Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (2006/2240(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata: Il-Promozzjoni tax-Xogħol Deċenti għal Kulħadd – Il-Kontribuzzjoni ta" l-UE fl-Implimentazzjoni ta" l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti fid-Dinja (COM(2006)0249), (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol deċenti),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni - Anness tal-komunikazzjoni dwar ix-xogħol deċenti (SEC(2006)0643),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Jannar 2007 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol deċenti(1),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' l-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet ta' l-ILO u l-Istandards Bażiċi tax-Xogħol,
– wara li kkunsidra l-paragrafu 47 tar-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar ir-Riżultat tal-Laqgħa Għolja Dinji tas-16 ta' Settembru 2005, dwar ix-xogħol deċenti u l-globalizzazzjoni ekwa,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni ministerjali mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU fil-5 ta' Lulju 2006, li tiddikjara li hemm bżonn urġenti biex jinħoloq ambjent fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali, li jwassal għal ġenerazzjoni ta' impjiegi sħaħ u produttivi u għal xogħol deċenti għal kulħadd, bħala element ewlieni għal żvilupp sostenibbli,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni, intitolat "Globalizzazzjoni ġusta: il-ħolqien ta' opportunitajiet għal kulħadd" ta' l-24 ta' Frar 2004,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni – il-kontribut politiku ta" l-UE għall-estensjoni tal-benefiċċji għal kulħadd (COM(2004)0383),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni intitolat "It-Tieni Rapport Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (SEC(2006)0892),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-4 ta" Lulju 2002 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali intitolat "Il-Promozzjoni ta" l-Istandards Bażiċi tax-Xogħol u t-Titjib fil-Governanza Soċjali fil-Kuntest tal-Globalizzazzjoni"(2),
– wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: "Il-Konsensus Ewropew"(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Investiment fiċ-Ċittadini - Komunikazzjoni dwar il-programm tematiku għall-iżvilupp uman u soċjali u l-prospettivi finanzjarji għall-2007-2013" (COM(2006)0018) (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar investiment fiċ-Ċittadini)
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2002 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-Adattament għall-bidliet fix-xogħol u fis-soċjetà: strateġija ġdida tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2002-2006(4),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tax-Xogħol u l-Politika Soċjali tal-Korp tat-Tmexxija ta' l-ILO, intitolat "Aġġornament ta' l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Dinjija għax-Xogħol u aspetti relatati ta' integrazzjoni ta' politika" ta' Marzu 2004,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma ta' l-ILO dwar "Aspetti Legali tat-Traffikar għal Skopijiet ta' Xogħol Sfurzat" ta' April 2006,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma ta' l-ILO Nru 58 dwar "Xogħol deċenti, standards u indikaturi" ta' Awwissu 2005,
– wara li kkunsidra l-istudju ta' l-ILO dwar "Nuqqasijiet ta' xogħol deċenti madwar id-dinja: tkejjil ta' tendenzi b'indiċi" ta' Awwissu 2006,
– wara li kkunsidra n-nota ta' diskussjoni ta' Ottubru 2004dwar ix-xogħol deċenti f'oqfsa nazzjonali mħejjija għas-seminar ta' l-ILO dwar l-għanijiet globali u sfidi nazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 31(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea li tiddikjara li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tiegħu jew tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 152(1) tat-Trattat KE li jiddikjara li livell għoli ta" protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu jkun żgurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u ta' l-attivitajiet kollha tal-Komunità,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP), min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmata f' Kotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(5) (il-Ftehim ta' Kotonou)
