Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0160/2007

Dibattiti :

PV 26/04/2007 - 14.3
CRE 26/04/2007 - 14.3

Votazzjonijiet :

PV 26/04/2007 - 15.2

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 214kWORD 52k
Il-Ħamis, 26 ta' April 2007 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini
P6_TA(2007)0171RC-B6-0160/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni Indipendenti sabiex Tindirizza Każijiet ta" Qtil ta" Ġurnalisti u Attivisti, ippreseduta mill-Imħallef Jose Melo (il-Kummissjoni Melo) , li ġie ppubblikat fit-22 ta" Frar 2007,

–   wara li kkunsidra r-rapport preliminarju ta" Philip Alston, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħelsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tul il-ġlieda kontra t-terroriżmu, Martin Scheinin, tat-12 ta" Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra l-wegħdiet li għamel il-Gvern tal-Filippini lill-komunità internazzjonali qabel ma ġie magħżul għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew Kastig Krudili, Inuman u Degradanti Ieħor ta" l-1984, kif ratifikata mill-Filippini fit-18 ta" Ġunju 1986, kif ukoll l-Ewwel u t-Tieni Protokoll mhux Obbligatorju tagħha, li jippermettu, rispettivament, l-ilmenti individwali u ż-żjarat lil faċilitajiet ta" detenzjoni minn korpi indipendenti,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-ħarsien tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat ta' l-2006,

–   wara li kkunsidra l-elezzjonijiet tal-Kungress u l-elezzjonijiet lokali fil-Filippini li huma ppjanati għall-14 ta" Mejju 2007, u l-missjoni ta" osservaturi ta" l-UE li ser tintbagħat,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Ko-Chairpersons tas-16-il Laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-ASEAN tal-15 ta" Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra l-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) tal-Ministri ta" l-Affarijiet Barranin li hija ppjanata għat-28 u d-29 ta" Mejju 2007 f'Hamburg,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea tas-26 ta' Ġunju 2006 dwar l-abolizzjoni kompluta tal-piena tal-mewt fil-Filippini,

–   wara li kkunsidra l-Karta ta" Strateġija dwar Pajjiż (CSP) tal-Kummissjoni Ewropea, u l-Programm Indikattiv Nazzjonali (NIP) 2005-2006 għall-Filippini,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Filippini,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi f'dawn l-aħħar snin, in-numru ta" każijiet ta" qtil b'mottiv politiku fil-Filippini kiber b'mod drammatiku, u li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħti lok għal tħassib serju,

B.   billi l-organizzazzjoni lokali tad-drittijiet tal-bniedem Karapatan irreġistrat 180 każ ta" għajbien sfurzat u aktar minn 800 każ ta" qtil, ħafna minnhom minn persuni armati mhux identifikati, sa mill-2001,

C.   billi ħafna mill-persuni maqtula, bħalma huma membri tal-partiti ta' l-oppożizzjoni, persuni involuti fil-knejjes, mexxejja tal-komunità, bdiewa, avukati, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, trejdjunjonisti, jew sempliċi xhieda ta" każijiet ta" qtil extra-ġudizzjarju, qed jiġu akkużati minn rappreżentanti tal-gvern li huma membri ta' "organizzazzjonijiet ta" faċċata" għal gruppi armati illegali u "terroristi",

D.   billi l-President tar-Repubblika tal-Filippini, Gloria Macapagal-Arroyo ħatret il-Kummissjoni Mello fuq imsemmija sabiex teżamina l-problema, kif ukoll "task force" tal-pulizija fuq livell nazzjonali (Task Force Usig) sabiex b'ħeffa tinvestiga l-każijiet ta" qtil, u tressaq lill-persuni responsabbli quddiem Qorti,

E.   billi kemm is-sejbiet tal-Kummissjoni Melo kif ukoll ir-riżultati ta" l-investigazzjonijiet tar-Rapporteur speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji jindikaw l-involviment tal-Forzi Armati tal-Filippini (AFP) f'dawn il-qtil politiku, u billi l-attakki rari jirriżultaw fl-arrest jew l-imputazzjoni jew il-prosekuzzjoni tal-qattiela,

F.   billi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Melo jinkludu: il-ħolqien ta" aġenzija investigattiva ċivili indipendenti li jkollha l-awtorità li teżegwixxi l-mandati u tagħmel arresti; it-taħriġ tal-prosekuturi; il-ħolqien ta" Qrati Speċjali biex jaħdmu fuq dawn il-każijiet; it-titjib tal-Programm tal-Protezzjoni tax-Xhieda; żieda fil-ħiliet investigattivi tal-pulizija; u orjentament u taħriġ għall-forzi tas-sigurtà,

G.   billi bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Melo, il-President Arroyo ħarġet pjan ta" 6 punti sabiex jieqfu l-każijiet ta" qtil extra-ġudizzjarju, liema pjan jinkludi ordni lid-Dipartiment tal-Ġustizzja sabiex iwessa" u jtejjeb il-Programm tal-Protezzjoni tax-Xhieda, talbiet lill-Qorti Suprema għall-ħolqien ta Qrati Speċjali sabiex jipproċessaw lill-persuni akkużati b'każijiet ta" qtil ta natura politika jew ideoloġika, lill- AFP sabiex joħorġu dokument ġdid dwar ir-Responsabilità tal-Kmand u lid-Dipartiment tal-Ġustizzja u d-Dipartiment tad-Difiża Nazzjonali sabiex jikkoordinaw mal-Kummissjoni indipendenti Melo dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u ordni lid-Dipartiment ta" l-Affarijiet Barranin sabiex jippreżenta talba formali lill-Unjoni Ewropea, lil Spanja, lill-Finlandja u lill-Iżvezja sabiex jibagħtu investigaturi sabiex jassistu lill-Kummissjoni,

