Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2291(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0146/2007

Testi mressqa :

A6-0146/2007

Dibattiti :

PV 09/05/2007 - 20
CRE 09/05/2007 - 20

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2007 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0180

Testi adottati
PDF 353kWORD 104k
Il-Ħamis, 10 ta' Mejju 2007 - Brussell
Is-Sħubija tal-UE fil-Qarn ta' l-Afrika
P6_TA(2007)0180A6-0146/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar il-Qarn ta' l-Afrika: Partenarjat politiku reġjonali ta" l-UE għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp (2006/2291 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-istrateġija ta' l-UE intitolata 'L-UE u l-Afrika: Lejn Partenarjat Strateġiku' (L-Istrateġija Ewropea għall-Afrika), adottata mill-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: 'Il-Konsensus Ewropew' (Il-Konsensus Ewropew fuq l-Iżvilupp)) iffirmat fl-20 ta' Diċembru 2005(1),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), fuq in-naħa l-waħda, u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(2), kif emendat bil-Ftehim li emenda l-Ftehim ta' Partenarjat, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005(3) (il-Ftehim ta' Cotonou), b'mod partikulari l-Artikolu 8 tiegħu,

−   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta" l-UE biex tiġġieled l-akkumulazzjoni illeċita ta" u t-traffikar ta" armi żgħar u ħfief (SALW) u l-munizzjon tagħhom, adottata mill-Kunsill ta" l-Ewropew tal-15 u tas-16 ta" Diċembru 2005,

−   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem 'Strateġija għall-Afrika:Partenarjat politiku reġjonali ta' l-UE għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fil-Qarn ta' l-Afrika' (COM(2006)0601),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu fuq Darfur, b'mod partikulari dawk tal-15 ta' Frar 2007(4), tat-28 ta' Settembru 2006(5), tas-6 ta' April 2006(6), tat-23 ta' Ġunju 2005(7) u tas-16 ta' Settembru 2004(8),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1706(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tipproponi forza ta' 22,000 ruħ għaż-żamma tal-paċi f'Darfur,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim għall-Paċi f'Darfur iffirmat f'Abuja, in-Niġerja, fil-5 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà li tindirizza l-impatt tal-gwerra fuq in-nisa u l-Protokoll ta' Maputo dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika tas-26 t'Ottubru 2005;

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal, li torbot u hi applikabbli mingħajr eċċezzjoni,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-12-13 ta' Frar 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar is-Somalja(9),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14-15 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni dwar is-Sudan/Darfur tal-5 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effettività ta' l-għajnuna u l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(10),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0146/2007),

A.   billi, fit-Tieni Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Afrika, li għandu jsir f'Liżbona fl-2007, il-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern għandhom japprovaw Strateġija Konġunta UE-Afrika li tirrappreżenta l-impenn ta' l-UE li tittrasforma l-Istrateġija ta' l-UE dwar l-Afrika fi Strateġija Konġunta UE-Afrika; billi l-Parlament Ewropew sa issa għadu ma ġiex inkluż fil-konsultazzjoni,

B.   billi il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq rigward l-is'trateġija għall-Afrika tibni fuq il-kunċett tal-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-iżvilupp li huma marbutin ma' xulxin, u tistqarr li ma hemmx żvilupp mingħajr paċi dejjiema u li ma hemmx paċi dejjiema mingħajr żvilupp, u tkompli bil-għan li sservi ta' gwida fil-formulazzjoni ta' dokumenti dwar l-Istrateġija tal-Pajjiżi u r-Reġjuni,

C.   billi l-Istrateġija Ewropea dwar l-Afrika għandha l-għan li tibni qafas komprensiv u għat-tul għar-relazzjonijiet ta' l-UE mal-kontinent Afrikan, bil-għan ewlieni jkun il-kisba ta' l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp għall-Millennju (MDGs) u l-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà u governanza tajbal-governanza tajba fl-Afrika,

D.   billi l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou jipprovdi qafas għat-tmexxija ta' djalogu politiku dwar kwistjonijiet politiċi speċifiċi ta' tħassib reċiproku jew ta' sinifikat ġenerali għall-partijiet, u jistipula li politika fuq bażi wiesgħa li twassal għall-paċi u tevita, tikkontrolla u ssolvi konflitti vjolenti għandu jkollha rwol prominenti f'dan id-djalogu,

