Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2275(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0173/2007

Testi mressqa :

A6-0173/2007

Dibattiti :

PV 21/05/2007 - 15
CRE 21/05/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 23/05/2007 - 5.6
CRE 23/05/2007 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0201

Testi adottati
PDF 354kWORD 109k
L-Erbgħa, 23 ta' Mejju 2007 - Strasburgu
L-esklużjoni tas-servizzi tas-saħħa mid-Direttiva dwar is-Servizzi
P6_TA(2007)0201A6-0173/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-impatt u l-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tas-servizzi tas-saħħa mid-Direttiva dwar is-Servizzi fis-Suq Intern (2006/2275(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 16, 49, 50, 95(1) u 152 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea;

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ("il-Qorti tal-Ġustizzja") tat-28 ta' April 1998 fil-każ C-120/95, Decker(1), tat-28 ta' April 1998 fil-każ C-158/96, Kohll(2), tat-12 ta' Lulju 2001 fil-każ C-157/99, Geraets-Smits u Peerbooms(3) u tat-12 ta' Lulju 2001 fil-każ C-368/98, Vanbraekel(4), tal-25 ta' Frar 2003 fil-każ C-326/00, IKA(5), tat-13 ta' Mejju 2003 fil-każ C-385/99, Müller-Fauré u van Riet(6), fit-23 ta' Ottubru 2003 fil-każ C-56/01, Inizan(7), tat-18 ta' Marzu 2004 fil-każ C-8/02, Leichtle(8), u tas-16 ta' Mejju 2006 fil-każ C-372/04, Watts(9),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(10), u b'mod partikulari l-Artikolu 2(2)(f) tiegħu, u l-Premessi 22 u 23 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2006 intitolata 'Konsultazzjoni dwar azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-servizzi għall-kura tas-saħħa' (SEC(2006)1195/4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar il-mobilità tal-pazjenti u l-iżviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea(11),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji Komuni tas-Sistemi tas-Saħħa ta' l-Unjoni Ewropea(12),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 152(5) tat-Trattat, li jwaqqaf il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tas-saħħa pubblika, u wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni self-employed u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità(13), ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 rigward il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali(14),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0173/2007),

A.   billi l-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni, l-immaniġġjar, il-kunsinna u l-iffinanzjar tas-servizzi tas-saħħa, li jvarjaw skond l-Istati Membri,

B.   billi l-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet numru ta' sentenzi, dwar kwistjonijiet bħall-aċċess għall-kura tas-saħħa u t-twaqqif ta' kriterji għal proċeduri ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew għar-rimbors ta' l-ispejjeż li jawtorizza liċ-ċittadini ta' l-UE li jiċċaqalqu b'mod ħieles sabiex isibu l-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor,

C.   billi, fil-Konklużjonijiet tiegħu hawn fuq imsemmija dwar il-valuri u l-prinċipji Komuni fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsill adotta dikjarazzjoni mill-25 Ministru għas-Saħħa ta" l-Unjoni Ewropea dwar il-valuri u l-prinċipji komuni li jseddqu s-sistemi tas-saħħa Ewropej,

Prinċipji

1.  Iqis li l-mobilità tal-pazjenti u tal-ħaddiema professjonali tas-saħħa se tiżdied fis-snin li ġejjin, u għalhekk il-pazjenti jkollhom iktar għażla; iqis li, hu x'inhu l-livell tad-dħul tagħhom u l-post fejn jgħixu, għandu jkun garantit għaċ-ċittadini Ewropej kollha aċċess indaqs u li jifilħu jħallsu għalih għall-kura tas-saħħa fi żmien xieraq, b'konformità mal-prinċipji ta' l-universalità, tal-kwalità, tas-sikurezza, tal-kontinwità u tas-solidarjetà, u b'hekk dan jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni filwaqt li tkun żgurata s-sostenibilità finanzjarja ta' sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa; iqis li skond dawk il-prinċipji, il-mobilità tal-pazjenti u tal-professjonisti tista' tikkontribwixxi għat-titjib ta' l-aċċessibilità u tal-kwalità tal-kura tas-saħħa;

2.  Jinnota li l-Istati Membri ma jippromwovux il-kura tas-saħħa biżżejjed, għalhekk id-drittijiet tal-pazjenti huma ristretti;