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ix-xogħol deċenti għal kulħadd adottati fi Brussell fl-1 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' ffinanzjar għal koperazzjoni ta' żvilupp(6),
–wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' ffinanzjar għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal- Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0068/2007);
A. billi l-kunċett tax-xogħol deċenti jmur ferm lil hinn mill-ħarsien ta' l-istandards bażiċi tax-xogħol; billi l-kunċett jinkludi xogħol produttiv u magħżul b'mod liberu, id-drittijiet fuq il-post ix-xogħol, ħarsien soċjali u djalogu soċjali, u l-ugwaljanza bejn is-sessi taħt l-erba' pilastri;
B. billi l-mezzi biex jinkiseb xogħol deċenti għandu jkun adattat għall-aspetti speċifiċi u għall-livell ta' żvilupp u ta' kapaċitajiet ta' kull soċjetà; billi l-isforzi biex jiġi promoss ix-xogħol deċenti għandu jinkludi l-ħaddiema fl-ekonomija formali u informali, inklużi l-ħaddiema fis-settur agrikolu, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema part-time, il-ħaddiema temporanji u dawk li jaħdmu d-dar;
C. billi l-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd fil-livelli kollha għandha tkun objettiv globali, kif mitlub mill-Kummissjoni Dinjija dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni, mir-riżoluzzjoni tan-NU dwar ir-Riżultat tal-Laqgħa Għolja Dinji 2005 u mid-dikjarazzjoni ministerjali adottata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjalli tan-NU fil-5 ta' Lulju 2006; billi dan l-objettiv għandu jkun parti mill-isforzi sabiex jitwettqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u l-impenji tal-Laqgħa Għolja Dinji għall-Iżvilupp Soċjali ta' Kopenħagen ta' l-1995;
D. billi llum hemm tendenza li x-xogħol deċenti jkun mistmerr u mżeblaħ minħabba l-ftuħ ta' swieq ġodda ta' xogħol irħis (cheap labour) u t-tentattiv korrispondenti li jiġi sfruttat id-dumping lukratif tal-ħaddiema;
E. billi l-ILO huwa korp kompetenti biex jiddefinixxi u jinnegozja l-istandards bażiċi tax-xogħol u biex jissorvelja l-applikazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika; billi koperazzjoni msaħħa bejn l-ILO u l-partijiet interessati rilevanti kollha u l-parteċipazzjoni sħiħa ta' l-ILO fix-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) huma essenzjali, u billi l-UE li tirrappreżenta 27 Stat Membru għandha piż sinifikanti u sehem ewlieni f'dan il-qasam kif ukoll fil-qasam ta' governanza soċjali;
F. billi l-Programmi tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti ta' l-ILO u kif ukoll sforzi oħrajn minn aġenziji ta' żvilupp internazzjonali u n-NU li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfida ta' l-impjiegi f'kuntest usa' għal strateġiji nazzjonali u reġjonali għall-iżvilupp, għall-ġlieda kontra l-qgħad u għat-tnaqqis ta' faqar;
G. billi fil-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2006, l-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u x-xogħol deċenti ma kinux koperti mill-biċċa l-kbira tal-programmi u l-istudji dwar il-koperazzjoni esterna;
H. billi x-xogħol deċenti qed isir iċ-ċentru tat-titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;
I. billi l-istandards tax-xogħol deċenti ta' spiss ma jintlaħqux fix-xogħol part-time, fl-impjegar limitat u, fl-ekonomija informali, fl-attivitajiet mhux iddikjarati u illegali, inklużi xogħol sfurzat u tħaddim tat-tfal;
J. billi sitwazzjonijiet fejn il-prinċipju ta' xogħol deċenti m'huwiex rispettat jistgħu jiġu osservati fejn il-ħaddiema jiġu sforzati pjuttost milli jagħżlu li jaħdmu part-time, li ħafna minnhom jgħixu bi dħul li hu inqas mill-paga minima;