E.   billi l-Artikolu 11 tal-Ftehim ta' Cotonou bl-isem 'Politika li ssaħħaħ il-paċi, li tevita l-konflitti u ssolvihom' jistipula li l-partijiet għandhom ifittxu politika integrata u komprensiva li ssaħħaħ il-paċi u tevita u ssolvi l-konflitti, b'fokus partikulari fuq il-bini ta' entitajiet reġjonali, sotto-reġjonali u nazzjonali,

Id-dimensjoni tas-sigurtà

F.   billi l-Qarn ta' l-Afrika huwa wieħed mir-reġjuni fid-dinja fejn jistgħu jinqalgħu konflitti mix-xejn, minbarra li hu wieħed mill-ifqar reġjuni b'nuqqas sistematiku ta' sigurtà fejn il-kunflitti u l-kriżijiet politiċi jrewħu u jkebbsu lil xulxin, b'relazzjonijiet diffiċli bejn l-istati, bi fruntieri instabbli, missielta, sottożviluppati u nieqsa mis-sigurtà, bi stati li jipprovdu rifuġju, bażijiet ta' difiża, għajnuna militari u rikonoxximent diplomatiku lil gruppi mdaħħla fi gwerer fi stati ġirien,

G.   billi l-għeruq tal-kunflitti x'aktarx jinbtu mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, min-nuqqas ta' demokrazija, mill-iggvernar ħażin u l-korruzzjoni, mit-tensjonijiet etniċi, mill-amministrazzjoni ineffiċjenti, mill-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi u l-armi u mit-tixrid illegali u bla rażan ta' armi żgħar u leġġeri, kif ukoll mill-faqar, min-nuqqas ta' impjieg u mill-inġustizzji soċjali, ekonomiċi u politiċi, u min-nuqqas ta' ugwaljanza, miż-żieda mgħaġġla fil-popolazzjoni u mill-immaniġġjar ħażin u/jew l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali,

H.   billi l-kunflitti fil-Qarn ta' l-Afrika ħadu dimensjoni reġjonali minħabba l-indħil ta' pajjiżi ġirien u pajjiżi oħra, kif ukoll minħabba dimensjoni internazzjonali li dejjem aktar qed titwessgħa,

Oqfsa reġjonali u fatturi esterni

I.   billi l-Awtorità Intergovernmentali fuq l-Iżvilupp (IGAD) hija parti ewlenija mill-arkitettura politika u tas-sigurtà u kruċjali biex ikun evitat il-kunflitt fil-Qarn u hija l-unika organizzazzjoni sotto-reġjonali li tagħha s-Somalja hija membru,

J.   billi l-Unjoni Afrikana (AU) qiegħda tiżviluppa l-kapaċitajiet biex tidħol għall-medjazzjoni tal-gwerer u ż-żamma tal-paċi u billi l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika hija waħda mill-aspetti l-iktar tanġibbli tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-AU,

Dimensjonijiet ta' l-iżvilupp

K.   billi l-instabilità kronika tar-reġjun ixxekkel l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku tiegħu u tirrappreżenta wieħed mill-impedimenti ewlenin fil-kisba ta' l-MDGs,

L.   billi l-pajjiżi tal-Qarn ta' l-Afrika jappartjenu għal organizzazzjonijiet u inizjattivi ekonomiċi reġjonali differenti bħal ma huma l-Komunità ta' l-Afrika tal-Lvant (EAC)(11) , is-Suq Komuni għall-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (COMESA)(12) u l-Inizjattiva tal-Baċin tan-Nil(13),

M.   billi l-problemi tar-reġjun jiħraxu minħabba l-impatt reġjonali taż-żieda fil-popolazzjoni, tal-bidla fil-klima u l-pressjoni li dawn iġibu fuq ir-riżorsi naturali, il-biċċa kbira żejt, kif ukoll minħabba t-twegħir li jiġi mit-taqtigħa għar-riżorsi ta' l-ilma tan-Nil u l-proporzjon kbir ta' raħħala nomadiċi, aktar marbuta etnikament u lingwistikament milli skond il-fruntieri politiċi, li huma fost l-iżjed gruppi marġinalizzati fir-reġjun,

N.   billi l-mard li għandu x'jaqsam mal-faqar, l-aktar l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi (TB) u l-malarja, huma kawża ewlenija kif ukoll konsegwenza tal-faqar konsiderevoli li hemm fir-reġjun,

