Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2172(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0127/2007

Testi mressqa :

A6-0127/2007

Dibattiti :

PV 09/05/2007 - 14
CRE 09/05/2007 - 14

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2007 - 7.8
CRE 10/05/2007 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0179

Testi adottati
PDF 254kWORD 93k
Il-Ħamis, 10 ta' Mejju 2007 - Brussell
L-Istrateġija ta' l-UE dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija
P6_TA(2007)0179A6-0127/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija: x'inhi l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea? (2006/2172(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-orjentazzjonijiet u l-istrateġiji tal-Kummissjoni u tal-Kunsill rigward il-pajjiżi differenti tad-dinja Għarbija;

–   wara li kkunsidra r-rapport interim ta'l-Unjoni Ewropea dwar is-Sħubija Strateġika mar-reġjun tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani li l-Kunsill Ewropew adotta f'Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropea għad-dinja Għarbija li ġiet ippreżentata fl-2003 mir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Ewropa Ikbar -il-Viċinat: qafas ġdid għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna ta' l-Lvant u tan-Nofsinhar" (COM(2003)0104), id-dokument gwida dwar il-politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2004)0373), il-proposta tiegħu għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħolqien ta' strument Ewropew għall-viċinat u għall-isħubija (COM(2004)0628), il-komunikazzjoni tiegħu għall-Kunsill dwar il-proposti tal-Kummissjoni favur pjan ta' azzjoni fi ħdan il-qafas ta' politika Ewropea għall-viċinat (ENP) (COM(2004)0795) u l-pjanijiet ta' azzjoni għall-pajjiżi konċernati, kif ukoll il-komunikazzjoni tiegħu rigward it-tisħiħ tal-poliika Ewropea għall-viċinat (COM(2006)0726),

–   wara li kkunsidra l-prijoritajiet politiċi tal-presidenza Ewropea ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) mfassla fil-21 ta' April 2005, li tiffoka fuq l-intensifikazzjoni tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-parlamenti ta' pajjiżi sħab,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' l- EMPA adottati fil-laqgħat tal-21 ta' Novembru 2005 f'Rabat u tas-27 ta' Marzu 2006 fi Brussel,

–   wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-iżvilupp tal-bniedem fid-dinja Għarbija li ġew ippubblikati fl-2002, fl-2003 u fl-2005 mill-programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp (UNDP) u, b'mod partikulari, ir-rapport tal-2004 intitolat "Lejn il-ħelsien fid-dinja Għarbija",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-politika Mediterranja ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari dik tat-12 ta' Frar 2004 dwar l-inizjattiva maħsuba biex tagħti impetu ġdid għall-azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea b'koperazzjoni ma' l-imsieħba Mediterranji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u f'dak tad-demokratizzazzjoni(1), il-programm ta' ħidma ta' ħames snin adottat fit-28 ta' Novembru 2005 fil-Laqgħa Għolja Ewromediterranja ta' Barċellona, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar ħarsa lura lejn il-proċess ta' Barċellona(2),

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dikjarazzjoni universali dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0127/2007),

A.   billi l-kunċett ta' identità Għarbija meta miftiehem bħala fattur ta' għaqda jidher li huwa karatteristika komuni rikonoxxuta minn popli u stati ta' zona vasta ġeografika li tinfirex mill-Magreb sal-Golf Persjan u li tgħaddi mill-Maxreq u l-Lvant Qarib,

B.  B billi dan l-identità Għarbija waqt li timmanifesta ruħha f'forom diversi fis-sitwazzjonijiet reali, kemm politiċi (monarkiji, reppubbliki Għarab, l-Istat ta' Iżrael u l-Awtorità Palestinjana), kemm reliġjużi (Musulmani Sunniti, inklużi l-Waħabiti, l-Aluwiti, id-Drużi u x-Xiiti u l-insara ta' twemmin divers) u kemm dawk soċjoloġiċi (ta' bliet kbar, zoni rurali, muntanji, popli nomadi) xorta żżomm numru ta' parametri komuniu transnazzjonali

