Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2004(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0076/2007

Testi mressqa :

A6-0076/2007

Dibattiti :

PV 25/04/2007 - 20
CRE 25/04/2007 - 20

Votazzjonijiet :

PV 26/04/2007 - 8.12
CRE 26/04/2007 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0168

Testi adottati
PDF 317kWORD 71k
Il-Ħamis, 26 ta' April 2007 - Strasburgu
Il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006
P6_TA(2007)0168A6-0076/2007

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006 (2007/2004(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata " Il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006 - L-ewwel sena tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir Ekonomiku rivedut" (COM(2006)0304),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma tat-23 u ta' l-24 ta' Marzu 2001 li jitlobu għal reviżjoni regolari tas-sostenibilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi, inkluż it-tensjonijiet mistennija kkawżati mill-bidliet demografiċi tal-futur,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sostenibilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi ta' l-UE (COM(2006)0574),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(1),

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2006 (COM(2006)0762),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-programmi ta' stabilità u konverġenza ta' l-Istati Membri ta'l-2006 u l-2007,

   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 dwar ir-reviżjoni tal-Patt ta' l-Istabilità u t-Tkabbir,

   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mat-tieni rapport dwar il-preparazzjonijiet prattiċi għat-tkabbir futur taz-zona ta' l-euro (COM(2005)0545) u d-Dikjarazzjoni Annwali dwar iz-Zona ta' l-Euro (COM(2006)0392),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar iz-zona ta' l-euro(2) u ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar ir-rapport annwali 2006 dwar iz-zona ta' l-euro(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0076/2007),

A.   billi l-Istati Membri huma mistennija li jżommu ddefiċit tal-baġit tagħhom taħt it-3% tal-GDP f'konformità mar-regoli li jikkonsolidaw il-munita waħda u billi dik ir-regola ġiet miksura b'mod regolari, billi kull meta d-defiċit ikun ogħla minn 3% dan jista' jiġi ġġudikat b'mod aktar favorevoli jekk ikun marbut ma' tkabbir għoli u relazzjoni ta' dejn li tkun qed tonqos (minbarra d-dħul mill-privatizzazzjoni), filwaqt li tnizzel ukoll l-defiċit annwali għal taħt it-3% fuq żmien medju,

B.   billi t-twissijiet riċenti ta' l-OECD dwar d-defiċit jistiednu lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq riformi sabiex jikkonsolidaw il-progress ekonomiku tagħhom billi jużaw l-irkupru ekonomiku sabiex inaqqsu l-defiċit tal-baġit tagħhom u billi jagħmlu s-swieq tax-xogħol aktar kompetittivi,

C.   billi l-medja ta' relazzjoni ta' dejn għaz-zona ta' l-euro kienet 70.6 % fl-2005 u madwar 69.4% fl-2006 u huwa maħsub li taqa' għal 68 % fl-2007; billi d-differenza bejn l-inqas u l-ogħla relazzjoni ta' dejn kienet f'eċċess ta' 100 punt perċentwali tal-GDP kemm fl-2005 kif ukoll fl-2006, u mistenni li tkun miżmuma l-istess firxa fl-2007; billi dawn iċ-ċifri għadhom ħafna ogħla mill-valur ta' referenza ta' 60 % għar-relazzjoni bejn id-dejn u l-GDP, li huwa wieħed miż-żewġ pilastri tal-Patt ta' l-Istabilità u t-Tkabbir (SGP),

D.   billi l-medja ta' defiċit għaz-zona ta' l-euro kienet -2.6 % tal-GDP fl-2005 u madwar −2,0 % fl-2006 u huwa maħsub li taqa' għal -1.5 % fl-2007; billi l-firxa fir-relazzjoni tad/defiċit kienet qrib ta' 9 punti perċentwali fl-2005 u fl-2006 u huwa mistenni li taqa' għal madwar 7 punti perċentwali fl-2007,

