Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, minn naħa l-oħra(1), li daħlet fis-seħħ fl-1997 u li tiskadi fl-2007,
– wara li kkunsidra l-objettiv ta' l-UE u r-Russja, stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara s-Samit f'San Pietruburgu fil-31 ta' Mejju 2003, sabiex jitwaqqfu spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta' koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni għar-riċerka u l-edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-ħames protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni pubblika tal-Kunsill ta' l-Ewropa rigward ir-Repubblika tac-Ċeċnija tal-Federazzjoni Russa li saret fit-13 ta' Marzu 2007 mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta' Trattament jew Kastigi Inumani jew Degradanti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE tat-2 ta' Mejju 2007 dwar is-sitwazzjoni quddiem l-ambaxxata Estonjana f'Moska,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Jannar 2007 intitolata 'Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa' (COM(2007)0001),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, u partikularment,
–
ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' April 2007 dwar ir-repressjoni riċenti ta' dimostrazzjonijiet fir-Russja(3),
–
ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja li sar f'Ħelsinki fl-24 ta' Novembru 2006(4),
–
ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya(5),
–
ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja li sar f'Sochi fil-25 ta' Mejju 2006(6),
–
ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar iċ-Ċeċnija wara l-elezzjonijiet u s-soċjetà ċivili fir-Russja(7),
–
ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs)(8), u
–
ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja(9),
– wara li kkunsidra d-19-il Samit bejn l-UE u r-Russja, li se jsir f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja qed jikbru b'mod kostanti tul l-aħħar ftit snin u b'hekk wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomika fil-fond u komprensiva, li mistennija jiżdiedu aktar fil-futur qrib,
B. billi koperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tajba ta' ġirien bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità ta' l-Ewropa kollha u l-istati ġirien tagħha,
C. billi l-Federazzjoni Russa hija Membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa u għalhekk impenjat ruħha ma l-objettivi ta' dik l-organizzazzjoni, li huma l-promozzjoni tad-demokrazija u l-konsolidazzjoni ta' l-istabilità demokratika fl-Ewropa,
D. billi hemm tħassib mifrux dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, kif deher mill-każ Yukos, dwar iż-żieda tal-kontroll fuq il-media, dwar in-nuqqas ta' kapaċità tal-pulizija Russa u l-awtoritajiet ġudizzjarji biex isibu l-persuni responsabbli għall-qtil ta' ġurnalisti u dwar il-miżuri ripressivi li ttieħdu kontra l-oppożizzjoni,
E. billi fir-Repubblika taċ-Ċeċnija għadu qed iseħħ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-forma ta' qtil, persuni sfurzati jisparixxu, tortura, teħid ta' ostaġġi u detenzjoni arbitrarja,
F. billi s'issa l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja ma rriżultawx fi progress sostanzjali f'dan il-qasam, li għandu jkun prijorità fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,
G. billi l-implimentazzjoni mgħaġġla u sħiħa ta' l-erba' spazji komuni, għandha tkun fil-qalba tan-negozjati dwar il-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida,
H. billi l-prinċipji fil-bażi tat-tmexxija tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa għandhom ikunu r-reċiproċità, it-trasparenza, il-possibilità li jkunu mbassra, l-affidabilità, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u t-tmexxija tajba,
I. billi ftehima futura bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa għandha tinkludi l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta' l-Enerġija mmirata biex jiġġeddu r-rabtiet u għandu jitnaqqas it-tħassib ta' l-Ewropa li r-Russja qed tuża r-riżorsi ta' l-enerġija vasti tagħha bħala arma politika,
J. billi fid-19 ta' April 2007 il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern approva l-konklużjoni ta' żewġ ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u d-dħul mill-ġdid ta' immigranti illegali u billi fit-22 ta' April 2007 bdew taħdidiet dwar il-kisba ta' vjaġġar mingħajr viża, jidher li qed isir progress konkret dwar l-ispazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,
K. billi r-Russja ffirmat u rratifikat il-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima,