C.   billi l-viżjoni Ewropea tad-dinja Għarbija huwa ġeneralment limitat għal approċċ ibbażżat fuq relazzjonijiet statali bilaterali jew subreġjunali, u billi jkun tajjeb li tingħata dinamika akbar lill-istrateġija globali ta' l-UE rigward id-dinja Għarbija li tkun ibbażata mhux biss fuq organizzazzjonijiet reġjunali eżistenti (il-Lega ta' Stati Għarab, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni tal-Golf, l-Għaqda tal-Maghreb Għarbi jekk ikun il-każ li titqajjem mill-ġdid) u fuq għodda u strutturi eżistenti (Euromed, il-Programm Meda, ftehimta' assoċjazzjoni, politika Ewropea għal viċinat), imma wkoll fuq it-tisħiħ ta' l-għajnuna għal atturi mhux statali fir-reġjun,

D.   billi l-istrateġija għad-dinja Għarbija ppreżentata fl-2003 mir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE kienet ir-riżultat tal-perikli u t-theddidiet li dehru wara l-attentati tal-11 ta' Settembru 2001,

E.   billi fl-Ewropa għarfien aħjar u aktar profond tad-dinja Għarbija, li għandha soċjeta' mogħnija b'diversi uċuħ, u tad-diversità kulturali tagħha huwa meħtieġ sabiex jimla l-vojt li jeżisti bejn iż-żewġ xtut tal-Mediterran u sabiex isaħħaħ il-politiki ta' integrazzjoni fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u sabiex jeqred l-isterjotipi u l-preġudizzji,

F.  F billi l-bidliet radikali li seħħew bit-tmiem tal-gwerra bierda u ta' l-ordni dinjija bipolari inkuraġġew kemm l-aspirazzjonijiet ta' emanċipazzjoni fi ħdan is-soċjetajiet Għarab, kif ukoll xpruna ċerti gvernijiet Għarab u forzi ekonomiċi u soċjali biex jipparteċipaw attivament fil-globalizzazzjoni u l-multiipolarità,

G.   billi s-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra li għal żmien twil għexu fid-dinja Għarbija b'sarima f'ħalqhom qed isemmgħu leħinhom aktar u qed jirrikjedu aktar attenzjoni, risponsabbiltajiet akbar, kif ukoll irwol politiku akbar,

H.   billi esperjenzi tal-passat ta' "rinaxximent Għarbi", ikkunsidrati bħala tentativi ta' riformi, b'mod ġenerali fallew u billi n-nazzjonaliżżmu statali serva ta' ostaklu kbir f'kull proġett maħsub biex iġib l-għaqda fost l-Għarab,

I.   billi d-Dikjarazzjoni Finali adottata fil-Laqgħa Għolja tal-Kunsill tal-Lega Għarbija li sar fit-Tuneżija fit-23 u 24 ta' Mejju 2004 itenni inter alia l-impenn għar-riforma u l-modernizzazzjoni ta' l-Istati Membri tal-Lega permezz tal-konsolidazzjoni demokratika u l-parteċipazzjoni politika,

J.   billi huwa fl-interess komuni tal-pajjiżi Għarab u ta' l-imsieħba tagħhom Ewropej li jinbdew riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni, l-istabbilità, id-demokratiżżazzjoni, u jitejjeb fil-livell ta' għajxien u li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali fir-reġjun kollu kemm hu,

K.   billi biss il-progress fil-liberalizzazzjoni politika u ekonomika, flimkien ma' dak fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet soċjali u l-edukazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal stabbilità akbar f'dawn il-pajjjiżi, u billi bil-kontra, l-immobilità ma' toffri ebda garanzija ta' stabbilità reali,

L.   billi l-kontribuzzjonijiet magħmula minn-Nazzjonijiet Uniti matul dawn l-aħħar snin , b'mod partikulari r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' l-Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet u tal-Programm ta'l-Iżvilupp tan-NU, li jidderivaw minn involviment fil-qrib mal- komponenti differenti tas-soċjetajiet Għarab, għandhom jiġu tradotti f'politiki konkreti u reali,

M.   billi r-relazzjonijiet li l-Ewropa għandha ma' l-awtoritajiet tal-pajjiżi konċernati għal żmien twil ibbażaw ruħhom biss fuq il-kisba ta' l-istabbilità u ta' sħubija stateġika mingħajr ma ħadu kont tar-rispett tad- drittijiet fundamentali tal-bniedem mill-awtoritajiet, hekk li ħolqu ostaklu għall-isforzi magħmulin mill-atturi tas-soċjetà ċivili sabiex jagħmlu riforma interna tas-soċjetajiet differenti,

