Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/2238(REG)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0143/2007

Testi mressqa :

A6-0143/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2007 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0173

Testi adottati
PDF 384kWORD 63k
Il-Ħamis, 10 ta' Mejju 2007 - Brussell
Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja
P6_TA(2007)0173A6-0143/2007

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar emendi għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew sabiex il-proċeduri interni jiġu adattati għall-eżiġenzi tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja (2005/2238(REG))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal emenda tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (B6-0582/2005),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni bit-titolu: "L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta" l-ambjent regolatorju" (COM(2005)0535),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006, speċjalment il-punt 41,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2006 dwar strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2006 dwar ir-riżultat ta' l-istudju tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-leġiżlatur(2),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu: "Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea" (COM(2006)0689),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0143/2007),

A.   billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni msemmija tas-16 ta' Mejju 2006 dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju (punt 21), impenja ruħu "sabiex jirrifletti fuq it-titjib tal-proċeduri tiegħu u tat-tekniki leġiżlattivi interni tiegħu sabiex jitħaffu d-dossiers ta' 'simplifikazzjoni' fir-rispett tal-proċeduri msemmija fil-liġi primarja, f'dal-każ partikulari, it-Trattat KE",

B.   billi t-tekniki ta' kodifikazzjoni u ta' tfassil mill-ġdid huma fost l-istrumenti l-iktar importanti għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, li hija parti mill-qafas ta' l-istrateġija l-ġdida ta' Liżbona għal benefiċċju tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa,

C.   billi r-regolament jinkludi dispożizzjoni dwar il-kodifikazzjoni li għandha tiġi riveduta, iżda ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-tfassil mill-ġdid,

D.   billi l-Parlament, permezz ta' eżami mill-ġdid u kjarifika tal-proċeduri tiegħu, jixtieq jikkontribwixxi serjament għall-isforzi ta' simplifikazzjoni u jinkoraġġixxi l-Kummissjoni tagħmel aktar proposti b'din l-intenzjoni,

E.   billi huwa mixtieq li l-Kunsill jassumi approċċ simili,

1.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.  Jagħmilha ċara li l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

Test fis-seħħ   Emendi
Emenda 1
Artikolu 80
1.  Meta proposta tal-Kummissjoni għall-kodifikazzjoni ta' leġislazzjoni tal-Komunita` tiġi ppreżentata lill-Parlament, din għandha titressaq quddiem il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali. Kemm-il darba jiġi aċċertat li l-proposta ma tinvolvix bdil fil-mertu ta' leġislazzjoni eżistenti tal-Komunita`, il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 43 għandha tiġi segwita.
1.  Meta proposta tal-Kummissjoni għall-kodifikazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità tiġi ppreżentata lill-Parlament, din għandha titressaq quddiem il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali. Dan il-Kumitat għandu jeżaminaha skond l-arranġamenti milħuqa fuq livell interistituzzjonali1 sabiex jaċċerta ruħu li din tkun sempliċiment kodifikazzjoni mingħajr tibdil sostanzjali.
2.  Iċ-chairman tal-kumitat responsabbli jew ir-rapporteur maħtur minn dak il-Kumitat jista' jipparteċipa fl-eżami jew ir-reviżjoni tal-proposta għall-kodifikazzjoni. Jekk ikun meħtieġ, il-kumitat responsabbli mil-leġiżlazzjoni jista' jagħti l-opinjoni tiegħu minn qabel.
2.  Il-Kumitat li kien responsabbli għall-atti li kellhom jiġu kkodifikati jistà, fuq talba tiegħu stess jew tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali, jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kemm hi mixtieqa l-kodifikazzjoni.
3.  Minkejja d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 43(3), il-proċedura simplifikata ma tistax tiġi applikata għal proposta għal kodifikazzjoni uffiċjali meta din il-proċedura tkun opposta minn maġġoranza tal-membri tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jew tal-kumitat responsabbli.
3.   L-emendi għat-test tal-proposta mhumiex ammissibbli.
Madankollu, fuq talba tar-rapporteur, iċ-chairman tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jistà jippreżenta, għall-approvazzjoni ta' dan ta' l-aħħar, emendi relatati ma' l-adattamenti tekniċi, kemm-il darba dawk l-adattamenti jkunu meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-proposta hija konformi mar-regoli dwar il-kodifikazzjoni u ma jinvolvux tibdil sostanzjali tal-proposta.
4.Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonkludi li l-proposta ma tinvolvix tibdil sostanzjali, huwa għandu jirreferiha lill-Parlament għall-approvazzjoni tiegħu.   
Jekk il-kumitat huwa tal-fehma li l-proposta tinkludi tibdil sostanzjali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, għandu jipproponi lill-Parlament iċ-ċaħda tal-proposta.
Fiż-żewġ każi, il-Parlament għandu jiddeċiedi permezz ta' vot wieħed, mingħajr emendi jew dibattitu.
__________________________
1Ftehima interistituzzjonali ta' l-20 ta' Diċembru 1994, Metodu ta' ħidma aċċellerat għall-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġislattivi, punt 4, ĠU, C 102, 4.4.1996, p.2.
Emenda 2
Artikolu 80 a (ġdid)
Artikolu 80 a
Tfassil mill-ġdid
1.  Meta proposta tal-Kummissjoni għat-tfassil mill-ġdid ta' leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi preżentata lill-Parlament, għandha titressaq quddiem il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali u l-kumitat responsabbli.
2.  Il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali għandu jeżaminaha skond l-arranġamenti milħuqa fuq livell interistituzzjonali1 bil-għan li jkun żgurat li l-proposta ma tinvolvix tibdiliet sostanzjali minbarra dawk identifikati bħala tali fil-proposta.
Għall-iskop ta' dan l-eżami, l-emendi għat-test tal-proposta mhumiex ammissibbli. Madankollu, l-Artikolu 80(3), it-tieni subparagrafu japplika f'dak li għandu x'jaqsam mad-dispożizzjonjiet li ma nbidlux fil-proposta għal tfassil mill-ġdid.
3.  Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonkludi li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali għal-leġiżlazzjoni minbarra dawk identifikati bħala tali, għandu jinforma lill-kumitat responsabbli dwar dan.
F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 150 u 151, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.
Madankollu, emendi tal-partijiet li ma nbidlux jistgħu jiġu ammessi fuq bażi eċċezzjonali u skond il-każ miċ-chairman ta' dan il-kumitat jekk iqis li raġunijiet relatati mal-koerenza interna tat-test jew mar-rabta ma' emendi oħra ammissibbli jkunu jeżiġu li dan isir. Dawn ir-raġunijiet għandhom jitniżżlu f'ġustifikazzjoni miktuba ta' l-emendi.
4.  Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta tinkludi bidliet sostanzjali għal-leġiżlazzjoni minbarra dawk identifikati bħala tali, huwa għandu jipproponi li l-Parlament jiċħad il-proposta u jinforma lill-kumitat responsabbli dwar dan.
F'dan il-każ, il-President għandu jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tirtira l-proposta tagħħa. Jekk il-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha, il-President għandu jinnota li l-proċedura tilfet l-iskop tagħha u għandu jinforma lill-Kunsill. Jekk il-Kummissjoni ma tirtirax il-proposta tagħha, il-Parlament għandu jerġà jibgħatha lill-kumitat responsabbli, sabiex jeżaminaha skond il-proċedura normali.
______________________
1 Ftehima interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' tfassil mill-ġdid ta' l-atti legali, punt 9., ĠU C 77 tat-28.3.2002, p.1.

(1) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p.136.
(2) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p.140.

Avviż legali - Politika tal-privatezza