O.   billi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tar-reġjun anqas minn 50% tat-tfal huma rreġistrati fl-iskejjel primarji,

P.   billi n-nisa u t-tfal huma l-iktar nies vulnerablli waqt il-kunflitti u faċilment ikunu esposti għal kwalunkwe tip ta' vjolazzjoni ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem, inkluża l-vjolenza, l-istupru etniku, it-tortura u l-mutilazzjoni ġenitali, u huma jsofru minn mard iktar mill-irġiel u huma mċaħħda mill-aċċess għall-edukazzjoni u r-riżorsi naturali;

1.  Jiddeplora l-fatt li la l-Parlament Ewropew, la l-parlamenti tal-pajjiżi Afrikani, la l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU u lanqas ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ma kienu ġew kkonsultati kif jixraq fl-ebda stadju tal-ħidma fuq l-Istrateġija UE-Afrika, li jqajjem dubji dwar il-leġittimità demokratika ta' l-impenn komuni;

2.  Ifakkar li l-kunċett ta' xejra sostenibbli biex tkun stabbilita l-paċi dejjiema fil-Qarn ta' l-Afrika jeħtieġ l-għaqda ta' l-istrumenti u l-oqfsa legali kollha dwar l-Afrika li jeżistu fl-UE; jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa ta' l-Artikoli 8 u 11 tal-Ftehim ta' Cotonou;

Id-dimensjoni tas-sigurtà

3.  Jenfasizza li l-kunflitti fil-Qarn ta' l-Afrika għandhom ikunu indirizzati mill-aspett komprensiv u reġjonali biex tkun tista' ssir il-formulazzjoni ta' rispons komprensiv għas-sistemi dinamiċi u ta' kunflitti fir-reġjun;

4.  Hu tal-fehma li l-azzjoni ta' l-UE dwar il-Qarn ta' l-Afrika m'għandhiex tkun biss dwar it-tħassib għas-sigurtà imma wkoll dwar il-kawżi strutturali tal-kunflitti li għandhom x'jaqsmu esklużjoni soċjali, politika u ekonomika, kif ukoll mat-tisħiħ tas-sigurtà u l-ġustizzja;

5.  Jenfasizza li filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' sigurta u jkomplu bil-politiki kontroterroristiċi, l-UE ma tridx tinsa d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja; Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikxfu u jirrappurtaw kwalunkwe "rendizzjonijiet internazzjonali" ta" persuni arrestati fir-reġjun suspettat minn terroriżmu;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi sodi kontra l-impunità fir-reġjun, kontra t-traffikar ta" l-armi, kontra l-abbużi fuq id-drittijiet tal-bniedem, kontra l-vjolazzjonijiet tal-waqfien mill-ġlied u kontra l-attakki fuq nies ċivili, fuq dawk li jżommu l-paċi u fuq il-ħaddiema umanitarji u jappoġġjaw l-involviment tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC);

7.  Jenfasizza li paċi fuq żmien twil fil-Qarn ta" l-Afrika ser tiddependi wkoll mill-impenn ta" l-UE għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun; jistieden lill-UE biex pubblikament tikkundanna r-reġimi ripressivi f'dan ir-reġjun; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-reazzjoni ripressiva fl-Etjopja – is-siġġu ta" l-Unjoni Afrikana – kontra l-kapijiet ta" l-oppożizzjoni, ġurnalisti, attivisti għad-drittjiet umani u nies ordinarji li kien hemm minn mindu saru l-elezzjonijiet imbagħbsa fl-2005;

L-approċċ reġjonali biex tinbena l-paċi

8.  Isejjaħ għall-konsolidament tal-preżenża ta' l-UE fir-reġjun bil-ħatra ta' rappreżentant ta' l-UE għall-Qarn ta' l-Afrika, li tkun persuna li jkollha f'idejha l-koordinazzjoni ta' l-inizjattivi ta' l-UE fir-reġjun u li sservi ta' interlokutur ewlieni ta' l-UE għall-istati kollha tal-Qarn ta' l-Afrika u tressaq rapporti regolari lill-Parlament;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu aktar progress fl-istabbiliment ta' Delegazzjoni ta' l-UE għall-Unjoni Afrikana fl-Etjopja, mad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni fl-Etjopja;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jibdew proċess ta' konsultazzjoni ma' dawk li għandhom interess fir-reġjun, bħan-NU, l-AU, l-IGAD, il-Lega ta'l-Istati Għarab, l-Istati Uniti u ċ-Ċina, dwar l-inizjattiva biex issir Konferenza Komprensiva għas-Sigurtà, il-Paċi u l-Iżvilupp li tittratta fl-istess waqt dan it-tħassib dwar is-sigurtà ta' l-Istati kollha tal-Qarn ta' l-Afrika; jirrimarka li inizjattiva bħal din għandha sservi bħala punt tat-tluq biex jiġu varati miżuri li jgħollu l-moral għall-popolazzjonijiet u fl-Istati tar-reġjun;