E.   billi l-medja tar-rata ta' tkabbir tal-GDP għaz-zona ta' l-euro fl-2005 kienet ta' 1.4 % u madwar 2.6 fl-2006 u huwa maħsub li tkun ta' 2.1 % fl-2007; billi l-firxa fir-rata ta' tkabbir fl-2005 u fl-2006 kienet madwar 5 punti perċentwali u huwa maħsub li tibqa' madwar 5 punti perċentwali fl-2007; billi dawn ir-rati ta' tkabbir huma b'mod ċar inqas minn dawk ta' zoni oħra tad-dinja,

F.   billi r-rata tal-qgħad fiz-zona ta' l-euro kienet ta' 8.6 % (12,600,000) fl-2005 u niżlet għal 8.1 % (11,900,000) fl-2006; billi r-rata tal-qgħad hija maħsuba li taqgħa għal 7.7 % (11,500,000) fl-2007 u billi l-waqgħa mistennija turi li t-tnaqqis ta' l-defiċit iżid l-attività ekonomika u jnaqqas il-qagħad,

G.   billi huwa maħsub li l-infiq marbut ma" l-età jiżdied b'4 % tal-GDP sa' l-2050; billi, bħala riżultat, f'numru ta' Stati Membri l-infiq pubbliku marbut ma' l-età se jiżdied bil-5% sat-13% tal-GDP, li se jpoġġi pressjoni enormi fuq is-sostenibiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom, filwaqt li t-tkabbir huwa maħsub li jaqa' minn 2.4 % fil-perjodu 2004 sa 2010 għal 1.9 % fil-perjodu 2011 sa 2030 u jerġa' għal 1.2 % biss fil-perjodu 2031 sa 2050; billi t-tnaqqis fit-tkabbir u ż-żieda fl-infiq marbut ma' l-età jistgħu jipperikolaw il-ġid ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini Ewropej u l-koeżjoni soċjali tas-soċjetajiet tagħna, u jistgħu jpoġġu pressjoni għad-diżintegrazzjoni fuq l-istituzzjonijiet Ewropej u fuq politiki komuni,

H.   billi l-Kummissjoni u l-BĊE kull sentejn jevalwaw it-twettiq tal-kriterji ta' Maastricht għall-adozzjoni ta' l-euro mill-Istati Membri kollha li għandhom deroga,

Esperjenzi bl-SGP rivedut

1.  Ifakkar li l-għan ewlieni ta' l-SGP huwa li jkunu żgurati pożizzjonijiet baġitarji li jkunu viċin bilanċ jew b'bilanċ favorevoli fuq żmien medju u s-sostenibilità u l-istabilità tal-finanzi tal-gvern, li huma essenzjali fid-dawl ta' l-isfidi demografiċi tal-futur;

2.  Jilqa' l-fatt li numru kbir ta' Stati Membri għamlu sforz konsiderevoli sabiex jippruvaw jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' l-SGP; madankollu, jinnota li għadu kmieni wisq biex ikunu evalwati r-riżultati miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta' l-SGP irrivedut;

3.  Jaqsam mal-Kummissjoni t-tħassib tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-funzjoni preventiva ta' l-SGP, b'mod speċjali fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li għadhom ma rnexxielhomx jibbilanċjaw il-finanzi pubbliċi tagħhom;

4.  Jibża li l-SGP rivedut, b'mod partikulari l-funzjoni korrettiva tiegħu, jekk ikun infurzat b'mod klementi, jinvolvi riskju ta' dejn pubbliku għoli u persistenti, li jista' joħloq theddida serja lill-finanzi pubbliċi bbilanċjati u lill-opportunitajiet ta' impieg;

5.  Jisħaq li l-attitudni ta' l-Istati Membri lejn l-SGP rivedut għandu fl-aħħar jiddeċiedi s-suċċess jew il-falliment ta' l-SGP; iwissi li kull reviżjoni ulterjuri x'aktarx ma tiġix aċċettata mill-pubbliku jew minn atturi ekonomiċi;