K. billi r-rispett tad-diversitajiet kulturali, il-globalizzazzjoni ġusta u l-għanijiet ta' impjiegi sħaħ u produttivi u x-xogħol deċenti għal kulħadd, inklużi l-persuni b'diżbiltà, in-nisa, il-ħaddiema żgħażagħ u anzjani, il-minoritajiet kulturali u indiġeni, il-migranti, in-nies bi kwalifiki ta' livell baxx u dawk li jgħixu f'zoni żvantaġġjati, huma l-istrument ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali;
L. billi l-entitajiet internazzjonali kollha għandhom jgħinu biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-persuni aktar anzjani biex jiksbu u jżommu xogħol deċenti, billi jtejjbu l-aċċess tagħhom għal skemi ta' tagħlim ta" tul il-ħajja u t-taħriġ tagħhom għal tipi ġodda ta' xogħol fuq naħa, jew billi jiġi żgurat li jkollhom pensjoni xierqa, kura medika u servizzi u benefiċċji soċjali rilevanti oħrajn fuq in-naħa l-oħra; meta wieħed jikkonsidra li l-protezzjoni soċjali hija parti integrali tax-xogħol deċenti;
M. billi ż-żgħażagħ kullimkien għandhom id-dritt li jsibu xogħol deċenti; billi dawn l-isforzi għandhom jiġu żviluppati fuq approċċ inter-ġenerazzjoni u bbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja; billi perjodu twil ta' qgħad fil-bidu tal-ħajja tax-xogħol ta' persuna żgħażugħa jaf ikollu impatt fit-tul fuq il-kapaċità ta' impjieg tagħha, id-dħul u l-aċċess tagħha għal impjiegi ta' kwalità;
N. billi bosta ħaddiema migranti fl-Ewropa jistgħu ma jgawdux minn kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti;
O. billi f'ħafna nħawi fid-dinja n-nisa huma f'riskju li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol mhux ġusti u għalhekk jistħoqqilhom attenzjoni speċjali f'dan ir-rigward;
P. billi s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ adattati għad-domandi ta' soċjetà ta' l-għarfien għandhom irwol kruċjali fil-preparazzjoni taż-żgħażagħ għall-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol billi jgħinu biex jiżdiedu l-opportunitajiet tagħhom li jsibu xogħol li jkun deċenti u ta' kwalità aħjar;
Q. billi t-tagħlim ta" tul il-ħajja jippermetti lill-persuni kollha biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jadattaw għall-bżonnijiet li jinbidlu tas-suq tax-xogħol, biex jikkontribwixxu għall-produttività tiegħu u biex jipparteċipaw bħala ċittadini attivi fis-soċjetà ta' l-għarfien;
R. billi l-Istati Membri kollha fasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-impjieg skond il-Linji Gwida għall-Impjiegi li tniedew fil-Laqgħa Straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar l-Impjiegi fil-Lussemburgu fl-20 u fil-21 ta' Novembru 1997;
S. billi l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (EES) u l-istrateġiji għall-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali għandhom l-għan li jagħtu direzzjoni u jiżguraw il-koordinazzjoni tal-prijotitajiet tal-politika ta' l-impjiegi u tal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali li l-Istati Membri għandhom jikkonformow magħhom fuq livell ta' UE;
T. billi fl-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u għall-Impjiegi riveduta u fl-Istrateġija Ewropea dwar żvilupp sostenibbli tiegħu, il-Kunsill Ewropew fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005, enfasizza l-importanza li tiġi żviluppata ħajja tax-xogħol b'mod sostenibbli soċjalment;
U. billi l-UE impenjat ruħha għal għan strateġiku ġdid permezz ta' l-Istrateġija ta' Liżbona: biex issir l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, kapaċi li tikber ekonomikament b'mod sostenibbli b'iktar impjiegi li jkunu aħjar, b'koeżjoni soċjali ikbar u b'livell għoli ta' ħarsien ambjentali; billi r-riżultati antiċipati s'issa għadhom ma ħarġux fid-dieher;