3.  Ifakkar li l-Istati Membri li implimentaw il-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma esperjenzaw l-ebda żieda serja fil-baġits għall-kura tas-saħħa bħala riżultat tal-mobilità akbar tal-pazjent;

4.  Iqis li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu biss sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel ladarba jiġi ppruvat li ċ-ċaqliq transkonfinali tal-pazjenti għandu effett negattiv fuq il-bilanċ finanzjarju tal-baġit nazzjonali għas-saħħa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu nota tal-possibilità li jużaw perjodu bi prova li fih ma tkun maħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel;

5.  Jenfasizza li l-mobilità tal-pazjenti jew tal-professjonisti m'għandhiex tkun skuża għal Stat Membru li jonqos milli jinvesti fis-sistema tal-kura tas-saħħa tiegħu stess;

6.  Jenfasizza li l-aċċess għal kura transkonfinali huwa rekwiżit biex jiġi żgurat il-moviment ħieles taċ-ċittadini fi ħdan il-Komunità u jgħin iż-żieda fl-impjiegi u fil-livelli ta' kompetittività fl-Istati Membri;

7.  Jenfasizza l-bżonn li tinqata" l-burokrazija marbuta kemm ma" l-użu kif ukoll mal-forniment tas-servizzi tas-saħħa transkonfinali;

8.  Jinnota li, sabiex tinqata' l-burokrazija relatata ma' l-użu ta' servizzi tas-saħħa transkonfinali, huwa neċessarju li jittejbu s-sistemi elettroniċi ta' l-identifikazzjoni tal-pazjent u t-talbiet tal-pazjent għar-rimbors;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b'mod attiv l-introduzzjoni tas-Saħħa Elettronika u tat-telemediċina;

10.  Ifakkar li, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà primarja għall-forniment ta' kura tas-saħħa effiċjenti u ta' kwalità għolja liċ-ċittadini tagħhom; jenfasizza li, għal dan il-għan, għandhom ikunu jistgħu jużaw l-għodod regolatorji xierqa, fuq livell ta' l-UE kif ukoll fuq livelli multilaterali u bilaterali, biex jimmaniġġjaw is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u l-awtoritajiet tas-saħħa tagħhom u, meta jeżerċitaw dik is-setgħa, iridu jirrispettaw dejjem id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

11.  Jenfasizza li regoli tat-Trattat, inklużi d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, japplikaw għas-servizzi tas-saħħa u jisħaq li min jipprovdi servizzi tas-saħħa jkun intitolat għalkollox li jistabbilixxi u jipprovdi servizzi fi kwalunkwe Stat Membru, skond regoli nazzjonali u ta' l-UE; jenfasizza bl-istess mod li l-pazjenti huma intotolati bis-sħiħ biex ifittxu kura tas-saħħa fi kwalunkwe Stat Membru;

12.  Jinnota li filwaqt li s-sistemi tal-kura tas-saħħa m'humiex fil-kompetenza tal-Komunità, kwistjonijiet marbuta mas-sistemi tal-kura tas-saħħa, bħall-aċċess għal mediċini u trattamenti, l-informazzjoni tal-pazjent, u l-moviment ta" kumpaniji ta" l-assikurazzjoni u ta" professjonisti tas-saħħa, għandhom karatteristiċi transkonfinali; jinnota li dawk il-kwistjonijiet iridu jiġu indirizzati mill-Unjoni;

13.  Jiġbed l-attenzjoni li, f'kull każ, il-pazjenti jrid ikollhom aċċess indaqs għal trattament xieraq kemm jista' jkun qrib ta' fejn jgħixu u bil-lingwa tagħhom stess; iqis li d-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċi għal użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistemi ta' assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali(15) għandha tiġi applikata aħjar, sabiex il-mediċini jitqiegħdu fis-suq aktar malajr, sabiex l-innovazzjoni u s-sikurezza tal-mediċini jiġu promossi u sabiex l-użu tal-proċedura ċentralizzata għall-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tiġi promossa iktar bis-saħħa;

14.  Jisħaq li l-Istati Membri għandhom jittrattaw lir-residenti ta' Stat Membru ieħor fuq bażi ugwali fir-rigward ta' l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, kemm jekk ikunu pazjenti privati kif ukoll jekk ikunu pazjenti pubbliċi;

15.  Jinnota li l-pazjenti għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar liema fornituri tal-kura tas-saħħa kisbu akkreditazzjoni internazzjonali u jinnota li l-fornituri akkreditati tal-kura tas-saħħa għandhom, ikunu fejn ikunu fl-UE, jiżguraw li l-kura tas-saħħa hija sikura, fuq bażi ta' indikaturi internazzjonali ta' kwalità li jistgħu jitkejlu;

16.  Isostni li kwalunkwe inizjattiva politika relatata mas-servizzi tas-saħħa għandha, kemm jista' jkun, tkun suġġetta għat-tfassil tal-liġi parlamentari iktar milli tiġi segwita fuq bażi ad hoc permezz ta' sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;

17.  Huwa tal-fehma li bħalissa s-sikurezza u d-drittijiet tal-pazjenti m'humiex żgurati fil-forniment transkonfinali tal-kura tas-saħħa u li teżisti inċertezza legali dwar mekkaniżmi ta' rimbors, obbligi għall-awtoritajiet nazzjonali biex jaqsmu informazzjoni regolatorja, id-dmir tal-kura kemm għat-trattament inizjali kif ukoll għas-segwitu u d-dispożizzjonijiet ta' l-immaniġġjar tar-riskju għal pazjenti privati;

Id-definizzjonijiet

18.  Jitlob definizzjoni ċara tas-servizzi tas-saħħa sabiex jiġi ċċarat u stabbilit sew il-kamp ta' applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni futura f'dan il-qasam; jitlob, f'dan il-kuntest kjarifika ta' l-elementi tas-sistema tas-saħħa li huma relevanti f'dan il-kuntest;

19.  Jinnota li l-objettivi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa huma paragunabbli ma" servizzi soċjali oħra ta" interess ġenerali, fis-sens li dawn huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, huma ta" spiss parti mis-sistemi ta" protezzjoni soċjali nazzjonali, jirrigwardaw il-persuna, jiżguraw li ċ-ċittadini jistgħu jgawdu mid-drittijiet fundamentali tagħhom, jiżguraw livell għoli ta" protezzjoni soċjali, u jsaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali;

20.  Hu ta" l-opinjoni li kull azzjoni Komunitarja marbuta mas-servizzi tal-kura tas-saħħa għandha tkun konsistenti ma' azzjoni Komunitarja marbuta mas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali;

21.  Jitlob li kwalunkwe kjarifika ulterjuri tal-kunċetti użati fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tbiddilx il-bilanċ milħuq mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn il-prerogattivi ta' l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u d-drittijiet tal-pazjent individwali; f'dan ir-rigward ifakkar li rigward il-kunċett ta' "tul ta' stennija raġonevoli" l-Qorti tal-Ġustizzja indikat b'mod ċar li dan għandu jiġi definit fid-dawl ta' evalwazzjoni tas-sitwazzjoni medika ta' kull pazjent u li l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi m'għandu jkollhom l-ebda rwol f'din l-evalwazzjoni;

22.  Jitlob aktar kjarifika tal-kunċetti ta' "tul raġonevoli ta' żmien ta' stennija" u definizzjoni ta' 'in-patients' jew 'out-patients';

23.  Jinnota li fir-rigward ta' servizzi ta' l-isptar fi Stat Membru ieħor, il-proċedura biex tingħata awtorizzazzjoni għandha tipprovdi garanzija għall-pazjenti li tħarishom minn deċiżjonijiet arbitrarji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom; jinnota li, sabiex jiġi faċilitat il-moviment ħieles tal-pazjenti mingħajr ħsara għall-objettivi ta' ppjanar ta' l-Istati Membri, fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kura fl-isptar trid tiġi definita b'mod strett, bħala trattament li jista' jingħata biss fi ħdan l-infrastruttura ta' sptar u li ma tistax tingħata, pereżempju, fil-klinika tat-tabib jew fid-dar tal-pazjent; jinnota, b'mod partikulari, li kwalunkwe rifjut biex tingħata awtorizzazzjoni għandu jkun miftuħ għal tgħarbil fi proċedimenti ġudizzjarji jew kważi-ġudizzjarji u li, bil-għan li tiġi evalwata s-sitwazzjoni medika ta' kull pazjent, għandu jintalab il-parir kompletament objettiv u imparzjali ta' esperti indipendenti;

