Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-Għajnuna ta' l-UE għall-Kummerċ (2006/2236(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta" Diċembru 2001 dwar il-laqgħa tad-WTO f'Qatar(1), tat-3 ta' Settembru 2002 dwar il-kummerċ u l-iżvilupp għall-qerda tal-faqar(2), tat-30 ta' Jannar 2003 dwar il-ġuħ fid-dinja u t-tneħħija ta' l-ostakli għall-kummerċ għall-pajjiżi l-iżjed foqra(3), tal-15 ta' Mejju 2003 dwar il-bini ta' kapaċitajiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(4), ta' l-4 ta' Settembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp - L-Għajnuna lil pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jibbenefikaw mill-kummerċ(5), tal-25 ta" Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Cancún(6), ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar l-azzjoni kontra l-ġuħ u l-faqar(7), tat-12 ta" Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni tad-Doha Round wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO ta" l-1 ta" Awwissu 2004(8), tas-6 ta" Lulju 2005 dwar is-Sejħa Globali għal Azzjoni: L-Eliminazzjoni tal-Faqar(9), ta" l-1 ta" Diċembru 2005 dwar il-tħejjijiet għas-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong(10), ta" l-4 ta" April 2006 dwar l-evalwazzjoni tad-Doha Round wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong(11), ta" l-1 ta" Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tfassil ta" politiki tal-kummerċ biex jingħata l-ikbar kontribut tal-kummerċ biex jitnaqqas il-faqar(12), tas-6 Lulju 2006 dwar il-Kummerċ Ġust u l-Iżvilupp(13)u tas-7 ta" Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta" Żvilupp ta" Doha(14) (DDA),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, "It-Tħaffif tal-progress lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea" (COM(2005)0132); "It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Finanzjament għall-Iżvilupp u l-Effettività ta" l-Għajnuna" (COM(2005)0133); u "Il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp - It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (COM(2005)0134), "Finanzjament għall-Iżvilupp u l-Effettività ta" l-Għajnuna - L-isfidi biex tiġi miżjuda l-għajnuna ta" l-UE 2006-2010" (COM(2006)0085) u "L-Għajnuna ta" l-UE :L-għoti ta' aktar għajnuna, b'mod aħjar u aktar malajr" (COM(2006)0087),
– wara li l-kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika dwar l-Iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea "Il-Kunsens Ewropew"(15),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-12 ta' Diċembru 2005 u tas-16 u tas17 ta" Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha(16) tar-Raba" Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta" Novembru 2001,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong(17) tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta" Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti(18) tat-8 ta" Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) bħala kriterji stabbiliti kollettivament mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,
– wara li kkunsidra r-rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) "L-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp - Rapport 2005" u "L-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp - Rapport 2006",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Proġett tal-Millenju tat-Task Force tan-NU,
– wara li kkunsidra l-communiqué maħruġ fit-8 ta" Lulju 2005 mill-Grupp ta" Tmienja (G8) fi Gleneagles,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0088/2007),
A. billi sistema multilaterali tal-kummerċ bilanċjata ibbażata fuq ir-regoli hija kruċjali sabiex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-kummerċ internazzjonali u jibbenefikaw minnu,
B. billi matul l-aħħar 40 sena s-sehem mill-kummerċ dinji tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) naqas minn 1.9% għal inqas minn 1% minkejja l-espansjoni, tul dawn l-aħħar snin, l-iskemi bilaterali ta' kummerċ ħieles mid-dazji u mill-kwoti għall-prodotti tagħhom (li fosthom l-iskema tal-Komunità 'Kollox Ħlief l-Armi' hija l-ikbar),
C. billi t-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni ta' pajjiżi żviluppati fl-ekonomija globali hija kundizzjoni ewlenija biex jintlaħaq l-għan ta' l-eliminazzjoni tal-faqar fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-kisba ta' l-MDGs,
D. billi l-paċi u l-valuri komuni u universali tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet fundamentali, tat-governanza tajba, tad-demokratizzazzjoni u ta' l-istat tad-dritt huma essenzjali biex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu jnaqqsu l-faqar u jirrealizzaw il-benefiċċji li joħorġu minn opportunitajiet akbar ta' kummerċ,
E. billi, kif innotat fil-"Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp", il-Komunità, minħabba l-esperjenzi tagħha stess u l-kompetenza esklussiva tagħha fil-kummerċ, għandha vantaġġ komparattiv fil-provediment ta' appoġġ għal pajjiżi msieħba biex jintegraw il-kummerċ fl-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali u biex tappoġġja l-koperazzjoni reġjonali,
F. billi d-dikjarazzjoni tas-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong tiddikkjara li "L-Għajnuna għall-Kummerċ għandu jkollha l-għan li tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'mod partikulari l-LDCs, biex jibnu l-kapaċità li jfornu u l-infrastruttura konnessa mal-kummerċ li jeħtieġu biex tgħinhom jimplimentaw u jibbenefikaw mill-Ftehim tad-WTO, u f'sens usa', biex jespandu l-kummerċ tagħhom",
