Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2104(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0096/2007

Testi mressqa :

A6-0096/2007

Dibattiti :

PV 10/05/2007 - 5
CRE 10/05/2007 - 5

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2007 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0184

Testi adottati
PDF 353kWORD 108k
Il-Ħamis, 10 ta' Mejju 2007 - Brussell
Il-politika reġjonali tal-ġejjieni u l-innovazzjoni
P6_TA(2007)0184A6-0096/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar il-kontribut tal-politika reġjonali tal-ġejjieni għall-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea (2006/2104(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 158, 159 u 160 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta" Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (1) u l-corrigendum tiegħu(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta" Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni(3),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta" Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali(4),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta" Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew(5),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta" Lulju 2006 dwar ragruppament Ewropew ta" koperazzjoni territorjali (EGTC)(6),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta" Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni(7),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta" Diċembru 2006 dwar Is-Seba" Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta" riċerka, ta" żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(8),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007- 2013)(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-10 ta" Marzu 2005 dwar ix-xjenza u t-teknoloġija – Linji gwida għal politika tal-ġejjieni ta" l-Unjoni Ewropea li tappoġġja r-riċerka(10),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Politika ta" Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013" (COM(2005)0299),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE' (COM(2006)0502),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Iktar Riċerka u Innovazzjoni – Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Strateġija Komuni" (COM(2005)0488),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Il-politika tal-koeżjoni u l-ibliet: il-kontribut ta" l-ibliet għat-tkabbir u għall-impjiegi fir-reġjuni" (COM(2006)0385),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-tielet rapport dwar il-progress fuq il-koeżjoni: Lejn sħubija ġdida għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni" COM(2005)0192),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta" Liżbona tat-23 u ta'l-24 ta" Marzu 2000,

−   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi Zgħar, milqugħa mill-Kunsill Ewropew ta" Feira tad-19 u ta'l-20 ta" Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa ta'l-2006 bit-titolu "Wasal iż-żmien li ningranaw: is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi" (COM(2006)0030),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa informali f'Lahti fl-20 ta" Ottubru 2006, bit-titolu "Ewropa moderna, miftuħa għall-innovazzjoni" (COM(2006)0589),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bit-titolu "L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija: aktar passi lejn il-ħolqien tiegħu." (COM(2006)0276),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Reġjuni lejn Bidla Ekonomika" (COM(2006)0675),

–   wara li kkunsidra r-rapport lill-Kummissjoni mill-grupp ta' esperti indipendenti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, immexxi minn Esko Aho, intitolat 'Noħolqu Ewropa Innovattiva' (Jannar 2006), ir-rapport finali tal-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka (ERAB) intitolat 'Nistimulaw il-potenzjal reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni' (Novembru 2005) u d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni "Strateġiji u Azzjonijiet Innovattivi: ir-riżultati ta' 15-il sena ta' esperimentazzjoni reġjonali' (Ottubru 2006),

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress ta" l-Innovazzjoni Ewropea għall-2006 (TrendChart),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0096/2007),

A.   billi, barra milli tkopri l-approvazzjoni ta" proġetti u l-immaniġġjar ta" Fondi Strutturali, il-politika reġjonali għandha rwol fil-bini tal-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-UE, li jinvolvi medda ta" miżuri komplimentari xjentifiċi u teknoloġiċi, legali u finanzjarji, ekonomiċi u kummerċjali, organizzazzjonali u amministrattivi, ta" l-enerġija u ambjentali, ta" l-edukazzjoni u soċjali, u ta" saħħa u kulturali mmirati biex jiżguraw koeżjoni ġenwina fi ħdan il-Komunità,

B.   billi l-investiment minnu nnifsu ma jiġġarantix żvilupp imma jista', meta politiki xierqa jkunu implimentati u miżuri favur it-tkabbir jiġu appoġġjati, isir għodda vitali ta' l-iżvilupp,

C.   billi l-bini tal-kapaċità ta' innovazzjoni għandu jservi biex inaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni, u b'hekk ipoġġi fil-prattika l-prinċipju tas-solidarjetà soċjali u ta" l-iżvilupp armonjuż,

D.   billi ċ-ċittadini għandhom ikunu l-punt li fuqu kwalunkwe azzjoni ta" l-innovazzjoni għandha tiffoka; billi l-iżvilupp sħiħ u armonjuż tagħhom huwa l-element ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess għall-politiki kollha, u billi l-bażi għall-azzjoni kollha min-naħa ta' l-UE għandha tkun il-benesseri ta" l-abitanti tagħha (definita b'mod wiesa' f'termini ta' kwalità ta' ħajja u ta" ħajja twila), bħala membri ta' komunitajiet lokali u reġjunali u, fl-istess ħin, ċittadini ta' l-Istati Membri,

