Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar il-qasam tad-djar u l-politika reġjonali (2006/2108(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-regolamenti li jirregolaw il-fondi strutturali għall-perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2006 dwar l-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar id-dimensjoni urbana fil-kuntest tat-tkabbir(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-12 ta" Frar 2001 dwar il-kwalità ta" l-arkitettura fl-ambjent urban u rurali(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Il-politika tal-koeżjoni u l-ibliet: il-kontribut ta" l-ibliet għat-tkabbir u għall-impjiegi fir-reġjuni" (COM(2006)0385),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban" (COM(2005)0718),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2005: l-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija jew li jsir aktar b'inqas (COM(2005)0265),
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Bristol tas-7 ta" Diċembru 2005 li ssemmi, fost it-tmien karatteristiċi ta" belt sostenibbli, ambjent urban maħsub u mibni b'mod tajjeb,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, verżjoni riveduta (STE 163), iffirmata fi Strasburgu fit-3 ta' Mejju 1996,
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-politika tad-djar adottata mill-Intergrupp għad-Djar Urbani fis-26 ta' April 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta" Vancouver dwar Kolonji Umani, li ġiet ippubblikata waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kolonji Umani (Habitat 1) li saret bejn il-31 ta" Mejju u l-11 ta" Ġunju 1976 f'Vancouver,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (345/2006), u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (407/2007), fl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 117 u 118 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0090/2007),
A. billi n-nuqqas ta' djar diċenti bi prezz li wieħed jista' jħallsu jinfluwenza b'mod dirett il-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jillimita l-possibilitajiet tagħhom ta' integrazzjoni soċjali u ta' mobilità, kemm fiz-zoni urbani kif ukoll fiz-zoni rurali,
B. billi ħafna bliet ta' l-Unjoni Ewropea għandhom problemi kbar ta' djar, bħal provvista sovrabbundanti jew nuqqas ta' provvista, skond ir-reġjun jew il-pajjiż, nies bla dar, żieda kbira fil-prezzijiet tax-xiri u tal-manutenzjoni, stat ħażin tal-bini; billi manutenzjoni ħażina spiss twassal għat-twaqqigħ tal-patrimonju eżistenti ta' djar, li jista' jwassal għal inugwaljanzi ġodda fir-rigward ta' l-ippjanar urban fin-nuqqas ta' strateġija integrata għall-iżvilupp;
C. billi l-kwistjoni ta' djar urbani għandha tintwera fil-kuntest ikbar ta' l-ippjanar urban u hija, għalhekk, għandha titqies bħala marbuta mal-problemi ta' tifqir ta' ċerti kwartieri, ta' degradazzjoni ta' l-ambjent (tniġġis ta' l-arja u ta' l-ilma, storbju, skart, konġestjonijiet, eċċ.), problemi operazzjonali fir-rigward tas-servizzi pubbliċi, aċċessibilità, sigurtà, eċċ.,
D. billi d-diffikultajiet ta' aċċess għal djar huma l-kawża ta' segregazzjoni soċjali u tal-ħolqien ta' gettos,
E. billi l-bidla demografika u l-eżodu jistgħu jwasslu, f'ċerti reġjuni, għal tnaqqis fid-domanda għal djar, djar vojta u l-għibien ta" infrastrutturi kulturali u soċjali , b'mod partikulari, jekk tonqos il-kwalità tal-ħajja fil-kwartieri konċernati u prinċipalment, jibqgħu jgħixu hemmhekk il-kategoriji soċjali żvantaġġati,
F. billi l-kombinazzjoni ta' dħul ekonomiku baxx, tal-prezzijiet għoljin ta' l-enerġija u ta' sistemi ta' tisħin u ta' inżulazzjoni inadegwati jwasslu għall-fenomeni ta' faqar u ta' esklużjoni mill-enerġija,
G. billi l-kwistjoni tad-djar mhix biss kwistjoni ta" bini, iżda tinkludi wkoll infrastrutturi soċjali (ċentri kulturali, libreriji, stadja sportivi, ċentri għal-laqgħat, eċċ.), li huwa element importanti ta'integrazzjoni soċjali u li jaħdem kontra s-sentiment ta" aljenazzjoni, li huwa partikularment komuni fiċ-ċentri urbani l-kbar,
H. billi l-esklużjoni soċjali tmur kontra l-mudell soċjali Ewropew,
I. billi hemm bżonn li jinżammu ħajja ċ-ċentri tal-bliet u ċ-ċentri tal-kwartieri, kif ukoll il-binijiet klassifikati bħala monumenti storiċi,
J. billi l-firxa urbana toħloq diversi problemi soċjali u ekonomiċi billi taffettwa t-trasport (konġestjoni ta' trasport b'mod ġenerali, dipendenza fuq il-karozzi privati), il-ħarsien ta' l-ambjent (żieda fil-konsum ta' l-eneġija, tniġġis) u l-aċċessibilità tas-servizzi,
K. billi r-riġenerazzjoni u l-konverżjoni mill-ġdid ta' artijiet industrijali urbani ftit li xejn użati (brownfield sites) u l-ħarsien ta' artijiet li għadhom ma ġewx żviluppati (greenfield sites) hija importanti,
L. billi l-istrumenti finanzjarji li jappoġġjaw il-politika għall-koeżjoni jikkontribwixxu għall-espansjoni mgħaġġla ta' spazji urbani, billi jiffavorixxu r-rijabilitazzjoni ta' spazji pubblici, l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà u ta' prevenzjoni tad-delinkwenza u l-iżvilupp ta' azzjonijiet favur l-użu effiċjenti ta' l-ilma u ta' l-enerġija, l-appoġġ għall-integrazzjoni soċjali, eċċ.,
M. billi l-problemi speċifiċi marbuta mal-bini kbir prifabbrikat, kemm f'dak li jikkonċerna l-kwalità tad-djar kif ukoll id-diffikultajiet marbuta mar-rijabilitazzjoni ta' l-infrastrutturi (l-iffinanzjar tal-ħidmiet ta' manutenzjoni u ta' tiġdid, kif ukoll tar-riċerka dwar it-tekniki u t-teknoloġiji xierqa),
N. billi r-regolament il-ġdid dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għamel il-politika tad-djar fl-Istati Membri l-ġodda eliġibbli f'serje ta' każi speċifiċi(4),
O. billi jeżistu problemi ta' proprjetà tal-bini, speċjalment dawk li huma r-riżultat ta" regolamenti inadekwati f'ċerti Stati Membri kemm tal-kera kif ukoll tat-trasferiment tal-proprjetà
P. wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka(5),
Q. wara li kkunsidra l-inizjattivi finanzjarji Jeremie(6) u Jessica(7) li twaqqfu b'kooperazzjoni mal-Fond Ewropew għall-Investiment u mal-Bank Ewropew rispettivament,
R. billi jiġi kkunsidrat li s-settur tad-djar jirrapreżenta sors kbir ta' impjiegi, kemm fil-qasam tal-kostruzzjoni, kif ukoll fl-oqsma tat-tiġdid, tal-konverżjoni u tas-servizzi lokali u tas-servizzi finanzjarji,
S. billi l-Kunsill għall-Impjiegi, għall-Politika Soċjali, għas-Saħħa u għall-Affarijiet tal-Konsumatur poġġa l-kwistjoni tan-nies bla dar u ta" l-esklużjoni relatata mad-djar fuq livell prijoritarju fil-qafas ta" l-istrateġija ta' l-UE għall-inklużjoni soċjali u l-ħarsien soċjali,
T. billi l-investimenti fi djar soċjali għandhom u se jkompli jkollhom irwol essenzjali, billi jippermettu l-aċċess għas-suq tad-djar għal ħafna nies li, mingħajr dan, kienu jkunu esklużi,
1. Iqis li d-dritt għal dar xierqa u ta' kwalità tajba bi prezz raġonevoli huwa dritt fundamentali importanti li huwa rikonoxxut f'diversi karti internazzjonali u kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri;
2. Jittama li l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi meħtieġa sabiex jagħmlu effettiv dan id-dritt għal akkomodazzjoni adegwata, ta' kwalità tajba u bi prezz raġonevoli;
3. Iqis li r-rinovar ta" djar għal skopijiet soċjali u l-effiċjenza enerġetika mhijiex biss problema urbana, li d-diversi diffikultajiet relatati mad-djar li jeżistu fiz-zoni rurali, b'mod partikulari fil-pajjiżi ta" koeżjoni ġodda, għandhom jingħataw l-attenzjoni kollha li jixirqilhom;
4. 4 Jixtieq li jiġu identifikati, fuq il-livell Ewropew, sensiela ta" indikaturi ta" kwalità li jiddefinixxu l-kunċett ta' "djar xierqa";
5. Jissottolinja l-importanza għall-UE li tadotta Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-djar imsejsa fuq il-Karta adottata mill-Intergrupp tal-Parlament għal Djar Urbani ; f'dan ir-rigward, jipproponi li l-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali għandu jieħu inizjattiva dwar din il-kwistjoni;
6. Jinsisti fuq il-ħtieġa - fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Liżbona - li jissaħħaħ id-dritt għal benefiċċji għad-djar, bil-għan ta' inklużjoni soċjali u, partikolarment b'mod li mobilità vera tal-ħaddiema tkun possibbli wkoll;
7. Jinsisti dwar il-ħtieġa li jitfasslu politiki ta' akkomodazzjoni fil-qafas ta' politika ta' tqassim ta' territorju li tiffavorixxi l-ugwaljanza soċjali u t-taħlit soċjali;
8. Jixtieq li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jadottaw miżuri bil-għan li jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-ewwel dar tagħhom;
9. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi d-djar fid-diskussjoni dwar l-ibliet u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni, kif ukoll fil-programm ta' ħidma tat-task-force għal bejn is-servizzi implimentat għall-koordinazzjoni tal-politiki li jaffettwaw id-dimensjoni urbana;
10. Jisħaq l-importanza ta' kwistjonijiet ta' sigurtà:
‐
li jikkonċernaw il-kriminalità, speċjalment fil-kwartieri inqas żviluppati,
‐
li jikkonċernaw il-bini (normi ta' kostruzzjoni u ta' operazzjoni),
‐
li jikkonċernaw l-infrastrutturi ta' l-elettriku u tal-gass, ta' l-ilma, tad-drenaġġ u s-sistema ta' tisħin (sigurtà tas-sistemi eżistenti u tat-teknoloġiji ta' rijabilitazzjoni u tibdil ta' pajpijiet qodma);
11. Jikkunsidra wkoll li huwa importanti li jiġu ttrattati b'mod koerenti d-dimensjonijiet differenti ta' l-iżvilupp sostenibbli (solidarjeta, ambjent u enerġija), l-aċċessibilta, is-saħħa, is-sigurta u l-kwalita ta' użu, u li jkun żgurat li l-piż tat-titjib tad-djar ikun kompatibbli mal-mezzi ta' l-abitanti;
12. Jisħaq l-importanza taċ-ċentri kulturali, tad-djalogu interkulturali kif ukoll tal-proġetti komuni għal bosta kwartjieri, peress li dawn jippermettu li tkun favorita l-integrazzjoni ta' diversi komunitajiet preżenti fl-ibliet, fis-subborgi u fiz-zoni rurali fil-viċin;
13. Jisħaq fuq il-bżonn li jitqiesu l-problemi speċifiċi ta' djar f' ambjenti rurali sabiex tiġi favorita politika bbilanċjata dwar l-ippjanar spazjali li tiffaċċja s-segregazzjoni u l-eżodu miz-zoni rurali, speċjalment b'kunsiderazzjoni tal-ħafna żvantaġġi f'zoni ta' dan it-tip, bħal livelli baxxi ta' qligħ, djar imxerrda 'l hemm u 'hawn u dilapidati u nuqqas ta' djar għall-kiri, djar soċjali jew akkomodazzjonijiet oħra;
14. Jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn l-ispeċifità ta' kwistjonijiet ta' djar fi bliet żgħar; huwa tal-fehma li dawn ta' l-aħħar jattiraw il-popolazzjoni rurali, mhux biss minħabba x-xogħol li dawn joffru, imma wkoll minħabba li dawn jippermettu li jinkiseb livell ta' edukazzjoni u ta' kwalifiki aktar għoli u peress li dawn joffru tweġiba għall-ħtiġijiet fil-qasam tas-saħħa jew tal-kultura; jenfasizza li hemm bżonn li jkun appoġġjat l-iżvilupp ta' dan l-irwol li għandhom l-ibliet iż-żgħar, peress li dan huwa direttament marbut mar-rikostruzzjoni taz-zoni rurali, b'mod partikulari fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa, ta' l-edukazzjoni sekondarja, ta' l-iżvilupp ta' l-SMEs, tat-turiżmu, tal-kumplessi tas-saħħa, eċċ;
