Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/2125(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0142/2007

Testi mressqa :

A6-0142/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2007 - 9.9
CRE 22/05/2007 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0194

Testi adottati
PDF 251kWORD 97k
It-Tlieta, 22 ta' Mejju 2007 - Strasburgu
Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni
P6_TA(2007)0194A6-0142/2007
Deċiżjoni
 Anness

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2007 dwar il-konklużjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni (2005/2125(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 1999 dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni ġdida(1),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-8 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tad-Dikjarazzjoni Konġunta riveduta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni (minn issa 'l quddiem imsejħa 'id-Dikjarazzjoni riveduta'),

–   wara li kkunsidra r-Regola 120(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-punt XVIII(4) ta' l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0142/2007),

A.   billi l-estensjoni kontinwa ta' l-ambitu ta' l-applikazzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni żżid l-importanza tagħha fil-proċess tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE u twassal għal bidla fin-natura tar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

B.   billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppruvaw jagħmlu l-proċess tat-tfassil tal- leġiżlazzjoni ta' l-UE aktar trasparenti, koordinat, effiċjenti u demokratiku,

C.   billi, filwaqt li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni ta' l-1999 uriet kemm tiswa', xi żviluppi prattiċi fl-applikazzjoni tagħha matul iż-żmien urew il-ħtieġa li tiġi emendata,

D.   billi t-tkabbir suċċessiv ta' l-Unjoni Ewropea ħoloq sfidi li jaffetwaw kemm ir-razzjonalizazzjoni tal-proċeduri kif ukoll it-titjib tar-riżorsi,

E.   billi d-Dikjarazzjoni riveduta tilħaq dawk l-aspettattivi u tħalli l-koperazzjoni interistituzzjonali futura tiżviluppa b'mod kostruttiv u flessibli,

F.   billi l-ftehimiet interistituzzjonali u l-ftehimiet ta' qafas għandhom konsegwenzi sinifikanti, u billi għalhekk huwa essenzjali, sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għalihom, u sabiex tkun żgurata t-trasparenza, li jinġabru flimkien il-ftehimiet kollha eżistenti u li jiġu ppubblikati bħala anness tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

1.  Jerġa' jikkonferma l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta' trasparenza, responsabilità u effiċjenza, u l-ħtieġa li jkun hemm fokus fuq is-simplifikazzjoni tal-proċess tat-tfassil tal-liġijiet ta' l-UE filwaqt li jiġi rispettat l-ordni legali ta' l-Unjoni Ewropea;

2.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni riveduta, li ttejjeb kemm l-istruttura kif ukoll il-kontenut tad-Dikjarazzjoni ta' l-1999 billi żżid numru ta' dispożizzjonijiet importanti li jġibu d-dokument konformi ma' l-aħjar prattiċi eżistenti u li timmira li ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet bil-ħsieb li jitjiebu l-effiċjenza u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE;

3.  Jesprimi x-xewqa li l-Parlament jadotta metodu għall-armonizzazzjoni tal-prattiki tal-kumitati parlamentari waqt it-trialogi, billi jiddefenixxi ċertu numru ta' regoli li jikkonċernaw il-komposizzjoni tad-delegazzjonijiet parlamentari kif ukoll l-obbligi ta' kunfidenzjalità fir-rigward tax-xogħol tagħhom;

4.  Jilqa' b'mod partikolari t-titjib li ġej fid-Dikjarazzjoni riveduta:

   a) id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-attendenza fil-laqgħat tal-kumitat parlamentari minn rappreżentanti tal-Presidenza tal-Kunsill u dwar it-talbiet għal informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill, li, flimkien, jikkostitwixxu pass lejn l-objettiv għat-titjib tad-djalogu bejn iż-żewġ fergħat leġiżlattivi;
   b) ir-rikonoxximent tal-prattika li jiġu ffinalizzati l-ftehimiet li jkunu ntlaħqu waqt negozjati informali bejn l-istituzzjonijiet permezz ta' skambju ta' ittri;
   c) il-konferma tal-prinċipju li, fir-rigward tar-reviżjoni legali-lingwistika, is-servizzi tal-Parlament u tal-Kunsill għandhom jikkoperaw daqs xulxin;
   d) il-ftehim biex jiġi organizzat, sa fejn possibli, l-iffirmar ta' testi importanti adottati waqt ċerimonja konġunta fil-preżenza tal-midja, kif ukoll komunikati għall-istampa u konferenzi stampa konġunti biex jitħabbar ir-riżultat pożittiv tax-xogħol involut;

5.  Konvint li d-Dikjarazzjoni riveduta żżid aktar it-trasparenza u r-responsabilità pubblika tax-xogħol leġiżlattiv magħmul skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

6.  Japprova d-Dikjarazzjoni riveduta annessa ma' din id-deċiżjoni u jiddeċiedi li jannetti d-Dikjarazzjoni riveduta mar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jitlob li d-Dikjarazzjoni riveduta tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni u l-anness tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 279, 1.10.1999, p. 229.


ANNESS

PARLAMENT EWROPEW

KUNSILL

KUMMISSJONI

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ARRANĠAMENTI PRATTIĊI GĦALL-PROĊEDURA TA" KODEĊIŻJONI (ARTIKOLU 251 TAT-TRATTAT KE)

PRINĊIPJI ĠENERALI

1.  Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, minn hawn 'il quddiem imsemmija flimkien l-"istituzzjonijiet", jinnotaw li l-prattika attwali, li tinvolvi taħdidiet bejn il-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni u ċ-chairmen tal-kumitati relevanti u/jew rapporteurs tal-Parlament Ewropew u bejn il-ko-presidenti tal-Kumitat tal-Konċiljazzjoni, uriet is-siwi tagħha.

2.  L-istituzzjonijiet jikkonfermaw li din il-prattika, li żviluppat fl-istadji kollha tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, għandha tibqa' titħeġġeġ. L-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jeżaminaw il-metodi ta" ħidma tagħhom bil-ħsieb li jagħmlu użu aktar effettiv tal-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tal-proċedura ta' kodeċiżjoni kif stabbilit fit-Trattat KE.

3.  Din id-Dikjarazzjoni Konġunta tiċċara dawn il-metodi ta" ħidma u l-arranġamenti prattiċi sabiex dawn jiġu segwiti. Din timla fuq il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-"Tfassil Aħjar tal-Liġijiet"(1) u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu rigward il-proċedura ta' kodeċiżjoni. L-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom b'mod sħiħ li jirrispettaw dawn l-impenji skond il-prinċipji ta" trasparenza, responsabilizzazzjoni u effiċjenza. F'dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex isir progress fuq il-proposti ta' simplifikazzjoni filwaqt li jiġi rispettat l-acquis communautaire.

4.  L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw in bona fede matul il-proċedura kollha bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom kemm jista" jkun u b'hekk iwittu t-triq, fejn ikun xieraq, għall-adozzjoni ta" l-att konċernat fi stadju bikri tal-proċedura.

5.  B'dan il-għan fi ħsiebhom, huma għandhom jikkoperaw permezz ta" kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex jimmonitorjaw il-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta" konverġenza fl-istadji kollha tal-proċedura ta' kodeċiżjoni.

6.  L-istituzzjonijiet, skond ir-regoli ta' proċedura interni tagħhom, jimpenjaw ruħhom li jwettqu skambju regolari ta' informazzjoni dwar il-progress tad-dossiers ta' kodeċiżjoni. Għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu koordinati kemm jista" jkun b'mod illi jippermetti t-tmexxija tal-proċedimenti b'mod koerenti u konverġenti. Għaldaqstant, ser jaħdmu sabiex jistabbilixxu skeda ta' żmien indikattiva għall-istadji varji li jwasslu għall-adozzjoni finali ta" proposti leġiżlattivi differenti, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ in-natura politika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

7.  Il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-kodeċiżjoni ta" sikwit tieħu l-għamla ta" laqgħat bejn tliet partijiet ("trijalogi"). Din is-sistema ta' trijalogu wriet il-vitalità u l-flessibbiltà tagħha biż-żieda sinifikattiva tal-possibiltajiet għal ftehim fl-istadji ta' l-ewwel u tat-tieni qari, kif ukoll ikkontribwiet għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

8.  Trijalogi bħal dawn normalment jitmexxew f'qafas informali. Jistgħu jsiru fl-istadji kollha tal-proċedura u f'livelli differenti ta" rappreżentazzjoni, skond in-natura tad-diskussjoni mistennija. Kull istituzzjoni għandha, skond ir-regoli ta' proċedura tagħha stess, taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati, u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fil-ħin.