E.   billi aċċess indaqs għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini u billi taħriġ kontinwu għandu jingħata aktar importanza u l-ħaddiema għandhom jingħataw opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid,

F.   billi l-innovazzjoni fi ħdan l-UE għandha tkun mifhuma bħala proċess dinamiku u interattiv li jinvolvi partijiet interessati varji anke, skond il-prinċipju ta" sussidjarjetà, partijiet interessati reġjunali u lokali,

G.   billi l-innovazzjoni tista" tfisser ukollir-ritorn għall- prattiki tajbin, ippruvati u ttestjati li ilhom jintużaw għal ħafna ġenerazzjonijiet, u billi fi ftit każijiet il-miżuri ta" innovazzjoni jistgħu jiġu mmirati biss lejn reġjuni speċifiċi,

H.   billi wħud mill-miżuri jirrikjedu spiża kbira, filwaqt li oħrajn jitolbu biss ftit ideat u/jew l-introduzzjoni ta" leġiżlazzjoni tajba u ċara li trid tkun osservata,

I.   billi l-mira ta' l-Istrateġija ta' Liżbona hija li tagħmel lill-UE l-ekonomija l-iktar kompetittiva fid-dinja sa l-2010, li tinkludi ż-żieda fin-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għal 3% tal-GDP u billi ċentri reġjonali u lokali għandhom ikunu aktar attivi fl-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni prattika ta' l-Istrateġija ta' Liżbona,

J.   billi minn 60 sa 70% tal-leġiżlazzjoni Komunitarja hija implimentata fuq livell lokali u reġjonali,

K.   billi l-Fondi Strutturali għandhom jintużaw b'mod flessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati aspetti speċifiċi ta" reġjuni individwali,

L.   billi ġew introdotti strumenti varji ta" ffinanzjar, inklużi l-inizjattivi l-ġodda Jaspers(11), Jeremie(12) u Jessica(13), u billi l-azzjoni tal Bank Ewropew ta' Investiment (EIB) sservi bħala lieva utli għall-iżvilupp permezz tar-razzjonalizzazzjoni tan-nefqa,

M.   billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għandhom irwol vitali fil-bini tal-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-UE, minħabba, fost affarijiet oħra, il-flessibilità u l-veloċità ta" reazzjoni tagħhom għal teknoloġiji ġodda u metodi ta" ħidma ġodda,

N.   billi l-SMEs iridu jitqiesu bħala wieħed mill-muturi ewlenin għall-innovazzjoni fl-Ewropa u billi l-Istati Membri u l-UE impenjaw ruħhom biex isaħħu l-ispirtu ta" innovazzjoni f'intrapriżi żgħar u l-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħhom kif ukoll biex idaħħlu privattiv Komunitarju li jkun aċċessibbli għalihom,

O.   billi l-iżvilupp sostenibbli tal-qasam ta' l-enerġija jirrappreżenta wieħed mill-ikbar sfidi għall-UE,

P.   billi l-attività ekonomika, kif ġeneralment mifhuma, tinkludi wkoll il-biedja,

Q.   billi s-settur tas-servizzi jiġġenera porzjon sinifikanti (xi 70%) tad-dħul ta" l-Istati Membri,

R.   billi t-tbassiriet demografiċi għall-UE (rata tat-twelid baxxa u popolazzjoni li qed tixjieħ) huma sfida soċjali għall-UE u jiftħu opportunitajiet kbar għal azzjonijiet innovattivi fl-Istati Membri, inkluż fil-qasam tas-servizzi,

S.   billi hemm bżonn li jinħolqu kundizzjonijiet xierqa li għandhom x'jaqsmu ma" trasport, telekomunikazzjonijiet u infrastruttura tan-network ta" l-informazzjoni,

T.   billi l-parteċipanti l-oħra fil-"logħba" ekonomika u politika globali m'humiex qed joqogħdu jħarsu u qed ifittxu wkoll soluzzjonijiet ġodda, u billi l-innovazzjoni tista" tkun ass peress li tagħmel l-ekonomija ta" l-UE aktar attraenti u aktar kompetittiva u toħloq rabtiet bejn ir-reġjuni ta" l-UE,

U.   billi l-innovazzjoni m'għandhiex titqies biss f'termini purament formali, u billi jeżisti 'feedback effect' fejn politika reġjonali mwettqa kif jixraq trawwem innovazzjoni f'ħafna direzzjonijiet li minn naħa tagħha mbagħad tikkawża żvilupp reġjonali aktar mgħaġġel u armonjuż, u b'hekk tikkontribwixxi lejn il-koeżjoni fl-UE,