11.  Jemmen bil-qawwa kollha li, fost l-isforzi biex tindirizza l-kriżi tar-reġjun tal-Qarn ta' l-Afrika, l-UE għandha l-ewwel u qabel kollox tfittex soluzzjonijiet Afrikani, jiġifieri, li jinkisbu bl-intervent ta' l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-post, l-AU u l-IGAD; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jissaħħu dawn l-organizzazzjonijiet billi jinbnew il-kapaċitajiet u l-istituzzjonijiet, b'mod partikulari bis-saħħa tal-Faċilità tal-Paċi għall-Afrika, għal dawk li huma l-prevenzjoni u s-soluzzjoni tal-kunflitti;

12.  Ifakkar li biex ittejjeb il-kapaċità ta' l-Afrika li tevita, tikkontrolla u ssolvi l-kunflitti Afrikani, hemm bżonn miżuri konkreti biex jgħinu l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda dwar il-Paċi u s-Sigurtà ta' l-AU, billi jipprovdu għajnuna teknika, esperti u assistenza lill-Forza Afrikana ta' Stennija u lid-Dipartiment tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Kummissjoni ta' l-AU;

13.  Ifakkar l-irwol importanti ta' inizjattivi reġjonali bħall-African Peer Review Mechanism biex irażżnu l-korruzzjoni u jippromwovu governanza tajba; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi Afrikani jimplimentaw dawn l-inizjattivi u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu assistenza teknika u finanzjarja għal dan il-għan;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu strument internazzjonali li jkun jorbot legalment biex jiġu traċċati u mmarkati armi żgħar u ħfief (SALW) u munizzjon u biex jappoġġjaw inizjattivi reġjonali li jikkumbattu l-kummerċ illegali fl-armi żgħar u ħfief u l-munizzjon fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

15.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-UNICEF li organizzat Konferenza Internazzjonali f'Pariġi (5 u 6 ta" Frar 2007) dwar suldati tfal, u jenfasizza l-bżonn li jintemm l-isfruttar illegali u mhux aċċettabbli ta' tfal f'kunflitti armati;

16.  Jenfasizza l-bżonn li jintemm il-kummerċ illegali ta" armi żgħar u ħfief u li jsiru kontrolli aktar stretti dwar iċ-ċirkulazjoni tagħhom; jilqa" b'sodisfazzjon l-adozzjoni fit-6 ta" Diċembru 2006 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU ta" riżoluzzjoni intitolata: Lejn Trattat dwar il-Kummerċ ta" l-Armi: l-istabbiliment ta' standards komuni internazzjonali dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isaħħu l-inizjattivi eżistenti dwar id-Diżarm, id-Dimobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni (DDR) u l-inizjattivi dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u jestenduhom għal pajjiżi/reġjuni oħrajn;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jrawwem l-irwol li jista' jkollhom l-NGOs, l-Organizzazzjonijiet Ibbażati fil-Komunità (CBOs), il-movimenti tal-bażi tas-sistema politika, u operaturi oħra li m'humiex ta' l-istat biex issaħħu l-paċi u jiġu evitati l-konflitti;

Id-Dimensjoni ta' l-iżvilupp/L-assi ta' l-integrazzjoni reġjonali

19.  Jenfasizza li l-għan li jitnaqqas il-faqar bil-kisba ta' l-MDGs u bit-tħaddim tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju għandu jkun prijorità u jkun rifless fil-politiki relevanti kollha ta' l-UE għar-reġjun, imma jemmen li l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju m'għandhomx jitqiesu bħala problema teknika li tinħall billi tipprovdi aktar flus bla ma tidentifika u tindirizza l-kawżi moħbija tal-faqar;