6.  Huwa mħasseb li firxiet differenti fost l-Istati Membri fl-oqsma ta'defiċit, ta' dejn u ta' tkabbir jistgħu jitwessgħu, u dan jista' jkollu l-effett li jdgħajfu l-munita waħda, ifixxklu t-tkabbir ekonomiku u jnaqqsu l-prospetti ta' l-impjieg; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw politiki ekonomiċi kkoordinati li jdejqu l-firxiet identifikati u jwasslu għal aktar konverġenza lejn defiċit u livelli ta' dejn aktar baxxi u lejn tkabbir ogħla;

7.  Huwa mħasseb dwar il-pass bil-mod tat-tnaqqis tad-dejn pubbliku f'xi Stati Membri; jopponi proċeduri ta' żbilanċ inkonklussivi u li jibqgħu għaddejjin għal dejjem u għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaġixxu b'mod lvent u deċisiv; jissuġġerixxi li tinżamm l-kredibilità tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv u li l-Istati Membri jkomplu jiġu ġġudikati skond standard wieħed;

8.  Jistaqsi sa liema punt it-tkabbir Ewropew jista' jkun ċikliku u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea bħala mod ta' kif jinħoloq l-impjieg; ifakkar lill-Istati Membri li t-tkabbir miżjud u aktar impjieg għandhom iwasslu għal żieda sostanzjali fid-dħul mit-taxxi, biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' defiċit eċċessiv filwaqt li jitħalla lok għal tnaqqis sostanzjali fid-dejn pubbliku;

9.  Jenfasizza li vjolazzjonijiet ta' l-SGP jistgħu fl-aħħar idgħajfu l-politika monetarja komuni u jżidu mal-pressjoni biex jogħlew ir-rati ta' l-interessi; jenfasizza li Bank Ċentrali Ewropew indipendenti huwa essenzjali sabiex tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet, biex b'hekk jinħolqu kundizzjonijiet għall-politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għal livelli għoljin ta' tkabbir u ta' impjieg;

10.  Għalhekk, jara bżonn urġenti li l-Istati Membri jadattaw il-politiki fiskali tagħhom għar-rekwiżiti tal-Politika Ekonomika u Monetarja komuni sabiex jiżdied aktar il-ġid taċ-ċittadini Ewropej u li kalendarju u qafas baġitarji komuni għandhom japplikaw lill-Istati Membri kollha;

11.  Jilqa' l-fatt li l-SGP rivedut jippermetti li jkunu żviluppati programmi ta' riforma li jkollhom skadenzi realistiċi u objettivi tal-baġit għall-perjodu medju ta' żmien;

12.  Jaqbel li programmi ta' riforma magħmula apposta u adattati għall-ħtiġijiet ta' l-Istati Membri għandhom jippermettu għall-implimentazzjoni aħjar tal-funzjoni preventiva ta' l-SGP;

13.  Jiddispjaċih li l-Istati Membri ma jisfruttawx is-sitwazzjoni ekonomika pożittiva tagħhom biżżejjed sabiex jimplimentaw riformi strutturali sinifikanti li jżidu l-effiċjenza tas-swieq fil-prodotti, fis-servizzi, fl-impjieg u fil-kapital u li fit-tul taż-żmien jassiguraw il-konsolidazzjoni fiskali, it-tkabbir ekonomiku u aktar impjieg;

L-isfidi li ġejjin

14.  Ifakkar li l-SGP huwa l-istrument ewlieni u l-aktar b'saħħtu għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea; jisħaq li sakemm l-SGP huwa implimentat b'mod konsistenti u vigoruż il-politiki ekonomiċi jkomplu jwasslu għal aktar tkabbir u għal żieda fl-impieg;

15.  Huwa allarmat bl-istimi tal-Kummissjoni li juru żieda drammatika fl-infiq marbut ma' l-età filwaqt li tkabbir fit-tul ta' żmien juru tnaqqis fil-futur, li, meta meħuda flimkien, inevitabbilment ipoġġu pressjoni enormi fuq is-sostenibiltà tal-finanzi pubbliċi ta' l-Istati Membri;

16.  Huwa mħasseb li sitt Stati Membri huma kkonsidrati li jkunu esposti għal riskju għoli fir-rigward tas-sostenibilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi bħala riżultat ta' l-impatt li popolazzjonijiet li qed jixjieħu jkollhom fuq il-baġit, waqt li għaxar Stati Membri huma meqjusa li qed jiffaċċjaw riskju medju, u disgħa Stati Membri biss għandhom riskju baxx;

17.  Iħeġġeġ li tiġi indirizzata sfida baġitarja Ewropea tant kbira; ifakkar li t-tnaqqis tad-dejn pubbliku għandu jitħaffef matul il-perjodi ta' titjieb ekonomiku filwaqt li jiġu evitati miżuri proċiklikali u jiġu implimentati riformi strutturali u fiskali sabiex jitjieb ir-rendiment ekonomiku ta' l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw it-titjib attwali fl-ekonomija sabiex iwettqu r-riformi neċessarji fis-suq tax-xogħol u fis-settur tas-servizzi u biex inaqqsu l-piż amministrattiv minn fuq in-negozju; jikkunsidra li għad hemm lok u bżonn għal aċċelerazzjoni ulterjuri f'attività ta' investiment u jitlob li jsiru riformi strutturali u miżuri addizzjonali li jtejbu b'mod permanenti l-klima ta' l-investiment u li jagħtu spinta lill-investiment;

18.  Jitlob orjentazzjoni mill-ġdid ta' l-infiq pubbliku lejn l-akkumulazzjoni kapitali fiżika u umana u l-ħolqien ta' sħubijiet bejn il-gvern u l-privat li joperaw f'oqsma bħal ma huma l-innovazzjoni, l-enerġiji li jiġġeddu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka, it-teknoloġiji ta' l-informatika, it-telekomunikazzjoni, u n-networks tat-trasport;

19.  Jilqa' l-fatt li l-istimi magħmula mill-Istati Membri għall-2007 u għall-2008 inkorporaw iż-0.5% tat-tnaqqis tad-defiċit tal-GDP previst mill-SGP rivedut; jaqsam mal-Kummissjoni t-tħassib tagħha li l-aġġustament strutturali annwali medju għall-2006 ma jilħaqx dik il-mira; huwa konvint li minħabba l-prospetti ekonomiċi tajba hemm skop għal aġġustament strutturali li jaqbeż sew iż-0.5% rakkomandat fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jevitaw stimi baġitarji mhux sostanzjati u sabiex jibqgħu lura minn miżuri ta' darba biss u mill-kontabilità kreattiva; jagħti parir lill-Kunsill sabiex jassigura li l-Istati Membri, li qed jagħmlu dejn pubbliku mhux sostenibbli, jikkonsidraw d-dejn pubbliku ġdid jew anti-kostituzzjonali jew illegali sa l-2015, b'hekk jużaw l-aħjar prattiki ta' ċerti Stati Membri u reġjuni fl-Unjoni Ewropea; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprepara studju dwar l-aħjar prattiki li jikkonċernaw il-governanza statistika ta' rappurtaġġ ta' data fiskali u ż-żamma tal-kotba ta' l-assi u r-responsabilitajiet pubbliċi fl-Istati Membri;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-ftehimiet riċenti ta' l-Ewrogrupp biex flimkien jiġu diskussi stimi baġitarji sabiex tiġi ddeterminata ex ante l-istrateġija fiskali adegwata għas-sena rispettiva li jkun imiss u huwa konvint li għandha ssir diskussjoni pubblika dwar dawn l-istimi fil-Parlament Ewropew flimkien ma' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali;

22.  Jirrakkomanda li jiġi esplorat jekk għandux jiġi stipulat kalendarju uniformi għal proċeduri baġitarji madwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-ippjanar baġitarju jiġi estiż lil hinn mill-perjodu attwali ta' sena; huwa tal-fehma li l-ippjanar ta' l-Istati Membri għandu jkun ibbażat fuq suppożizzjonijiet uniformi rigward il-parametri ekonomiċi prinċipali li għandhom jiġu evalwati u stabbiliti b'mod uniformi madwar l-Unjoni Ewropea;