V.   billi l-innovazzjoni hija waħda mit-tliet prijoritajiet ta" l-UE msemmija fil-Linji gwida Strateġiċi Komunitarji (2007-2013),

Politika dwar kapital uman, edukazzjoni, xjenza u riċerka

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw fir-reġjuni ta" l-UE opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha ta" aċċess għall-edukazzjoni f'kull livelli, li se jagħtu spinta lill-abbiltà tan-nies biex jaħsbu b'mod innovattiv u kreattiv u biex jiżgura żvilupp personali bilanċjat (kemm intellettwali u kif ukoll fiżiku), anki fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' mudelli ta" mġiba attivi, etiċi u favur is-soċjetà;

2.  Jilqa" b'sodisfazzjon ir-riżultati miksuba sal-lum u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħaddnu l-iżvilupp ta" ċentri reġjonali akkademiċi u ta" riċerka xjentifika, kif ukoll ċentri ta" eċċellenza f'zoni differenti u koperazzjoni aktar mill-qrib bejn ċentri bħal dawn, speċjalment bejn ċentri ta" eċċellenza stabbiliti u dawk li qed jiżviluppaw, iżda wkoll permezz ta" strutturi ta" network miftuħin għal pajjiżi terzi, kif ukoll skambji mtejba ta" riċerkaturi u studenti u aċċess imtejjeb għal riċerkaturi nisa;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jippromwovu proġetti ta' riċerka li s-sejbiet tagħhom ikollhom applikazzjonijiet prattiċi, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali;

4.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-fatt li, meta wieħed jikkonsidra is-sitwazzjoni demografika attwali fl-UE, il-politiki tal-familja, tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet immexxija mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom bżonn ta" riforma u jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-l-fatt li s-soċjetà Ewropea qed tixjieħ u persuni anzjani għandhom jiġu inkoraġġuti biex ikunu involuti aktar mill-qrib f'miżuri innovattivi, sabiex b'hekk l-għarfien u l-esperjenza tagħhom jiġu utilizzati b'mod tajjeb;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jieħdu passi aktar effettivi biex jidentifikaw żgħażagħ b'talenti u jagħtuhom l-opportunità biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet xjentifiċi u intellettwali tagħhom, u jipprovdu wkoll appoġġ komprensiv għall-avvanz ta' riċerkaturi żgħażagħ;

6.  Jenfasizza li l-bidla demografika toħloq ukoll opportunitajiet għall-ekonomija ta" l-UE; jirriferi għall-attivitajiet innovattivi fis-setturi ta' l-informatika u tal-mediċina, fid-domotika (domotics), fit-telematika u fil-biċċa l-kbira tas-setturi tas-servizzi, tat-trasport u tal-kura, kif ukoll fl-ippjanar reġjonali; ifakkar li ħafna mill-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom setgħa biżżejjed biex jimplimentaw politiki f'dawn l-oqsma;

7.  Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-awtoritajiet reġjonali li, bil-ħsieb li jitrawwem spirtu aktar b'saħħtu ta' innovazzjoni, il-komunitajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu galvanizzati permezz ta' kampanja pluridirezzjonali biex jiġi stabbilit djalogu mas-soċjetà, u mal-qasam tan-negozju b'mod partikulari, ibbażat fuq il-prinċipju ta' approċċ 'minn isfel għal fuq';

8.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni hija essenzjali għall-ħolqien ta" l-impjiegi fl-Ewropa;

9.  Huwa tal-fehma li prerekwiżit essenzjali għat-tisħiħ tal-kapaċità ta" innovazzjoni fl-UE, inklużi r-reġjuni u t-territorji l-aktar "il bogħod, reġjuni muntanjużi u gżejjer kif ukoll zoni rurali, huwa aċċess bil-"broadband" bla tfixkil u b'xejn – jew irħis ħafna – għal

   a) informazzjoni amministrattiva (fil-livelli kollha ta' l-amministrazzjoni), li jagħmilha possibbli biex il-parti l-kbira tal-formalitajiet amministrattivi, inklużi formalitajiet relatati man-negozju, ikunu jistgħu jiġu indirizzati permezz ta" l-Internet, u
   b) informazzjoni xjentifika, ekonomika, legali u kulturali, li tkun suġġetta għal rispett xieraq tal-prinċipji tal-propjetà intellettwali (disponibiltà usa' ta' libreriji elettroniċi),
  