N.   billi huwa imporanti li jinħoloq qafas li fi ħdanu jista' jseħħ b'mod l-aktar liberu djalogu miftuħ bejn il-komponenti differenti tas-soċjetajiet Għarab, hekk li jinfirex internament proċess ta' riforma tabilħaqq,

O.   billi l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1994, turi r-rieda li jiġi garantit ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja Għarbija; billi jiddeplora madankollu li l ċerti dispożizzjonijiet huma mfassla b'tali mod li jagħtu lok għal interpretazzjonijiet differenti,

P.   billi l-moviment ta' l-identità Għarbija, kif maħsub mill-fundaturi oriġinali tiegħu, huwa proġett li jinkludi fl-għanijiet tiegħu s-sekolarizzazzjoni tas-soċjetajiet, filwaqt li x-xejriet kontemporanji ta' l-Iżlam politiku ma jidhirx li qegħdin dejjem jagħtu soluzzjonijiet adegwati għall-problemi tar-riforma politika; jinsab imħasseb minħabba li dan l-imblokk tar-riforma politika qed iħeġġeġ l-iżlamiżmu radikali u r-retorika tiegħu ta' mibgħeda tal-Lhud; ifakkar li l-moderazzjoni ta' l-iżlamiżmu tiddependi kemm mis-solidità tal-qafas isitituzzjonali li fih jiżviluppaw dawn il-forzi, kif ukoll mill-opportunitajiet li dan joffri biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politiki,

1.   billi huwa konvint li l-identità Għarbija m'hi bl-ebda mod inkompatibbli, la mal-kunċett ta' modernità u lanqas ma' l-impenn għal riformi serji; jikkonsidra li l-impotenza li jinsab fl-istess sisien tal-"malesseriGħarbi" tista' tingħeleb permezz ta' sħubija mġedda msejsa fuq il-fehim u l-fiduċja riċeproċi u fuq ir-rispett tat-tradizzjonijiet u l-kredibilità ta' xulxin; ifakkar li l-tqarrib lejn il-Punent tas-soċjetajiet Għarbin mhuwiex l-aktar mezz xieraq biex jintlaħaq dan u li l-kunċetti ta' demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt huma valuri universali li għadd bla qies ta' awtoritajiet u gvernijiet Musulmani ddikjaraw li huma kompatibbli ma' l-Iżlam;

2.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni diġa msemmija rigward it-tisħiħ tal-politika Ewropea għall-viċinat (ENP); jikkonsidra li l-ENP huwa strument kruċjali għall-promozzjoni tar-riformi fil-pajjiżi tan-Nofinhar u ta' l-Lvant ta' l-Unjoni Ewropea; juri d-diżappunt tiegħu għall-ammont propost għal fondi allokati għall- Faċilita' għall-Governanza u jikkonsidra li dan l-ammont għandu jiżdied sabiex jiġġarantixxi l-effikaċja;

3.  Jikkonsidra li minħabba l-limitazzjonijiet ta' l-istrateġiji bilaterali u ad hoc ta' l-UE ma' pajjiżi msieħba matul dawn l-aħħar deċenji jkun tajjeb li fil-qafas tar-razzjonalizzazzjoni ta' l-attività esterna ta' l-UE tingħata spinta ġdida globali għas-sħubija ta' l-UE u ta' l-Istati Membri mad-dinja Għarbija filwaqt li tingħata attenzjoni li jiġu mmirati setturi speċifiċi ta' koperazzjoni u li dan isir flimkien ma' strutturi politiċi eżistenti bħal ma huma l-Lega ta' Stati Għarab u l-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf, kif ukoll ma' l-Għaqda tal-Maghreb Għarbi jekk din terġa' tirpilja; jenfasizza li l-impenji ma' organizzazzjonijiet tas-soċjeta' ċivili u movimenti riformisti għandhom jagħmlu parti minn dawn l-isforzi meħudin f'livell reġjunali, kif ukoll koperazzjoni speċifika b'mod partikulari ma' organizzazzjonijiet politiċi li jippromwovu d-demokrazija b'mezzi mhux vjolenti.