9.  Kemm jista" jkun, kwalunkwe abbozz ta" test ta" kompromess imressaq għal diskussjoni f'laqgħa li se ssir għandu jiġi ċċirkolat minn qabel lill-parteċipanti kollha. Biex tiġi mtejba t-trasparenza, it-trijalogi li jsiru fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill għandhom jitħabbru, fejn ikun prattikabbli.

10.  Il-Presidenza tal-Kunsill ser tagħmel ħilitha biex tattendi l-laqgħat tal-kumitati parlamentari. Sejra tikkunsidra b'attenzjoni u kif jixraq it-talbiet li tirċievi sabiex tipprovdi informazzjoni relatata mal-pożizzjoni tal-Kunsill.

L-EWWEL QARI

11.  L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw in bona fede bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom kemm jista" jkun biex fejn ikun possibbli l-atti jkunu jistgħu jiġu adottati fl-ewwel qari.

Ftehim fl-istadju ta" l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew

12.  Għandhom jiġu stabbiliti kuntatti xierqa sabiex jiffaċilitaw it-tmexxija tal- proċedimenti fl-ewwel qari.

13.  Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dawn il-kuntatti u għandha teżerċita d-dritt ta" inizjattiva tagħha b'mod kostruttiv bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat.

14.  Fejn jintlaħaq ftehim permezz ta" negozjati informali fit-trijalogu, il-President tal-Coreper għandu jibgħat, permezz ta' ittra liċ-chairman tal-kumitat parlamentari konċernat, id-dettalji tas-sustanza tal-ftehim, f' għamla ta" emendi għall-proposta mill-Kummissjoni. Din l-ittra għandha tindika r-rieda tal-Kunsill li jaċċetta dak ir-riżultat, suġġett għal verifika legali-lingwistika, filkaż li dan ikun ikkonfermat bil-votazzjoni fil-plenarja. Kopja ta" dik l-ittra għandha tintbagħat lill-Kummisjoni.

15.  F'dan il-kuntest, fejn il-konklużjoni ta" dossier fl-ewwel qari tkun imminenti, għandha tkun disponibbli faċilment u minnufih l-informazzjoni dwar l-intenzjoni li jintlaħaq ftehim.

Ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni komuni

16.  F'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, jistgħu jissoktaw il-kuntatti sabiex jintlaħaq ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni komuni.

17.  Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dawn il-kuntatti u għandha teżerċita d-dritt ta" inizjattiva tagħha b'mod kostruttiv bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u r-rwol mogħti lilha mit-Trattat.

18.  Fejn jintlaħaq ftehim f' dan l-istadju, iċ-chairman tal-kumitat parlamentari konċernat għandu jindika, f'ittra lill-President tal-Coreper, ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-plenarja li tiġi aċċettata l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill mingħajr emendi, suġġetta għal konferma tal-pożizzjoni komuni mill-Kunsill u għal verifika legali-lingwistika. Kopja ta" l-ittra għandha tintbagħat lill-Kummissjoni.

IT-TIENI QARI

19.  Fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu, il-Kunsill għandu jispjega bl-aktar mod ċar possibbli r-raġunijiet li wassluh biex jadotta l-pożizzjoni komuni tiegħu. Waqt it-tieni qari tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu kemm jista' jkun iqis dawn ir-raġunijiet u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

20.  Qabel ma jibgħat il-pożizzjoni komuni, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex iqis, b'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni, id-data tat-trażmissjoni tagħha biex jiżgura l-effiċjenza massima tal-proċedura leġiżlattiva fit-tieni qari.

Ftehim fl-istadju tat-tieni qari fil-Parlament Ewropew

21.  Għandhom jissoktaw il-kuntatti xierqa hekk kif il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tintbagħat lill-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jinkiseb intendiment aħjar tal-pożizzjonijiet rispettivi li b'hekk iwassal lill-proċedura leġiżlattiva għal konklużjoni malajr kemm jista" jkun.

22.  Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita kuntatti bħal dawn u tagħti l-opinjoni tagħha bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat.

23.  Fejn jintlaħaq ftehim permezz ta" negozjati informali fi trijalogu, il-President tal-Coreper għandu jibgħat, permezz ta' ittra liċ-chairman tal-kumitat parlamentari konċernat, id-dettalji tas-sustanza tal-ftehim, f' għamla ta" emendi għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill. Din l-ittra għandha tindika r-rieda tal-Kunsill li jaċċetta dak ir-riżultat, suġġett għal verifika legali-lingwistika, filkaż li tiġi kkonfermata b'votazzjoni fil-plenarja. Kopja ta" dik l-ittra għandha tintbagħat lil-Kummisjoni.