u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżguraw aċċess universali għal informazzjoni bħal din u biex jimmassimizzaw l-aċċess għal xogħol ibbażat fuq it-teknologiji ta" l-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT), li jista' jgħin fil-ġlieda kontra l-qgħad u li huwa partikularment importanti għal persuni li ċ-ċirkustanzi personali jew professjonali tagħhom jirrikjedulhom li jaħdmu jew jistudjaw mill-bogħod u għal min jiddeċiedi jaħdem id-dar, speċjalment min irabbi t-tfal, persuni b'diżabiltà u persuni li jagħtu l-kura;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, f'koperazzjoni mal-korpi settorjali, bħall-Kmamar ta" l-Industrija u tal-Kummerċ u Ċentri ta' Informazzjoni oħrajn, biex jistabbilixxu 'one-stop shops' konġunti ta' l-informazzjoni; jenfasizza li dan jista" jsir mingħajr ma jintnefqu iktar riżorsi billi jiġu rriformati networks ta' l-informazzjoni eżistenti; jinnota, fl-aħħarnett, li b'dan il-mod kumpaniji u istituzzjonijiet tar-riċerka jistgħu jiksbu minn punt wieħed informazzjoni dwar il-politika ta' l-innovazzjoni, tar-riċerka u ta' l-iżvilupp reġjonali fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u ta' l-UE;

11.  Jikkonsidra li, bil-ħsieb li tingħata spinta lill-innovazzjoni madwar l-UE, huwa essenzjali li jingħata appoġġ wiesa' lill-attivitajiet relatati ma' invenzjonijiet, u bħala estensjoni ta' dan, lill-attivitajiet relatati ma' privattivi u liċenzji, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex idaħħlu privattiva Ewropea u biex jiġi żgurat rispett għad-drittijiet ta' l-awtur (strateġija għad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali), u biex jiġġieldu l-plaġjariżmu u l-iffalsifikar b'mod vigoruż u effettiv, u biex jaħdmu għal soluzzjonijiet globali f'dan il-qasam, ibbażati l-aktar fuq mudelli Ewropej;

12.  Jiġbed l-attenzjoni li miżuri ta' l-iżvilupp u l-innovazzjoni jinkludu wkoll l-innovazzjoni organizzativa u marbuta mas-servizzi li mhix teknoloġika; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill dwar il-Kompetittività tal-5 ta' Diċembru 2006 ddeċieda li jfassal linja gwida dwar il-politika ta' l-innovazzjoni marbuta mas-servizzi u mhux teknoloġika; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-impriżi kkonċernati f'dan il-proċess; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali biex jintroduċu miżuri biex jappoġġjaw l-innovazzjoni mhux teknoloġika;

13.  Huwa tal-fehma li gruppi ta" innovazzjoni u ċentri ta" eċċellenza, sal-lum, taw riżultati tajbin u li dawn għandhom ikunu supplimentati bil-konklużjonijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq intitolata "L-għerf fil-prattika: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE"; jikkonsidra li d-dokument ta" ħidma tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq intitolat "Strateġiji u azzjonijiet innovattivi" (li jinkludi l-"vawċer ta" innovazzjoni") u r-rakkomandazzjonijiet ta" l-ERAB msemmija hawn fuq għandhom ikunu kkunsidrati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex irawmu l-iżvilupp ta" gruppi bħala mezz biex ikunu stabbiliti rabtiet bejn ċentri ta" riċerka xjentifika, ċentri ta" edukazzjoni, negozji u komunitajiet lokali;

14.  Jikkonsidra li l-iżvilupp dinamiku ta" l-innovazzjoni fil-livell reġjonali, b'mod partikulari f'oqsma ta" industriji tradizzjonali jew waħdanin, jista" jikkostitwixxi l-prevenzjoni effettiva ta" l-effetti negattivi ta" delokalizzazzjoni u jinkoraġġixxi l-impjiegi reġjonali;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex irawmu koperazzjoni billi joħolqu pjattaformi teknoloġiċi Ewropej li jipprovdu opportunità sabiex jinġabru attivitajiet ta" innovazzjoni permezz tal-ħolqien ta" rabtiet transkonfinali u transreġjonali bejn l-industrija u n-negozju u l-gruppi ta" riċerka xjentifika u finanzjarji;

16.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinħolqu punti u zoni ta" innovazzjoni reġjonali u li dawn ikunu marbuta permezz ta" networks ma" strutturi li jikkorrispondu f'reġjuni u Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi;

17.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp taħt is-Seba" Programm ta" Qafas żdied b'madwar 40%; jenfasizza, madankollu, li l-livell attwali ta" nfiq fuq riċerka u żvilupp għadu baxx b'mod perikoluż u li l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-Komunità assenjati għal dan l-iskop huma "l bogħod milli jkunu sodisfaċenti, u jistieden lill-Istati Membri sabiex iżidu b'mod konsiderevoli kemm jista" jkun malajr il-persentaġġ tal-GDP li jonfqu fuq l-R&D kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell reġjonali, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-flus jiġu użati b'mod razzjonali, skond l-għan li għalih huma indikati;