20.  Jemmen bis-sod li l-istati tal-Qarn ta' l-Afrika, minbarra l-problemi komuni tas-sigurtà, għandhom aġenda komuni ta' l-iżvilupp li teħtieġ sforzi komuni flimkien, kif ukoll il-mobilizzazzjoni tat-tmexxija politika u s-soċjetajiet f'dawn il-pajjiżi; jenfasizza l-fatt li dan it-tħassib jista' jkun indirizzat bis-sħiħ biss permezz ta' azzjonijiet konġunti sensittivi għall-kunflitt bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet komuni;

21.  Jenfasizza l-fatt li inizjattivi organizzati u koperazzzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni bħall-migrazzjoni tar-rifuġjati, il-kontroll tal-fruntieri, is-sikurezza ta' l-ikel, ir-riżorsi naturali, l-enerġija, l-ambjent, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u l-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jservu ta' bażi solida għal djalogu politiku pożittiv fost l-istati tal-Qarn ta' l-Afrika;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni xierqa lill-ħtiġijiet tar-reġjun meta tkun qiegħda tifformola kemm id-Dokumenti ta' l-Istrateġija Reġjonali u tal-Pajjiżi għall-pajjiżi ta' l-ACP kif ukoll id-Dokumenti ta' l-Istrateġija Tematika u l-Programmi ta' Azzjoni Annwali fl-Istrument ta' Koperazzjoni dwar l-Iżvilupp(14);

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi koordinazzjoni aħjar fost id-dipartimenti tagħha u l-Istati Membri, sabiex tarmonizza l-interventi f'oqsma bħall-Partenarjat ta' l-Infrastruttura bejn l-UE u l-Afrika u l-Inizjattiva ta' l-UE dwar l-Iggvernar u biex tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni f'dawn l-oqsma man-NU, l-Istati Uniti, iċ-Ċina u partijiet internazzjonali oħrajn;

24.  Jessprimi t-tħassib tiegħu dwar previżjonijiet minn speċjalisti li jgħidu li l-Afrika, għalkemm tikkontribbwixxi mill-inqas għall-emissjonijiet ta" gassijiet b'effett serra, ser iġġarrab l-iktar tisħin globali minħabba s-sotto-żvilupp u l-faqar; jenfasizza l-bżonn sabiex il-komunità internazzjonali tappoġġja r-reġjun sabiex dan ikun jinsab f'pożizzjoni aħjar biex jadatta għar-riperkussjonijiet ħorox tal-bidla fil-klima;

25.  Ifakkar li l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali, inkluża l-esplojtazzjoni ta' l-ilma u l-aċċess għal u l-użu ta' sorsi ta' enerġija għandhom jagħmlu sehem integrali mill-pjanijiet ta' żvilupp u mill-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-faqar u biex jiġu evitati l-kunflitti fir-reġjun tal-Qarn ta' l-Afrika;

26.  Hu tal-fehma li jinħtieġ l-appoġġ ta' l-UE għall-programm dwar l-immaniġġjar sostenibbli ta' l-art u d-deżertifikazzjoni permezz ta' programm tematiku dwar l-ambjent u l-immaniġġjar sostenibbli ta' riżorsi naturali, kif ukoll għall-Faċilità ta' l-Ilma bejn l-ACP u l-UE, sabiex jiżdied il-ħarsien ambjentali tar-riżorsi ta' l-ilma;

27.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ifittxu li jsir djalogu maċ-Ċina, meta jitqies il-fatt li ċ-Ċina intensifikat l-involviment politiku u ekonomiku tagħha fl-Afrika, billi qiegħda tinvesti bil-qawwi fi proġetti ta' l-infrastruttura u l-iżvilupp f'pajjiżi bħas-Sudan;

28.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu lill-EAC, lill-COMESA u lill-Inizjattiva tal-Baċin tan-Nil biex jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar l-irwoli rispettivi tagħhom kif ukoll ma' l-istati tal-Qarn ta' l-Afrika u mal-partijiet ewlenin fir-reġjun; jenfasizza l-esperjenza pożittiva ta' l-EAC, tal-COMESA u ta' l-Inizjattiva tal-Baċin tan-Nil f'oqsma bħal-kontroll tal-fruntieri, l-isforzi tal-ġlieda kontra t-traffikar u t-tixrid ta' l-armi żgħar u leġġeri, l-Għaqda Doganali ta' l-EAC, il-promozzjoni tal-kummerċ u l-investimenti COMESA u l-koperazzjoni għall-użu sostenibbli ta' l-ilmijiet tal-Baċin tan-Nil;