KONĊILJAZZJONI

24.  Jekk jidher evidenti li l-Kunsill ma jkunx f'pożizzjoni li jaċċetta l-emendi kollha tal-Parlament Ewropew fit-tieni qari u meta l-Kunsill ikun lest biex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu, jiġi organizzat l-ewwel trijalogu. Kull istituzzjoni għandha, skond ir-regoli ta" proċedura tagħha stess, taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Kummissjoni għandha tindika liż-żewġ delegazzjonijiet, fl-iktar stadju bikri possibbli, l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-opinjoni tagħha dwar l-emendi fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew. 

25.  It-trijalogi għandhom isiru matul il-proċedura ta" konċiljazzjoni kollha bil-ħsieb li jinsabu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet pendenti u li jippreparaw il-bażi biex tintlaħaq ftehim fil-Kumitat tal-Konċiljazzjoni. Ir-riżultati tat-trijalogi għandhom jiġu diskussi u possibilment jiġu approvati fil-laqgħat ta" l-istituzzjonijiet rispettivi.

26.  Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jissejjaħ mill-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament Ewropew u b'kunsiderazzjoni xierqa għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

27.  Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċedimenti tal-konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jinkludu abbozzi ta" testi ta" kompromess li jqisu l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b'kunsiderazzjoni xierqa ta' l-irwol mogħti lill-Kummissjoni mit-Trattat.

28.  Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jkun presedut b'mod konġunt mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom ikunu preseduti b'mod alternat minn kull ko-president.

29.  Id-dati u l-aġendi għal laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandhom jiġu stabbiliti b'mod konġunt mill-ko-presidenti bil-ħsieb tat-tħaddim effettiv tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni matul il-proċedura tal-konċiljazzjoni kollha. Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata dwar id-dati previsti. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirriservaw, għal raġunijiet ta" gwida, dati xierqa għal proċedimenti ta" konċiljazzjoni u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

30.  Il-ko-presidenti jistgħu ipoġġu diversi dossiers fuq l-aġenda fi kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Minbarra s-suġġett prinċipali ("punt-B"), fejn ikun għadu ma ntlaħaqx ftehim, jistgħu jinfetħu u/jew jingħalqu l-proċeduri ta" konċiljazzjoni dwar suġġetti oħrajn mingħajr diskussjoni dwar dawn il-punti ("punt-A").

31.  Filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward l-iskadenzi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, kemm jista" jkun, iqisu il-ħtiġijiet marbuta ma' l-iskedar tal-ħinijiet, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw minn waqfiet fl-attivitajiet ta" l-istituzzjonijiet u mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. F'kull każ, il-waqfa fl-attivitajiet għandha tkun qasira kemm jista" jkun.

32.  Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jiltaqa" b'mod alternat fil-bini tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex il-faċilitajiet, inklużi l-faċilitajiet ta" interpretazzjoni, jinqasmu b'mod indaqs.

33.  Il-proposta mill-Kummissjoni, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill u l-opinjoni tal-Kummissjoni dwarha, l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, l-opinjoni tal-Kummisjoni dwarhom u dokument ta" ħidma konġunt mill-Parlament Ewropew u mid-delegazzjonijiet tal-Kunsill għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Dan id-dokument ta" ħidma għandu jgħin lill-utenti biex jidentifikaw il-kwistjonijiet relevanti faċilment u biex jirreferu għalihom b'mod effiċjenti. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-opinjoni tagħha fi żmien tliet ġimgħat minn meta tkun irċeviet uffiċjalment ir-riżultat tal-votazzjoni tal-Parlament Ewropew u mhux aktar tard mill-bidu tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni.

34.  Il-ko-presidenti jistgħu jippreżentaw testi għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

35.  Ftehim dwar test konġunt għandu jiġi stabbilit f'laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jew, sussegwentement, bi skambju ta" ittri bejn il-ko-presidenti. Kopji ta" dawn l-ittri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni.

36.  Jekk il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jilħaq ftehim dwar test konġunt, it-test għandu, wara li ssir il-finalizzazzjoni legali-lingwistika, jiġi preżentat lill-ko-president għall-approvazzjoni formali. Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali u sabiex jiġu rispettati l-iskadenzi, jista" jiġi ppreżentat abbozz ta" test konġunt lill-ko-presidenti għall-approvazzjoni tagħhom.