18.  Jesprimi tħassib għall-fatt li, għalkemm l-awtoritajiet ta" l-UE jirrikonoxxu l-importanza kruċjali li jippromwovu l-innovazzjoni, l-approprjazzjonijiet allokati għar-riċerka u l-iżvilupp m'humiex suffiċjenti biex jintlaħqu l-bżonnijiet reali ta" l-Unjoni u b'hekk tkun żgurata l-kompetittività tagħha;

19.  Jikkonsidra li l-iffinanzjar strutturali huwa wieħed mill-mezzi sinifikanti li jsostnu l-kapaċità għall-innovazzjoni u li jnaqqsu l-ispariġġ ekonomiku bejn ir-reġjuni, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom iżidu l-persentaġġ tar-riżorsi ta" l-iffinanzjar strutturali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, assenjati għar-riċerka u l-invenzjonijiet;

20.  Jara l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT) bħala opportunità ġdida li ma tħallix li jkun hemm "brain drain" u li tagħti lir-riċerkaturi Ewropej ta" talent ċans uniku sabiex iwettqu riċerka xjentifika fl-ogħla livell u bħala sors ta" appoġġ potenzjali għal istituzzjonijiet reġjonali ta" riċerka xjentifika; għalhekk jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iħaffu l-ħolqien ta" l-EIT u b'hekk jagħtu spinta lill-kompetittività u l-potenzjal tal-Komunità fit-"trijanglu ta" l-għerf" magħmul mill-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni;

21.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tifformula strateġija biex jinħoloq suq tax-xogħol Ewropew komuni u kompetittiv għar-riċerkaturi, u sabiex l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jimplimentaw dik l-istrateġija b'tali mod sabiex ir-riċerkaturi jingħataw l-opportunità ta" żvilupp professjonali permezz ta" prospettivi ta" karriera xierqa u passi sabiex tkun iffaċilitata l-mobilità;

Politika ekonomika u ta' l-enerġija u għodod finanzjarji u amministrattivi

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jagħtu appoġġ komprensiv, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom lill-SMEs (inklużi miżuri sabiex il-proċeduri amministrattivi u s-sistema tat-taxxa u miżuri li jikkonċernaw proċeduri ta" provvista pubblika jiġu razzjonalizzati), minħabba li huma l-mezzi l-aktar kreattivi u dinamiċi għall-innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva, u b'hekk jistgħu ikabbru b'mod potenzjali l-kompetittività ekonomika ta" l-Ewropa u titjieb il-qagħda tas-suq tax-xogħol;

23.  Jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess ta" l-SMEs għall-finanzjament mill-Fondi Strutturali sabiex tiżdied l-effiċjenza f'sens ta" nfiq tan-nefqa ta" l-UE għall-pubbliku; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li għandha tkun promossa diversifikazzjoni akbar tal-finanzjament u li għandhom isiru sforzi partikolari sabiex il-potenzjal tal-kapital ta" riskju jkun żviluppat iktar bi sħiħ;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex irawmu u jappoġġjaw koperazzjoni reġjonali bejn ċentri ta" riċerka xjentifika u negozji ta" kull daqs, żgħar, medji u kbar, inklużi fejn possibbli, l-istituzzjonijiet ta" l-ekonomija soċjali; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jikkonsidrau l-prinċipju ta" l-Innovazzjoni Miftuħa (koperazzjoni bejn l-industrija, l-SMEs u l-gvern fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta" gruppi) bħala mutur għall-iżvilupp reġjonali;

25.  Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u l-Fond ta" Koeżjoni għandhom irwol ewlieni biex jinkisbu ta" l-objettivi ta" Liżbona, partikolarment fil-qasam ta" l-innovazzjoni;

26.  Jikkonsidra il-Fond Strutturali bħala għodda vitali bħala appoġġ għall-kapaċità ta" innovazzjoni, u b'mod partikolari sabiex tinkiseb koeżjoni u jitnaqqsu l-ispariġġi ekonomiċi bejn ir-reġjuni; jipproponi li l-ammont allokat mill-Fondi Strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni jiżdied b'mod konsiderevoli;

