Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0159/2007

Dibattiti :

PV 26/04/2007 - 14.2
CRE 26/04/2007 - 14.2

Votazzjonijiet :

PV 26/04/2007 - 15.1

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 207kWORD 39k
Il-Ħamis, 26 ta' April 2007 - Strasburgu
Il-Ħtif f'Gaża tal-Ġurnalist tal-BBC Alan Johnston
P6_TA(2007)0170RC-B6-0159/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007 dwar il-ħtif f'Gaża tal-ġurnalista tal-BBC Alan Johnston

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-ġurnalista tal-BBC Alan Johnston inħataf waqt li mhedded b'arma tan-nar fit-12 ta' Marzu 2007, meta kien sejjer lura d-dar fil-Belt ta' Gaża u minn dakinhar ħadd ma jaf fejn jinsab,

B.   billi s-Sur Johnston baqa' f'Gaża għal dawn l-aħħar tliet snin waqt perjodu ta' vjolenza dejjem akbar, preċiżament biex jirrapporta dwar dak li qed jiġri f'Gaża lill-bqija tad-dinja,

C.   billi l-komunità tal-midja, il-pubbliku u l-politiċi minn kull naħa Palestinjani kkundannaw il-ħtif u qed jitolbu l-ħelsien immedjat tiegħu u l-waqfien tal-ħtif kollu, dan jipprova sa liema punt il-ħidma tiegħu hija apprezzata mill-popolazzjoni tal-lokal,

D.   billi l-President ta' l-Awtorita Nazzjonali Palestinjana Mahmoud Abbas ikkonferma pubblikament li hemm evidenza kredibbli li s-Sur Johnston huwa ħaj, li qed jinżamm f'kondizzjonijiet ta' sigurtà u li hemm informazzjoni dwar liema grupp qed iżommu,

E.   billi l-ebda grupp ma ħa r-responsabilità għall-ħtif tas-Sur Johnston, liema ħtif ġie kkundannat mill-President Abbas u l-kapijiet kollha tal-movimenti ewlenin tal-Palestina,

F.   billi, skond il-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti, ir-Riporters Mingħajr Fruntieri, u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ), 15-il ġurnalist barrani nħatfu fil-Medda ta' Gaża minn Awwissu 2005, u eluf ta' ġurnalisti madwar id-dinja jaffaċċjaw kuljum it-theddid ta' ħtif, vjolenza u intimidazzjoni,

G.   billi l-BBC għandha reputazzjoni ġustifikata bħala waħda mix-xandara ewlenin, li tħares il-valuri ta' l-imparzjalità, l-oġġettività u l-ġustizzja fir-rappurtaġġ tagħha,

H.   billi l-libertà ta' l-istampa hija ta' importanza primarja għad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, minħabba l-irwol essenzjali tagħha fil-garanzija ta' l-espressjoni ħielsa ta' opinjonijiet u ideat u fil-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni effettiva tan-nies fi proċessi demokratiċi,

1.  Jitob li s-Sur Johnston jinħeles qawwi u sħiħ, immedjatament u mingħajr kundizzjoni u jittieħed lura f'ambjent ta' sikurezza;

2.  Jesprimi l-appoġġ mill-qalb tiegħu għall-familja tas-Sur Johnston f'dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli, u għall-kollegi tiegħu u l-maniġment tal-BBC, li għaddejjin b'kampanja bla waqfien biex jibnu appoġġ pubbliku u politiku għall-ħelsien tiegħu;

3.  Jagħti ġieħ lir-reputazzjoni tas-Sur Johnston bħala ġurnalist ta' l-ogħla integrità, b'sittax-il sena ta' ħidma għall-BBC u, b'mod partikulari, b'dawn l-aħħar tliet snin f'Gaża, fejn huwa kien l-unika ġurnalist barrani bbażat hemmekk b'mod permanenti, minn organizzazzjoni tal-midja ewlenija;

4.  Jesprimi solidarjetà ma' l-IFJ u l-unjonijiet membri tagħha, inkluż is-Sindakat tal-Ġurnalisti tal-Palestina, fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien tas-Sur Johnston u fil-kampanja tagħhom għal impenn globali ġdid għall-waqfien ta' theddid kontra l-ġurnaliżmu indipendenti; f'dan ir-rigward ifakkar l-appell li l-IFJ għamlet lill-kapijiet ta' l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana fid-19 ta' April 2007, bil-firem ta' 197 Membru tal-Parlament Ewropew;

5.  Jistieden lill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana biex tirdoppja l-isforzi tagħha biex tikseb il-ħelsien mgħaġġel tas-Sur Johnston u biex tiżgura li l-ġurnalisti f'Gaża jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom mingħajr it-theddid ta' ħtif u fastidju u biex jiġi żgurat li l-attakki kollha kontra l-ġurnalisti u ċivili oħra jiġu investigati bir-reqqa u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

6.  Jistieden lill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea għall-Assistenza Teknika għax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta' Gaża, lir-rappreżentanti diplomatiċi ta' l-Istati Membri ta' l-UE u lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni ta' l-Affarjiet Barranin u tas-Sigurtà (CFSP) biex isaħħu u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jiksbu l-ħelsien tas-Sur Johnston u biex jappoġġjaw l-isforzi ta' l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana f'dan ir-rigward;

7.  Jikkundanna dan l-att u l-atti kollha l-oħra ta' vjolenza u intimidazzjoni kontra l-eżerċizzju ħieles tal-ġurnaliżmu u l-libertà ta' l-espressjoni; jenfasizza li s-sikurezza tal-ġurnalisti għandha tiġi indirizzata bħala prijorità minn dawk kollha li jħaddnu soċjetà miftuħa u demokratika u li għandhom għal qalbhom il-progress lejn il-paċi kullimkien, b'konformità mar-Riżoluzzjoni S/RES/1738(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li dwarha sar ftehim unanimu li ġiet adottata fit-23 ta' Diċembru 2006;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-President ta' l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lis-Segretarju Ġenerali ta' l-Istati Uniti.

Avviż legali - Politika tal-privatezza