nisa u l-bniet li jbatu minn kwalunkwe tip ta" diżabilità għandha importanza fundamentali;

40.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu mmirati biex jgħinu lil dawk li għandhom diżabilitajiet;

41.  Ifakkar fl-importanza ta' l-imsieħba soċjali, tan-negozju u tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikulari ta' l-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-ġenituri tat-tfal b'diżabilità fil-promozzjoni ta' l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għax-xogħol u t-taħriġ tul il-ħajja għal persuni b'diżabilitajiet, b'attenzjoni xierqa lejn il-ħtiġijiet speċjali tagħhom;

42.  Jirrikonoxxi x-xogħol ta" l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri, li normalment jinħolqu u jitmexxew minn ommijiet ta' tfal b'diżabilitajiet, li permezz ta" l-organizzazzjonijiet tagħhom u tas-siti tagħhom fuq l-Internet jiġbru tagħrif (dwar ċentri mediċi speċjalizzati, u dwar regolamenti dwar l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali, eċċ.) li bih jgħinu lil ġenituri oħra u joħolqu l-għarfien fost l-awtoritajiet pubbliċi;

43.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinfurmaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni dwar il-qagħda tan-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet fuq il-bażi tar-rapporti nazzjonali tagħhom u tal-miżuri adottati bi qbil mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta" kull forma ta" Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

44.  Huwa tal-fehma li jkun xieraq li d-diżabilitajiet jitqiesu bħala fenomenu naturali, li jagħmel parti mill-ħajja ta' kuljum, u mhux devjazzjoni minnha; jinnota li dejjem se jkun hemm ċittadini b'diżabilitajiet u li għaldaqstant huwa evidenti minnu nnifsu li d-diżabilità hija parti integrali mis-soċjetà;

45.  Jemmen li għandu jippromvovi hu stess żvilupp u sfruttament akbar tat-teknoloġija u tal-faċilitajiet sabiex jinqerdu l-ambjenti li huma ostili għall-persuni b'dizabilita'; huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-ħidma għall-iżvilupp tkun ibbażata fuq il-fatt li l-irġiel u n-nisa kultant ikollhom ħtiġijiet differenti;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta" l-għixien għall-bniet u s-subien u n-nisa u l-irġiel b'diżabilitajiet;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza