Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007 dwar in-negozjati ta' kuntratt ta' konċessjoni Galileo
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-iskjerament u l-fażijiet operattivi kummerċjali tal-programm Ewropew tal-programm ta' radju navigazzjoni bis-satellita (COM(2004) 0477), u l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-6 ta' Settembru 2005(1),
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda l-Istatuti ta' l-Intrapriża Konġunta Galileo annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 (COM(2006)0351), u l-pożizzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2006(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-twaqqif ta' strutturi għall-immaniġġjar tal-programmi Ewropej tar-radju navigazzjoni bis-satellita(3) u l-proposta mill-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda dan ir-Regolament (COM(2005)0190), u l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2006 dwar analiżi ġenerali tal-Programm Galileo,(5)
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill għat-Trasport, it-Telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija (TTE) dwar l-istat tan-negozjati tal-kuntratti ta' konċessjoni tat-22 ta' Marzu 2007,
– wara li kkunsidra d-dokumenti relevanti ppreżentati lill-Ministri TTE, bħall-ittra mill-Viċi President Barrot tal-Kummissjoni rigward l-istatus tan-negozjati ta' konċessjoni u r-rapport mill-President attwali tal-Kunsill rigward il-kwistjonijiet pendenti elenkati mill-konsorzju li għamel l-offerta,
– wara li kkunsidra l-mandat doppju mogħti mill-Kunsill TTE lill-Viċi President Barrot tal-Kummissjoni biex jippreżenta lill-laqgħa tal-Kunsill ta' Ġunju 2007 proposti biex jiżguraw l-objettivi finanzjarji pubbliċi fuq perjodu ta' żmien fit-tul u għal possibilitajiet alternattivi, fil-każ ta' falliment, biex ikomplu negozjati effettivi u b' limitu ta' żmien li jorbot mal-konsorzju li għamel l-offerta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
1. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Programm Galileo, inklużi s-servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita EGNOS bħala prekursur ta' Galileo, iżda huwa mħasseb serjament bil-fatt li n-negozjati ta' konċessjoni waqfu għal bosta xhur u li dewmien bħal dan se jkollu impatt sinifikattiv fuq l-ispiża ġenerali;
2. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2006, li stiednet lill-partijiet ikkonċernati fin-negozjati biex jilħqu ftehim b'mod kostruttiv; għalhekk, jilqa' l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Programm Galileo u l-konklużjonijiet tal-Kunsill TTE tat-22 ta' Marzu 2007, u jenfasizza l-importanza tal-partijiet ikkonċernati li jimplimentaw id-deċiżjonijiet milħuqa f'Diċembru 2005 ('l hekk imsejħa ftehim van Miert);
3. Jinnota li l-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-korpi konsultattivi ta' l-UE jappoġġjaw b'mod qawwi l-mandat ċar mogħti lill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Programm Galileo biex iressaq lill-Kunsill ta' Ġunju 2007, b'mod partikulari:
a.
pjan direzzjonali kredibbli biex jiġu konklużi kuntratti mill-aktar fis possibbli,
b.
soluzzjonijiet possibbli biex jiżguraw obbligi finanzjarji fuq perjodu ta' żmien twil,
c.
possibiltà għal dispożizzjoni mill-aktar fis possibbli ta' servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita EGNOS,
d.
possibilitajiet alternattivi għat-twettieq tal-programm, b'mod speċjali għal spejjeż, riskju u prezz li jkun possibbli li jitħallas;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi b'rittmu mgħaġġel fir-rigward tal-leġiżlazzjoni relatata mas-suq regolat, ibbażat fuq il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjonijiet tan-Navigazzjoni bis-Satellita, biex tiżgura pjan ta' negozju kredibbli;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq proposta - flimkien ma' l-Aġenzija ta' l-Ispazju Ewropea - kapaċi li ssolvi l-problema ta' tmexxija pubblika aħjar billi tiżgura responsabbiltà u tmexxija ċara min-naħa tal-Kummissjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-karatteristika Komunitarja tal-proġett, biex tirrispetta il-Ftehim ta' Qafas dwar relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(6) u, b'mod partikulari, il-paragrafu 19 tagħha dwar ir-relazzjonijiet esterni, u b'hekk biex tiżgura li l-Parlament ikun infurmat b'mod sħiħ bl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li tikkonkludi ftehim dwar is-sħubija assoċjata tagħhom għal parteċipazzjoni fl-Awtorità Superviżorja Galileo;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżentalu rapport ta' progress wieħed sa nofs Lulju 2007 u ieħor ferm qabel ma n-negozjati jilħqu l-punt ta' proposta riveduta għal bażi legali modifikata għal finanzjament tal-Programm Galileo ikun disponibbli;
8. Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li kwalunkwe dewmien ieħor għal dan il-proġett jibqa' f'livell minimu;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.