27.  Jirrikonoxxi li, fil-livelli" lokali u reġjonali, mikrointrapriżi u industriji tas-snajja" huma partikolarment importanti għal politika favur l-innovazzjoni u għandhom ikunu appoġġjati billi jkun hemm koperazzjoni ma" stabbilimenti ta" riċerka pubbliċi u privati, speċjalment fl-oqsma ta" teknoloġija baxxa u medja; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżentalu u lill-Kunsill programm ta" azzjoni rigward tali intrapriżi u jissuġġerixxi li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jappoġġjawhom billi jużaw Fondi Strutturali, ukoll fl-ambitu tat-taħriġ ta" studenti, juri dispjaċir iżda li l-ebda miżura operattiva ma kienet proposta għalihom; konsegwentement, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi u l-ħtiġijiet ta" dawn l-intrapriżi meta jkunu definiti prijoritajiet fl-istrateġija;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex joħolqu kundizzjonijiet li jsaħħu l-koperazzjoni interreġjonali u transkonfinali fil-qasam ta" l-innovazzjoni, filwaqt li jissuġġerixxi simplifikazzjoni massima ta" proċeduri amministrattivi rigward il-finanzjament ta" tali koperazzjoni;

29.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jieħdu l-azzjoni innovattiva li hija essenzjali fis-settur tas-sevizzi fis-sens wiesa" tal-kelma, li tinkludi servizzi pubbliċi;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bil-ħsieb li ssir implimentazzjoni effettiva ta" politika favur l-innovazzjoni fir-reġjuni, sabiex jagħmlu użu tajjeb tal-komplimentarjetà tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta" Koeżjoni u l-finanzjament disponibbli taħt is-Seba" Programm ta" Qafas għar-riċerka kif ukoll l-ewwel Programm ta" Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni;

31.  Huwa tal-fehma li, bi qbil mal-pressjoni soċjali b'saħħitha għal dan, il-burokrazija għandha titnaqqas b'mod radikali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrevedu, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi, il-liġi Komunitarja, nazzjonali, reġjonali u lokali minn dak il-lat u sabiex iwettqu simplifikazzjonijiet estensivi u, kull fejn ikun possibbli, sabiex jistandardizzaw il-proċeduri amministrattivi, partikolarment dawk marbuta mal-bidu jew mat-tmexxija ta" attività ekonomika (punti ta" kuntatt waħdanin);

32.  Huwa tal-fehma li għandha tingħata għajnuna istituzzjonali lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħidma tagħhom favur l-innovazzjoni u jissuġġerixxi li l-Istati Membri jikkunsidraw li jagħtuhom, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat adottati mill-Kummissjoni, id-dmirijiet u s-setgħat l-iktar wesgħin possibbli flimkien ma" mezzi xierqa ta" finanzjament tagħhom infushom, ta" sussidji jew ta" għotjiet, li għandhom jiffaċilitaw l-isforzi sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet possibbli għar-residenti lokali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex meta jfittxu metodi biex jimplimentaw investimenti u proġetti favur l-innovazzjoni, jippromwovu u jagħmlu aktar użu ta" soluzzjonijiet li jinvolvu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat (PPPs) u sabiex fl-istess ħin jużaw l-aħjar prattiki żviluppati f'pajjiżi u reġjuni oħra, f'konformità mal-prinċipju tal-valur għall-flus;

34.  Jenfasizza l-bżonn għal sistema estensiva ta" PPPs sabiex jissupplimentaw il-finanzjament pubbliku li jkun sar disponibbli mill-Istati Membri u l-Komunità; jinnota li s-suċċess ta" attivitajiet bħal dawn se jiddependi essenzjalment fuq li jkun hemm rabta bejn l-atturi potenzjali;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta wieħed jikkonsidra il-possibilità ta" tensjonijiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika dwar l-għajnuna mill-Istat, min-naħa l-waħda, u l-appoġġ ta" proġetti bħal dawn mill-Fondi Strutturali, min-naħa l-oħra, sabiex tieħu azzjonijiet bil-għan li jitnaqqsu dawn it-tensjonijiet b'referenza għall-PPP, kif ukoll kwistjonijiet oħra, inkluża l-infrastruttura għall-kollegament "broadband" ta" l-Internet;

36.  Jikkonsidra li, bil-għan li jkunu implimentati politiki favur l-innovazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali, jeħtieġ li jitħaffef ix-xogħol ta" ġbir ta" kapital, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħolqu mekkaniżmi ta" finanzjament li jissodisfaw il-ħtiġijiet reali, flimkien ma" sistema għall-immaniġġjar tar-riskji involuti fi proġetti innovattivi; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, l-importanza f'termini ta" innovazzjoni ta" l-inizjattivi l-ġodda ta" finanzjament introdotti b'mod konġunt mill-EIB u il-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF), b'mod partikolari Jaspers, Jeremie u Jessica u jikkonsidra li informazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika u effettiva ta" dawn l-inizjattivi għandha tinxtered b'mod wiesa" kemm jista" jkun fil-livell reġjonali;