Mobilità tal-pazjenti

24.  Jinnota d-diversità kbira fil-mobilità u r-raġunijiet differenti għall-mobilità fost pazjenti mibgħuta barra mill-pajjiż mis-sistema nazzjonali tas-saħħa tagħhom u fost pazjenti li qed ifittxu trattament mediku barra minn pajjiżhom minn jeddhom, turisti li jimirdu, ħaddiema migranti, studenti, persuni rtirati u l-persuni kollha li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, jew li jgħixu fir-reġjuni ta' mal-fruntieri u jisħaq li dawn id-differenzi għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-politika;

25.  Jisħaq li jkun mixtieq li ssir distinzjoni bejn, fuq naħa, servizzi tas-saħħa transkonfinali, jiġifieri dawk li jinsabu fuq iż-żewġ naħat ta" fruntiera komuni għal żewġ Stati Membri sabiex jitwettqu u jiġu offruti lil pazjenti aċċess u kura ta' standard għoli, u min-naħa l-oħra, servizzi tas-saħħa internazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li joffru kura tas-saħħa għat-trattament ta" mard rari jew orfni jew mard li jirrikjedi teknoloġiji rari jew teknoloġiji li jqumu ħafna flus (ċentri ta" referenza għall-kura) jew għandhom jipprovdu aċċess għal kura li l-Istat Membru jew l-Istat ta" residenza ma jkunx jista" joffri lill-pazjent attwalment;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi statistiċi annwali għal kull Stat Membru dwar il-mobilità tal-pazjent u dwar in-numru ta' każijiet ta' rifjut ta' rimbors, u r-raġunijiet għal dan;

27.  Waqt li jirrikonoxxi li l-politika dwar il-kura tas-saħħa hija l-ewwel nett il-kompetenza ta" l-Istati Membri u waqt li jenfasizza l-ħtieġa għal forniment ta' kura tas-saħħa ta' kwalità għolja fil-pajjiż ta' l-oriġini tal-pazjent, madankollu jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniedi konsultazzjoni dwar l-aqwa forma ta' azzjoni Komunitarja bil-għan li ttejjeb l-aċċess tal-pazjenti, f'perjodu ta" żmien raġonevoli, għal qafas sikur, ta" kwalità għolja u effiċjenti għall-aspetti transkonfinali tal-kura tas-saħħa, u jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposti konkreti biex tinkoraġġixxi u timmonitorja progress f'dan il-qasam;

28.  Jinnota li numru konsiderevoli ta' pazjenti minn bosta Stati Membri ma jistgħux jirċievu l-kura medika neċessarja fil-pajjiż tagħhom stess f'perjodu ta' żmien raġonevoli minħabba t-tul tal-listi ta' stennija u jinnota li għalhekk, dawn il-pazjenti huma dipendenti fuq kura medika barra mill-pajjiż;

Titjib ta' l-informazzjoni għall-pazjenti

29.  Jinnota kemm hu diffiċli għall-pazjenti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni ċara u preċiża dwar il-kura tas-saħħa, speċjalment fir-rigward ta" kura tas-saħħa transkonfinali, u l-kumplessità tal-proċeduri li wieħed irid isegwi; jinnota li din id-diffikultà, li m'hijiex maħluqa biss mill-ostakoli tal-lingwa, iżżid potenzjalment ir-riskji għas-sikurezza tal-pazjent;

30.  Iqis li l-UE għandha rwol importanti fit-titjib ta' l-aċċess tal-pazjenti għal informazzjoni dwar l-aċċess għal kura tas-saħħa transkonfinali;

31.  Jinnota li t-tqassim u l-iskambju effettiv u trasparenti ta" informazzjoni dwar is-saħħa huwa rekwiżit vitali sabiex tkun żgurata konsistenza u sabiex tinżamm kwalità għolja ta" kura tas-saħħa bejn is-servizzi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri differenti;

32.  Jaħseb li huwa importanti li l-pazjenti jingħataw id-dritt li jagħżlu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor meta din tippermettilhom jirċievu trattament xieraq, filwaqt li jkunu ġew infurmati bis-sħiħ kemm dwar it-termini u l-kundizzjonijet ta" qabel għal aċċess għal kura bħal din kif ukoll dwar l-implikazzjonijiet ta' dik l-għażla; jaħseb li skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja hawn fuq imsemmija, l-awtorizzazzjoni minn qabel għal kura fi sptar għandha tkun tista' tinkiseb faċilment, ittrattata immedjatament u evalwata fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali, hu tal-fehma li r-rifjut ta" l-awtorizzazzjoni għandu jkun ġustifikat fuq il-bażi ta" kriterji oġġettivi li għandhom ikunu verifikati b'mod trasparenti u li għalhekk għandhom jingħataw raġunijiet, u li kwalunkwe rifjut għandu jkun raġunat b'referenza għal opinjoni mogħtija minn esperti indipendenti;