G. billi l-globalizzazzjoni, li huwa proċess li għadu għaddej u li ma jistax jitwaqqaf, jippreżenta opportunitajiet u sfidi iżda wkoll iżid ir-riskju li jiġu emerġinati xi pajjiżi, b'mod partikulari dawk l-iżjed foqra u l-iżjed gruppi vulnerabbli tagħhom, l-iżjed fejn id-differenzi fid-dħul li hemm bejniethom jew fihom stess jibqgħu kbar, u hemm numru dejjem jikber ta' nies li qegħdin jgħixu fil-faqar,
L-argumenti favur l-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) u t-triangolu ta' virtu': aċċess imtejjeb għas-suq, politiki domestiċi tajbin u għajnuna għall-kummerċ miżjuda u iżjed effettiva
1. Jisħaq li l-ftuħ tal-kummerċ huwa wieħed mill-iżjed muturi effettivi tat-tkabbir ekonomiku, li huwa indispensabbli għat-tnaqqis tal-faqar u għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-pajjiżi foqra, u huwa wkoll katalist importanti għall-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja;
2. Madankollu jinsisti li l-ftuħ tal-kummerċ biss m'hux biżżejjed sabiex il-kummerċ ikun jista' jitħaddem favur l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, li huwa problema kumplessa u multidimensjonali li ma tissolviex b'modi sempliċi;
3. Jenfasizza li f'bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, il-politiki domestiċi ta' wara l-fruntieri ("behind-the-border") kif ukoll il-kundizzjonijiet defiċjenti fl-ekonomija u fl-investiment qegħdin jillimitaw bil-qawwi l-abilità li jinħasdu l-benefiċċji ta' opportunitajiet akbar ta' kummerċ; għalhekk jinnota li t-tkabbir u l-kummerċ ma jistgħux inaqqsu l-faqar mingħajr il-politiki domestiċi ta' akkumpanjament meħtieġa, inklużi r-ridistribuzzjoni u l-politiki soċjali u t-titjib effettiv fil-kapaċità ta' governanza tajba;
4. Jikkunsidra li mingħajr progress fil-governanza, ir-riformi kollha l-oħra jkollhom impatt limitat; jisħaq li stati effettivi, jiġifieri dawk li jistgħu jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u li jistgħu jagħtu servizz lill-poplu tagħhom u klima favorevoli għall-intrapriża u t-tkabbir, huma l-pedament ta' l-iżvilupp; jikkunsidra li filwaqt li t-titjib fil-governanza, inkluża d-demokrazija, huwa qabel xejn responsabilità tal-pajjiż ikkonċernat, l-AfT tista' tintuża kemm biex tappoġġja u kemm biex tevita li tiddgħajjef il-governanza tajba billi tagħti appoġġ lil strateġiji komprensivi biex tinbena l-kapaċità u titwessa' l-parteċipazzjoni u billi ssaħħaħ l-istituzzjonijiet li jtejbu t-trasparenza u r-responsabilità;
5. Jikkunsidra li r-responsabilità hija reċiproka u li l-prinċipji tas-sostenibilità ambjentali, il-ħarsien tad-drittijiet soċjali u umani u l-governanza tajba japplikaw kemm għall-pajjiżi żviluppati u kemm għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u għalhekk iridu inklużi fl-approċċ ta' l-UE lejn l-AfT;
6. Jikkonkludi li jekk il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw tassew iridu jisfruttaw il-potenzjal tal-liberalizzazzjoni tas-suq, u mbagħad l-aċċess għas-suq, b'mod partikulari fl-iżjed setturi kompetittivi, irid ikun ikkumplimentat b'riformi tajbin fil-politika domestika u b'żieda iżjed effettiva fl- AfT;
7. Jisħaq li minkejja l-AfT ma tipprovdix rimedju għal kollox, hija tabilħaqq meħtieġa sabiex jiġu realizzati l-vantaġġi potenzjali tal-kummerċ internazzjonali u biex jitnaqqsu l-ispejjeż potenzjali tiegħu; jaħseb li, sabiex l-AfT titqies bħala suċċess, il-produtturi u n-negozjanti tal-pajjiżi li jirċivuha jrid ikollhom benefiċċji ekonomiċi diretti;
8. Jinnota li l-kummerċ, flimkien mal-kapaċità produttiva b'mod iżjed ġenerali, kienet kemmxejn traskurata fil-programmi ta' għajnuna f'dawn l-aħħar 10 jew 15-il sena minħabba enfasi fuq sforzi essenzjali maħsubin b'mod dirett biex inaqqsu l-faqar, li mhux dejjem huma l-iżjed mezz effettiv biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fil-faqar għal żmien fit-tul; jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' l-AfT joffru opportunità unika li naħdmu lil hinn min-nuqqas ta' fiduċja reċiproka bejn in-negozju u l-għajnuna; għalhekk jikkunsidra li sabiex jerġa' jinstabu l-bilanċ u r-ritmi sostenibbli ta' produzzjoni fit-tul li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar, huwa imperattiv li tingħata attenzjoni speċjali għall-integrazzjoni tal-kummerċ u l-istrateġiji għall-iżvilupp;
9. Jirrikonoxxi li l-iżvilupp mhux sempliċiment żvilupp ekonomiku iżda wkoll żvilupp f'oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-libertà politika; jikkunsidra, madankollu, li dawn ma jistgħux ikunu żgurati jekk ma jkunx hemm żvilupp ekonomiku, li jiġġenera r-riżorsi neċessarji;
10. Jittama li l-Aft tista' tkun il-mezz li bih tiġi żviluppata l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jniedu proċess ta' intergrazzjoni ekonomika bejn pajjiżi li qed jiżviluppaw (Nofsinhar-Nofsinhar), li s'issa kienet nieqsa;
11. Iħeġġeġ lill-UE biex tonora l-impenji li għamlet fir-Round ta' Doha mal-pajjiżi l-inqas żviluppati billi tniedi bil-quddiem il-pakkett u billi telimina s-sussidji ta' l-esportazzjoni agrikola sa l-2013; jenfasizza li l-UE għandha tħeġġeġ lill-membri l-oħra tad-WTO biex jonorow l-impenji li għamlu ma' l-inqas pajjiżi żviluppati wkoll;
L-Istrateġija Ewropea Konġunta 2007 dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ
12. Jilqa' u jappoġġja bil-qawwa l-qbil li rriżulta mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 u s-17 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtieġa ta' iżjed għajnuna effettiva għall-kummerċ, biex il-pajjiżi kollha li qegħdin jiżviluppaw, b'mod partikulari l-LDCs, ikunu jistgħu jintegraw aħjar f'sistema ta' kummerċ multilaterali u bbażata fuq ir-regoli, u biex il-kummerċ jintuża b'mod iżjed effettiv biex jiġi promoss l-għan ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli;
13. Jikkunsidra li huwa importanti ħafna li bħalma għamel fil-"Kunsensus Ewropew għall-Iżvilupp", il-Parlament ikun involut kif jixraq fit-tħejjija u fl-adozzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea Konġunta 2007 dwar l-Aft;
14. Jinnota li l-Istrateġija Konġunta 2007 għandha, l-ewwel tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE; mbagħad tfassal programm b'rakkomandazzjonijiet konkreti sabiex l-UE tilħaq, u wara anke tkabbar, il-mira taż-EUR 2 biljun għal għajnuna relatata mal-kummerċ sa l-2010, u biex twassal l-Għajnuna għall-Kummerċ b'mod iżjed effettiv; mbagħad tistabbilixxi ukoll l-modalitajiet għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni attwali tal-livelli differenti ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ skond ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tad-WHO, u fl-aħħarnett tiddefinixxi mekkaniżmi konkreti sabiex jittejbu t-trasparenza, is-sorveljanza u l-kontroll;
L-Kamp t'applikazzjoni u d-Definizzjoni ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ
15. Jinnota li waħda mill-iżjed kwistjonijiet kontroversjali dwar l-AfT tirrigwarda d-definizzjoni tagħha stess, minħabba li t-terminu AfT jintuża biex jiddeskrivi firxa tassew vasta ta' miżuri ta' għajnuna relatati mal-kummerċ li jingħataw lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
16. Ifakkar li, bħalma hu definit fl-OECD u fil-Kumitat dwar l-Assistenza għaż-Żvilupp (DAC) u rreġistrat fil-Bażi ta'Data tal-Bini tal-Kapaċita' għall-Kummerċ ta' l-Agenda ta' l-Iżvilupp ta' Doha (TCBDB), l-għajnuna relatata mal-kummerċ normalmanent tinkludi żewġ kategoriji bażiċi: 'politika kummerċjali u regolatorja' u 'żvilupp tal-kummerċ', b'ta' l-aħħar tkun interpretata li tinkludi lis-settur privat u, sa ċertu punt, il-limitazzjonijiet fil-fornitura kif ukoll appoġġ għall-aġġustament;
17. Madankollu jisħaq li t-Task Force tad-WTO dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ (WTO AfT TF) żied tliet kategoriji ta' Għajnuna għall-Kummerċ oħrajn mat-tnejn eżistenti: aġġustament kummerċjali, infrastruttura kummerċjali, u kapaċità produttiva;
18. Jinnota li peress li dawn it-tliet kategoriji ta' Għajnuna għall-Kummerċ jirkbu fuq it-tnejn eżistenti, u għalhekk hemm ir-riskju li jkunu indistingwibbli mill-koperazzjoni għall-iżvilupp ġenerali, huma ma jistgħux jagħmlu parti mill-miri u l-impenji kwantitattivi eżistenti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri sakemm ma jkunx hemm konsensus internazzjonali dwar id-definizzjoni tagħhom, minħabba li hemm ir-riskju li din l-AfT usa' tkun suġġetta għal rapportar ambigwu u għadd doppju;
19. Madankollu jemmen li t-tliet kategoriji l-oħra li hemm fid-definizzjoni wiesa' u ambizzjuża tad-WTO AfT TF huma xorta waħda utli, għaliex jirifflettu tajjeb il-firxa vasta ta' ħtiġijiet konnessi mal-kummerċ li għandhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għalhekk, għandhom jintużaw fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, bil-għan li tiġi promossa l-inklużjoni effettiva tal-prijoritajiet rilevanti kollha li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ; jikkunsidra li issa l-isfida u l-opportunità ewlenija hija li jiġi żviluppat sett koerenti ta' strumenti li jaħdmu flimkien biex jikkanalizzaw l-għajnuna li tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jieħdu sehem f'negozju iżjed vantaġġuż u b'hekk jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tal-faqar u jmexxu l-iżvilupp 'l quddiem;
20. Jirrakomanda li jinħoloq proċess inklużiv fuq livell nazzjonali bl-istruttura istituzzjonali xierqa li tlaqqa' flimkien l-aġenziji domestiċi, il-ministeri rilevanti, inklużi l-Ministeri għall-Kummerċ (li tradizzjonalment għandhom biss influwenza limitata fil-politika għall-iżvilupp), il-membri parlamentari, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), id-donaturi u is-settur privat, bħala l-punt tat-tluq biex jiġu identifikati l-bżonnijiet u l-prijoritajiet reali ta' l-AfT, u biex ikun hemm skambju ta' informazzjoni u djalogu politiku;
21. Jinnota li l-inizjattivi ta' l-Aft għandhom jiffokaw attenzjoni ikbar għall-involviment kruċjali tas-settur privat, b'mod speċjali l-impriżi żgħar u ta' dqs medju (SMEs), it-trejdjunjins u s-soċjetà ċivili, kemm fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet u kemm fl-implimentazzjoni ta' l-għajnuna, sabiex jippermettu lill-AfT tiffaċilita b'mod aħjar il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi, u l-ħolqien effettiv ta" impjiegi diċenti; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokat finanzjament ta' l-AfT għall-Kummerċ Ġust, skond il-paragrafu 19 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Kummerċ Ġust u l-Iżvilupp;
Lil hinn mill-Iskop, fl-ambitu tal-Kawża: L-importanza ta' l-aġenda usa' ta' l-AfT
22. Jenfasizza li indipendentament mid-deskrizzjoni konkreta ta' l-AfT, l-UE għandha tikkontribwixxi b'mod deċiżiv għall-aġenda usa' ta' l-AfT;
Aġġustament Kummerċjali