L. billi l-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa hija ta' importanza kbira għall-koperazzjoni futura tagħhom, partikularment rigward l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi, it-titjib ulterjuri tas-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa u għal aktar tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt bħala l-bażi ta' din il-koperazzjoni,
M. b illi n-negozjati dwar il-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida damu biex bdew, u saru fuq il-kundizzjoni li l-gvern Russu jneħħi l-projbizzjoni ta' importazzjonijiet mill-Polonja li ġiet introdotta fl-2005; billi qed isiru sforzi mill-UE sabiex jinstab kompromess fuq il-kwistjoni ta' l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam mill-Polonja sabiex jintemm dan l-impass politiku,
N. billi, sussegwentement għall-avvenimenti reċenti fl-Estonja, it-tħaddim normali ta' l-ambaxxata Estonjana f'Moska ġie bblokkjat u ħafna mid-diplomatiċi tagħha, inkluż il-kap tal-missjoni, ġew aggrediti fiżikament minn dimostranti li kien hemm madwar l-ambaxxata u li ħarqu l-bandiera ta' l-Estonja,
O. billi ma sar l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tas-soluzzjoni tal-"kunflitt staġnat" f'pajjiżi ġirien komuni; billi l-paċi u l-istabilità huma fl-interessi kemm tar-Russja kif ukoll ta' l-UE,
P. billi hu importanti li l-UE titkellem b'vuċi waħda, turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa u tibbaża dawn ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,
1. Jikkonferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li r-Russja tibqa' msieħba importanti għall-bini ta' koperazzjoni strateġika li magħha l-Unjoni Ewropea taqsam mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-objettiv ta' koperazzjoni mill-qrib fl-arena internazzjonali u kif ukoll fil-viċinat komuni;
2. Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-unità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri ta' l-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja; għalhekk jilqa l-linja komuni meħuda mill-UE fin-negozjati mal-gvern Russu dwar it-tneħħija tal-projbizzjoni tar-Russja fuq l-impotazzjoni ta' prodotti agrikoli Pollakki;
3. Jiddispjaċih li dawk in-negozjati fallew bil-konsegwenza li kien hemm nuqqas ta' tnedija ta' negozjati dwar Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Russja u jħeġġeġ lill-Presidenza Germaniża sabiex tkompli bl-isforzi biex tippermetti l-mandat ta' negozjar għal ftehima ġdida li għandha tiġi adottata mill-aktar fis u biex jibdew n-negozjati mingħajr aktar dewmien;
4. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex turi solidarjetà ma' l-Estonja u titkellem b'leħen wieħed mar-Russja fil-kuntest ta' l-avvenimenti reċenti f'Tallinn; jistieden lir-Russja biex tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skond il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi billi tiggarantixxi l-protezzjoni tad-diplomatiċi barranin u t-tħaddim normali ta' l-ambaxxati barranin;
5. Jilqa' b'sudisfazzjon l-iskambju kontinwu ta' l-opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja bħala parti mill-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Russja; madankollu jenfasizza li s-sitwazzjoni kurrenti fir-Russja tagħti lok għal tħassib serju rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazjija, għal-liberta' ta' l-espressjoni, u għad-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-individwi biex jisfidaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli ta' l-azzjonijiet tagħhom;
6. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li difiża soda tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi għandha tkun prinċipju ewlieni ta' kwalunke impenn ta' l-UE mar-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn il-valuri ma jkollhomx status sussidjarju fil-pakkett ta' negozjati bejn l-UE u r-Russja u li kwalunkwe assistenza finanzjarja mogħtija lill-awtoritajiet Russi tikkunsidra t-tisħiħ ta' l-istandards demokratiċi f'dak il-pajjiż;
7. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu tal-forza mill-awtoritajiet Russi kontra d-dimostranti paċifiċi kontra l-Gvern f'Moska u f'San Pietruburgu f'dawn l-aħħar ftit ġimgħat; jenfasizza li l-libertà tal-kelma u d-dritt ta' l-għaqda huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u li għalhekk, kontinwazzjoni ta' din it-tendenza se tkun bi ksur ta' l-obbligi internazzjonali tagħhom;
8. Jesprimi tħassib serju dwar ir-rapporti kontinwi minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Russi u internazzjonali dwar l-użu tat-tortura u ta' atti inumani u degradanti fil-ħabsijiet, fl-għases tal-pulizijia u fiċ-ċentri ta' detenzjoni sigrieti fiċ-Ċeċnija, jikkundanna bis-sħiħ tali prattiċi u jistieden lill-awtoritajiet Russi sabiex jiżguraw li d-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħha r-Russja hija firmatarja, ikunu rispettati kompletament fir-Repubblika taċ-Ċeċnija u li dawk kollha li jiksru dawk id-drittjiet jitressqu l-qorti; jenfasizza f'dan ir-riġward il-fatt li f'Ottubru ta" l-2006 il-Gvern Russu rrifjuta l-mandat mogħti lir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti li ppjana li jżur il-ħabsijiet fin-naħa ta" fuq tal-Kawkażu għall-għarrieda;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-polarizzazzjoni soċjali u politika u r-restrizzjoni tal-libertajiet demokratiċi fil-ġirja għall-elezzjonijiet tad-Duma f'Diċembru 2007 u l-elezzjonijiet presidenzjali f'Marzu 2008; jitlob lill-awtoritajiet Russi sabiex jiggarantixxu proċess ħieles u ġust għaż-żewġ elezzjonijiet biex jiżguraw li l-partiti ta' l-oppożizzjoni jkollhom l-opportunità li jmexxu kampanja, u biex iwaqqfu l-proċess li jċaħħdu lil xi partiti politiċi mill-istatus legali tagħhom u l-eliġibilità tagħhom biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet minħabba rekwiżiti ġodda esiġenti wisq applikabbli għall-kompożizzjoni tagħhom u kif ukoll fuq il-firxa ta' l-organizzazzjoni territorjali tagħhom, u b' konformità mal-prinċipju tal-libertà ta" espressjoni; jenfasizza li l-libertà tal-media se tkun ta" importanza kbira jekk l-elezzjonijiet iridu jidhru bħala ħielsa u ġusti; jenfasizza l-importanza ta' NGOs indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali, għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;
10. Jenfasizza l-bżonn li jaħdem flimkien mar-Russja bħala msieħba meħtieġa u importanti sabiex jipprovdu paċi, stabilità u sigurezza, sabiex ikun miġġieled it-terroriżmu internazzjonali u l-estremiżmu vjolenti u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' sigurtà oħra bħal ma huma perikli ambjentali u nukleari, drogi, traffikar ta' armi u ta' bnedmin u l-kriminalità organizzata transkonfinali fil-viċinat Ewropew;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isegwu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu li jimmiraw biex isaħħu s-sigurtà u l-istabilità fil-viċinat komuni, b'mod partikulari permezz ta' djalogu mtejjeb dwar l-Ukrajina u l-Belarus u sforzi konġunti sabiex fl-aħħar jissolvew il-konflitti ffriżati fin-Nagorno Karabagh u kif ukoll fil-Moldova u fil-Ġorġja billi tiġi garantita l-integrità territorjali sħiħa ta' dawn l-istati;
12. Jitlob lill-UE u lir-Russja, bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jerfgħu r-responsabiltajiet tagħhom dwar il-kwistjoni nukleari ta' l-Iran;
13. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dikjarazzjonijiet li għamel il-President Putin b'retaljazzjoni għall-pjanijiet ta' l-Istati Uniti li tinstalla komponenti tas-sistema ta' missili anti-ballistiċi fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka u jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu; jistieden lill-Istati Uniti sabiex iżidu l-isforzi tagħhom biex jikkonsultaw u jispjegaw is-sistema ta' difisa bil-missili sabiex jippermettu lin-NATO u lill-UE li jibqgħu magħquda; jitlob li jkun hemm diskussjoni bir-reqqa dwar dawn il-proposti, inkluża l-ħtieġa tagħhom, evalwazzjoni tat-theddid u l-possibbilità ta' oqsma differenti ta' sigurtà fil-qafas ta' l-UE u tan-NATO; jisħaq l-importanza li jsiru konsultazzjonijiet dwar is-sistema fil-Kunsill NATO-Russja;
14. Jistieden lill-UE u lir-Russja sabiex, bħala membri tal-Kwartett għas-soluzzjoni tal-kunflitt tal-Lvant Nofsani, jippromwovu l-isforzi sabiex tittella' konferenza tal-paċi internazzjonali dwar ftehima reġjonali għall-paċi fil-Lvant Nofsani; barra minn hekk jistieden lir-Russja bħala membru tal-Grupp ta' Kuntatt u tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-NU biex tikkopera sabiex tinstab soluzzjoni fit-tul għall-kwistjoni tal-Kosovo u bħala wieħed mill-partijiet għat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet biex tgħin sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-proliferazzjoni nukleari fil-Korea ta" Fuq;
15. Jistieden lir-Russja sabiex ma ttawwalx aktar id-deċiżjoni dwar l-istatus finali tal-Kosovo bbażat fuq il-Pjan Ahtisaari għal indipendenza ssorveljata; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riperkussjonijiet li dewmien bħal dan għandu fuq l-istabbilità tar-reġjun u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Moska jaġixxu b'mod kostruttiv;
16. Jinnota li l-Politika tal-Viċinanza Ewropea diġà tippreżenta numru ta' opportunitajiet għall-koperazzjoni multilaterali; jitlob li titwaqqaf Komunità UE-Baħar l-Iswed, fuq il-linji tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, sabiex issaħħaħ u tħeġġeġ iktar djalogu sabiex il-viċinat ikun aktar stabbli, sikur u demokratiku;
17. Jilqa' l-progress li sar rigward tal-ftehima dwar il-fruntiera bejn il-Latvja u r-Russja imma jenfasizza li jrid isir aktar progress biex din il-ftehima tiġi ratifikata u implimentata malajr kemm jista' jkun;
18. Itenni l-appoġġ tiegħu għas-sħubija tar-Russja mad-WTO, li tista' tgħin lir-Russja biex taċċetta r-regoli tas-suq globali; jemmen li l-adeżjoni mad-WTO għandha twassal għal integrazzjoni ekonomika iktar profonda bejn l-UE u r-Russja;
19. Itenni fuq kollox l-importanza li jitwaqqaf Spazju Ekonomiku Komuni (CES) u li l-objettivi mifthiema fil-pjan direzzjonali tas-CES jiġu żviluppati aktar, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-ħolqien ta' suq miftuħ u integrat bejn l-UE u r-Russja; jistenna li r-Russja se twaqqaf l-embargo fuq xi prodotti tal-Moldova u tal-Ġeorġja;
20. Jenfasizza l-importanza li tittejjeb il-klima ta' l-investiment fir-Russja, li jista' jkun milħuq biss permezz tal-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' kundizzjonijiet mhux diskriminatorji u trasparenti fil-kummerċ, anqas burokrazija u investimenti miż-żewġ naħat; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' tbassir fl-applikazzjoni tar-regoli mill-awtoritajiet;
21. Jilqa' bi pjaċir id-djalogu intensifikat bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijet ta' enerġija; jenfasizza l-importanza ta' l-importazzjonijiet ta' l-enerġija għall-ekonomiji Ewropej, li jirrapreżentaw opportunità potenzjali għal aktar kummerċ u koperazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-koperazzjoni, flimkien ma' aċċess indaqs għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-prinċipji tal-Karta tat-Trattat ta' l-Enerġija, il-Protokoll ta' Tranżitu anness magħha u l-konklużjonijiet tal-G8 ikunu inklużi fi Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, inkluża koperazzjoni ikbar dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija, l-iffrankar ta' l-enerġija u l-enerġija li tiġġedded; jinnota li dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati għal proġetti ewlenin għal infrastruttura ta' l-enerġija, bħal-linja tal-pajp tal-gass tal-Baltiku; jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex titkellem mar-Russja b'leħen wieħed dwar dawn il-kwistjonijiet sensittivi dwar l-enerġija.
22. Jaqbel ma' l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-teknoloġiji avvanzati ta' l-enerġija u jinkuraġġixxi l-kuntatti bejn l-atturi fis-settur ta' l-enerġija ta' l-UE u tar-Russja, kif ukoll l-isforzi neċessarji sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u biex jiġu żviluppati teknoloġiji li ma għandhomx emmissjonijiet ta' CO2, li joffru opportunitajiet sinifikanti għall-koperazzjoni, partikularment koperazzjoni industrijali, bl-iskambju ta' l-aħjar prattiki u teknoloġiji bejn kumpaniji Russi u ta' l-UE;
23. Jistieden lir-Russja u lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jilħqu l-miri stipulati fil-Protokoll ta' Kyoto u f'dan ir-rigward jinsisti dwar ir-responsabiltà speċifika ta' pajjiżi żviluppati li jkunu minn ta' quddiem fit-tnaqqis ta' l-emmissjonijiet; jistieden lir-Russja biex tieħu rwol attiv fin-negozjati internazzjonali fil-ġejjieni u biex tiffaċilita ftehim bla diffikultajiet sa l-2008, l-iktar sa l-2009, biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-suq dinji tal-karbonju;
24. Jilqa' l-inizjattivi sabiex ikun hemm vjaġġar mingħajr viża bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, li jagħti sinjal ta' prospett ta' relazzjonijiet imtejba; jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni fuq l-immigrazzjoni illegali, kontrolli aħjar tad-dokumenti ta' l-identità u skambju ta' informazzjoni aħjar dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li r-Russja tosserva l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fi kwalunkwe ftehima nnegozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżas bejn iż-żewġ naħat sabiex ikun evitat ksur tas-sigurtà u d-demokrazija fl-Ewropa;
25. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi li hemm meta tinqasam il-fruntiera bejn l-UE u r-Russja u biex iħeġġu proġetti konkreti u jutilizzaw bis-sħiħ l-Istrument tal-Viċinat u Sħubija u l-fondi ta' l-INTERREG għall-koperazzjoni bejn il-fruntieri;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.