29.  Jilqa' l-intenzjoni ta' l-UE li taħdem ma' sħab varji biex tindirizza l-kwistjoni ta' l-immigrazzjoni, ir-refuġjati u l-persuni spustjati internament (IDPs) u l-proposta biex tipprovdi iżjed appoġġ biex tilqa' komunitajiet, stati u organizzazzjonijiet relevanti li jaħdmu fil-qasam biex iwaqqfu l-emigrazzjoni min-nofsinhar għan-nofsinhar u l-kriżi tar-refuġjati;

30.  Jikkunsidra li l-involviment tal-komunitajiet lokali fl-attivitajiet ekonomiċi, f'zoni rurali kif ukoll urbani, huwa ta' importanza kruċjali sabiex tkun approvata l-qagħda soċjo-ekonomika tagħhom fis-soċjetajiet ta' wara l-kunflitt;

31.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi (TB) u l-malarja, kif ukoll mard li jingħata l-ġenb u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, għandha tkun fost l-istrateġiji ewlenin biex jinqered il-faqar u biex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku fl-istati tal-Qarn ta' l-Afrika; jenfasizza li l-azzjoni ta' l-UE għandha tkun iddisinjata b'tali mod li tolqot il-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli;

Il-livell tal-pajjiżi
Is-Sudan

32.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jassumu r-responsabiltà sħiħa u jagħmlu kull sforz possibbli biex iħarsu l-poplu f'Darfur mid-diżastru umanitarju kkawżat mill-vjolazzjoni kontinwa tal-waqfien mill-ġlied mill-partijiet kollha, u b'mod partikulari mill-vjolenza diretta lejn il-popolazzjoni ċivili u mmirata lejn l-assistenza ċivili;

33.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward l-iżviluppi fid-Darfur u jitlob lill-Gvern tas-Sudan biex jipprevjeni talbiet mill-milizzja ta' Janjaweed; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi biex mingħajr aktar dewmien jiffaċilitaw it-twaqqif ta" forza internazzjonali konġunta bejn l-UA u n-NU fir-reġjun, u jappella għall-istabbiliment ta' data ta' bidu għat-twaqqif tagħha;

34.  Jiddeplora l-fatt li, skond is-sorsi tan-NU, tletin NGO u komponenti tan-NU ġew attakkati b'mod dirett minn gruppi armati, u tnax-il ħaddiem ta" l-għajnuna ġew maqtula, f'dawn l-aħħar sitt xhur;

35.  Jistieden lill-partijiet kollha biex jirrikonoxxu d-dmir li jirrispettaw il-liġi umanitarja u biex jiżguraw li jkun hemm aċċess sħiħ, sikur u bla xkiel għall-ħaddiema ta' l-għajnuna lin-nies kollha fil-bżonn f'Darfur u biex jiżguraw li tintbagħat għajnuna umanitarja, b'mod partikulari lir-refuġjati interni (IDPs);

36.  Isejjaħ biex issir l-implimentazzjoni tar-reġim ta' sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU permezz ta' sanzjonijiet ekonomiċi definiti, fosthom il-projbizzjoni tas-safar, l-iffriżar ta' l-assi u t-theddida ta' embargo fuq iż-żejt; isejjaħ biex jingħata t-tagħmir meħtieġ għall-infurzar taz-zona li fuqha ma jistax isir titjir ta' l-ajruplani f'Darfur, stabbilita bir-Riżoluzzjoni 1591 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

37.  Jenfasizza l-bżonn, u jappella għal implimentazzjoni minn kmieni tad-deċiżjoni mill-gvern tas-Sudan u n-NU rigward it-twaqqif ta" forza konġunta bejn l-UA u n-NU sabiex tiżdied is-sigurtà u titjieb il-protezzjoni ta' ċivili;

38.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, speċjalment lin-NU, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, liċ-Ċina, lill-Indja, lill-Lega ta' Stati Għarb u lill-UA, biex tvara taħditiet għall-paċi biex jittejjeb il-kontenut tal-Ftehim għall-Paċi f'Darfur u jsir aċċettabbli għall-partijiet kollha biex dawn aktar iħossu li l-Ftehim huwa tagħhom;