23. Jinnota li, minkejja li d-dikjarazzjoni diġà msemmija tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong ma tirreferix b'mod espliċitu għall-aġġustament kummerċjali, dan għandu jkun inkluż bħala element importanti ta' l-aġenda usa' ta' l-AfT; f'dan ir-rigward ifakkar li t-Task Force fil-Proġett tal-Millennju tan-NU dwar il-Kummerċ ipproponiet "fond għall-għajnuna għall-kummerċ" temporanju, filwaqt li l-Kummissarju ta' l-UE għall-Kummerċ ippropona (fl-4 ta' Frar 2005) it-twaqqif ta' Fond għall-Aġġustament Kummerċjali" bil-għan li l-foqra jiġu mejjuna biex joperaw fil-kummerċ b'mod iżjed effettiv u biex jittaffew l-ispejjeż soċjali ta' l-aġġustament";
24. Jinnota li l-ispejjeż ta' l-aġġustament kummerċjali jkopru firxa vasta ta' fatturi, li prinċipalmentjinkludu: l-ewwel, l-ispejjeż tat-tneħħija tal-preferenzi, li tolqot b'mod partikulari lill-pajjiżi li jiddependu mill-esportazzjoni tat-tessuti u tal-prodotti agrikoli; imbagħad, telf ta' dħul minn tariffi kummerċjali, u fl-aħħarnett spejjeż li jirriżultaw minn żidiet fil-prezzijiet ta' l-ikel li jistgħu jolqtu pajjiżi li jimportaw ikel iżjed milli jesportaw, li għandhom jolqot l-iżjed lis-setturi l-iżjed fqar tal-poplazzjoni;
25. Jenfasizza li l-ispejjeż miżjuda tal-konformità mar-rekwiżiti standard tal-prodotti, inklużi l-miżuri sanitarji u fitosanitarji, u l-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni tal-ftehim tad-WTO bħall-Miżuri ta' Investiment relatati mal-Kummerċ (TRIMs), Aspetti relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intelletwali (TRIPS) u tal-Ftehim Ġenerali tad-WTO dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), li jirrikjedu bidliet sofistikati fil-politiki u fil-leġiżlazzjoni, spiss jitqiesu bħala spejjeż ta' aġġustament, iżda jenfasizza wkoll li dawn f'xi partijiet jikkoinċidu mal-"politika u r-regolazzjoni tal-kummerċ" għall-AfT; jinnota li l-ispejjeż relatati mal-fatturi tal-produzzjoni, bħal dawk ta' l-immaniġġjar tal-qgħad għal tul ta' żmien qasir u tat-taħriġ mill-ġdid, huma meqjusin ukoll minn xi esperti bħala spejjeż ta' aġġustament li huma relatati mal-kummerċ;
26. Jinnota li l-għajnuna għall-bilanċ tal-ħlasijiet hija għodda ġenerali tal-politika għall-iżvilupp li tista' u għandha tkun użata sabiex jiġu indirizzati l-ispejjeż ta' aġġustament;
27. Jenfasizza li l-ispejjeż ta' aġġustament huma partikularment rilevanti fil-kuntest tal-Ftehim ta" Sħubija Ewropea (EPAs);
28. Jirrikonoxxi t-tħassib li qiegħed dejjem jiżdied fl-Istati ACP dwar il-metodi tat-twassil, l-effettività u l-kwalità ta' l-AfT amministrata mill-KE bħala appoġġ għal programmi ta' aġġustament ekonomiku;
29. Jisħaq li l-aġġustament kummerċjali m'għandux jitqies sempliċiment bħala ħlas li jagħmel tajjeb għat-tneħħija tal-preferenzi u għall-effetti usa' tal-liberalizzazzjoni, iżda bħala mekkaniżmu biex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni diffiċli għal ambjent iżjed liberalizzat;
30. Jemmen li l-għajnuna għall-aġġustament għax-xokkijiet kummerċjali hija indispensabbli sabiex il-kummerċ ħieles ikun aċċettat b'mod iżjed faċli, peress li minħabba n-nuqqas ta' għajnuna għall-aġġustament u ta' miżuri ta' salvagwardji soċjali, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ se tkun missielta jew titreġġa' lura; jikkunsidra li l-kapaċità ta' l-UE li tiffinanzja u timplimenta l-AfT f'dan ir-rigward se tirrikjedi fehim iżjed profond tal-proċessi ta' l-aġġustament li jkollhom jgħaddu minnhom il-ħaddiema, il-konsumaturi, in-negozji u l-gvernijiet ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ;
31. Jinnota li l-Mekkaniżmu għall-Integrazjoni Kummerċjali ta' l-IMF (TIM), li ġie mfassal fl-2004 biex jgħin pajjiżi li jkollhom diffikultajiet fil-bilanċ tal-ħlasijiet biex jaffaċċjaw l-effetti tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, huwa soġġett kemm għall-kundizzjonijiet politiċi tas-soltu u kemm għat-termini tas-self ta' l-IMF, u għalhekk jista' ma jkunx adegwat għal pajjiżi li diġà jkollhom ħafna dejn u/jew għal dawk li ma jkunux iridu programm ta' l-IMF; jirrikonoxxi bi tħassib li dan huwa l-uniku mekkaniżmu multilaterali speċifiku li huwa disponibbli għall-aġġustament relatat mal-kummerċ, u li s'issa ntuża biss minn tliet pajjiżi, jiġifieri l-Bangladexx, ir-Repubblika Dominikana u r-Repubblika tal-Madagaskar;
32. Jirrakomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, fin-nuqqas ta' mekkaniżmi multilaterali ġodda li jindirizzaw l-ispejjeż li jirriżultaw minn aġġustament kummerċjali, l-ewwel jesploraw l-ambitu, l-effiċjenza u l-effettività ta' l-għajnuna kurrenti, billi b'mod partikulari jagħmlu evalwazzjoni kwalitattiva - kemm deskrittiva u kemm analitika - ta' l-impatt ta' din l-għajnuna; jirrakomanda lill-Kummissjoni biex tuża metodoloġija konsistenti biex tevalwa kif proġetti speċifiċi appoġġjaw lin-negozju u l-iżvilupp ekonomiku, sabiex jgħinu l-aġġustament relatat mal-kummerċ u wkoll biex tfassal, fi ħdan il-qafas ta' l-Istrateġija Ewropea Komuni 2007 dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, rakkomandazzjonijiet speċifiċi f'dan ir-rigward, imbagħad jippromwovu Mekkaniżmu għall-Integrazjoni Kummerċjali (TIM) li jkun ipprovdut mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) li jkun iżjed ambizzjuż kemm fil-finazjament u kemm fl-ambitu u li jkun użat b'mod iżjed estiż u, u fl-aħħarnett, fil-każ ta' l-istati Membri, fi ħdan il-programmi nazzjonali u reġjonali rispettivi tagħhom, jiżviluppaw inizjattivi konkreti sabiex jindirizzaw l-ispejjeż ta' l-aġġustament, b'mod partikulari dawk li, bħat-tneħħija tal-preferenzi, iridu jissolvew prinċipalment bejn il-pajjiżi benefiċjarji u dawk li jikkonċedu l-preferenza, kif ukoll dawk li m'humiex indirizzati b'mod adegwat mit-TIM ta' l-IMFs;
33. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkjarifika l-linji tal-baġit li jistgħu jintużaw biex tiġi ffinanzjata l-għajnuna relatata mal-kummerċ u biex tevalwa, f'dan is-sens, in-nuqqasijiet possibbli ta' l-istruttura attwali tal-baġit ta' l-UE;
34. Jenfasizza l-importanza li tiġi provduta għajnuna għall-infrastruttura bħala fattur importanti fil-konsolidazzjoni tas-swieq nazzjonali u reġjonali u fl-istimulazzjoni tat-tkabbir li jkun immexxi mill-esportazzjoni;
Infrastruttura
35. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-EIB biex jipprovdu ħarsa ġenerali ċara ta' l-għajnuna kurrenti u ta' l-attivitajiet pjanati komponent ċar ta' l-infrastruttura kummerċjali; f'dan ir-rigward, jitlob għal intervent iżjed ambizzjuż min-naħa ta' l-EIB taħt pjan plurijennali li jiffinanzja l-infrastruttura f'setturi bħat-toroq u t-trasport bil-ferroviji, it-teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni, l-ajruporti u l-portijiet;
36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti dwar kif se tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tad-WTO dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ (WTO AfT TF) f'oqsma li jistgħu ma jaqgħux fil-limiti tad-definizzjoni iżjed limitata ta' l-AfT ta' l-UE, b'mod partikulari: il-bini tal-kapaċitajiet produttivi, l-infrastruttura kummerċjali u l-isfidi ta' l-aġġustament li jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ;
Kwistjonijiet oħrajn relatati L-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ bejn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (South-South)
37. Jemmen li l-Ftehim Kummerċjali Reġjonali (RTAs) bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u/jew pajjiżi żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw huma mezz effettiv sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija;
38. Jirrikonoxxi l-valur sinifikanti ta' l-inizjattivi Nofsinhar-Nofsinhar li, fuq il-bażi ta' l-iskambju ta' l-esperjenza tagħhom, ixerrdu l-aqwa prattika fil-faċilitazzjoni tal-kummerċ, u jistenna li l-Istrateġija Ewropea Konġunta ta' l-2007 dwar l-AfT biex tipproponi miżuri speċifiċi biex tappoġġja tali inizjattivi;
39. Jenfasizza li l-integrazzjoni reġjonali u tal-pajjiżi Nofsinhar-Nofsinhar hija strument potenzjalment qawwi biex jitqawwa l-kummerċ għall-iżvilupp għax tista' ssaħħaħ l-effiċjenza u l-kompetittività, tippermetti l-ekonomija ta' skala, toħloq ambjent attraenti għall-Investiment Dirett Barrani (FDI), tiżgura poter ta' negozjar iżjed b'saħħtu, u tikkontribwixxi għall-konsolidament tal-paċi u s-sigurtà;
40. Jinnota li l-bżonnijiet reġjonali jew transkonfinali ta' l-AfT spiss ma jkunux indirizzati biżżejjed fil-prattiki ta' programmi nazzjonali; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-IFIs biex jipproponu rakkomandazzjonijiet biex jittejbu l-mekkaniżmu eżistenti sabiex jiġu indirizzati li l-bżonnijiet reġjonali u transkonfinali ta' l-AfT, inklużi dawk li huma speċifikament relatati ma' l-integrazzjoni reġjonali;
Agrikoltura
41. Jinnota li l-agrikoltura għadha s-sors ewlieni ta' dħul u ta' impjiegi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk jenfasizza l-irwol ta' l-AfT fl-għajnuna lil dawn il-pajjiżi biex jindirizzaw l-isfidi tas-settur agrikolu, b'mod partikulari dawk li jolqtu prodotti bħaz-zokkor, il-banana u l-qoton;
Servizzi
42. Jikkunsidra li s'issa l-UE, , iffokat komparattivament ftit li xejn mill-għajnuna tagħha li hi relatata mal-kummerċ fil-qasam tas-servizzi, li huwa inkonsistenti ma' l-importanza tas-servizzi fin-negozju dinji; jisħaq li l-mira ta' l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u tal-fondi ta' l-AfT fil-qasam tas-servizzi hija essenzjali sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw issaħħu l-potenzjal tagħom li jimmaniġġjaw u jirregolaw is-setturi tas-servizzi tagħhom, biex jesportaw is-servizzi, u biex jikkonformaw ma' rekwiżiti regolatorji rilevanti u relatati mas-servizzi fil-pajjiżi ta' l-OECD; barra minn dan, jenfasizza l-ħtieġa li tingħata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw il-kompetenza legali u teknika sabiex ikunu jistgħu jiddefendu l-interessi ekonomiċi tagħhom fuq livell internazzjonali;
Standards tax-xogħol u ta' l-ambjent
43. Jenfasizza li l-għajnuna speċifika sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni favur il-konformità effettiva ma' l-istandards tax-xogħol ewlenin definiti fil-konvenzjonijiet ta' ILO, kif ukoll leġiżlazzjoni xierqa u effettiva favur l-ambjent, huma komponent essenzjali ta' l-aġenda ta' l-AfT;
Il-Promozzjoni ta' Kummerċ Ġust
44. Jitlob biex tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-inizjattivi li jippromwovu bl-aħjar mod it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli, inklużi proġetti ta' kummerċ ġust u inizjattivi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-impjiegi;
45. Jenfasizza li, fil-kuntest tal-bini ta' kapaċitajiet produttivi, l-AfT għandha tappoġġja wkoll sforzi biex tinvolvi fil-kummerċ lill-produtturi żgħar u żvantaġġati, tappoġġja l-ifformar ta' l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u ta' l-istrutturi rappreżentattivi tagħhom, tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament kummerċjali u tippermetti li jsiru kuntatti diretti bejn il-produtturi u l-konsumaturi, għax dan kollu huwa l-aqwa prattika fl-inizjattivi attwali tal-Kummerċ Ġust;
46. Jemmen li l-ħolqien ta' kapaċitajiet kummerċjali li jaqgħu fl-ambitu ta' l-AfT jrid ikun akkumpanjat bi sforzi iżjed effettivi sabiex ikun żgurat ħlas diċenti għall-produtturi; f'dan is-sens, ifakkar fl-importanza tal-parteċipazzjoni tal-produtturi fl-iffissar tal-prezzijiet, kif previst fil-Kompendju tal-Ftehim ta' Kotonou;
Il-prinċipji ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE
47. Jenfasizza li l-Istrateġija Ewropea Komuni ta' l-2007 dwar l-AfT, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' l-OECD ta' Pariġi, għandha tistabbilixxi dawn il-prinċipji ġenerali li ġejjin:
Fir-rigward tal-loġika u l-ambitu ġeografiku
(a)
L-AfT ma tipprovdix rimedju għall-iżvilupp iżda tassew tikkumplimenta b'mod meħtieġ il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u r-riformi tal-politika domestika li jsiru mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw innfushom, u biex tadatta l-flessibilitajiet tad-WTO,
b)
sabiex l-AfT ikollha suċċess teħtieġ integrazzjoni effettiva ta' l-istrateġiji dwar il-kummerċ u l-iżvilupp,
c)
l-AfT għandha tagħmel prijorità mil-LDCs u minn dawk il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma l-iktar vulnerabbli,
Fir-rigward ta' l-Aġenda ta" l-Iżvilupp ta" Doha
(d)
L-AfT ma tissostitwix in-negozjati tad-DDA u l-benefiċċji ta' l-iżvilupp li jirriżultaw minn aċċess imtejjeb għas-suq, iżda l-AfT tikkumplimenta dan kollu b'mod ta' valur u meħtieġ, u għandha tikkontribwixxi lejn id-dimensjoni ta' l-iżvilupp tad-DDA billi tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikularment lil-LDCs, biex jimplimentaw u jibbenefikaw mill-Ftehim tad-WTO, u f;sens iżjed wiesa', billi tgħinhom jespandu n-negozju tagħhom; l-AfT mhix parti mill-proġett waħdieni tad-DDA u hija neċessarja fiha nnifisha, independentement mill-progress li jsir fir-Round ta' Doha,
(e)
AfT miżjuda u aktar effettiva għandha tiġi implimentata mill-iktar fis, mingħajr kunsiderazzjoni tal-konklużjoni tar-Round ta' Doha,
f)
l-AfT ma tistax tintrabat ma' kwalunkwe riżultat tan-negozjati jew tintuża biex tikkumpensa għan-nuqqas ta' aċċess għas-suq,
Fir-rigward l-impenji għal aktar Għajnuna għall-Kummerċ u l-implimentazzjoni tagħha
(g)
AfT miżjuda għandha tkun proporzjonali għad-daqs ta' l-isfidi identifikati, li tista' tibassar, li tkun stabbli u li tikkumplimenta - bla ma tieħu post - l-għajnuna għall-iżvilupp attwali,
h)
iżjed koerenza ma' l-oqsma differenti ta' l-azzjonijiet esterni, b'mod partikulari l-kummerċ u l-politiki għall-iżvilupp kif ukoll iktar kumplimentarjetà u armonizzazzjoni aħjar, allinjament u koordinazzjoni tal-proċeduri, kemm bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u kemm fir-relazzjonijiet ma' donaturi oħrajn u bejniethom huma essenzjali biex tiġi żgurata l-konsistenza u l-effettività ta' l-AfT,
i)
ir-responsabbilita' u l-parteċipazzjoni tal-pajjiż hija ta' importanza kruċjali: l-AfT għandha ssegwi approċċ ibbażat fuq ir-riċevitur u tkun mfassla u implimentata bħala parti integrali ta' l-istrateġiji ekonomiċi u ta' l-iżvilupp ta' dawk l-istess pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u trid tkun kapaċi tirrispondi għad-domandi tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili, inkluż il-moviment tal-Kummerċ Ġust;
j)
l-AfT għandha tkun segwita permezz ta' approċċ differenzjat li jiddependi minn kuntesti u bżonnijiet ta' żvilupp speċifiċi, sabiex il-pajjiżi jew ir-reġjuni benefiċjajri, u b'mod partikulari s-setturi privati tagħhom u s-soċjetà ċivili, jingħataw għajnuna speċifika u adattata għalihom, ibbażata fuq il-bżonnijiet, l-istrateġiji, il-prijoritajiet u l-assi tagħhom,
k)
fid-dawl tal-problema rikurrenti tan-nuqqas ta' responsabbilita' għall-evalwazzjonijiet tal-bżonnijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba naqqas ta' kapaċità f'xi każi l-AfT għandha tappoġġja l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-immaniġġjar, fid-disinn u fl-implimentazzjoni tal-politiki kummerċjali bħala parti integrali ta' l-istrateġiji ekonomiċi u ta' l-iżvilupp tagħhom; l-AfT għandha tkun imfassla wkoll biex tindirizza l-isfidi speċifiċi għall-iżvilupp identifikati mill-benefiċjarji u għandha tkun allinjata mill-qrib mal-prijoritajiet, il-proċeduri u s-sistemi tal-pajjiż,
l)
waħda mill-kwistjonijiet prinċipali ta' l-AfT u ta' l-effettività ta' l-għajnuna hija l-puntwalità u l-prevedibilità tat-twassil tal-finanzjament; skond il-Prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, il-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna għandhom jibbenefikaw minn għajnuna plurijennali li tkun sostanzjali u prevedibbli; l-AfT għandha titwassal fil-ħin u tindirizza kemm il-prijoritajiet immedjati u remoti u, idealment, għandha tkun allinjata maċ-ċiklu ta' l-ipprogrammar tal-pajjiż jew tar-reġjun;
Żieda fl-Għajnuna għall-Kummerċ
48. Ifakkar li waqt il-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien wegħdu li jżidu l-AfT b'mod kollettiv għal EUR 2 biljuni; jinnota li din il-wegħda għandha tkun monitorjata fuq il-bażi tal-kategoriji tradizzjonali ta' l-għajnuna marbuta mal-kummerċ ta' l-UE ta' politika tal-kummerċ u r-regolamentazzjoni u ta'l-iżvilupp tal-kummerċ", kif definiti mill-OECD/DAC u mniżżla fil-bażi ta' data DDA tad-DAC/WTO;
49. Jirrikonoxxi, madankollu, li kif il-wegħda għandha tkun biss fir-rigward ta" assistenza relatata mal-kummerċ, hemm periklu li finanzi disponibbli jistgħu jitħallew għal din il-faxxa aktar dejqa ta" AfT sabiex tintlaħaq din il-mira, u tista" twaqqaf l-AfT milli tkun ġenwinament immexxija mid-domanda f'dawk il-każijiet fejn pajjiżi jew reġjuni jagħtu prijorità lill-kummerċ relatat ma" l-infrastruttura u ma' l-aġġustament; jistieden lill-Kummisjoni sabiex tindirizza dan it-tħassib fis-strateġija komuni;