33.  Jitlob li tiġi adottata karta Ewropea tad-drittijiet tal-pazjenti fuq il-bażi tal-karti differenti eżistenti fl-Istati Membri u tal-ħidma mwettqa mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

Rimbors

34.  Jirrikonoxxi d-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri u l-oqfsa legali kumplessi li jirregolaw ir-rimborsi; jitlob għal kodifikazzjoni tal-każistika eżistenti dwar ir-rimbors tal-kura tas-saħħa transkonfinali sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta ta' dik il-każistika mill-Istati Membri kollha, u sabiex titjieb l-informazzjoni disponibbli għall-pazjenti, għall-iskemi nazzjonali ta' l-assikurazzjoni u għall-fornituri tal-kura tas-saħħa mingħajr ma jinħolqu piżijiet addizzjonali diffiċli u burokratiċi għall-Istati Membri;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha sabiex japplikaw il-proċeduri eżistenti rigward ir-rimborż ta'spejjeż għal kura tas-saħħa transkonfinali; iqis li għandu jkun possibbli għal Kummissjoni li tibda proċeduri kontra l-Istati Membri li ma josservawx dawn il-proċeduri;

36.  Jitlob li tiġi stabbilita skema ta' referenza Ewropea dwar ir-rimbors biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu paragun u jagħmlu għażla dwar liema trattament huwa l-aktar xieraq għalihom;

37.  Jitlob biex issir eżami tal-modi kif jiġi appoġġjat u promoss b'mod attiv ix-xogħol sabiex issir użu mill-Karta Ewropea ta" l-Assikurazzjoni tas-Saħħa ("EHIC") li fiha sett standardizzat ta" data elettronika tal-pazjent sabiex jiġu simplifikati l-proċeduri għal ċittadini Ewropej li jiksbu kura tas-saħħa fi Stati Membri oħrajn u biex jiżguraw il-konfidenzjalità ta' data medika sensitiva; jaħseb li d-detenturi ta' EHIC għandhom jiddeċiedu huma stess liema data għandha tidher fuqha; biex jagħmel l-aktar użu effettiv ta' din is-sistema, jitlob li jiġu adottati indikaturi Ewropej tas-saħħa; jaħseb li huwa kruċjali, għal raġunijiet ta' sikurezza tal-pazjent, li l-awtoritajiet nazzjonali jitħeġġu sabiex jaqsmu informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni u l-kwistjonijiet dixxiplinari relatati mal-fornituri ta' kura tas-saħħa li joperaw bejn il-fruntieri; jemmen li hu xieraq li l-EHIC tiġi estiża biex tinkludi sistema ta' skambju internazzjonali ta' data dwar l-istatus ta' assikurazzjoni tal-pazjenti;

38.  Jistieden lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-fornituri tas-servizzi tas-saħħa jpoġġu simbolu li jidher ċar li juri, b'mod simili bħal dak użat fil-każ tal-kards ta' kreditu fil-lukandi u r-ristoranti, eċċ., li l-EHIC tal-pazjenti tista' tiġi aċċettata fi Stat Membru partikolari, skond ir-Regolament (KE) Nru 883/2004; jitlob għal livell għoli ta' protezzjoni ta' data għall-pazjenti fir-rigward ta' koperazzjoni transkonfinali fis-servizzi tas-saħħa biex jiżgura l-kunfidenzjalità ta' data medika sensittiva;

Mobilità tal-ħaddiema tas-saħħa professjonali

39.  Jinnota li d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali(16) ma tipprovdix rimedju għan-nuqqasijiet kollha regolatorji li jeżistu bħalissa fuq il-livell ta' l-UE rigward il-moviment ħieles tal-professjonisti tas-saħħa, b'mod partikulari f'dik li hi t-tkomplija tat-taħriġ tagħhom, id-dritt ta' stabbiliment u rigward l-assigurazzjonital-kompetenza attwali tal-professjonisti tas-saħħa; jisħaq li kwalunkwe leġiżlazzjoni fil-futur f'dan il-qasam għandha tiffaċilita bil-qawwa l-għoti tas-servizzi tas-saħħa transkonfinali u t-twaqqif ta' fornituri tas-servizzi minn Stati Membri oħrajn;

40.  Jinnota li għalkemm jeżisti rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali fl-UE, għad m'hemmx biżżejjed uniformità fil-kwalità tal-kontenut tat-taħriġ professjonali u tal-modi kif professjonijiet huma mfittxija jew nuqqas ta" dispożizzjoni għal uniformità bħal din;

41.  Jenfasizza li l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħmel dispożizzjoni li l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta" protezzjoni tas-saħħa u f'dan ir-rigward jirrimarka li l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u l-kapaċità tas-settur li jżomm l-istaff huma kkundizzjonati mill-kwalità tax-xogħol u mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tas-servizzi tas-saħħa, inkluż b'referenza għall-ħinijiet ta" mistrieħ u l-opportunitajiet ta" taħriġ tagħhom; jirrimarka wkoll li l-miżuri li jakkumanjaw bħall-kontroll tal-kwalità, is-superviżjoni u l-użu ta" teknoloġiji ta" l-informatika ġodda għandhom jiżguraw l-aħjar kura medika possibbli għall-pazjenti;

42.  Jaħseb li huwa importanti għall-fornituri tal-kura tas-saħħa f'kuntatt dirett mal-pazjenti li jkunu jafu biżżejjed il-lingwa mitkellma fl-Istat Membru ospitanti;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi sistema ta' ġbir ta' data u ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti dwar il-fornituri tal-kura tas-saħħa, kif ukoll biex toħloq karta Ewropea li tipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar il-ħiliet tal-ħaddiema professjonali tal-kura tas-saħħa u biex dik l-informazzjoni tkun disponibbli għal pazjenti, kif ukoll biex tiżviluppa sistema ta' informazzjoni tas-saħħa li wieħed jista" joqgħod fuqha għall-fornituri tas-servizz fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati jiskmabjaw dik l-informazzjoni;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' żieda fil-mobilità professjonali fl-Ewropa, biex tisabbilixxi obbligu legali għall-awtoritajiet nazzjonali biex jikkondividu informazzjoni ta' reġistrazzjoni u informazzjoni ta' dixxiplina fir-rigward ta' professjonisti fil-kura tas-saħħa sabiex jiżguraw is-sikurezza ta' pazjent;

45.  Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol imwettaq mill-Professjonisti tas-Saħħa Bejn il-Fruntieri bħala eżempju tajjeb ta' koperazzjoni multilaterali mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-kura tas-saħħa ta' l-Istati Membri;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinforma aħjar lill-ħaddiema professjonali tal-kura tas-saħħa dwar id-dritt ta' mobilità tagħhom fi ħdan l-UE billi jintużaw għodda eżistenti stabbilita mill-Kummissjoni, bħall-EURES (Servizzi tax-Xogħol Ewropej);

Responsabbiltà legali

47.  Jinsisti li l-mobilità tal-pazjent teħtieġ is-salvagwardji ta' regoli konkorrenti u ċari dwar ir-responsabbiltà għall-forniment ta' servizzi tas-saħħa transkonfinali u l-ħtieġa li tirriżulta għal aċċess faċli għal mekkaniżmi ta' rimedji u ġustizzja b'mod partikulari jekk l-istadji varji ta" trattament ikunu saru f'iktar minn Stat Membru wieħed;

48.  Jinnota li l-għaqda tar-regoli attwali tad-dritt internazzjonali privat dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli, flimkien ma' diversi strumenti tal-liġi Komunitarja, twassal għal għanqbuta kumplessa u diffiċli ta' sistemi ta" responsabbiltà legali li ma jippromwovux aċċess faċli għall-ġustizzja; jenfasizza li din hija kwistjoni ta' tħassib partikolari fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa u li huma, min-natura tagħhom, kemm personali kif ukoll individwali; barra minn hekk, jinnota li pazjent li jfittex rimedju x'aktarx ikun vulnerabbli u jkun qed jipproċedi waħdu kontra istituzzjoni jew kontra korp professjonali;

49.  Jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li tiġi garantita s-sigurtà legali tal-pazjenti u tal-ħaddiema professjonali; jitlob kjarifika tar-responsabiltajiet f'każ ta' ħsara u għal obbligu li l-ħaddiema professjonali kollha tas-saħħa jkollhom assikurazzjoni ta' responsabbiltà tat-terza persuna obbligatorja bi prezz raġonevoli;