39.  Jenfasizza l-fatt li jekk ma jinstabx tarf tal-kunflitt f'Darfur, ikun hemm konsegwenzi serji mhux biss għar-reġjun ta' l-Afrika tal-Lvant imma wkoll għal zoni oħra ta' l-Afrika li huma relattivament iktar stabbli, bħall-Afrika Ċentrali u r-reġjun ta' l-Għadajjar il-Kbar;

40.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali sabiex ma tiffukax fuq il-kunflitt tad-Darfur biss u twarrab is-sitwazzjonijiet l-oħrajn ta' kunflitt fis-Sudan, u b'mod partikolari, biex tirrikonoxxi d-dgħufija tal-paċi fis-Sudan t'Isfel minħabba l-progress bil-mod li sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehima Komprensiva għall-Paċi (CPA) u l-livell għoli ta' riskju ta' distabbilizzazzjoni minħabba t-tensjonijiet Tramuntana-Nofsinhar, il-kunflitti inter-tribali u l-pussess kbir ta' armi fis-soċjetà;

Is-Somalja

41.  Jikkundanna l-intervenzjoni barranija fis-Somalja u jistieden lill-Gvern Etjopjan sabiex jirtira l-armata tiegħu mill-pajjiż; japprova t-twaqqif ta' forza għaż-żamma tal-paċi ta' l-UA taħt ftehima politika inklużiva bejn il-partijiet fil-kunflitt, li twassal għal ħolqien ta' gvern għall-unità nazzjonali li jkun jista' jgħaqqad dik il-parti ta' l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi li hija miftuħa għall-proċess ta' paċi u r-rikonċiljazzjoni u l-mexxejja tal-gruppi li mhumiex parti mill-gvern preżenti;

42.  Hu tal-fehma li l-operazzjoni ta' l-AU għaż-żamma tal-paċi fis-Somalja, AMISOM, għandha tidħol fil-kwadru ta' proċess politiku usa' appoġġjat mill-popolazzjoni li jkollu mandat ċar, kapaċità tajba, għanijiet ċari u strateġija tat-tluq;

43.  Jilqa' l-appoġġ ta' l-UE għall-AMISOM imma jenfasizza li l-kontribut ta' l-UE għandu jkun ikkundizzjonat mill-ftuħ ta' djalogu politiku inklużiv u rikonċiljazzjoni mill-awtoritajiet tas-Somalja, li jindirizza fil-pront l-isfidi tar-rikonċiljazzjoni, it-twaqqif ta' l-istituzzjonijiet u l-miġja tal-paċi għall-poplu tas-Somalja;

44.  Jenfasizza l-irwol ċentrali ta' djalogu politiku li jinkludi lil kulħadd u li għandu jwassal għar-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż; jilqa' l-impenn tat-Gvern Federali Tranżitorju għas-Somalja li jsejjaħ konferenza wiesgħa għar-rikonċiljazzjoni (Kungress Nazzjonali għar-Rikonċiljazzjoni) li tinvolvi l-mexxejja tal-gruppi, tal-komunitajiet reliġjużi, tas-soċjetà ċivili, tal-komunitajiet tan-negozju u tal-politika; jirrimarka li t-triq għall-ġejjieni għandha tkun dik li tistabbilixxi gvern kredibbli li jinkludi lil kulħadd;

45.  Jitlob li jkun hemm evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-irwol tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tas-Somalja li jinvolvi lill-UE, l-Italja, ir-Renju Unit, in-NU, l-UA, l-IGAD, il-Lega ta' Stati Għarb, in-Norveġja, l-Istati Uniti, l-Kenja u t-Tanzania, li twaqqaf f'Mejju 2006 bħala forum għall-kordinazzjoni ta' l-attivitajiet tal-komunità internazzjonali fis-Somalia sabiex il-Grupp jiffoka l-isforzi tiegħu fuq kwistjonijiet ta' governanza u bini ta' istituzzjonijiet, għajnuna umanitarja lill-persuni spostati u lill-popolazzjonijiet fil-bżonn, u sabiex tittejjeb l-istabbilità reġjonali u s-sigurtà;

46.  Jistieden lit-TFG tas-Somalja jirrevoka l-Istat ta' emerġenza u jerġa jaħtar lill-ispeaker tal-Parlament bħala prekundizzjoni għall-implimentazzjoni tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali;