37.  Il-ko-presidenti għandhom jibagħtu t-test konġunt approvat lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta" ittra ffirmata b'mod konġunt. Fejn il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma jkunx jista" jaqbel fuq test konġunt, il-ko-presidenti għandhom jinformaw lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dan, f'ittra ffirmata b'mod konġunt. Dawn l-ittri għandhom iservu bħala rekord uffiċjali. Kopji ta" dawn l-ittri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-informazzjoni. Id-dokumenti ta" ħidma użati waqt il-proċedura ta" konċiljazzjoni ser ikunu aċċessibbli fir-Reġistru ta" kull istituzzjoni ladarba l-proċedura tkun konkluża.

38.  Is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala s-segretarjat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, f' assoċjazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

39.  F'każ li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill iqisu li huwa essenzjali li jiġu estiżi t-termini msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, għandhom javżaw lill-President ta" l-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan.

40.  Fejn jintlaħaq ftehim fl-ewwel jew fit-tieni qari, jew waqt il-konċiljazzjoni, it-test miftiehem għandu jiġi finalizzat mis-servizzi legali-lingwistiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jaġixxu f'koperazzjoni mill-qrib u bi ftehim reċiproku.

41.  M'għandomx isiru bidliet lil kwalunkwe test miftiehem mingħajr il-ftehim espliċitu, fil-livell xieraq, kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsill.

42.  Il-finalizzazzjoni għandha titwettaq filwaqt li jitqiesu l-proċeduri differenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-iskadenzi għall-konklużjoni tal-proċeduri interni. L-istituzzjonijiet jintrabtu sabiex ma jużawx l-iskadenzi stabbiliti għall-finalizzazzjoni legali-lingwistika ta" l-atti biex jinfetħu mill-ġdid diskussjonijiet dwar kwistjonijiet sostantivi.

43.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaqblu dwar preżentazzjoni komuni tat-testi preparati b' mod konġunt minn dawk l-istituzzjonijiet.

44.  L-istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom, kemm jista' jkun, sabiex jużaw klawsoli standard aċċettabbli reċiprokament sabiex jiġu inkorporati fl-atti adottati permezz tal-kodeċiżjoni b'mod partikolari dwar dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħat ta" implimentazzjoni (skond id-deċiżjoni tal-"komitoloġija"(2)), id-dħul fis-seħħ, it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta" atti u r-rispett għad-dritt ta" l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

45.  L-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itellgħu konferenza stampa konġunta biex iħabbru r-riżultat ta" suċċess tal-proċess leġiżlattiv fl-ewwel jew fit-tieni qari, jew fil-konċiljazzjoni. Għandhom jagħmlu ħilthom ukoll biex joħorġu stqarrijiet konġunti għall-istampa .

46.  Wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill ta" att leġiżlattiv taħt il-proċedura ta" kodeċiżjoni it-test għandu jiġi preżentat għall-firma lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill u lis-Segretarji Ġenerali ta' dawk l-istituzzjonijiet.

47.  Il-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jirċievu t-test għall-firma fil-lingwi rispettivi tagħhom u għandhom, kemm jista" jkun, jiffirmaw it-test flimkien f'ċerimonja konġunta li tiġi organizzata kull xahar bil-għan li jiġu ffirmati atti importanti fil-preżenza tal-midja.

48.  It-test iffirmat b'mod konġunt għandu jintbagħat għall-pubblikazzjoni lill-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Pubblikazzjoni għandha normalment issir fi żmien xahrejn mill-adozzjoni ta" l-att leġiżlattiv mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

49.  Jekk waħda mill-istituzzjonijiet tidentifika żball klerikali jew żball ovvju f'test (jew f'waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu), din għandha tavża lill-istituzzjonijiet l-oħrajn minnufih. Jekk l-iżball ikun f'att li jkun għadu ma ġiex adottat mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, is-servizzi legali-lingwistiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jippreparaw il-corrigendum meħtieġ f'koperazzjoni mill-qrib. Fejn dan l-iżball jikkonċerna att li jkun diġà ġie adottat minn waħda jew miż-żewġ istituzzjonijiet, sew jekk ikun ippubblikat kif ukoll jekk ma jkunx, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw, bi ftehim komuni, corrigendum jew rettifika mfassla skond il-proċeduri rispettivi tagħhom.

(1) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 27.7.2006, p. 11).

Avviż legali - Politika tal-privatezza