23.  Iwissi lill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw statistiċi li huma ta' standard għoli lill-Kummissjoni sabiex jassiguraw li d-defiċit u d-dejn pubbliku jistgħu jitqabblu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkontrolla b'mod vigorus l-kwalità ta' l-istatistiċi rrappurtati mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu kull pass meħtieġ, inklużi miżuri penali, sabiex tassigura li l-Istati Membri jipprovdu statistiċi ta' kwalità għolja, ta' min joqgħod fuqhom, uniformi u komparabbli, filwaqt li jinkorporaw ir-responsabilitajiet preżenti u futuri kollha (bħal ma huma l-pensjonijet u l-kura tas-saħħa); jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittemm ix-xogħol tagħha bil-ħeffa;

24.  Jaqbel mal-Kummissjoni li istituzzjonijiet indipendenti u regoli speċifiċi rigward il-bilanċ baġitarju għandhom influenza pożittiva ħafna fuq l-għanijiet fuq perjodu medju ta' żmien u fuq l-istabilità fuq żmien twil tal-finanzi pubbliċi bbilanċjati;

25.  Jinnota li fir-rapport ta' konverġenza l-aktar riċenti f'Diċembru 2006 l-Kummissjoni tikkonsidra li l-maġġoranza ta' l-Istati Membri li ġew evalwati għamlu progress, iżda tikkonsidra li fil-preżent l-ebda wieħed ma jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji kollha biex jadotta l-euro;

26.  Ifakkar li l-kriterji ta' Maastricht, li fuqhom il-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tagħha, għandhom jiġu applikati b'mod ugwali, jiġifieri mingħajr ma wieħed la jagħmilha iktar diffiċli għall-Istati Membri biex jidħlu fiz-zona euro, u lanqas ma jinterpreta l-kriterji b'mod klementi;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-vantaġġi li jiġu stabbiliti korpi nazzjonali indipendenti biex jieħdu ħsieb li jiddeterminaw il-livell annwali ta' żbilanċ b'mod konsistenti ma' l-objettiv ta' perjodu ta' żmien medju ta' baġit bilanċjat;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex itejbu l-governanza ta' l-istatistika ta' rappurtaġġ ta' data fiskali permezz ta' rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar standards għall-UE kollha li jikkonċernaw istituti ta' l-istatistika, inklużi prinċipji dwar l-indipendenza professjonali, il-kunfidenzjalità, l-affidabilità, il-puntwalità tad-data, u l-adegwatezza tar-riżorsi ta' l-istituti ta' l-istatistika u drittijiet ta' monitoraġġ aħjar għall-Kummissjoni;

29.  Jikkonsidra li hemm lok għal titjib fil-kontabilità ta' l-assi pubbliċi u ta' l-obbligi impliċiti sabiex jiżdiedu t-trasparenza u t-tqabbil u sabiex tiġi provduta bażi iżjed soda għat-teħid ta' deċiżjonijiet; jikkonsidra li l-Kummissjoni għandha tniedi inizjattiva f'dan il-qasam;

30.  Jiddeplora n-nuqqas ta' koordinazzjoni politika fiz-zona ta' l-euro u jiġbed l-attenzjoni dwar id-diverġenza fil-politiki fiskali ta' l-Istati Membri fiż-żona ta' l-euro u huwa mħasseb dwar l-effetti antagonistiki possibbli ta' nuqqas ta' koordinazzjoni bħal dan; iħeġġeġ iżjed riċerka dwar tipi differenti ta' u miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' riformi strutturali u makroekonomiċi u dwar l-interazzjoni u l-impatt reċiproku waqt fażijiet differenti taċ-ċiklu ekonomiku sabiex jiġi identifikat l-aħjar mezz possibbli biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi waqt li fl-istess ħin tinkiseb l-Istrateġija ta' Liżbona;

o
o   o

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5.
(2) ĠU C 298E, 8.12.2006, p.249.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2006)0485.

Avviż legali - Politika tal-privatezza