15. Jikkunsidra li, fiz-zoni rurali, huwa indispensabbli li jkunu proposti miżuri ta' inkoraġġament għall-akkwist, għar-rijabilitazzjoni jew għar-rinnovament tal-bini antik, għall-appoġġ lil korpi pubbliċi u privati li jagħtu pariri u gwida personalizzati lil individwi privati u nies tan-negozju li jkunu jridu jinstallaw irwieħhom, u għat-titjib ta' l-offerti ta' djar soċjali pubbliċi u privati, ġodda u rinnovati;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel studju, u lill-Istati Membri biex itejbu l-ġbir tad-data fir-rigward ta' l-ispejjeż tad-djar u tat-talba għal djar u s-suq tal-proprjetà, b'mod ġenerali, filwaqt li jikkunsidraw l-eteroġenità ta' l-okkupanti tad-djar, il-bidliet fl-istrutturi familjari tradizzjonali u ċ-ċirkostanzi speċifiċi taż-żgħażagħ u tal-popolazzjoni li qed tixjieħ u tonqos; barra minn dan, jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-aċċess għal infrastruttura teknika, soċjali, kulturali u tat-trasport u r-rata ta' użu tagħhom meta jippjanaw u jirristrutturaw proġetti ta' djar u fil-ġbir ta' data;
17. Jenfasizza li, fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjeta, il-problemi ta' djar, bħala kwistjonijiet nazzjonali, għandhom jiġu trattati b'mod predominanti fuq livell lokali u li, minn dan il-lat, hemm il-lok li jiġu megħjuna l-muniċipalitajiet; jemmen li l-forniment ta" gwida mill-Ewropa għandu jagħti kontribut biex jitjiebu l-faċilitajiet sabiex jissolvew dawn il-problemi;
18. Jikkunsidra li, meta wieħed iqis il-komplessità tal-fatturi li għandhom impatt fuq is-sitwazzjoni tad-djar, hu neċessarju li wieħed jadotta approċċ integrat, b'għeruq fil-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' prossimità, sabiex tkun żgurata l-introduzzjoni simultanja ta' bosta fatturi li jippromwovu l-aċċess għal djar, itejjbu l-kwalità tal-bini, itejjbu l-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet kollha u tiġi promossa l-attrazzjoni taz-zoni kemm urbani kif ukoll rurali;
19. Jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-maġġoranza tad-djar soċjali mhix qegħda f'ambjent favorevoli ħafna għas-saħħa u li l-kwalità tagħhom ma tippermettix li tingħata garanzija ta' kundizzjonijiet tajbin ta' l-għajxien, u għalhekk għandhom jiġu promossi miżuri ta' żvilupp iffinanzjati mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, mhux biss biex tiġi promossa d-disponibilità ta' djar imma wkoll biex titjieb is-saħħa u l-ambjent ta' l-abitanti ta' djar tal-gvern u, b'hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom;
20. Iqis ukoll li t-teħid ta' approċċ integrat ikollu aktar ċans li jirnexxi jekk jitwettaq mill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jistgħu jiżguraw viżjoni ġenerika, koordinazzjoni tajba ħafna tal-politiki u ta' l-inizjattivi implimentati fl-agglomerazzjoni u viżjoni għaż-żmien twil għall-iżvilupp ta' l-agglomerazzjoni kkonċernata; iħeġġeġ, konsegwentament, lill-Istati Membri, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fondi Soċjali Ewropej u l-Fondi ta' Koeżjoni, biex jinvolvu lill-ibliet fl-ipprogrammar u fl-amministrazzjoni ta' fondi strutturali mmirati lejn il-kofinanzjament ta' l-attivitajiet urbani eliġibbli fil-qafas tal-programmi operazzjonali, u biex jiddelegaw lilhom l-implimentazzjoni tagħhom;
21. Jistieden lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet lokali, fuq il-bażi tal-proposta tal-Presidenza Finlandiża bit-titolu "Is-saħħa fil-linji politiċi kollha", biex, meta jabbozzaw programmi relatati mad-djar li għandhom jitwettqu bl-għajnuna ta' fondi Komunitarji, jiżguraw li l-awtoritajiet lokali jagħmlu evalwazzjonijiet dwar l-impatt fuq is-saħħa sabiex jippermettu t-twaqqif ta' ambjent ta' għixien li jkun xieraq mill-perspettivi ambjentali u ta' saħħa għal min ikun eskluż soċjalment;
22. Jinsisti fuq in-neċessità ta' djalogu u ta' konsultazzjoni bejn il-livelli differenti ta' awtoritajiet lokali, reġjonali u governattivi, sabiex ikun żgurat li l-azzjoni pubblika tkun konsistenti u responsabbli soċjalment u tkun ibbażata fuq koordinazzjoni orizzontali (li tindirizza l-linji politiċi kollha tal-Komunità dwar id-djar), vertikali (bejn dawk li jitrattaw id-djar f'bosta livelli, Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali) u mħallta (bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-parteċipanti soċjali, ekonomiċi u s-soċjetà ċivili); jitlob, barra minn hekk, parteċipazzjoni enerġetika min-naħa tar-residenti u l-organizzazzjonijiet tagħhom bl-għan li jintlaħqu deċiżjonijiet konġunti dwar l-għoti tal-ħajja mill-ġdid, l-iżvilupp mill-ġdid, l-immaniġġjar u l-konservazzjoni ta' l-ambjent urban;
23. Iħeġġeġ koordinazzjoni akbar tal-flussi finanzjarji u tal-linji politiċi li jikkonċernaw id-djar, b'mod partikolari sabiex tkun żgurata l-kumplimentarjetà bejn l-azzjonijiet appoġġjati mill-ERDF, l-istrumenti finanzjarji JESSICA u JEREMIE, is-Seba' Programm ta' Qafas għall-Riċerka u l-Iżvilupp u l-miżuri l-oħra Komunitarji, nazzjonali, reġjonali u lokali fil-qasam tad-djar u r-rinovazzjoni urbana, u b'mod partikolari sabiex ikunu żgurati l-immodernizzar u r-rinovazzjoni ta' bini abitabbli fil-kwartieri storiċi ta' l-ibliet;
24. Jispera li, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-regolamenti li jirregolaw il-politika ta" koeżjoni maħsuba għall-2009, jerġa" jinfetaħ id-dibattitu dwar l-estensjoni ta' l-aċċess għal fondi Komunitarji għar-rinovazzjoni ta" djar soċjali lill-Istati Membri kollha sabiex tiġi ffrankata l-enerġija u jitħares l-ambjent, li bħalissa huwa previst biss għal ċerti pajjiżi, peress li l-ħtieġa ta' djar hija kritika madwar l-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew għall-Investiment biex jimplimentaw l-inizjattiva Jessica bl-istess kundizzjonijiet fil-pajjiżi kollha, inkluża politika ta' djar b'approċċ integrat għall-iżvilupp;
25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jużaw bis-sħiħ il-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-ERDF fil-qasam tad-djar;
26. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, meta timmoniterja l-intervent tal-Fondi Strutturali, tiżgura li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tkun implimentata bis-sħiħ għall-iffinanzjar ta' djar li jużaw Fondi Strutturali Ewropej, u li permezz ta' dan is-sussidju fuq id-djar tkun provduta akkkomodazzjoni xierqa għal sezzjonijiet żvantaġġjati tal-popolazzjoni;
27. Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ tas-sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-gruppi soċjali u ekonomiċi interessati u s-soċjetà ċivili, u jisħaq fuq l-importanza potenzjali ta' sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod speċjali fl-immodernizzar ta' bini prefabbrikat u r-riġenerazzjoni ta' siti brownfield;
28. Jappoġġja l-kampanja mnieda mill-Kummissjoni favur l-enerġija sostenibbli, li għandha l-għan li ċ-ċittadini Ewropej isiru konxji mill-bżonn li jitnaqqas il-konsum domestiku; iħeġġeġ ukoll lill-Kummisjoni biex tippromwovi kampanja wiesgħa ta' informazzjoni, bħala parti mill-pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza enerġetika;
29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiffaċilita użu wiesa' fis-settur tad-djar ta' teknoloġiji ġodda u ta' prodotti ta' kostruzzjoni iktar effiċjenti li jippermettu li tintuża inqas enerġija;
