Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007dwar l-omofobija fl-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, fosthom notevolment il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat ta" l-Unjoni Ewropea (TEU) u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jorbtu lill-UE u l-Kommunita' rispettivament kif ukoll lill-Istati Membri biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u biex jipprovdu mezzi fuq livell Ewropej għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta" l-Unjoni Ewropea, speċjalment l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-KE biex tiġġieled l-omofobija u d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, b'mod partikulari d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol(1) u d-Deċiżjoni Nru 771/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 li tistabbilixxi is-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għall-Kulhadd (2007) - lejb soċjeta' ġusta(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki dwar l-antidiskriminazzjoni, u notevolment ir-riżoluzzjonijiet tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-omofobija fl-Ewropa(3), u tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Parlament immonitorja proliferazzjoni ta' diskors ta' mibegħda mmirat lejn il-lesbjani, il-gay, il-bisesswali u transesswali (LGBT) f'numru ta" pajjiżi Ewropej,
B. billi stqarrijiet u azzjonijiet minn mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom impatt kbir fuq l-opinjoni pubblika, għandhom responsabilità kbira li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għal ambjent ta" tolleranza u ugwaljanza,
C. billi din ir-riżoluzzjoni, bħar-riżoluzzjonijiet hawn fuq imsemmija ngħatat bidu minħabba l-proliferazzjoni ta' diskorsi ta' mibegħda u diversi avvenimenti inkwetanti oħra, bħall-projbizzjoni imposta minn awtoritajiet lokali biex isiru dimostrazzjonijiet ta' ugwaljanza u ta' l-omosesswali, l-użu minn politiċi importanti u minn mexxejja reliġjużi ta' kliem xewwiexi jew ta' theddid jew ta' diskors ta' mibegħda, u n-nuqqas tal-pulizija li jagħtu protezzjoni xierqa kontra dimostrazzjonijiet vjolenti minn gruppi omofobiċi, filwaqt li jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi wkoll,
D. billi dimostrazzjonijiet ta" l-ugwaljanza u avvenimenti ta" l-omosesswali huma ppjanati madwar l-Ewropa u d-dinja fix-xhur li ġejjin, filwaqt li hemm il-possibiltà ta" vjolenza fiżika kontra parteċipanti u organizzaturi, minkejja d-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà ta" l-espressjoni u ta" l-għaqda, kif imsemmi inter alia mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta" l-Ewropa,
E. billi Matteo, żagħżugħ ta' ċittadinanza Taljana ta" 16-il sena u li joqgħod Turin, ikkommetta suwiċidju u ħalla żewġ noti ta' suwiċidju bir-raġunijiet għas-suwiċidju tiegħu, jiġifieri l-ibbuljar li ffaċċja minħabba l-orjentament sesswali tiegħu; billi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Renju Unit innutaw żieda fil-każijiet ta" bbuljar omofobiku fi skejjel sekondarji madwar ir-Renju Unit; billi raġel omosesswali nqatel bis-swat fl-Olanda minħabba l-orjentament sesswali u l-apparenza ta" mara,
F. billi l-Parlament talab kemm-il darba biex jitlesta l-pakkett leġiżlattiv antidiskriminatorju bbażat fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, u għadu jitlob regolarment lill-Kummissjoni biex tniedi direttiva li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali fis-setturi kollha,
G. billi fir-Riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tal-15 ta' Ġunju 2006, il-Parlament diġà esprima t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa u notevolment fil-Polonja, u b'dan jikkundanna d-dikjarazzjonijiet ta" tixwix għall-vjolenza mill-mexxejja tal-Partit tal-Lega tal-Familji Pollakki u notevolment dawk tal-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni;
H. billi f'Marzu 2007 il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk ħabbar abbozz ta" liġi li tikkastiga l-"propaganda omosesswali" fl-iskejjel, u wera l-kontenut li għandha ddaħħal it-tkeċċija, il-multi jew il-ħabs għad-diretturi, l-għalliema u l-istudenti ta" l-iskejjel, fil-każ ta" "attiviżmu" għad-drittijiet tal-LGBT fl-iskejjel;