4.  Jisħaq li n-nuqqasijiet tal-proċess ta' riforma fid-dinja Għarbija huma dovuti wkoll għal problemi u kontroversji li hemm bejn ċerti pajjiżi Għarab; jikkonsidra li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha kollha biex tgħin fl-integrazzjoni politika u ekonomika tal-pajjiżi; josserva li biex l-Unjoni Ewropea tkun influwenti tabilħaqq ma tridx tagħti l-impressjoni ta' superjorità u lanqas tidher li qed tipprova tagħti xi lezzjoni, imma għandha pjuttost tagħmel id-djalogu Ewro-Għarbi djaloġu ta' verubejn partijiet ugwali;

5.  Jikkondsidra li waqt li huwa estremament importanti li r-relazzjoni Ewro-Għarbija għandha tinkludi l-ħtieġa vitali l-ġlieda kontra t-terroriżmu, huwa essenzjali għall-effett u s-susstanza ta' dik ir-relazzjoni, li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma' ddellilx jew żżomm lura serje sħiħa ta' suġġetti ta' interess komuni, bħall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-impjiegi, l-iżvilupp sostenibbli, l-amministrazzjoni tajba ta' affarijiet pubbliċi u wisq anqas il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp u t-tisħiħ ta' soċjetà ċivili b'saħħitha u ġenwina, li tippromwovi l-progress tas-sistema demokratika u tat-tolleranza, il-ġlieda għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-rispett sħiħ, inkluż ir-rispett legali u non-diskriminazzjoni, għal orjentazzjonijiet sesswali differenti, il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali dinji, id-djalogu interkulturali, il-governanza tajba, media indipendenti u ġusta, il-partiċipazzjoni politika u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-libertà tal-kuxjenza, inkluża dik reliġjuża, il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-assoċjazzjoni, il-ġlieda kontra t-tortura u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, kif ukoll iċ-ċaħda ta' l-intolleranza u tal-fundamentaliżmu, sabiex tiġi kkreata tabilħaqq żona ta' paċi u ta' prosperità komuni;

6.  Jistieden lill-pajjiżi Għarab biex jiġġieldu kull għamla ta' impunità u sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi tranżizzjonali ta' ġustizzja sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja għall-vittmi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli għal dawn id-delitti; jistieden bl-istess ħsieb, lill-pajjiżi Għarab biex jirrattifikaw l-Istatut ta' Ruma għall-ħolqien tal-qorti kriminali internazzjonali u biex jiffirmaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-protezzjoni ta' kulħadd mill-iGħajbien Sfurzat,

7.  Jilqa' l-eżistenza ta' fora ta' djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u d-dinja Għarbija, kif ukoll il-bosta proġetti u inizjattivi ta' koperazzjoni implimentati permezz tal-proċess ta' Barċellona, is-Sħubija Strateġika għall-Mediterran u l-Lvant Nofsani, kif ukoll il-koperazzjoni mal-Kunsill għall-Koperazzjoni ta' l-Istati Għarab tal-Golf (CGEAG);

8.  Jenfasizzza l-irwol ta' l-AssEMPA bħala entità demoktratika li tiġbor taħt it-tliet pilastri tal-proċess ta' Barċellona Membri Parlamentari miż-żewġt ixtut tal-Mediterran; jappella biex ikun hemm tisħiħ partikulari tal-koperazzjoni bejn l-EMPA, il-Kummissjoni u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea; jafferma mill-ġdid id-disponibilità u l-volontà ta' l-EMPA, bħala istituzzjoni parlamentari tal-Proċess ta' Barċellona, biex tagħti l-kontribut tagħha għal soluzzjoni tal-konflitt Għarbi-Iżraeljan;

9.  Jikkonsidra li jeħtieġ li jiġi promoss aktar it-tielet pilastru tal-proċess ta' Barċellona, jiġifieri l-koperazzjoni umana u soċjali, sabiex jingħelbu l-isterjotipi u n-nuqqasijiet ta' ftehim li jfixklu tqarrib miftuħ u profond bejn iż-żewġ popli fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran; jitlob lil dawk involuti fis-Sħubija Ewro-Mediterranja, b'mod partikulari lill-gvernijiet, biex jappoġġjaw ix-xogħol tal-Fondazzjoni Ewro-Mediterranja Anna Lindh għad-djalogu bejn il-kulturi billi jagħtuha riżorsi sostanzjali sabiex tikkonsolida n-network ta' networks tagħha li jiġbor fih 1200 korpi u assoċjazzjonijiet li jaħdmu favur id-djalogu tas-soċjetajiet tagħhom;