37.  Jenfasizza, madankollu, li s-sistema attwali ta' kapital ta' riskju ma tissodisfax il-ħtiġijiet ta' l-iffinanzjar ta' l-innovazzjoni ta' impriżi żgħar u mikro, b'mod partikulari fil-każ ta' innovazzjoni mhux teknoloġika; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment u lill-Fondi Ewropew ta' l-Investiment biex jidentifikaw metodi ta' ffinanzjar li huma xierqa għal dawn l-impriżi u industriji ta' xogħol mid-dar, billi jadattaw kapital ta' riskju jew ifasslu, jekk meħtieġ, strumenti finanzjarji innovattivi oħrajn; jirrimarka li l-inizjattiva Jeremie m'għandhiex tkun limitata għall-appoġġ ta' l-innovazzjoni fit-teknoloġiji l-għoljin biss, u jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jiżguraw li tappoġġja wkoll l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ta' livell baxx u medju;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex ma jiffukawx biss fuq proġetti ewlenin u ċentri ta' eċċellenza, iżda biex jagħtu kas ukoll proġetti iżgħar f'reġjuni inqas vantaġġjati u biex jipprovdu għal mekkaniżmi adattati ta' mikrokreditu;

39.  Jirrikonoxxi r-rabta bejn l-innovazzjoni u l-moviment ta' malajr u sikur ta' persuni u oġġetti, li teħtieġ l-involviment ta' komunitajiet reġjonali fil-forniment ta' infrastruttura għat-trasport, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ikunu innovattivi b'mod tekniku u organizzattiv fil-qasam tat-trasport, b'mod partikulari fil-każ tat-trasport pubbliku kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak reġjonali;

40.  Jinsab kuntent li, flimkien mal-Kunsill u l-Kummissjoni, qed jitratta l-problemi ta' l-enerġija ta' l-UE u, qed jirrealizza li l-politika ta' l-enerġija taqa', fil-prinċipju, fi ħdan l-isfera nazzjonali u għandha influwenza sinifikanti fuq l-innovazzjoni fi ħdan l-ekonomija, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-aspetti reġjonali ta' dik il-politika, inklużi l-edukazzjoni dwar l-enerġija, li għandha tirriżulta fi sforzi akbar sabiex l-użu ta' l-enerġija jiġi razjonalizzat u sabiex tiġi prodotta enerġija 'nadifa' billi jintużaw elementi ġeografiċi u sorsi ta' enerġija lokali u fi promozzjoni ta' bini ji juża l-eneġija b'mod 'intelliġenti' (energy-intelligent), ta' ekonomija li timxi l-aktar fuq sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, ta' sistema ta' trasport li tisfruttal-possibilitajiet ta' kumbinazzjonijiet intermodali b'mod aktar effiċjenti u proċessi aktar effiċjenti ta' użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ; jisħaq l-irwol pożittiv li l-SMEs għandhom f'din il-kwistjoni;

Zoni urbani u rurali u l-ambjent

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li tittieħed azzjoni kontra it-telf ta' popolazzjoni minn ċerti zoni minħabba l-iżvantaġġi strutturali tagħhom (bħal pereżempju privazzjoni soċjali u qgħad), sabiex iwettqu politika ta' kumpens interreġjonali b'mod aktar effettiv, filwaqt li jikkonsidrau l-iżvilupp ta' l-innovazzjoni fl-ekonomiji reġjonali, li jsaħħaħ il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-Komunità u jikkontribwixxi lejn il-kisba ta' koeżjoni territorjali ġenwina;

42.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet reġjonali għall-fatt li, biex ikun possibbli ambjent favorevoli għall-innovazzjoni, il-poplu jrid ikollu kundizzjonijiet ta' għajxien tajbin, li jfisser li jrid ikun iggarantit livell xieraq ta' sigurtà, kura tas-saħħa u ħarsien ambjentali, djar diċenti, aċċess għall-edukazzjoni, il-kultura u s-servizzi, eċċ;