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni prattika ta' segwitu tal-proġett pilota tagħha fis-settur tad-djar fil-qafas tal-programm SAVE(8), sabiex tippromwovi u xxerred il-proġetti eżemplari magħżula fil-qasam ta' l-effiċjenza enerġetika;
31. Jenfasizza l-importanza ta' skambji ta' l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika tad-djar u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiżviluppa netwerks tematiċi għall-qasam tad-djar simili għal dawk imwaqqfa fil-qafas tal-programm URBACT; jilqa' b'interess, għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni "Reġjuni lejn bidla ekonomika" (COM(2006)0675) u jistenna l-preżentazzjoni tal-modalitajiet implimentattivi għal din l-inizjattiva;
32. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex toħloq sit web bil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni li jkun forum ta' kooperazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattiki simili għan-Netwerk Ewropew ta' Tagħrif Urban;
33. Jitlob lill Kummissjoni biex tipprepara studju li juri kif il-poteri u r-responsabilitajiet huma maqsuma bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u li jistabbilixxi l-qafas legali għad-djar fl-Istati Membri kollha; jemmen li studju ta' dan it-tip jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet ikkunsidrati u li jiġu identifikati oqsma possibbli ta' azzjoni ta' l-UE fir-rigward tal-politika tad-djar, sabiex il-miżuri Komunitarji jipprovdu valur miżjud reali mqabbel mal-miżuri nazzjonali, reġjonali u lokali filwaqt li jiġi kkunsidrat d-dover ta' l-Istati Membri li jaġixxu fl-interess ġenerali fir-rigward ta' djar adegwati, ta' kwalità tajba u bi prezz raġonevoli;
34. Jappoġġja bil-qawwa l-idea ta' simplifikazzjoni tal-burokrazija fil-livelli kollha sabiex l-ippjanar u l-amministrazzjoni jsiru iktar effettivi;
35. Jisħaq l-importanza li l-operaturi jitħarrġu mil-livell bażiku, inkluż taħriġ speċifiku fl-ippjanar urban, il-bini, l-iżvilupp mill-ġdid, l-immaniġġjar u l-konservazzjoni ta' bini eżistenti, u jilqa' b'sodisfazzjon l-iffinanzjar ta' korsijiet ta' taħriġ fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF);
36. Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet ta' mmaniġġjar spazjali jikkunsidraw l-aċċessibilità tad-djar, tas-servizzi pubbliċi u tat-trasport urban għal persuni b'diżabilità u għall-anzjani u li jippjanaw zoni ta' eżerċizzju u ta' rikreazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ meta jkunu qed jabbozzaw politiki dwar l-ippjanar spazjali, meta jippjanaw x'azzjoni għandha tittieħed u meta jimplimentaw dik l-azzjoni;
37. Jinkoraġġixxi lill-Grupp tal-Bank Ewropew għall-Investiment u lill-Kummisjoni biex, fil-qafas ta' Jeremie u b'sinerġija ma' l-inizjattiva Jessica, jistabbilixxu strateġija biex tistimula l-espansjoni tas-settur tal-bini, l-aktar fl-Istati Membri l-ġodda, ħaġa li tista' tikkostitwixxi għajnuna strutturali għall-iżvilupp tas-settur tad-djar u tinvolvi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi lokali u reġjonali favur proġetti urbani;
38. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jidentifikaw iċ-ċirkostanzi differenti ta' l-ibliet u tat-territorji fl-Istati Membri u biex iħejju u jirrevedu l-politika tad-djar tagħhom skond il-prinċipju tas-sostenibilità;
39. Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jindirizzaw b'sens ta' urġenza wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-politika tad-djar, jiġifieri li tiġi eliminata l-problema ta' persuni bla dar;
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet ta' l-Istati Memri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Regolament (KE) Nru. 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew ta' Żvilupp Reġjonali: Artikolu 7(2) u Premessi 5 u 6.