Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-twaqqif ta' ekonomija ta' l-idroġenu favur l-ambjent u t-tielet rivoluzzjoni industrijali fl-Ewropa permezz ta' sħubija ma' reġjuni u bliet impenjati, SMEs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 116 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tisħin globali u l-ispejjeż ta' fjuwils fossili qed jiżdiedu u wara li kkunsidra d-dibattitu mibdi mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-politika ta' l-enerġija u l-bidla fil-klima,
B. billi viżjoni dwar l-enerġija ta' wara l-era tal-fjuwils fossili u tan-nukleari għandha tkun il-proġett importanti li jmiss ta' l-Unjoni Ewropea,
C. billi l-ħames punti ewlenin għall-indipendenza fl-enerġija huma: massimizzar ta' l-effiċjenza fl-enerġija, tnaqqis fit-tniġġis minn gassijiet li jikkawża tisħin globabli, titjib fl-introduzzjoni kummerċjali ta' enerġiji li jerġgħu jiġġeddu, twaqqif ta' teknoloġija taċ-ċelloli ta' fjuwil mill-idroġenu biex jinħażnu enerġiji li jerġgħu jiġġeddu u l-ħolqien ta' gradilji ta' l-elettriku effiċjenti biex iqassmu l-enerġija,
1. Jistieden lill-Istituzzjonijiet ta' l-UE biex:
-
jilħqu żieda ta' 20% fl-effiċjenza fl-enerġija sa l-2020,
-
inaqqsu t-tniġġis tal-gass bl-effett serra bi 30% sa l-2020 (imqabbel mal-livelli ta' l-1990),
-
jipproduċu 33% ta' l-elettriċità u 25% ta' l-enerġija ġenerali minn sorsi ta' enerġija li jerġgħu jiġġeddu sa l-2020,
-
jistabbilixxu teknoloġija ta' ħażna ta' ċelloli ta' fjuwil ta' l-idroġenu, u faċilitajiet ta' ħażna oħrajn, għal użi li jistgħu jinġarru, stazzjonarji u ta' trasport, u jwaqqfu infrastruttura ta' idroġenu deċentralizzata mill-iċken livell sa l-ogħla wieħed sa l-2025 fl-Istati Membri kollha ta' l-UE,
-
jagħmlu l-grilji ta' l-elettriku effiċjenti u indipendenti sa l-2025 biex ir-reġjuni, il-bliet, l-SMEs u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jipproduċu u jaqsmu l-enerġija bi qbil ma' l-istess prinċipji ta' aċċess miftuħ kif japplika fil-każ ta' l-internet illum;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din id-dikjarazzjoni, flimkien ma' l-ismijiet tal-firmatarji, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.