50. Ifakkar li l-UE impenjat ruħha biex iżżid l-ODA globali għal 0.56% tal-GDP sa l-2010, li jikkorrispondi għal € 20 biljun fi flus addizzjonali għall-għajnuna, u jinnota għalhekk li finanzjament addizzjonali għall-AfT għandu jkun disponibbli b'mod wiesa' fil-konfini ta' din iż-żieda u mhux għad-detriment tal-prijoritajiet l-oħrajn għall-iżvilupp;
51. Jenfasizza li, minħabba li l-pakkett ta' l-AfT jrid ikun xi ħaġa adizzjonali ma' l-għajnuna attwali għall-iżvilupp, kull wegħda ġdida ta' l-AfT m'għandhiex twassal biex jintmissu xi riżorsi diġà destinati għal inizjattivi oħrajn ta' żvilupp, bħal proġetti tas-saħħa u l-edukazzjoni, li huma importanti ferm biex tinbena ekonomija b'saħħitha;
52. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ u kemm jista' jkun malajr l-impenji rispettivi tagħhom fir-rigward ta' l-AfT skond il-prinċipji ġenerali li huma identifikati f'din ir-riżoluzzjoni;
53. Jitlob lill-Kummissjoni biex tispjega fi programm ta' ħidma speċifiku kif biħsiebha timplimenta l-wegħda tagħha li żżid il-finanzjament attwali u ppjanat tal-Komunità biex tappoġġja l-AfT mill-medja kurrenti ta' madwar EUR 850 miljun fis-sena għal EUR 1 biljun fis-sena; jinnota, f'dan ir-rigward, li ż-żieda fl-AfT għandha tintlaħaq b'riferenza għal linja bażi maqbula bħal, pereżempju, il-medja ta' l-2002-04;
54. Jenfasizza li l-EUR 1 biljun f'wegħdiet mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għandhom ikunu implimentati mingħajr ma jsir rikors għal tikkettar mill-ġdid bħala AfT ta' għajnuna li preċedentement kienet ikklassifikata bħala infrastruttura jew il-kalkolu doppju mill-Istati Membri ta' għajnuna bilaterali u ta' kontribuzzjonijiet lill-għajnuna esterna ta' l-UE;
55. Jitlob lid-donaturi internazzjonali ewlenin biex jikkjarifikaw in-natura u l-ambitu eżatt tal-wegħdiet tagħhom;
56. Jitlob lill-Kummissjoni biex tispjega fid-dettall il-miżuri speċifiċi meħtieġa biex ikun żgurat li l-integrazzjoni tal-kummerċ fid-djalogu dwar l-ipprogrammar mal-pajjiżi u r-reġjuni benefiċjajri twassal għat-twassil effettiv ta' l-għajnuna miżjuda mwegħda;
57. Jirrikonoxxi l-problemi baġitarji li tiffaċċja l-Kummissjoni meta talloka fondi għal skopijiet multilaterali; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkjarifika l-ħtiġijiet għal finanzjar ta' inizjattivi ta' għajnuna orizzontali marbuta mal-kummerċ, inklużi inizjattivi bilaterali, reġjonali u multilaterali bħall-Qafas Integrat (IF); jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-Parlament kien ippropona linja tal-baġit ġdida diġà inkluża fil-baġit ta' l-UE għall-2007 biex tiffinanzja programmi u inizjattivi multilaterali fil-qasam ta' l-għajnuna marbuta mal-kummerċ li joffru valur miżjud lill-programmi ġeografiċi tal-Komunità; jisħaq li l-linja tal-baġit il-ġdida tagħtiha iżjed kontroll fuq in-nefqa relatata mal-programmi u l-inizjattivi multilaterali fil-qasam ta' l-għajnuna konnessa man-negozju, biex b'hekk tiżdied il-viżibilità u t-trasparenza ta' din ix-xorta ta' nefqa; jitlob lill-Kummissjoni biex tlesti, mill-aktar fis possibbli, evalwazzjoni dwar il-fondi għal inizjattivi orizzontali relatati ma' l-għajnuna għall-kummerċ, inkluż l-IF;
Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)
58. Jemmen li appoġġ xieraq għall-aġġustament relatat ma' l-EPA u għal miżuri li jakkumpanjawh se jkollhom irwol importanti biex tiġi determinata l-ħila tal-pajjiżi u r-reġjuni ta' l-ACP li jirrealizzaw il-benefiċċji potenzjali mill-impenji u r-riformi konnessi ma' l-EPA; jemmen ukoll li l-AfT indirizzata lejn pajjiżi ta' l-ACP tikkumplimentahom b'mod neċessarju jekk se jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li jinħolqu mis-sistema internazzjonali tal-kummerċ;
59. Jinnota l-impenn li sehem sostanzjali tal-wegħda ta" l-UE u ta" l-Istati Membri li jżidu l-għajnuna tagħhom relatata mal-kummerċ għal EUR 2 biljuni sa l-2010 se jkun iddedikat għall-pajjiżi ACP; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-kontribuzzjoni kollettiva mill-Istati Membri biss hija maħsuba li tkun adizzjonali għar-riżorsi tal-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp (EDF); jiddispjaċih għall-aspetti operattivi ta' l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija lill-EPAs, u għalhekk il-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni fuq id-diskussjonijiet dwar l-EPA għadhom mhux magħrufa, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkjarifikaw id-daqs u n-natura baġitarja tal-kontribuzzjoni ta' l-Istati Membri kemm jista' jkun malajr u minn qabel il-konklużjoni tan-negozjati ta' l-EPA, b'riferenza partikulari għal kwistjonijiet relatati mal-livelli disponibbli u l-ambitu ta' l-għajnuna, il-mekkaniżmi ta' twassil tagħha, il-konnessjonijiet u s-sinerġiji identifikati ma' l-għaxar programm ta' l-EDF, u l-proċess tal-konnessjoni ta' l-AfT man-negozjati ta' l-EPA u l-implimentazzjoni tagħha;
60. Jitlob għal reviżjoni tal-programmi eżistenti ta' l-AfT ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aġġustamenti relatati ma' l-EPA, sabiex ikun identifikat l-iżjed mekkaniżmu effiċjenti biex jitwassal appoġġ effettiv fl-ipproċessar ta' l-aġġustamenti ta' l-EPA;
61. Jisħaq l-urġenza li tiġi ffaċċjata l-isfida li titwassal b'mod effiċjenti AfT effettiva lill-pajjiżi ACP li diġà huma involuti f'kummerċ preferenzjali ma' l-UE (eżempju l-Botswana, il-Lesotho, in-Namibija u Swaziland, li għadhom nofs triq fit-tneħħija tat-tariffi fuq il-kummerċ ma' l-UE);
Il-Qafas Integrat
62. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tal-Qafas Integrat u, fid-dawl ta' l-impenn magħmul mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO ta' l-2005 li tħaddem il-Qafas Integrat imtejjeb sal-31 ta' Diċembru 2006, iħeġġeġ lid-donaturi, u lill-UE b'mod partikulari, biex jikkjarifikaw il-wegħdiet tagħhom sabiex il-Qafas Integrat imtejjeb jkun jista' jiġi ffinanzjat b'mod immedjat, xieraq u skond pjan li wieħed jista' jbassar u li jkun implimentat b'mod effettiv mill-iktar fis;
63. Ifakkar li Qafas Integrat imtejjeb għandu jsir l-għodda ewlenija fl-assistneza għall-LDCs sabiex jiddefinixxu l-bżonnijiet tagħhom fil-qasam tal-kummerċ permezz ta' l-Istudji Dijanjostiċi dwar fuq l-Integrazzjoni tal-Kummerċ, u għandu jsir ukoll strument sostanzjali biex ngħinu lil-LDCs jinkludu l-kummerċ fil-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp u biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jfasslu, jinnegozjaw u jimplimentaw il-politika kummerċjali;
64. Jinnota li l-US$ 400 miljun tal-Prezz Indikattiv għall-IF imsaħħaħ, ibbażat fuq il-parteċipazzjoni ta' 40 LDCs fuq perjodu ta' ħames snin, se jammonta għal medja ta' 1-2 miljuni għal kull pajjiż fis-sena, li minkejja li jekk ikun implimentat b'mod effettiv għandu jkun suċċess, xorta jkun għadu ferm 'il bogħod minn rispons sostanzjali għall-isfidi eżistenti;
65. Jitlob għal koordinazzjoni aħjar u koerenza bejn id-donaturi varji ta' l-għajnuna li tkun tirrifletti l-kompetenza pruvata ta' l-aġenziji involuti fit-twassil ta' għajnuna effettiva u ta' kwalità għolja f'diversi oqsma ta' l-AfT, kif ukoll għal iżjed trasparenza rigward l-għajnuna allokata permezz ta' l-għajnuna relatata mal-kummerċ; għalhekk jinsisti fuq l-involviment ta' rappreżentanti xierqa tas-soċjetà ċivili u tas-settur privatmfl-IF;
66. Jinnota l-programm ta" ħidma ambizzjuż tal-grupp ta' aġenzija multipla konsultativ ad-hoc dwar l-għajnuna għall-kummerċ; madankollu jiddispjaċiħ għan-nuqqas ta" involviment tas-settur privat, tas-soċjetà ċivili u tar-rappreżentanti ta" pajjiżi li qed jiżviluppaw f'dan il-proċess;
67. Jenfasizza li t-trasparenza fit-twassil ta' l-għajnuna u tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni effettivi huma essenzjali biex tinbena l-kunfidenza fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u għat-titjib kontinwu fil-kwalità ta' l-għajnuna;
68. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kriterji li jistgħu jkunu kwantifikati biex issir evalwazzjoni ta' l-effettività ta' l-AfT;
69. Jinnota li d-deċiżjoni tal-GAERC li l-AfT għall-EPAs se tkopri biss il-politika u r-regolamenti tal-kummerċ u l-attivitajiet ta' l-iżvilupp tal-kummerċ; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw kif se jkunu indirizzati l-bżonnijiet l-oħrajn li jirriżultaw mill-EPAs, bħall-infrastruttura relatata mal-kummerċ, il-bini ta' kapaċità produttiva u l-aġġustament relatat mal-kummerċ; jikkunsidra li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw ukoll il-mekkaniżmi l-iżjed adegwati għat-twassil tal-kategoriji differenti ta' għajnuna għall-EPA;
70. Jinnota li n-nisa jibbenefikaw inqas mill-opportunitajiet ippreżentati mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-globalizzazzjoni, fil-waqt li jintlaqtu l-iżjed ħażin mill-effetti negattivi ta' dawn il-fenomeni, u għalhekk iħeġġeġ lill-UE biex fil-programmi tagħha ta' għajnuna relatata mal-kummerċ tiddedika attenzjoni speċifika biex jiżdiedu l-opportunitajiet għan-nisa li jipparteċipaw fil-kummerċ, b'mod partikulari fil-kummerċ internazzjonali;
Il-Monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-reviżjoni u l-irwol tal-Parlament fl-iskrutinju u s-sorveljanza
71. Jemmen li l-OECD/DAC għandhom jimmonitorjaw l-aġenda globali AfT sabiex jiżguraw trasparenza massima fl-immaniġġjar u d-destinazzjoni ta' l-għajnuna, iżda jaqbel mar-rakkomandazzjoni tat-Task Force tad-WTO li tiġi inkorporata l-AfT bħala parti mir-Reviżjonijiet tal-Politika tal-Kummerċ tad-WTO tad-donaturi u/jew tar-riċevituri;
72. Itenni li l-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda fil-kamp ta' l-AfT u għandha tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill rapport darbtejn fis-sena (mill-2008) dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati miksuba, u kemm jista' jkun possibbli, dwar ir-riżultati u l-impatti ewlenin ta' l-għajnuna AfT;
73. Jitlob b'mod espliċitu li r-rapport bijennali ikun fih informazzjoni speċifika dwar l-istorja tal-miżuri finanzjati, u li fejn xieraq juri r-riżultati ta' l-eżerċizzji ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni, l-involviment ta' l-isħab rilevanti, u l-implimentazzjoni tal-wegħdiet u ta' l-impenji u l-ħlasijiet tal-baġit, imqassmin skond il-pajjiż, ir-reġjun u l-kategorija ta' l-għajnuna; jitlob li r-rapport jevalwa wkoll il-progress magħmul fl-integrazzjoni tal-kummerċ fil-programmi ta' għajnuna u r-riżultati miksubin permezz ta' l-għajnuna, billi juża, kemm jista' jkun possibbli, indikaturi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu dwar l-irwol tagħha fl-issodisfar ta' l-għanijiet ta' l-AfT;
74. Jisħaq li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 2010, rapport ieħor li jevalwa l-implimentazzjoni u r-riżultati miksubin mill-AfT, u jekk ikun jixraq, proposta biex jiżdied il-baġit ta' l-AfT u biex jiddaħħlu l-emendi meħtieġa għall-istrateġija ta' l-AfT u l-implimentazzjoni tagħha;
o o o
75. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri u lill-Kunsill ACP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE.