Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007 dwar ir-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-objettivi għal konsolidazzjoni tal-libertajiet demokratiċi u politiċi fil-Federazzjoni Russa, kif stipulat fil-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa u l-Federazzjoni Russa min-naħa l-oħra (PCA)(1), li daħlu fis-seħħ fl-1997 u jiskadu fl-2007,
– wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijjiet EU-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russja Anna Politkovskaya(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar il-laqgħa għolja bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki ta' 24 ta' Novembru, 2006(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-membri ta' l-oppożizzjoni Russa ħarġu jiddimostraw fi Pjazza Pushkin f'Moska fl-14 ta' April 2007; billi l-hekk imsejjaħ 'Dissenters' March' kien organizzat minn 'Another Russia', grupp li jinkludi diversi movimenti li għandhom sfond politiku differenti,
B. billi ftit minuti wara li bdiet id-dimostrazzjoni, l-2 000 dimostrant sabu ruħhom jaffaċċjaw numru erba' darbiet daqs tagħhom ta' forzi tas-sigurtà li malajr ferrxu lill-attivisti, sawtuhom, u arrestaw għal żmien qasir li dawk li ppruvaw jisfidaw il-linji ta' kontroll ta' l-irvell;
C. billi fost dawk miżmuma kien hemm il-mexxej ta' l-United Civic Front, l-eks 'champion' dinji taċ-ċess Gari Kimovič Kasparov u Maria Gaidar, it-tifla ta' l-ewwel Prim Ministru riformista Russu wara l-Unjoni Sovjetika; billi l-eks Prim Ministru Mikhail Mikhailovitch Kasyanov evita l-arrest minħabba li l-uffiċjali tas-sigurtà tiegħu għenuh jaħrab; billi ħafna ġurnalisti, inkluż korrispondent ta' l-ARD Stephan Stuchlik li prova jirrekordja l-avvenimenti u jxerridhom fil-Punent, kien imsawwat u arrestat ukoll;
D. billi fil-15 ta' April 2007, protesta oħra, għalkemm iżgħar, organizzata mill-istess grupp, kienet sfrattata b'mod simili f'San Pietruburgu, għalkemm Gari Kimovič Kasparov kien arrestat qabel il-protesta kienet biss bdiet u xi dimostranti kienu arrestati minn qabel b'mod preventiv fi triqithom lejn l-avveniment,
E. billi Vladimir Petrovich Lukin, l-ombudsman Russu għad-drittijiet tal-bniedem, qal li hu jemmen li l-pulizija fiż-żewġt ibliet abbużaw mill-awtorità tagħhom u billi Valentina Ivanovna Matviyenko, il-gvernatur ta' San Pietruburgu, ordnat investigazzjoni rigward il-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew waqt id-dimostrazzjoni f'San Pietruburgu,
F. billi l-awtoritajiet Russi qedgħin fit-tellieqa għall-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali, iżidu l-pressjoni fuq gruppi ta' l-oppożizzjoni u organizzazzjonijiet mhux tal-gvern, sabiex dawn ma jorganizzaw l-ebda attività direttament kontra l-President u l-Gvern u sabiex jevitaw li l-midja tirrapporta xi attività bħal din,
G. billi d-demokrazija ddgħajfet fir-Russja, speċjalment minħabba li l-istazzjonijiet ewlenin tat-TV u tar-radju waqgħu taħt il-kontroll tal-gvern, minħabba l-firxa ta' l-awtoċensura fost il-midja stampata, minħabba restrizzjonijiet ġodda dwar id-dritt għall-organizzazzjoni ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi u l-klima li qed teħżien għall-NGOs,
H. billi l-libertà ta' għaqda hija parti fundamentali mill-prinċipji demokratiċi u mill-istandards tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja wegħdet li se żżomm li rrepetiet diversi drabi l-impenn tagħha għalihom; dawn il-prinċipji u valuri huma wkoll il-bażi ta' sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja;
I. billi bħala membru tan-Nazzjon Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u l-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Federazzjoni Russa obbligat ruħha li tosserva l-libertajiet tal-kelma u ta' għaqda; billi l-osservazzjoni ta' dawk il-prinċipji hija ta' importanza partikolari fid-dawl ta' l-elezzjonijiet li ġejjin fir-Russja,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' forza eċċessiva mill-pulizija kontra l-irvellijiet Russa waqt id-dimostrazzjonijiet paċifiċi ta' tmiem il-ġimgħa li għaddiet f'Moska u f'San Pietruburgu u jistieden lill-awtoritajiet Russi jikkonformaw ma' l-obbligi internazzjonali tagħhom u jirrispettaw il-libertà ta' l-espressjoni u ta' għaqda;
2. Jikkundanna b'mod partikolari l-azzjonijiet ripressivi tal-forzi tas-sigurtà kontra ġurnalisti li jkunu qed jagħmlu d-dover professjonali tagħhom; iqis attakki bħal dawn fuq il-midja bħal inaċċettabbli;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Russi sabiex jinvestigaw il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew fiż-żewġ manifestazzjonijiet u sabiex jidentifikaw u jressqu l-qorti lil dawk responsabbli għall-vjolenza;
4. Jinkoraġġixxi lid-Duma ta' l-Istat Russu sabiex iwaqqaf grupp ta' ħidma li jinvestiga għalfejn forza bħal din kienet użata kontra dimostranti paċifiċi;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jesprimu b'mod ċar dan it-tħassib fil-kuntatti tagħhom mal-gvern Russu, b'mod partikolari waqt is-samit UE/Russja li se jiltaqa' fit-18 ta' Mejju 2007 f'Samara;
6. Jistieden lit-tmexxija Russa sabiex tagħmel l-isforzi kollha tagħha sabiex tevita r-repetizzjoni ta' dawk l-avvenimenti ta' dispjaċir, b'mod partikolari fit-tellieqa għall-elezzjonijiet presidenzjali u għad-Duma li jmiss u sabiex tiggarantixxi lill-partiti politiċi u l-movimenti ċ-ċans li jipparteċipaw fil-proċess demokratiku; jistieden lill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u lill-ġudikatura Russa sabiex ikunu viġilanti, oġġettivi u imparzjali fl-iskrutinju tal-kampanja u l-proċess elettorali;
7. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-użanza li qed titfaċċa ta' użu ta' forza eċċessiva mill-awtoritajiet Russi fil-konfront ta' attivisti ta' l-oppożizzjoni, li tqajjem tħassib serju dwar id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa;
8. Jerġa jtenni l-istedina tiegħu li tingħata spinta lid-Djalogu għad-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja, sabiex dan isir aktar effettiv u orjentat lejn ir-riżultati, filwaqt li jinvolvu b'mod sħiħ lill-Parlament Ewropew fil-livelli kollha, bil-għan li jsaħħu dak l-element fil-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida, li għandha tiġi nnegozjata dalwaqt;
9. Jenfasizza li, sabiex jintlaħaq progress viżibbli firrigward tad-demokrazija fir-Russja, il-politika komuni ta' l-UE u r-relazzjonijiet bilaterali ta' l-Istati Membri mar-Russja għandhom ikunu gwidati minn prinċipji komuni miftiehma u pużizzjonijiet komuni;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw b'mod sħiħ matul it-tellieqa għall-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali, l-istandards demokratiċi u l-prinċipji stabbiliti mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u l-Kunsill ta' l-Ewropa; jistieden lill-Kunsill ta' l-Ewropa jinvestiga l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew waqt il-manifestazzjonijiet f'Moska u San Pietruburgu;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Federazzjoni Russa.