10.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-komunità internazzjonali kollha biex jiżviluppaw relazzjonjiet bilanċjati mal-pajjiżi tar-reġjun; jenfasizza li kull appoġġ u kull kundanna unilaterali ta' ċerti Stati u mhux ta' oħrajn jistgħu iwasslu għall-polarizzazzjoni li tkompli tikkomplika s-sitwazzjoni diġa kkomplikata sew fid-dinja Għarbija;

11.  Jikkonsidra li fi sforzi biex jinbdew negozazzjonijiet ġodda mad-dinja Għarbija m'għandhomx jinkludu persuni, organizzazzjonijiet jew pajjiżi li japprovaw l-attivitàjiet tat-terroristi u li ma jagħrfux l-eżistenza legali ta' Iżrael;

12.  Jinnota li li kull approfondiment tar-relazzjoni Ewro-Għarbija jiddependi mill-enerġija u t-talent li permezz tagħhom l-Ewropa se jirnexxilha tikkonċilja d-dmir u r-responsabbiltà storiċi tagħha stess lejn l-Istat ta" Iżrael u lejn il-poplu Lhudi mar-responsabbiltà li għandha li twettaq irwol aktar attiv u effettiv li jkun jiggarantixxi aktar ir-rispett għal-liġi internazzjonali u dik umanitarja sabiex tinkiseb soluzzjoni dejjiema tal-kunflitt, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' Stat Palestinjan demokratiku li jkun jeżisti bieb ma' bieb, fil-paċi u s-sigurtà, ma' l-Istat ta" Iżrael ;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-inizzjattiva għall-Paċi tas-Sawdi approvata unanimament fit-28 ta' Marzu 2007 waqt il-laqgħa għolja ta' l-Lega ta' Stati Għarab f'Riyadh; huwa tal-fehma li din tikkostitwixxi kontribuzzjoni importanti mid-dinja Għarbija għall-attentat li jerġa' jibda l-proċess tal-paċi u sabiex tinstab soluzzjoni komprensiva għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina; jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel kull sforz sabiex jitratta din il-proposta fil-laqgħa li jmiss tal-Kwartett u sabiex isib modi ta' kif jassoċja l-Lega ta' Stati Għarab aktar mill-qrib fi ħdan dan il-qafas;

14.  Jifhem li waħda mill-fraġilitajiet inerenti tad-djalogu Ewro-Għarbi ġejja min-nuqqas ta' leġittimità li kultant tikkaratterizza l-kelliema politiċi Għarab fl-istess pajjiżhom, b'mod partikulari minħabba l-imġiba demokratika, ekonomika u soċjali fqira tagħhom;

15.  Jitlob għalhekk li l-Ewropa tagħti wkoll appoġġ politiku viżibbli lill-atturi fis-soċjeta ċivili, f'assoċjazzjonijiet u fil-ħajja reliġjuża, b'mod partikulari lill-organizzazzjonijiet politiċi li jippromwovu d-demokrazija b'mezzi mhux vjolenti, bl-esklużjoni ta' forzi settorjali, fundamentalisti u ta' nazzjonalisti estremisti, imma li jinkludu wkoll fejn xieraq lajċi u Islamisti moderati - inklużi, b'mod partikulari Islamisti lajċi - li l-Ewropa tħeġġeġ biex jipparteċipaw fil-proċess demokratiku hekk li jinħoloq bilanċ bejn perċezzjonijiet kulturali u pragramtiżżmu politiku; jikkonsidra li s-suċċess ta' appoġġ bħal dan ikun jiddependi essenzjalment milli wieħed jifhem sew l-istrutturi u l-iżviluppi politiċi u soċjali, kif ukoll mill-kapaċità li wieħed jaġixxi skond dinamika politika fil-livell lokali; jikkonsidra li t-tnedija mill-ġdid tad-djalogu interkulturali trid tgħaddi minn affirmazzjoni ta' denominatur umanistiku komuni u universali li jittraxxendi d-dogma u l-allejanzi komunitarji u li timxi mal-proposti dwar id-djalogu bejn iċ-ċivilizzazzjonijiet u skond l-inizjattivi kollha tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-kwistjoni;

16.  Jappoġġja għalhekk bla riżerva l-bżonn li l-Unjoni Ewropa timpenja ruħa fi djalogu wiesa' kulturali billi tippromwovi fost n-negozjaturi Għarab il-valuri fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, eċċ.), filwaqt li jitqiesu l-perċezzjonijiet kulturali u politiċi diversi;

