Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar il-konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika tat-tiġrifa ta" Thule fl-1968 (Petizzjoni 720/2002) (2006/2012(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-petizzjoni 720/2002,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat KE, li jagħti lil kull ċittadin ta" l-Unjoni d-dritt li jagħmel petizzjoni lill-Parlament Ewropew skond l-Artikolu 194 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 107c tat-Trattat Euratom u l-Artikolu 194 tat-Trattat KE, li jagħtu lil kull ċittadin ta" l-Unjoni, u lil kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, id-dritt li jindirizzaw, b'mod individwali jew flimkien ma" ċittadini jew persuni oħra, petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar kwistjoni li taqa" taħt wieħed mill-oqsma ta" attivitajiet tal-Komunità u li taffettwa lilu jew lilha direttament,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta" Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta" sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-ħsara li jirriżulta minn radjazzjoni jonizzanti(1),
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta" April 2005 u tad-9 ta" Marzu 2006 fil-Każijiet C-61/03 l-Kummissjoni v. ir-Renju Unit u C-65/04 l-Kummissjoni v. ir-Renju Unit,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0156/2007),
A. billi jqis il-kwistjonijiet sostanzjali u l-problemi serji li qajjem il-petizzjonant u l-importanza vitali ta" l-objettiv li tkun protetta s-saħħa tal-pubbliku u l-ambjent kontra l-perikli relatati ma" l-użu ta" l-enerġija nukleari, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet,
B. billi l-petizzjoni żvelat li ħaddiema u membri tal-pubbliku ġew affettwati minn radjazzjoni minn plutonju perikoluż ħafna użat għall-armi wara t-tiġrifa tal-B-52 ta" l-Istati Uniti li kien qed iġorr armi nukleari f'Thule fi Greenland fl-1968,
C. billi ħafna minn dawk li baqgħu ħajjin wara t-tiġrifa ta" Thule mietu minn mard relatat mar-radjazzjoni minħabba nuqqas ta" monitoraġġ mediku, u dawk li baqgħu ħajjin sa llum huma f'riskju li jimirdu b'mard fatali bħal dan,
D. billi l-monitoraġġ tas-saħħa ta" dawk li baqgħu ħajjin wara t-tiġrifa ta" Thule jiffaċilita l-iskoperta kmieni ta" mard mir-radjazzjoni u t-trattament tiegħu,
E. billi l-Gvern Daniż wera l-intenzjoni tiegħu li jippromwovi trasparenza massima dwar l-operazzjoni ta" "tindif" wara t-tiġrifa ta" Thule,
F. billi l-Artikolu 2(b) tat-Trattat Euratom jistqarr li l-Komunità għandha "tistabbilixxi standards ta" sikurezza uniformi sabiex tkun protetta s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali u sabiex ikun żgurat li huma jkunu applikati",
G. billi l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta" l-opinjoni li l-Kapitolu tat-Trattat Euratom dwar is-Saħħa u s-Sikurezza huwa "kumpless koerenti li jagħti poteri lill-Kummissjoni b'kamp ta" applikazzjoni konsiderevoli sabiex il-popolazzjoni u l-ambjent ikunu protetti kontra r-riskji ta" kontaminazzjoni nukleari"(2) u billi l-Qorti kienet ukoll favur interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Kapitolu sabiex "tkun żgurata l-protezzjoni konsistenti u effettiva tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti, ikun xi jkun is-sors tagħhom"(3),
H. billi l-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka rrifjutaw b'mod konsistenti li jirrikonoxxu l-applikabilità tat-Trattat Euratom u l-leġiżlazzjoni sekondarja adottati taħtu għall-effetti ta" wara tat-tiġrifa ta" Thule,
1. Jinnota li, skond il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli ġodda tal-liġi Komunitarja japplikaw, bħala kwistjoni ta" prinċipju, għall-effetti futuri ta" sitwazzjonijiet li ġraw qabel ma r-regola l-ġdida daħlet fis-seħħ;
2. Jikkonkludi li t-Trattat Euratom kien applikabbli u jorbot immedjatament fuq ir-Renju tad-Danimarka mid-data tad-dħul tiegħu, bir-riżultat li huwa applika għall-effetti futuri ta" sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul tar-Renju tad-Danimarka fil-Komunitajiet;
3. Josserva li t-Trattat Euratom applika għal Greenland għal tnax-il sena mid-dħul tad-Danimarka fl-1973 sad-dħul fis-seħħ fl-1 ta" Jannar 1985, tat-Trattat li jemenda, fir-rigward ta" Greenland, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej; Madankollu, iqis li minħabba li dan it-Trattat m'għandu l-ebda effett retroattiv, ir-Renju tad-Danimarka jibqa" marbut bi kwalunkwe obbligu legali eżistenti relatat ma" ġrajjiet li seħħew fit-territorju ta" Greenland qabel l-1 ta" Jannar 1985 u, barra minn hekk, iqis li l-effetti ta" wara fuq is-saħħa tal-bniedem tat-tiġrifa ta" l-1968 m'humiex limitati għal Greenland, minħabba li jidher li ħafna mill-ħaddiema, inklużi ċittadini Ewropej, marru joqogħdu fl-art prinċipali tad-Danimarka minn dak iż-żmien;
4. Jinnota l-każistika reċenti skond liema t-Trattat Euratom "mhux applikabbli għall-użu ta" l-enerġija nukleari għal skopijiet militari"(4); madankollu, iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja rabtet b'mod ċar l-interpretazzjoni restrittiva tagħha għall-kamp ta" applikazzjoni tat-Trattat Euratom mal-ħtieġa li jkunu protetti l-interessi ta" difiża nazzjonali essenzjali ta" l-Istati Membri;
5. Jinsisti li l-limitazzjonijiet imsemmija hawn fuq dwar il-kamp ta" applikazzjoni tat-Trattat Euratom m'għandhomx ikunu invokati sabiex ma tkunx applikata l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza f'sitwazzjonijiet fejn l-iskop militari allegat jikkonċerna Stat terz, fejn l-użu ta" l-enerġija nukleari jikser ftehim internazzjonali, u fejn l-unika rabta preżenti fattibbli ma" interess ta" difiża ta" Stat Membru hija li r-rilaxx ta" materjal nukleari seħħ fuq it-territorju tiegħu;
6. Jinnota li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 96/29/Euratom japplika għal każijiet ta" esponiment fit-tul li jirriżultaw mill-effetti ta" wara ta" emerġenza radjoloġika;
7. Jistieden lir-Renju tad-Danimarka, f'koperazzjoni mill-qrib ma" l-awtoritajiet ta" Greenland, u f'konformità ma" l-Artikolu 38 tad-Direttiva, sabiex "iniedi miżuri ta" sorveljanza u ta" intervent" fir-rigward ta" l-effetti ta" wara tat-tiġrifa ta" Thule li qed jippersistu, u, f'konformità ma" l-Artikolu 53 ta" dik id-Direttiva, sabiex jagħmel "arranġamenti għall-monitoraġġ ta" l-esponiment" u sabiex jimplimenta "kwalunkwe intervent xieraq (...) filwaqt li jqis il-karatteristiċi reali tas-sitwazzjoni";
8. Billi jqis li d-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, u filwaqt li jqis l-obbligi pożittivi mitluba mill-Artikoli 2 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jistieden lil dawk l-Istati Membri involuti f'attivitajiet perikolużi li jista" jkollhom konsegwenzi ħżiena moħbija fuq is-saħħa ta" dawk involuti f'tali attivitajiet, sabiex jiżguraw li tiġi stabbilita proċedura effettiva u aċċessibbli li tippermetti lil tali persuni jfittxu l-informazzjoni kollha rilevanti u xierqa;
9. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw u japplikaw id-Direttiva 96/29/Euratom mingħajr dewmien, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni serja kontra kwalunkwe nuqqas ta" twettiq ta" l-obbligi tagħhom f'dak ir-rigward;
10. Jiddubita jekk ir-Renju tad-Danimarka wettaqx l-obbligi tiegħu kompletament skond id-Direttiva 96/29/Euratom fir-rigward tat-tiġrifa ta" Thule u l-effetti ta" wara tagħha;
11. Jesprimi tħassib kbir bl-eżistenza attwali ta" lakuna fil-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta" l-użu ta" l-enerġija nukleari għal skopijiet militari;
12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta li tindirizza l-implikazzjonijiet vitali fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent ta" l-użu ta" l-enerġija nukleari għal skopijiet militari, sabiex timtela din il-lakuna;
13. Iqis li d-dispożizzjonijiet ewlenin tat-Trattat Euratom ma ġewx emendati b'mod sostanzjali minn meta daħal fis-seħħ u jeħtieġ li jiġu aġġornati;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tad-Danimarka.