43.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali, minħabba l-irwol ewlieni taz-zoni urbani bħala l-postijiet fejn tgħix il-maġġoranza taċ-ċittadini ta' l-UE kif ukoll bħala ċentri ta' inovazzjoni lokali u reġjonali, biex jappoġġjaw l-ippjanar ta' l-ispazju għal perjodu ta' żmien twil li joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għall-użu razzjonali u armonjuż ta' l-ispazju urban u għal żvilupp urban sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ekonomiċi, ta' 'housing' u ta' rikreazzjoni u wkoll il-bżonnijiet tal-ħarsien ta' l-ambjent;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw inizzjattivi li jiżguraw azzjoni innovattiva favur l-ambjent (eko-innovazzjoni) skond il-linjigwida għal strateġija sotenibbli, li jikkontribwixxu fost affarijiet oħra għall-iżvilupp reġjonali sostenibbli; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-potenzjal sinifikanti ta' l-SMEs għal dan it-tip ta' innovazzjoni;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali, minħabba l-fatt li z-zoni rurali li fihom tgħix madwar 20% mill-popolazzjoni tal-Komunità huma ta' importanza deċiżiva għas-sikurezza ta' l-ikel ta' l-UE, biex jinkludu l-kiwstjonijiet ta' produzzjoni u proċessar ta' ikel agrikolu u l-kundizzjonijiet ta' għajxien ta' l-abitanti ta' zoni rurali fi ħdan il-kamp ta' politika ta' innovazzjoni;

Prattika tajba u l-konsolidazzjoni tal-politika ta' innovazzjoni

46.  Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol tal-Kummissjoni sal-lum fl-evalwazzjoni tal-politika ta' innovazzjoni fil-livell ta' l-Istati Membri (eż. ir-Rapport dwar il-Progress ta' l-Innovazzjoni Ewropea) u jistedinha b'mod sistematiku biex tanalizza l-livell ta' żvilupp ta' reġjuni individwali, filwaqt li tuża l-iktar indikaturi ta' l-innovazzjoni oġġettivi disponibbli; jissuġġerixxi li analiżi u evalwazzjonijiet u l-aqwa prattiki rilevanti jiġu ppreżentati fir-raba' rapport perjodiku dwar il-koeżjoni li qed jitfassal bħalissa;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex tikkonsolida Oqfsa Strateġiċi ta' Riferiment Nazzjonali (NSRFs), li għandhom jinkludu Strateġiji Reġjonali għall-Innovazzjoni (RISs) sabiex tingħata aktar prominenza lill-innovazzjoni, u biex tgħaqqadhom f'sistema komuni u koerenti għall-UE kollha;

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati li nkisbu s'issa b'rabta ma' l-iskambju ta' l-esperjenza u l-aħjar prattika bejn ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali permezz ta' networks ta' koperazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ kontinwu għall-iżvilupp ta' networks bħal dawn u għat-trasferiment ta' l-innovazzjoni permezz ta' l-użu ta' l-aqwa teknoloġiji ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, li jiffaċilitaw b'mod sinifikanti t-trasferiment u l-iskambju ta' informazzjoni, b'mod partikulari minħabba l-ħtieġa li jkunu involuti l-komunitajiet f'zoni mbegħdin; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-fatt li permezz ta' l-inizjattiva Reġjuni għall-Bidla Ekonomika msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ir-reġjuni u l-bliet biex jikkoperaw, iżda jistenna proposti konkreti għall-implimentazzjoni ta' dik l-inizjattiva;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, flimkien ma' l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, reviżjoni fuq żmien medju ta' l-effetti tal-politika ta' koeżjoni mwettqa s'issa u tal-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji msemmija hawn fuq sabiex tevalwa l-progress li jkun sar bil-politika ta' innovazzjoni ta' l-UE fir-reġjuni;

50.  Ifakkar lill-Kummissjoni li r-raba' rapport ta' koeżjoni li ġej għandu jservi wkoll biex itejjeb il-politika ta' koeżjoni fil-futur; jirriferi wkoll għall-'Aġenda Territorjali ta' l-UE' mistennija li tiġi mfassla fl-2007; jenfasizza li dan id-dokument ta' politika ifittex biex joħloq kunċetti ġodda li jħarsu 'l quddiem dwar l-iżvilupp territorjali (b'mod speċjali fl-oqsma ta' l-iżvilupp reġjonali u urban, l-użu tal-'massa kritika' għal raggruppamenti reġjonali u approċċ differenzjat għar-reġjuni) u anke juża l-kultura bħala għajnuna fl-iżvilupp reġjonali;

51.  Jispera li r-riżoluzzjonijiet attwali juru l-interess li bliet u reġjuni għandhom fl-iżvilupp u t-tkabbir reġjonali u li dan ser jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar l-irrappurtar annwali tat-talbiet ta' l-Istati Membri fl-Istrateġija ta' Liżbona;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(2) ĠU L 239, 1.9.2006, p. 248.
(3) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79.
(4) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.
(5) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12.
(6) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.
(7) ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
(8) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(9) ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.
(10) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 259.
(11) Assistenza konġunta għall-appoġġ ta' proġetti fir-Reġjuni Ewropej.
(12) Riżorsi konġunit Ewropej għall-Intrapriżi Mikro u ta' daqs medju.
(13) Appoġġ konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-żoni urbani.

Avviż legali - Politika tal-privatezza