17.  Jinnota l-progress limitat li sar fil-liberaliżżazzjoni ta' skambji kummerċjali fost l-Għarab kif ukoll fit-tisħiħ tas-settur privat; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirduppjaw l-isforzi sabiex jiġi inkuraġġut l-iżvilupp sostenibbli u ekwu tal-pajjiżi Għarab bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi permezz ta' appoġġ għal politiki inerentament strutturali u soċjali li jillimtaw l-effetti soċjalment negattivi tar-riformi ekonomiċi, b'mod partikulari rigward is-swieq essenzjali bħal dak ta' l-enerġija jew it-telekomunikazzjoni bil-għan li tinħoloq dinamika ta' żvilupp favorevoli f'setturi oħrajn, filwaqt li jiġu implimentati politiki paralleli li jinkuraġġixxu riformi mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet tekniċi u politiċi preċiżi u limitati; jilqa' l-isforzi magħmula biex tinħoloq Zona Ewromediterranea ta' Kummerċ Ħieles u jilqa' l- Ftehim ta' Agadir li jippromwovi kummerċ bejn ir-reġjuni; jistenna l-konklużżjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-Kunsill ta' Ko-operazzjoni tal-Golf għal Zona ta' Kummerċ Ħieles;

18.  Jinnota li fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' riformi politiċi u tal-progress tad-demokrazija, ir-reġjuni tad-dinja Għarbija għandhom sitwazzjonijiet diversi ħafna u għalhekk ikun tajjeb li ma jiġix impost mudell wieħed;

19.  Jispera li l-pajjiżi Għarab li għadhom m'għamlux hekk jimpenjaw ruħhom favur il-libertà tat-twemmin u d-dritt ta' persuni jew komunitajiet li jkunu ħielsa li jistqarru t-twemmin tagħhom jew jipprattikaw il-fidi tagħhom u wkoll li jiggarantixxu l-indipendenza u s-separazzjoni ta' l-istituzzjonijiet u l-poter politiku mill-awtoritajiet reliġjużi; jikkonsidra li x-xhieda ta' miljuni ta' Musulmani li jgħixu fl-Ewropa għandha tgħin lill-pajjiżi Għarab biex jimplimentaw f'pajjiżhom stess dak il-prinċipju kostanti tar-relazzjonijiet internazzjonali li huwa r-reċiproċità;

20.  Jenfasizza li l-appoġġ għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikulari għal dawk relatati mal-libertà tal-kelma u mar-reliġjon, m'għandhomx jitħawdu ma' l-għażla ta' reġimi u lanqas mal-mod kif jintagħżlu l-mexxejja; jenfasizza li fil-ħtieġa ta' moniteraġġ ta' l-iżviluppi fir-reġjun tiġi rrispettata r-rieda taċ-cittadini u jiġu meqjusa d-differenzi kulturali, storiċi u politiċi; jinnota li r-rieda taċ-ċittadini, fil-forom diversi tagħha, tista' tkun differenti minn dik aċċettata fl-Ewropa, u li kwalunkwe sforz li tiġi alinejata ma' mudelli ewropej bil-forza, jista' jkun kontraproduttiv; jisħaq li sabiex il-bidla tkun leġittima, għandha tiġi adottata u appoġġata miċ-ċittadini konċernati;

21.  Jispera b'mod partikulari li jkun hemm għarfien aħjar ta' l-irwol tal-mara u ta' l-emaniċipazzjoni tagħha fis-soċjetà ċivili u politika;

22.  Jitlob lil-Lega ta' Stati Għarab sabiex tibdel u tikjarifika ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta Għarbija għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll li tfassal mekkaniżmi li jippermettu li jiġi kkontrollat ir-rispett tad-dispożizzjoni previsti f'din il-Karta fl-istati firmatarji tagħha;

23.  Ifakkar li t-tisħiħ tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa inkluż fost l-istess l-għanijiet tal-politika barranija Ewropea u li huwa f'dan l-isem ġust u koerenti li trid twettaq politika ambizzjuża għad-drittijiet tal-bniedem ibbażata fuq ir-rispett tal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehim, u fuq djalogu politiku strutturat u profond f'dan il-qasam; ifakkar fl-istess ħin li l-pajjiżi Għarab irratifikaw il-patt internazzjonali rigward id-drittijiet ċivili u politiċi u li għalhekk intrabtu li jirrispettaw dawn id-drittijiet fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi aktar fid-dinja Għarbija r-rispett tal-prinċipju ta' l-istat tad-dritt kif ukoll il-moviment għar-riforma tal-liġi; jikkonsidra li għandha ssir skond l-ispirtu tal-valuri li joħorġu mis-sistema universali tad-drittijiet tal-bniedem, u li għandha tinvolvi riforma politika li jkollha l-għan li tillegalizza l-attività ta' l-oppożizzjoni permezz ta' istituzzjonijiet eżistenti - mingħajr ma timmina l-validita' ta' dawk l-istituzzjonijiet - u skond il-ħsieb tal-pjan ta' azzjoni tal-politika għall-viċinat Ewropew, kif ukoll tad-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas tal-proċess ta' Barċellona; jistieden lill-Kummissjoni biex tapprofitta ruħha kemm tista' mill-possibiltajiet li toffri l-Istrument Ewropew favur id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) sabiex tappoġġja s-soċjetà ċivili u l-movimenti għar-riforma politika fir-reġjun;

25.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ xieraq lill-dawk l-atturi kollha tal-moviment tar-riforma fid-dinja Għarbija, u tinkludi kemm lill-atturi statali kif ukoll lil dawk tas-soċjetà ċivili, u sabiex tagħti l-appoġġ tagħha għall-ħolqien ta' istituzzjonijiet komuni Għarab, b'mod partikulari dawk parlamentari; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tfassal mekkaniżmu formali regulari għall-konsultazzjoni u l-moniteraġġ fl-ogħla livell flimkien mal-Lega ta' l-Istati Għarab, u skond is-sussidjarita' fost l-isferi kollha b'interess komuni; jitlob ukoll lill-Unjoni Ewropea u lill-Lega ta' l-Istati Għarab biex jagħmlu Laqgħat Għolja regolari sabiex jiżviluppaw aġendi komuni u oqsma ta' xogħol;

26.  Jinnota l-importanza u jinkuraġġixxi l-irwol tal-media ġodda fid-disseminazzjoni ta'valuri demokratiċi fid-dinja Għarbija u għall-ħolqien ta' sfera pubblika pan-Għarbija kkaratterizzata mid-dibattitti u l-konfrontazzjoni ta' l-ideat; rigward dan jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi ta' l-Euronews jibdew jixxandru bl-Għarbi u bil-Farsi;

27.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkuraġġixxu l-iskambji bejn l-UE u l-pajjiżi Għarab ta' studenti, għalliema, studjużi universitarji u riċerkaturi u sabiex jiffaċilitaw dawn l-iskambji permezz ta' skema adattata u aktar flessibbli ta' viżas;

28.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iwaqqfu ċentri ta' riċerka fuq it-territorju tagħhom għall-għanijiet ta' skambji kulturali u studji komparattivi bejn pajjiżi Għarab u Ewropej, sabiex jipprovdu faċilitajiet għal studji interdixxiplinari dettaljati u joħolqu mezzi għat-trawwim ta' fehim reċiproku;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi b'kull mezz possibbli r-riċerka universitarja u xjentifika fid-dinja Għarbija u biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta' politika ambizzjuża tal-pubblikazzjoni bil-għan li tiżviluppa, tippubblika u tittraduċi xogħlijiet xjentifiċi u letterarji bi preżżijjiet aċċessibbli għall-kulħadd;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inizjattivi li jkollhom l-għan li jiġġielda kontra l-korruzzjoni fid-dinja Għarbija, b'mod partikulari bl-implimentazzjoni ta' prinċipji trasparenti għan-nominazzjoni ta' uffiċjali nazzjonali;

31.  Jikkonsidra li kif kien il-każ reċenti tal-Konferenza ta' Pariġi III għal-Libanu, l-għajnuna finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea tkun tista' tikkostitwixxi l-istrument l-aktar validu biex tiżgura l-preżenza viżibbli ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri l-oħra permezz ta' appoġġ strateġiku u kundizzjonali għar-riformi fid-dinja Għarbija, bir-rispett xieraq għall-ftehim eżistenti u tar-realtà politika ta' kull Stat individwali u kull reġjun;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lil-Lega ta' Stati Għarab, lill-Kunsill għall-Koperazzjoni fil-Golf, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, tal-pajjiżi Għarab u ta' Iżrael.

(1) ĠU C 97 E, 22.4.2004, p.656.
(2) ĠU C 272 E, 9.11.2006, p.570.

Avviż legali - Politika tal-privatezza