Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar l-evalwazzjoni ta' l-Euratom - 50 sena ta' politika ta' enerġija nukleari Ewropea (2006/2230(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, iffirmat f'Ruma fil-25 ta' Marzu 1957 ("it-trattat Euratom),
– wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat Euratom, li jfakkar fl-iskop inizjali tiegħu sabiex jistabbilixxi Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) "sabiex toħloq kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta' industrija nukleari b'saħħitħa li ser tipprovdi riżorsi ta' enerġija estensivi, twassal għall-immodernizzar ta' proċessi tekniċi kif ukoll tikkontribwixxi, permezz tad-diversi applikazzjonijiet oħra, għall-prosperita' tal-popli",
– wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u speċjalment is-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Novembru 1978(1), u s-sentenza tagħha tat-22 ta' April 1999(2) u s-sentenza tagħha ta' l-10 ta' Diċembru 2002(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 imsejħa "Politika ta' l-Enerġija Komuni għall-Ewropa" (COM(2007)0001),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejjaħ "Programm Indikattiv Nukleari - ippreżentat għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ibbażat fuq l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom",(COM(2006)0844),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-istrateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura - Green paper(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni ta' l-14 ta' Diċembru 2006 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għas-Sikurezza Nukleari u l-Assistenza fis-Sigurtà(6),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom ta' l-20 ta' Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv u fjuwil nukleari użat(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta' riċerka u taħriġ fil-qasam nukleari (2007 sa 2011)(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1908/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni ta' intrapriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u għat-tixrid tar-riżultati ta' riċerka (2007-2011)(9),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/976/Euratom tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku li jimplimenta s-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) għall-attivitajiet ta' riċerka u taħriġ fil-qasam nukleari (2007-2011)(10),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/977/Euratom tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku li għandu jiġi mwettaq permezz ta' azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta' riċerka u taħriġ fil-qasam nukleari (2007-2011)(11),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 9 dwar l-impjant ta' enerġija nukleari Bohunice V1 fl-Islovakkja, kif annessa għall-Att dwar il-kundizzjonijiet ta' adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, iċ-Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar l-użu ta' riżorsi finanzjarji mmarkati għaż-żarmar ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari(13),
– wara li kkunsidra l-deliberazzjonijiet tas-smigħ pubbliku organizzat mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija dwar is-suġġett fl-1 ta' Frar 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, r-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0129/2007),
A. billi, għalkemm it-Trattati kemm-il darba saritilhom reviżjoni bir-reqqa fid-dawl ta" ħtiġijiet u sfidi ġodda, it-Trattat Euratom ġie emendat darba biss f"50 sena storja(14) u fl-istess waqt, id-dispożizzjonijiet ewlenin u s-sustanza ewlenija baqgħu kif kienu,
B. billi, minkejja li t-Trattat Euratom ġie kemm kemm modifikat biss f'dawn l-aħħar 50 sena, ġab miegħu volum sostanzjali ta" leġiżlazzjoni sekondarja fuq l-istess perjodu ta" żmien u kien is-suġġett ta" numru konsiderevoli ta" sentenzi li ngħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li, pereżempju, wessgħu b'mod sostanzjali l-kamp ta' applikazzjoni oriġinali tat-Trattat Euratom,
C. billi t-Trattat Euratom introduċa standards ta" sikurezza stretti għall-immaniġġjar ta" elementi u skart ta" fjuwil radjoattiv fl-Unjoni Ewropea, huwa jistabbilixxi standards ta" sikurezza uniformi għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku, kif ukoll proċeduri għall-implimentazzjoni ta" dawn l-istandards, u jopponi kull proliferazzjoni ta" materjal nukleari għal skopijiet militari,
D. billi t-Trattat Euratom joffri qafas legali komprensiv u koerenti għall-użu ta' l-enerġija nukleari fl-Ewropa skond kundizzjonijiet sikuri għall-benefiċċju ta' l-Istati Membri kollha,
E. billi bosta Stati Membri qatt ma żviluppaw għażla nukleari, oħrajn għandhom politika għal irtirar gradwali u oħrajn għadhom qed ikomplu jappoġġjaw is-settur nukleari tagħhom,
F. billi, fl-abbożż tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (it-Trattat Kostituzzjonali), il-Konvenzjoni pproponiet li t-Trattat Euratom għandu jkun isseparat mill-istruttura legali tal-Kostituzzjoni futura; billi l-Konvenzjoni, fil-ħidma tagħha dwar il-futur ta" l-Unjoni Ewropea u l-iffirmar tat-Trattat Kostituzzjonali, żammet id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom fl-istat attwali f'forma ta" protokoll anness,
G. billi l-Ġermanja, l-Irlanda, l-Awstrija, l-Unġerija u l-Iżvezja żiedu dikjarazzjoni mat-Trattat Kostituzzjonali li tgħid li d-dispożizzjonijiet ewlenin tat-Trattat Euratom jeħtieġ li jiġu aġġornati u jappellaw biex titlaqqa" "kemm jista" jkun malajr" konferenza għal reviżjoni,
H. billi t-tkabbir reċenti saħħaħ id-diversità tat-territorju ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta' l-enerġija nukleari u l-ħtieġa ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam nukleari,
I. billi l-50 anniversarju tat-Trattat Euratom jipprovdi lill-Parlament opportunità li jikkunsidra l-kontenut u r-relevanza tiegħu u jesprimi t-tħassib tiegħu li d-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat Euratom ma ġewx emendati minn meta daħal fis-seħħ 50 sena ilu,
J. billi dawn ir-riflessjonijiet dwar il-permanenza tat-Trattat Euratom ma jistgħux jiġu diżassoċjati mill-għanijiet li l-Kummissjoni qed tipprova tilħaq favur politika Ewropea ta' l-enerġija li hija aktar sikura, aktar sostenibbli, aktar kompetittiva u tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima, kif stabbilit reċentement mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 hawn fuq imsemmija,
50 Sena tat-Trattat Euratom
1. Jinnota li mill-1957 u mill-iffirmar tat-Trattat Euratom, l-Unjoni Ewropea hija fuq quddiem nett fid-dinja fl-industrija nukleari u waħda mill-parteċipanti ewlenin tar-riċerka nukleari fl-oqsma tal-fissjoni u tal-fużjoni termonukleari kkontrollati; jinnota li l-industrija Ewropea hija preżenti fiċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari kollu u żviluppat teknoloġiji lokali, li uħud minnhom, bħall-arrikiment permezz ta' ultraċentrifugazzjoni, huma r-riżultat ta' sħubiji fil-livell Ewropew;
2. Jinnota li l-kontroll kważi totali taċ-ċiklu tal-fjuwil ta' l-industrija nukleari ta' l-Unjoni Ewropea joffri lill-Unjoni, f'dan iż-żmien ta' dibattitu dwar id-dipendenza fuq l-enerġija, garanziji ta' indipendenza industrijali u teknoloġika, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-arrikkiment tal-fjuwil;
3. Jinnota li grazzi b'mod partikulari għat-Trattat Euratom, l-enerġija nukleari fl-aħħar ta' l-2006 kienet qed tipproduċi minn 152 reattur fi 15 -il Stat Membru, 32% ta' l-enerġija elettrika fl-Ewropa li jfisser, l-ikbar sehem ta' enerġija elettrika li ma tipproduċix karbonju fl-Unjoni Ewropea u hija wieħed mis-sorsi l-aktar kompetittivi tagħha, b'tali mod li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika ta' l-enerġija Ewropea, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 imsemmija hawn fuq;
4. Jirrimarka li f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, li l-Kummissjoni, fil-Green Paper tagħha "Lejn Strateġija Ewropea għas-sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija" (COM(2000)0769) stmat li l-enerġija nukleari fl-2010 tista' tiffranka aktar minn 300 miljun tunellata ta' emmissjonijiet ta' CO2, "l-ekwivalenti ta' l-emmissjonijiet ta' CO2 prodotti minn madwar 100 miljun karozza"; ifakkar li, fl-Anness I tal-Komunikazzjoni tagħha ta' l-10 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni qieset li l-enerġija nukleari hija l-inqas sors ta' enerġija li tipproduċi karbonju wara l-enerġija prodotta mir-riħ 'il barra mill-kosta u l-enerġija idroelettrika prodotta fi skala żgħira;
5. Jinnota li l-pajjiżi fundaturi tal-Euratom stipulaw serje ta' dispożizzjonijiet f'għaxar kapitoli bil-mira li jillimitaw b'mod strett l-iżvilupp ta' l-enerġija nukleari fi ħdan il-Komunita', u li dawn id-dispożizzjonijiet xorta għadhom japplikaw u huma msaħħa b'mod kontinwu hekk kif il-leġiżlazzjoni hija adottata fuq il-bażi tat-Trattat Euratom u jwettqu kontribuzzjoni importanti għall-operazzjoni sikura tal-faċilitajiet nukleari fl-Ewropa;
6. Jinnota li l-kunsens ta' l-1957 dwar l-enerġija nukleari ma' għadux jeżisti bejn l-Istati Membri;
7. Jinnota li l-aspettattivi fir-rigward ta" l-enerġija nukleari, għal liema, it-Trattat Euratom ta' espressjoni ħamsin sena ilu, inbiddlu; jinnota li fil-preżent dawk l-aspettattivi iktar jirrelataw mal-bżonn li jkun hemm, f'forma tat-Trattat Euratom, qafas legali sod biex imexxi s-superviżjoni ta" l-użu ta" l-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u biex jipprovdi qafas għall-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta" pajjiżi li jużaw l-enerġija nukleari, permezz tat-traspożizzjoni ta" l-acquis communautaire ta" l-Euratom; jirrikonoxxi li kapitoli sinifikanti fit-Titolu II tat-Trattat Euratom ippermettew il-ħarsien tal-pubbliku, tal-ħaddiema u ta" l-ambjent minn radjazzjoni ijonizzata (Kapitolu III), l-iżvilupp ta" riċerka fl-oqsma ta" l-immaniġġjar ta" l-iskart u tas-sikurezza ta" l-impjanti (Kapitolu I) u biex jiġu implimentati salvagwardji fir-rigward ta" materjali fissili fl-Ewropa (Kapitolu VII);
8. Jinnota li attivitajiet inizjali ta' riċerka kienu fil-bidu żviluppati skond il-qafas tat-Trattat Euratom (Kapitolu I), u li dan wassal ukoll għall-ħolqien taċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunt, l-ewwel stabbiliment tar-riċerka ta' l-UE; iħeġġeġ sabiex ikun hemm inklużjoni ta' programm dwar ir-riċerka u l-iżvilupp nukleari fil-baġit tal-programm ġenerali ta' qafas dwar ir-riċerka u suġġett għall-istess skrutinju u dmir ta' responsabbiltà pubblika bħall-programmi l-oħra kollha ta' riċerka;
9. Iqis li l-leġiżlazzjoni żviluppata skond il-Kapitolu III tat-Trattat Euratom (dwar il-protezzjoni tas-saħħa) għandha tibqa' taħt ir-responsabbiltà ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura li l-istandards bażiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali jkunu applikati u estiżi sabiex jinkludu l-ambjent, u li tqis b'mod evoluttiv ir-riżultati ta' studji xjentifiċi internazzjonali;
10. Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni mhux limitat għar-reġjuni fejn joperaw impjanti nukleari imma jinkludi wkoll il-protezzjoni ta' l-Isati Membri tal-viċinanza u tal-pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, b'riżultat ta' kontrolli kontinwi fuq l-iskariki ta' skart radjuattiv u fuq l-adozzjoni ta' regoli dwar it-trasferiment ta' fjuwil u skart radjuattiv użat, dwar il-protezzjoni tal-katina alimentari, u dwar l-emerġenzi radjuloġiċi;
11. Jinnota li l-Kapitolu IV tat-Trattat Euratom (dwar l-investiment) kien imfassal sabiex jikseb informazzjoni dettaljata, fil-livell Komunitarju, dwar pjanijiet ta' investiment mill-Istati Membri;
12. Mandankollu, jinnota li meta kienu ppubblikati l-Programmi Nukleari Illustrattivi (PINCs) tagħha, il-Kummissjoni ma għamlitx evalwazzjoni reali tal-ħtiġijiet ta' l-investiment nukleari b'mod partikulari fir-rigward tal-problemi ta' sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-kompetittività ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-qawmien mill-ġdid madwar id-dinja ta' l-industrija nukleari;
13. Jilqa' b'sodisfazzjon, madanakollu, l-ezistenza fit-Trattat Euratom tar-rekwiżit li jipprovdi dettalji ta' kwalunkwe investiment ġdid fl-Ewropa fil-kamp nukleari, u li għalhekk jippermettilu li jkollu mappa sħiħa ta' l-attivitajiet nukleari fl-Unjoni Ewropea - rekwiżit speċifiku għall-industrija nukleari Ewropea;
14. Iqis li l-intraprizi konġunti (Kapitolu V tat-Trattat Euratom) riedu jkunu strumenti ta' valur għall-implimentazzjoni ta' politiki pubbliċi b'mod partikulari fil-qasam tar-riċerka, fejn dan l-istrument legali kien użat f'numru ta' okkażjonijiet, b'mod partikulari bit-twaqqif tat-Torus Ewropew konġunt f'Culham fl-1978 u, iktar riċenti, l-introduzzjoni ta' l-Entità Legali Ewropea sabiex jiġi implimentat il-proġett Reattur Internazzjonali Termonukleari Sperimentali (ITER);
15. Iqis li t-Trattat Euratom għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, bil-ħolqien ta' Aġenzija (Kapitolu VI) responsabbli mill-provvediment għall-utenti fi ħdan l-Unjoni bi qbil mal-prinċipju ta' aċċess ugwali ta' materjali, strument li huwa essenzjali f'dawn iż-żminijiet ta' inkwiet minħabba s-sigurtà ta' provvista ta' enerġija;
16. Iqis li s-salvagwardji (Kapitolu VII) huma wieħed mis-suċċessi ewlenin ta' l-applikazzjoni tat-Trattat Euratom u jipprovdu lill-Kummissjoni bil-mezzi biex taċċerta l-istokks u l-movimenti ta' materjali nukleari fl-Unjoni Ewropea;
17. Jinnota li dawn is-salvagwardji jipprovdu wkoll garanzija reali għal pajjiżi li jipprovdu materjali nukleari rigward l-użu ta' dawn il-materjali, filwaqt li jikkumplimentaw il-kontrolli ta' non-proliferazzjoni ta' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA);
18. Jinnota li fuq il-bażi tal-Kapitolu X tat-Trattat Euratom (dwar relazzjonijiet esterni), l-adeżjoni tal-Euratom f'numru ta' konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikulari mal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza ta' l-Immaniġġjar tal-Fjuwils Użati u dwar is-Sikurezza ta' l-Immaniġġjar ta' Skart Radjoattiv, ippermettiet lill-Kommunità sabiex tipparteċipa fl-isforz internazzjonali relatat ma' dawn il-kwistjonijiet u sabiex tippromwovi l-avvanzi importanti miksuba fl-Unjoni Ewropea;
19. Ifakkar ukoll li fuq il-bażi tal-Kapitolu X tat-Trattat Euratom, il-Euratom ikkonkludiet numru ta' ftehim ta' koperazzjoni fl-oqsma tar-riċerka, ipparteċipat fi proġetti internazzjonali bħal Forum Internazzjonali Ġenerazzjoni IV dwar reatturi nukleari futuri u mexxiet negozjati internazzjonali dwar il-proġett ITER;
Dibattitu Istituzzjonali
20. Jinnota li d-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat Euratom ma ġewx emendati minn meta daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1958;
21. Jikkonferma li skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà hija r-responsabbiltà ta' kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk jiddependix jew le fuq l-enerġija nukleari;
22. Barra minn hekk jinnota li xi Stati Membri li jopponu b'mod miftuħ l-enerġija nukleari u ssieħbu mal-Komunitajiet (il-Komunità Ewropea u l-Euratom) qatt u bl-ebda mod ma kienu meħtieġa li jiżviluppaw enerġija nukleari fit-territorju tagħhom; jinnota, b'mod xieraq, li għal bosta snin kien aċċettat li t-Trattat Euratom, fil-promozzjoni ta' l-enerġija nukleari, ma jimponi l-ebda obbligu, iżda jistabbilixxi qafas legali għall-użu ta' kulħadd;
23. Jenfasizza li t-Trattat Euratom ma jfixkilx l-iżvilupp ta' suq intern ta' l-elettriku u, huwa inqas ta' ostakolu għall-moviment ħieles ta' prodotti, persuni u kapital; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-liġi ordinarja stabbilita mit-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità Ewopea (Trattat KE) tapplika wkoll għal attivitajiet nukleari u jinnota, permezz ta" eżempju, li l-moviment ta" materjal, tagħmir u teknoloġiji nukleari ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea hu kopert minn regoli dwar is-superviżjoni ta" prodotti b'użu doppju, adottati fuq il-bażi tal-politika kummerċjali stabbilita fit-Trattat KE; iżid li l-leġiżlazzjoni tal-Euratom hi suġġetta għal-liġi tal-kompetizzjoni u għal regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat, kif hemm speċifikat fit-Titolu VI tat-Trattat KE; għalhekk, jikkonkludi li t-Trattat Euratom bl-ebda mod ma jikkostitwixxi qafas ta' protezzjoni għall-enerġija nukleari;
24. Jinnota li t-Trattat Euratom għandu joffri lill-pajjiżi li għażlu l-alternattiva nukleari, l-istrumenti għall-iżvilupp tiegħu (proġetti konġunti, appoġġ għar-riċerka u żvilupp u self tal-Euratom), iżda jakkumpanja d-dispożizzjoni ta' dawn l-istrumenti b'qafas legali b'saħħtu (dwar il-ħarsien tas-saħħa, kontroll u provvista nukleari) sabiex l-Istati Membri li ma għażlux li jagħmlu proġett nukleari, jkunu assigurati għal darb'oħra;
25. Ifakkar li l-qafas legali Euratom japplika wkoll, għall-ġid tal-Komunità, għal Stati Membri li ma jiġġenerawx enerġija nukleari iżda li għandhom reatturi nukleari għar-riċerka fit-territorju tagħhom u joffri lil Stati Membri bħal dawn strumenti (bħal riċerka Euratom u programmi ta' qafas għall-iżvilupp) li jippermettulhom li jirċievu fondi pereżempju fil-qasam tar-riċerka medika;
26. Iqis li, irrispettivament mid-diversità ta" perspettivi dwar l-enerġija nukleari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom li għenu biex tiġi evitata proliferazzjoni ta" materjali nukleari, u d-dispożizzjonijiet li jindirizzaw is-saħħa, is-sikurezza u l-prevenzjoni ta" kontaminazzjoni radjuattiva, kienu ta" benefiċċju kbir u għandhom jiġu kkoordinati b'reqqa mad-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza tat-Trattat KE;
Lacunae
27. Jiddispjaċih li l-iżvilupp tas-setgħat tal-Parlament u b'mod partikulari l-estensjoni tagħhom sabiex jinkludu proċedura ta' kodeċiżjoni għall-adozzjoni tal-maġġoranza tal-leġiżlazzjoni Ewropea, ma ġiex ikkunsidrat mit-Trattat Euratom; iqis li, minkejja l-karatteristika teknika tat-Trattat Euratom, il-Parlament hu intitolat li jiġi involut formalment fit-testi li l-bażi legali tagħhom hi t-Trattat Euratom;
28. Jara bħala evidenza ta" defiċit demokratiku mhux aċċettabbli l-fatt li l-Parlament hu kważi kompletament eskluż mill-proċess leġiżlattiv tal-Euratom u li hu kkonsultat biss u xejn iktar, fuq wieħed mill-għaxar kapitoli biss tat-Trattat Euratom;
29. Iżda jinnota li l-Parlament huwa assoċjat permezz tal-Ftehima Interistituzzjonali, man-negozjati dwar is-seba' programm ta' qafas tal-Euratom għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2007 sa 2011) (Euratom 7FP); jinnota wkoll, fir-rigward tad-dokumenti li ġew ikkunsidrati reċentement fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (Euratom 7FP, id-direttiva dwar vjeġġi transkonfinali ta' skart radjuattiv u fjuwil użat, l-Istrument għall-Assistenza Nukleari, u oħrajn simili), li għalkemm il-proċedura titlob li l-Parlament ikun ikkonsultat biss, l-emendi magħmula mill-Parlament lit-testi tal-Euratom huma regolarment ikkunsidrati mill-Kunsill, parzjalment jew kollha; madankollu ma jikkunsidrax li dan jista' jitqies biżżejjed;
30. Jenfasizza s-sinifikat ta' l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom, fis-sens li hu joffri flessibilità - bħall-ħolqien ta' Strument għall-Koperazzjoni Nukleari - sabiex jittieħdu inizjattivi leġiżlattivi li fil-bidu ma kienux maħsuba fit-Trattat Euratom; jikkunsidra li hemm il-ħtieġa li jkun eżaminat kif l-Artikolu 203 jista' jintuża biex jiġu żviluppati inizjattivi ġodda u, possibiliment, biex isiru aġġustamenti għat-Trattat Euratom;
31. Jiddispjaċih li hemm in-nuqqas ta' korp leġiżlattiv dwar standards armonizzati għas-sikurezza nukleari, għall-immaniġġjar ta' skart radjuattiv u għaż-żarmar ta' impjanti nukleari b'valur miżjud reali, partikularment paragunat mal-qafas internazzjonali eżistenti;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu mill-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet irregolati mill-IAEA (il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza ta' l-Immaniġġjar tal-Fjuwils Użati u dwar is-Sikurezza ta' l-Immaniġġjar ta' Skart Radjoattiv) u sabiex tqis l-evalwazzjonijiet, immexxija mill-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari (NEA) ta' l-OECD, dwar l-aktar prattiki nazzjonali avvanzati fil-qasam ta' l-immaniġġjar ta' skart radjuattiv; jinnota li inizjattivi miftiehma, bħal dawk meħuda mill-Assoċjazzjoni ta' Regolaturi Nukleari tal-Punent ta' l-Ewropa (WENRA), li għandhom l-għan li jiżviluppaw approċċ konġunt dwar is-sikurezza nukleari, huwa possibbli li jikkontribwixxu għal tfassil ta' bażi għal leġiżlazzjoni;
33. Jinnota li, kif konfermat mis-sentenza msemmija hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-29/99 Kummissjoni v Kunsill, il-Kummissjoni għandha setgħat fil-qasam tas-sikurezza nukleari skond it-Trattat Euratom u li hija awtorizzata li tressaq proposti f'dan il-qasam;
Linji gwida għall-futur
34. Iqis li t-Trattat Euratom, minkejja l-imperfezzjonijiet tiegħu, għalissa jibqa' qafas bażiku legali indispensabbli, kemm għall-Istati Membri li jridu jiżviluppaw l-industrija nukleari tagħhom, kemm għall-Istati Membri li jixtiequ jibbenefikaw minn ħażna ta' armamenti protettivi legali għalihom infushom biss, għall-popolazzjonijiet tagħhom u għall-ambjent tagħhom;
35. Itenni l-appell tiegħu biex titlaqqa" konferenza intergovernattiva biex twettaq reviżjoni komprensiva tat-Trattat Euratom, biex tħassar dispożizzjonijiet skaduti ta" dak it-Trattat, biex iżżomm ir-reġim regolatorju ta" l-industrija nukleari fuq livell ta" UE, biex fid-dawl ta" politika għall-enerġija moderna u sostenibbli tirrevedi d-dispożizzjonijiet li jibqa" u biex tinkorporadawk li huma relevanti f'kapitolu separat dwar l-enerġija;
36. Jindika l-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom huma fiċ-ċentru tad-dibattitu dwar kwistjonijiet industrijali marbutin ma' l-Istrateġija ta' Liżbona u kwistjonijiet dwar l-enerġija (b'mod partikulari mill-aspett tal-forniment), fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed tipprova tiddefinixxi taħlita ta' għażliet għall-enerġija Ewropeja, b'użu inqas ta' karbonju, li tkun kompetittiva u kemm jista' jkun 'domestika';
37. Itenni f'dan ir-rigward li bħalissa l-enerġija nukleari tipprovdi lill-Unjoni Ewropea bi 32% ta' l-elettriku tagħha, u li l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-10 ta' Jannar 2007 tqisha bħala waħda mis-sorsi prinċipali ta' l-enerġija ħielsa mis-CO2 fl-Ewropa, u t-tielet l-irħas fl-Ewropa, mingħajr l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż tas-CO2; jikkunsidra, għalhekk, li l-Unjoni Ewropea, b'konformità mat-Trattat Euratom, għandha tiddefendi t-tmexxija industrijali u teknika tagħha fir-rigward tal-qawmien mill-ġdid b'saħħtu minn parteċipanti oħra ta' l-attivitajiet nukleari tagħhom (ir-Russja, l-Istati Uniti ta' l-Amerika) u l-apparenza ta' parteċipanti ġodda fid-dinja fil-kamp nukleari (iċ-Ċina u l-Indja) li se jkunu l-kompetituri ta' l-Unjoni Ewropea għal perjodu medju ta' żmien;
38. Iqis li l-assenza tal-qafas legali pprovdut mit-Trattat Euratom għandu jwassal għal nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politika nukleari fl-Ewropa, li tkun pass lura għall-acquis communautaire, u żżid ir-riskju ta' l-inċertezza legali għas-27 Stat Membru kollha;
39. Jistieden għall-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u l-istess kundizzjonijiet għal sorsi ta' enerġija differenti biex jiġu rispettati;
40. Iqis li t-tħassir ta' kapitolu jew iktar mit-Trattat Euratom jew l-għaqda ta' ċerti dispożizzjonijiet fit-Trattat KE jiżbilanċjaw it-Trattat Euratom kollu kemm hu billi jdgħajfu s-superviżjoni ta' l-użu ta' l-enerġija nukleari fl-Ewropa; iżid li l-assenza ta' qafas legali koerenti jagħmilha aktar diffiċli għal Stati Membri futuri biex jadottaw l-acquis Euratom;
41. Iqis li s-superviżjoni ta' l-użu ta' l-enerġija nukleari fl-Ewropa, fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi ħafna ta' dan is-sors ta' enerġija, teħtieġ iż-żamma ta' qafas legali dedikat bħat-Trattat Euratom, li għal 50 sena wera l-utilità tad-dispożizzjonijiet tiegħu kollha; iżid li l-inkorporazzjoni parzjali tiegħu f'kapitolu ipotetiku dwar 'L-enerġija' fit-Trattat KE ddgħajjef is-superviżjoni legali ġenerali ta' l-enerġija nukleari fl-Ewropa u tneħħi l-proċeduri speċifiċi ta' kontroll nukleari li llum jinsabu fit-Trattat Euratom;
42. Iżda, jqis li b'mod jew ieħor it-Trattat Euratom jeħtieġ li ssirlu riforma;
43. Iqis li, irrispettivament mill-possibiltà li jsiru aġġustamenti f'perjodu ta' żmien qasir, hija meħtieġa reviżjoni komprensiva tat-Trattat Euratom sabiex tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ demokratiku u sabiex is-sikurezza komuni u l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà jitpoġġew fiċ-ċentru ta' l-attivitajiet nukleari ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri tagħha;
44. Jistieden għar-reviżjoni tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tat-Trattat Euratom, li jippermettu lill-Parlament li jkun involut mill-viċin fil-proċeduri leġiżlattivi fil-qasam nukleari u li jippermettulu li jikseb aktar trasparenza u biex jinkludi b'mod sħiħ liċ-ċittadini ta' l-Unjoni; għalhekk jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw id-defiċit demokratiku inerenti fit-Trattat Euratom u jestendu l-proċedura ta' kodeċiżjoni għal leġiżlazzjoni adottata skond it-Trattat;
45. Iqis li dawn il-bidliet jistgħu jsiru permezz ta' l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom, mingħajr ma jkun hemm tfixkil fl-istruttura u l-kontenut ġenerali tat-Trattat; jistieden lill-Kunsill biex iqis din il-possibilta';
46. Jindika l-fatt li fil-kuntest ta' ħtieġa li tiġi aġġustata l-politika Ewropea għall-enerġija u sabiex tkun estiża l-ħajja ta' l-użu ta' l-impjanti ta' l-enerġija, hemm ħtieġa urġenti li tiġi mfassla fil-livell Komunitarju leġiżlazzjoni soda fl-oqsma tas-sikurezza nukleari, ta' l-immaniġġjar ta' skart radjuattiv u ta' ż-żarmar ta' impjanti nukleari, u li jittieħdu passi biex ikun żgurat li r-riċerka u l-iżvilupp li jippromwovu l-użu sikur ta' l-enerġija nukleari tingħata attenzjoni u appoġġ kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-abbozzi relevanti tal-proposta leġiżlattiva tagħha u tressaq proposti ġodda għal direttivi dwar is-sikurezza ta' faċilitajiet nukleari, dwar immaniġġjar ta' l-iskart, u dwar l-għeluq u ż-żarmar ta' faċilitajiet nukleari li jqisu l-prinċipju li 'min iniġġes iħallas';
47. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jeżaminaw din il-kwistjoni kemm jista' jkun malajr u biex jaħdmu fuqha b'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament;
48. Jitlob li jkun hemm programmi ta' tagħlim u ta' taħriġ f'livell Ewropew fil-qasam nukleari u ta' miżuri biex jiġi żgurat il-finanzjament ta' programmi ambizzjużi ta' riċerka, sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi fl-oqsma tal-fissjoni (sikurezza, immaniġġjar ta' l-iskart, reatturi futuri) u l-protezzjoni kontra r-radjazzjoni u sabiex tkun provduta l-manutenzjoni meħtieġa ta' l-enerġiji xierqa u r-riżorsi umani bil-għan li l-alternattiva nukleari tibqa' miftuħa fuq il-bażi ta' industrija Ewropea sostenibbli u kompetittiva;
49. Jistieden għal mekkaniżmu Ewropew ta' koordinazzjoni ta' l-aħjar prattiki nazzjonali biex jipproteġi l-ħaddiema u l-pubbliku mir-radjazzjoni f'livell Ewropew sabiex jikkumplimenta l-armonizzazzjoni diġà miksuba f'dan is-settur bit-Trattat Euratom;
50. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tfassal regolarment, kif jipprovdi t-Trattat Euratom, PINCs li tabilħaqq jantiċipaw miri ta' produzzjoni nukleari u investiment, f'kuntest globali ta' żieda fil-kompetizzjoni f'dan is-settur, li għandhom iqisu wkoll l-għanijiet għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass bl-effett serra; jinnota f'dan ir-rigward li l-użu tas-sorsi l-oħra kollha ta' enerġija hija kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali iżda li l-miri (xi drabi anke miri li jorbtu) huma xorta ffissati f'livell Komunitarju, bħal ma hu l-każ ta' enerġiji li jiġġeddu;
51. Jistieden lill-Kunsill, filwaqt li jżomm f'moħħu l-objettiv tas-sigurtà tal-provvista u l-miri għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet CO2 , biex jiddefinixxi politika koordinata li tinkoraġixxi l-investiment, b'konformità sħiħa ma' rekwiżiti ta' sigurtà, immirati biex jestendu l-ħajja u jtejbu l-ħidma ta' reatturi eżistenti, kif ukoll ta' l-investiment f'kapaċitajiet ġodda;
52. Jinnota l-inizjattiva tal-Kunsill li tikkunsidra li jitwaqqaf Grupp Ewropew f'Livell Għoli għas-sikurezza nukleari, is-sigurtà u l-immaniġġjar ta' l-iskart;
53. Jilqa' l-inizjattiva li jitwaqqaf Forum Nukleari Ewropew biex jiffaċilita dibattitu f'livell għoli li jinvolvi lill-politiċi, lill-industrija u lis-soċjetà ċivili;
54. Jistieden biex jiġi mġedded l-irwol ta' l-Aġenzija tal-Provvista Euratom u biex is-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat Euratom jiġu użati bis-sħiħ; iqis li l-irwol għandu jitqies inqas min-naħa ta' nuqqas fl-uranju u minflok għandu jitqies min-naħa tal-kompetittività u sigurtà tal-provvisti, inkluża l-provvista ta' fjuwil nukleari manifatturat; iqis li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom jagħtuha l-mezzi biex tkun osservatriċi ta' l-enerġija xierqa fil-qasam nukleari, u għal dan l-iskop jinkuraġġixxi l-ħsieb attwali dwar titjib fl-istatus ta' l-Aġenzija tal-Provvista Euratom;
55. Jistieden biex titkompla l-koperazzjoni internazzjonali intensa, li għaliha għamlet xogħol ta' tħejjija l-Euratom, u jistieden li jkun hemm tisħiħ ta' koperazzjoni ma' l-IAEA, sabiex jiġi evitat xogħol doppju fl-azzjonijiet rispettivi ta' din l-aġenzija u tal-Euratom, u sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni fl-oqsma tal-protezzjoni kontra r-radjazzjoni, tas-sikurezza nukleari u ta' non-proliferazzjoni nukleari;
56. Jistieden sabiex il-kollaborazzjoni internazzjonali dwar riċerka u żvilupp, bħal dwar il-proġett ITER jew fil-Forum Internazzjonali Ġenerazzjoni IV, titkompla f'livell għoli;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.