H.   billi l-miżuri kontra t-terroriżmu adottati mill-Gvern riċentement wasslu għal tħassib serju dwar il-ksur potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni miżmuma fuq il-bażi ta" din il-liġi,

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru li qed jikber ta" każijiet ta" qtil politiku li seħħew fis-snin riċenti fil-Filippini; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Filippini sabiex jagħmlu l-investigazzjonijiet meħtieġa b'mod f'waqtu, bir-reqqa u trasparenti, u li jipproċedi kontra l-persuni responsabbli;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi, il-qtil ta" Siche Bustamante-Gandinao, attivista dedikata tad-drittijiet tal-bniedem li nqatlet ftit jiem wara li xehdet quddiem ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet, extra-ġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, u huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta" kwalunkwe investigazzjoni mill-pulizija dwar dan il-każ importanti,

3.  Huwa tal-fehma li l-adozzjoni ta' l-Att dwar is-Sigurtà tal-Bniedem 2007, li ser jidħol fis-seħħ f'Lulju 2007, aktarx se jkompli jżid l-inċidenza ta" ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Forzi tas-Sigurtà, għax ser tagħti lok għal arresti mingħajr mandat u detensjoni arbitrarja sa tul ta' tlett ijiem; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Gvern tal-Filippini sabiex jintroduċi miżuri konkreti ta" protezzjoni sabiex jevita l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta" din il-liġi;

4.  Jikkundanna l-attakki fuq gruppi legali ta" oppożizzjoni, u jistieden lill-awtoritajiet sabiex iġibu fi tmiemhom l-allegazzjonijiet ta" konfoffi bejn gruppi oppożizzjoni paċifika u gruppi armati illegali;

5.  Jilqa" bi pjaċir it-twaqqif u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Melo u t-twaqqif tat-Task Force Usig, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-President Arroyo tat-30 ta" Jannar 2007 li hi "ma tittollerax ksur tad-drittijiet tal-bniedem" bħala l-ewwel pass;

6.  Jistieden lill-Gvern Filippin sabiex jadotta miżuri sabiex tintemm l-intimidazzjoni u l-fastidju sistematiku tax-xhieda b'konnessjoni mal-prosekuzzjoni ta" każijiet ta" qtil, u jiżgura ħarsien tax-xhieda li jkun verament effettiv; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li ma tibqax tiġi inċitata l-vjolenza kontra wħud mill-gruppi politiċi u tas-soċjetà ċivili, u sabiex jerġgħu jiġu introdotti l-mekkaniżmi normali ta" responsabilizzazzjoni sabiex jaqtgħu l-abbużi mill-gvern; f'dan is-sens, jistieden b'mod partikulari lill-Ombudsman Filippin sabiex jieħu l-irwol kostituzzjonali tiegħu bis-serjetà fir-rigward tar-rispons għal każijiet ta" qtil extraġudizzjarju attribwiti lil uffiċjali pubbliċi;

7.  Iħares b'mod pożittiv lejn il-Pjan ta" Sitt Punti tal-Gvern sabiex jintemmu l-każijiet ta" qtil politiku; jisħaq, madankollu, li l-Gvern tal-Filippini jrid juri impenn ġenwin li jinvestiga dawn il-każijet ta" qtil, u li huwa lest li jġib il-persuni responsabbli għalihom, inklużi rappreżentanti tal-forzi tas-sigurtà, quddiem il-ġustizzja; jinnota li s'issa, ħafna mill-investigazzjonijiet tal-pulizija kienu difettużi;

8.  Jilqa" bi pjaċir l-iffirmar mill-President Arroyo fl-24 ta" Ġunju 2006 ta' leġiżlazzjoni li tabolixxi l-piena tal-mewt fil-Filippini (L-Att Nru 9346 jew "Att li jiprojbixxi l-impożizzjoni tal-Piena tal-Mewt fil-Filippini"); jistieden ukoll lill-awtoritajiet Filippini sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar Għajbien Sfurzat li ġie adottata dan l-aħħar, u sabiex jadottaw leġiżlazzjoni ta" implimentazzjoni;

9.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-klima ta" impunità għandha impatt korrużiv fuq il-kunfidenza tal-pubbliku fl-istat tad-dritt u li l-każijiet ta" qtil joħolqu klima li fiha l-poplu fil-Filippini ma iħossux ħieles li jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta" espressjoni u assoċjazzjoni politika,

10.  Jappella lill-President Arroyo sabiex tieħu azzjoni immedjata sabiex tevita r-riskju li tkompli tinfirex il-vjolenza qabel u waqt l-elezzjonijiet li ġejjin,

11.  Jistieden lill-Gvern tal-Filippini sabiex jiggarantixxi s-sigurtà ta" dawk li japplikaw għad-distribuzzjoni mill-ġdid ta" l-art skond il-Programm Komprensiv ta" Riforma Agrarja (CARP) u sabiex tħaffef l-implimentazzjoni tal-programm ta" tqassim mill-ġdid ta" l-artijiet, sabiex taħsad waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-vjolenza politika;

12.  Jilqa" bi pjaċir it-tħabbira tal-Kummissjoni li hi ser tagħti kontribut għall-isforzi tal-Gvern tal-Filippini fir-rigward ta" l-inkjesti tal-każijiet ta" qtil extra-ġudizzjarju, billi tibgħat tim ta" esperti;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membru ta' l-ASEAN u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Filippini.

Avviż legali - Politika tal-privatezza