47.  Jenfasizza l-bżonn urġenti għat-TFG li jwaqqaf awtoritajiet rappreżentattivi għall-muniċipalitajiet ewlenin, inklużi Mogadishu u Kismaayo, sabiex jipprovdu stabbilità politika u jimmaniġġjaw is-sigurtà lokali għal żmien qasir, u sabiex jirrinunċjaw il-prinċipju ta' diżarmament bil-forza, speċjalment f'Mogadishu u minflok jinnegozjaw plan għal diżarmament voluntarju;

48.  Jikkunsidra li t-talba tas-Somaliland għall-indipendenza għandha tkun eżaminata fl-aġenda komplessiva dwar is-sigurtà tas-Somalja;

L-Etjopja

49.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern ta' l-Etjopja biex jikxef kemm hu l-għadd totali ta' persuni miżmuma fil-pajjiż kollu, biex iħalli li jsiru żjarat mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u biex il-persuni miżmuma jkollhom aċċess għall-familji tagħhom, għal parir legali, u għal kwalunkwe kura medika li jkunu jeħtieġu, u wkoll li jeħles immedjatament u bla kundizzjoni lill-priġunieri politiċi kollha, jiġifieri, ġurnalisti, attivisti trejdunjonistiċi, difensuri tad-drittijiet umani, u ċittadini ordinarji, u biex jonora l-obbligazzjonijiet tiegħu fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u d-dritt ċivili;

50.  Jistieden lill-Etjopja biex taċċetta d-demarkazzjoni u d-delimitazzjoni tal-fruntieri tagħha kif imfassla mill-Kummissjoni tal-Fruntieri tan-NU;

L-Eritrea

51.  Iħeġġeġ il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jieħdu azzjoni mal-Gvern ta' l-Eritrea biex jeħles lill-priġunieri politiċi kollha, iressaq il-priġunieri li jkollhom akkużi speċifiċi biex ikollhom ġuri ġust u bla dewmien u jikxef il-post ta' detenzjoni ta' dawk li huma miżmuma f'ħabsijiet sigrieti;

52.  Iħeġġeġ lill-President ta" l-Eritrea biex iżomm kuntatti frekwenti mar-rappreżentanti ta" l-UE u mal-bosta ambaxxaturi ta" l-Istati Membri għall-Eritrea;

L-Uganda

53.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu l-proċess tal-paċi fl-Uganda tat-Tramuntana, bil-għan li l-partijiet kollha fil-kunflitt juru impenn ġenwin u kontinwu għall-proċess ta' paċi, jirrispettaw il-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ġlied u jwaqqfu l-propaganda ostili u xewwiexa;

54.  Isejjaħ biex jibda proċess reali ta' rikonċiljazzjoni, li fih jiġu rikonoxxuti dawk responsabbli għal reati tal-gwerra; jenfasizza l-irwol ċentrali tal-Qorti Kriminali Internazzjonali li tagħmel ħaqq minn dawk mixlija b'akkużi ta' reati tal-gwerra; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jappoġġjaw proċessi lokali għal ġustizzja alternattiva u biex isseħħ rikonċiljazzjoni fl-Uganda ta" Fuq kif ukoll bejn in-nies tat-Tramuntana u l-bqija tal-pajjiż;

o
o   o

55.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll quddiem in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-Awtorità Intergovernmentali fuq l-Iżvilupp (IGAD).

(1) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p.3.
(3) ĠU L 209, 11.8.2005, p.27.
(4) Testi adottati, P6_TA(2007)0052.
(5) Testi adottati, P6_TA(2006)0387.
(6) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p.320.
(7) ĠU C 133 E, 8.6.2006, p. 96.
(8) ĠU C 140 E, 9.6.2005, p. 153.
(9) Testi adottati, P6_TA(2006)0322.
(10) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p.316.
(11) Il-membri ta' l-EAC huma: l-Uganda, il-Kenja u t-Tanzanija.
(12) Il-membri tal-COMESA huma: il-pajjiżi kollha fil-Qarn ta' l-Afrika bl-eċċezzjoni tas-Somalja.
(13) Il-membri ta'l-Inizjattiva tal-Baċin tan-Nil il-Burundi, DRC, l-Eġittu, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Kenja, l-Irwanda, is-Sudan, it-Tanzanija, u l-Uganda.
(14) Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p.41)

Avviż legali - Politika tal-privatezza