I. billi l-Viċi Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk ikkonferma li l-amministrazzjoni qed tfassal liġi bħal din u ddikjara li "l-għalliema li juru l-omosesswalità tagħhom jitkeċċew mix-xogħol"; billi diversi membri tal-Gvern Pollakk irreaġixxew b'modi differenti u b'hekk ħallewha diffiċli li wieħed jara jekk il-leġiżlazzjoni hix fil-fatt se tiġi proposta,
J. billi l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk esprima x-xewqa li jmexxi 'l quddiem l-adozzjoni ta" liġijiet simili fil-livell Ewropew;
K. billi l-leġiżlazzjoni proposta kellha l-appoġġ tal-Prim Ministru Pollakk li ddikjara li "li wieħed ikun qed jaqbeż il-limitu meta jippromwovi stil ta" ħajja omosesswali għaż-żgħażagħ fl-iskejjel bħala alternattiva għall-ħajja normali, u li għandhom jitwaqqfu dawn it-tipi ta" inizjattivi fl-iskejjel", u għaldaqstant qed tkun ippreżentata interpretazzjoni mgħawġa ta" l-edukazzjoni u t-tolleranza,
L. billi l-Ombudsman Pollakk għat-Tfal stqarret li qiegħda tħejji lista ta' xogħlijiet li għalihom l-omosesswali m'humiex adattati;
M. billi f'Ġunju 2006 l-uffiċċju tal-Prosekutur ta" l-Istat ordna kontrolli fuq l-iffinanzjar ta" organizzazzjonijiet LGBT b'rabta ma" "movimenti kriminali", kif ukoll dwar il-preżenza tagħhom fl-iskejjel, sabiex jinstabu traċċi ta" attivitajiet kriminali, mingħajr ebda riżultat,
N. billi fit-8 ta" Ġunju 2006 l-Gvern Pollakk keċċa l-kap taċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta" l-Għalliema u pprojbixxa t-tqassim ta" manwal uffiċjali dwar l-antidiskriminazzjoni tal-Kunsill ta" l-Ewropa, u billi l-kap il-ġdid taċ-Ċentru ddikjara fid-9 ta" Ottubru 2006 li "tendenzi mhux xierqa m'għandhomx ikunu preżenti fl-iskejjel, għaliex l-għan ta" l-iskola huwa li tkun spjegata d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, is-sabiħ u l-ikrah ...; l-iskola trid tispjega li l-prattiki omosesswali jwasslu għat-traġedja, għal sens ta' vojt u għad-deġenerazzjoni';
O. billi, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta" l-Ewropa Terry Davis, irreaġixxa għal dawn l-avvenimenti deskritti billi ddikjara li "l-Gvern Pollakk huwa liberu li jiddeċiedi jekk jixtieqx juża materjal tal-Kunsill ta" l-Ewropa għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, iżda jekk il-materjal għat-tagħlim huwa għażla, il-valuri u l-prinċipji f'dan il-materjal żgur li m'humiex" u esprima tħassib dwar "ċerti politiki li jippromwovu l-omofobija ... u li imġieba omofobika qed tkun aċċettata mill-gvern",
P. billi l-Gvern Pollakk ma ppermettiex ukoll l-iffinanzjar ta" proġetti sponsorjati minn organizzazzjonijiet tal-LGBT fil-qafas tal-Programm Ewropew għaż-Żgħażagħ, u wera din id-deċiżjoni f'ittra lil dawk l-organizzazzjonijiet billi ddikjara li "l-politika tal-Ministeru ma tappoġġjax azzjonijiet bil-għan li tixxerred l-imġiba omosesswali u attitudnijiet simili fost iż-żgħażagħ u l-irwol tal-Ministeru m'huwiex li jappoġġja l-koperazzjoni ma" organizzazzjonijiet ta' l-omosesswali",
Q. billi jidhru wkoll numru ta" żviluppi pożittivi, bħad-dimostrazzjoni omosesswali li rnexxiet f'Varsavja f'Ġunju 2006, id-dimostrazzjoni massiva għat-tolleranza u d-demokrazija f'Varsavja f'Novembru 2006 wara l-projbizzjoni ta" manifestazzjoni għat-tolleranza f'Poznan, il-protezzjoni tad-drittijiet ta" l-omosesswali fi Krakovja f'April 2007, u l-fatt li dimostrazzjonijiet omosesswali m'humiex aktar ipprojbiti b'mod sistematiku,
R. billi l-Parlament talab liċ-Ċentru Ewropew ta" Monitoraġġ għar-Razziżmu u l-Ksenofobija biex imexxi inkjesta dwar l-ambjent ta' intolleranza razzista, ksenofobika u omofobika fil-Polonja, u talab lill-Kummissjoni biex tivverifika jekk l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk humiex konsistenti ma" l-Artikolu 6 tat-TEU, filwaqt li jfakkar fis-sanzjonijiet li hemm għall-ksur ta" l-Artikolu, u billi dawk it-talbiet għadhom ma ntlaqgħux,
1. Jenfasizza li qabel kollox l-Unjoni Ewropea hija komunità ta" valuri, fejn ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni huma fost il-valuri l-aktar għeżież tagħha;
2. Jafferma li l-istituzzjonijiet ta" l-UE u l-Istati Membri għandhom dmir jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini fl-Ewropa jkunu rispettati, imħarsa u promossi, kif stipulat mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 6 tat-TEU u mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li jimplimenta il-prinċipju ta' trattament indaqs bejn persuni irrispettivament mill-oriġini razjali jew etniċi(5) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE;
3. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta" l-orjentament sesswali fit-taqsimiet kollha tkun ipprojbita billi jitlesta l-pakkett leġiżlattiv kontra d-diskriminazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, mingħajr liema pakkett il-lesbjani, l-omosesswali, il-bisesswali u individwi oħrajn li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla jibqgħu bir-riskju ta" diskriminazzjoni; jitlob dekriminilizzazzjoni dinjija ta" l-omosesswalità;
4. Se jfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija fis-17 ta" Mejju ta" kull sena;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħaġġel ir-reviżjoni ta" l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-antidiskriminazzjoni u biex tistabbilixxi proċeduri kontra l-Istati Membri f'każ ta' ksur ta' l-obbligi tagħhom taħt il-liġi Komunitarja;
6. Ifakkar lill-Istati Membri kollha li skond il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem id-dritt tal-libertà ta' għaqda jista' jiġi eżerċitat anke meta l-ideat ta' dawk li jeżerċitaw id-dritt jisfidaw l-maġġoranza u li, bħala konsegwenza, projbizzjonijiet diskriminatorji ta' dimostrazzjonijiet Pride, kif ukoll in-nuqqas ta' protezzjoni xierqa lill-partiċipanti, jmorru kontra l-prinċipji mħarsa mill-ECHR; u jistieden lill-awtorijiet kompetenti kollha, inkluż lill-awtoritajiet lokali, biex jawtorizzaw dimostrazzjonijiet bħal dawn u jipproteġu lill-parteċipanti kif suppost;
7. Jikkundanna r-rimarki diskriminatorji minn mexxejja politiċi u reliġjużi kontra l-omosesswali, peress li jżidu l-mibegħda u l-vjolenza anke jekk wara jiġu rtirati, u jitlob li l-ġerarkiji ta' l-organizzazzjonijiet rispettivi jikkundannawhom;
8. Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jipproponu leġiżlazzjoni biex tingħeleb id-diskriminazzjoni li jgħaddu minnha koppji ta" l-istess sess, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel proposti biex ikun żgurat li l-prinċipju ta" rikonoxximent reċiproku jkun applikat ukoll f'dan il-qasam, sabiex ikun żgurat il-moviment ħieles tal-persuni kollha fl-UE mingħajr diskriminazzjoni;
9. Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu għal attivisti tad-drittijiet fundamentali u għal difensuri tad-drittijiet indaqs għall-membri tal-Komunita' LGBT;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti Pollakki biex iżommu lura milli jipproponu jew jadottaw liġi kif deskritta mill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk jew milli jimplimentaw miżuri ta" intimidazzjoni kontra organizzazzjonijiet LGBT;
11. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Pollakki biex jikkundannaw pubblikament u jieħdu miżuri kontra dikjarazzjonijiet minn mexxejja pubbliċi li jinċitaw id-diskriminazzjoni u l-mibegħda bbażati fuq l-orjentament sesswali; jemmen li kwalunkwe mġiba oħra tikkostitwixxi ksur ta" l-Artikolu 6 tat-TEU;
12. Jitlob lill-awtoritajiet Pollakki biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tas-Sena għall-Opportunitajiet Indaqs 2007, u jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tas-Sena, b'mod partikulari l-klawsola li l-iffinanzjar ikun bil-kundizzjoni li jkun żgurat li r-raġunijiet kollha għal diskriminazzjoni jkunu indirizzati b'mod ugwali fil-programmi nazzjonali;
13. Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti biex tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha sabiex tintbagħat delegazzjoni l-Polonja għal missjoni biex ikunu magħrufa l-fatti, bil-għan li jikseb stampa ċara tas-sitwazzjoni u jibda djalogu mal-partijiet konċernati kollha;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati, u lill-Kunsill ta" l-Ewropa.