50.  Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ il-ħarsien tal-pazjenti billi l-ħaddiema professjonali tas-saħħa jintalbu jagħmlu assikurazzjoni ta' indemnità professjonali; jinnota, madankollu, li kemm il-metodi għall-garanzija ta' dan u d-definizzjoni ta' ħaddiema professjonali tas-saħħa, se jkunu determinati mill-assikurazzjoni rilevanti jew mill-arranġamenti l-oħra ta' sigurtà finanzjarja fis-seħħ f'kull Stat Membru;

51.  Jinnota li l-kura tas-saħħa spiss tirrikjedi li jsiru kontrolli mediċi ta' segwitu; jitlob kjarifika tar-regoli dwar il-qsim tar-responsabiltajiet bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa waqt l-istadji differenti tal-kura medika sabiex tkun żgurata l-kontinwità fil-kura; jinnota li t-telemediċina u l-'e-health' qed jiżviluppaw fuq tali skala li jeħtieġ li jsir ftehim dwar regoli ġodda fl-oqsma tal-ħarsien soċjali, ta' l-iffinanzjar u ta' l-aċċess għal tali kura;

Koperazzjoni bejn l-Istati Membri

52.  Jaħseb li koperazzjoni akbar mill-qrib bejn is-sistemi tas-saħħa fuq livelli lokali, reġjonali, intergovernattivi u Ewropej għandha twassal biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu l-kura xierqa fi Stati Membri oħrajn, sabiex titjieb il-kwalità tas-servizzi u b'hekk iżżid il-kunfidenza taċ-ċittadini;

53.  Jirrimarka li koperazzjoni transkonfinali bejn il-partijiet ikkonċernati tista' twassal għas-sejbien ta' soluzzjonijiet xierqa, kif juri l-eżempju ta' Euroregis;

54.  Jistenna li l-Istati Membri jfittxu koperazzjoni transkonfinali biex joffru servizzi tas-saħħa, sabiex b'hekk ikunu jistgħu jħaddmu s-sistemi tas-saħħa rispettivi tagħhom b'mod iktar effettiv għan-nefqa;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal standards tekniċi, u jistieden lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri biex jappoġġjaw b'mod attiv l-introduzzjoni ta" sistemi ta" informazzjoni trasparenti li jkunu interoperabbli u li jippermettu l-iskambju u t-tqassim effettiv ta" informazzjoni dwar is-saħħa bejn fornituri tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri differenti;

56.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' netwerks ta' ċentri ta' riferenza, inklużi ċentri ta' riferenza elettroniċi li jittrattaw mard rari, speċifiku u kroniku u l-iskambju ta' għarfien dwar l-aħjar prattiki rigward it-trattament u dwar l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tottimizza l-koperazzjoni amministrattiva transkonfinali;

57.  Jaħseb li l-UE jista" jkollha rwol importanti fit-titjib tad-disponibilità ta" l-informazzjoni għal pazjenti dwar il-mobilità transkonfinali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta" indikaturi tas-saħħa Ewropej;

58.  Jirrikonoxxi li hemm domanda għal servizzi transkonfinali tas-saħħa u farmaċewtiċi regolati kif jixraq, ta" kwalità għolja u għal koperazzjoni u l-iskambju ta" esperjenza xjentifika u teknoloġika bejn ċentri mediċi li għandhom livell għoli ta" speċjalizzazzjoni; jirrimarka, madankollu, li l-istħarriġ juri li l-biċċa l-kbira tan-nies jippreferu jirċievu kura ta" kwalità għolja qrib ta" fejn qed jgħixu; jaħseb li sabiex tingħata t-tweġiba leġiżlattiva l-iktar xierqa, il-Kummissjoni għandha twettaq, minn qabel, studju eżawrenti, l-ewwel nett tal-ħtiġijiet reali għall-mobilità tal-pazjent u t-tieni nett tal-pazjenti li għalihom tista" tapplika din il-mobilità, waqt li tevalwa l-impatt ta" din il-mobilità fuq is-sistemi tas-saħħa;

59.  Jistenna, minħabba d-differenzi eżistenti, li l-Istati Membri jsolvu kwistjonijiet bħall-aċċess għal u l-kwalità tal-kura u l-kontroll ta" l-ispejjeż bejniethom;

60.  Jemmen li l-metodu miftuħ ta" koordinazzjoni hu wieħed mill-istrumenti xierqa li bih tiġi organizzata koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri;

61.  Jittama li jiġu żviluppati ftehim bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali u l-parteċipanti fis-settur tal-kura tas-saħħa, u huwa tal-fehma li dan jistimula l-qsim ta' riżorsi materjali u umani fiz-zoni transkonfinali, b'mod partikulari f'zoni b'numru kbir ta" persuni li jżuruhom għal perjodi ta" żmien qosra, u li jistimula wkoll skambji ta' ħiliet u ta' għarfien;

62.  Jitlob għall-ħolqien u l-użu ta" punt ta" kuntatt waħdieni fuq il-bażi ta" strumenti Komunitarji li diġà jeżistu, skond l-karatteristiċi partikolari ta" kull sistema tat-kura tas-saħħa, sabiex ikun garantit aċċess għal informazzjoni objettiva u indipendenti għal pazjenti, ħaddiema professjonali tas-saħħa, istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa u awtoritajiet kompetenti; iqis li l-ħaddiema professjonali tas-saħħa jistgħu jgħinu lill-pazjenti biex isibu din l-informazzjoni;

63.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tagħmel użu mill-istrumenti eżistenti kollha, bħalma huma s-SOLVIT u l-proċeduri ta" ksur, sabiex tingħata assistenza lil pazjenti li jkunu ġew imċaħħda minn rimbors (ta" kura mhux fi sptar) jew minn awtorizzazzjoni (għal kura fi sptar), minkejja li jkunu nkisbu l-kundizzjonijiet stipulati fil-każistika;

64.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli tiġbor id-data mill-Istati Membri u sabiex tkompli tanalizza t-tendenzi u l-isfidi li qed tiffaċċja l-mobilità transkonfinali tal-pazjenti u tal-ħaddiema professjonali tal-kura tas-saħħa;

Konklużjonijiet

65.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-politika tagħha li tipproċedi fuq każijiet ta" ksur tal-liġi ta" l-UE, bil-għan li tiżgura li l-Istati Membri kollha jikkonformaw mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u li l-pazjenti kollha Ewropej, irrispettivament mill-pajjiż ta" l-oriġini tagħhom, jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija lilhom permezz tat-Trattat;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill proposta għal strument xieraq, b'mod partikulari bil-għan li tkun kodifikata l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tersaq bi proposta li tkun tqis din ir-riżoluzzjoni u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet tal-pazjent; jitlob li l-pazjenti jkunu ggarantiti l-akbar aċċess possibbli għas-servizzi tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa kollha kif ukoll li l-fornituri tas-servizzi tas-saħħa jkunu ggarantiti l-ħelsien li jipprovdu s-servizzi u l-ħelsien ta" stabbiliment;

68.  Peress li l-proposta tal-Kummissjoni biex tindirizza kwistjonijiet tas-saħħa fid-Direttiva 2006/123/KE ma ġietx aċċettata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, jinsisti li fil-preżent hija meħtieġa aktar azzjoni biex tippreserva d-drittijiet attwali; b'hekk, jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, biex tiggarantixxi s-salvagwardja ta' dawk id-drittijiet;

69.  Jemmen li, fuq kollox, qafas regolatorju Ewropew ġdid għall-kura tas-saħħa transkonfinali għandu jtejjeb l-aċċess għal kura tas-saħħa ta" kwalità għolja fil-każ ta" mard, jikkontribwixxi għas-sikurezza tal-pazjent u jżid l-għażliet disponibbli għall-pazjenti kollha fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma jżied in-nuqqas ta" ugwaljanza fir-riżultati tal-kura tas-saħħa.

o
o   o

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) [1998] ECR I-1831.
(2) [1998] ECR I-1931.
(3) [2001] ECR I-5473.
(4) [2001] ECR I-5363.
(5) [2003] ECR I-1703.
(6) [2003] ECR I-4509.
(7) [2003] ECR I-12403.
(8) [2004] ECR I-2641.
(9) [2006] ECR I-4325.
(10) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(11) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 543.
(12) ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1.
(13) ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2.
(14) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(15) ĠU L 40, 11.2.1989, p. 8.
(16) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

Avviż legali - Politika tal-privatezza