V. billi, kif indikat fil-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjieġi (2005-2008) (COM(2005)0141), sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ta' l-Unjoni Ewropea b'mod soċjalment sostenibbli, huwa importanti ħafna li il-produttività tiġi mtejba permezz tal-promozzjoni tax-xogħol deċenti u tal-kwalità tal-ħajja tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, il-bilanċ aħjar bejn il-flessibiltà u s-sigurtà fl-impjiegi, it-tagħlim ta" tul il-ħajja, il-fiduċja u l-parteċipazzjoni reċiproka kif ukoll konċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja privata, il- familja u dik tax-xogħol; billi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjon tas-sessi u l-forom l-oħra kollha ta' diskriminazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni ta' integrazzjoni soċjali ta' gruppi vulnerabbli, huma partijiet integrali ta' l-isforzi lejn xogħol deċenti;
1. Jikkonsidra li x-xogħol deċenti huwa ċ-ċentru tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;
2. Jemmen li l-Unjoni Ewropea tista' tagħti kontribut sinifikanti lejn il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd permezz tal-politiki tagħha kemm dawk interni u kemm ta' dawk esterni, billi tapplika l-valuri u l-prinċipji soċjali tagħha, billi tikkumbatti kull forma soċjali ta' labour dumping u billi tippromwovi l-irwol tagħha fuq il-livell internazzjonali;
3. Jenfasizza li x-xogħol deċenti m'hux biss kwistjoni ta' impjiegi jew ta' protezzjoni soċjali iżda wkoll kwistjoni ta' governanza, u li l-implimentazzjoni ta' politiki effettivi ffokati fuq ix-xogħol deċenti teħtieġ istituzzjonijiet responsabbli, impenn politiku għall-immaniġġjar tajjeb ta' l-Istat u soċjetà ċivili ħajja u organizzata;
4. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu kont tal-konsiderazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni, tar-riżoluzzjoni tan-NU dwar ir-Riżultat tas-Laqgħa Għolja Dinji 2005 u tad-dikjarazzjoni ministerjali adottata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta'l- NU fil-5 ta' Lulju 2006, u biex jinkludu l-prospettiva tax-xogħol deċenti fl-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea u biex jinkuraġġixxu lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess;
5. Jenfasizza l-bżonn tal-kumpaniji multinazzjonali b'mod partikulari biex jiddefendu l-prinċipju tad-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, u biex jikkonformaw ma' l-istandards internazzjonali tax-xogħol u mal-prattiki tax-xogħol deċenti fil-ħidmiet tagħhom kollha madwar id-dinja;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tpoġġi fil-prattika l-istrateġija u l-orjentazzjonijiet li pproponiet għall-mobilizzazzjoni aħjar tal-politiki interni u esterni ta' l-UE dwar il-promozzjoni ta' l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, speċjalment f'kwistjonijiet ta' żvilupp, assistenza esterna, tkabbir, politika ta'-viċinat, kummerċ, migrazzjoni, relazzjonijiet esterni bilaterali u multilaterali;
7. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ma jabdikawx mir-responsabilitajiet tagħhom ta' l-implimentazzjoni tas- Sistema Ġenerali dwar il-Preferenzi Kummerċjali (GSP+), iżda biex jaħdmu b'mod attiv ma' l-ILO biex jiżguraw li t-termini tal-ftehim ikunu osservati b'mod sħiħ, u, fejn meħtieġ, biex jużaw l-poteri fid-dispożizzjoni tagħhom biex jikkanċellaw preferenzi ma' kwalunkwe pajjiż li jfalli milli jirrispetta d-drittijiet fundamental soċjali, tax-xogħol u tal-bniedem, inklużi d-dritt tal-libertà ta' assoċjazzjoni, u konvenzjonijiet bażiċi oħrajn ta' l-ILO u Standards Bażiċi tax-Xogħol;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex turi aktar dixxiplina fl-implimentazzjoni tal-GSP+ billi tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet benefiċjarji u biex tagħmel użu mill-istrumenti ta' kontroll disponibbli fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 billi tapplika skema ta' preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati(8) u, fejn ikun hemm bżonn, tapplika l-mekkaniżmi biex tissospendi temporanjament il-preferenzi għal dawk il-pajjiżi li ma jonorawx l-impenji tagħhom u li jiksru d-drittijiet soċjali fundamentali b'mod gravi u sistematiku filwaqt li tiżgura li t-tneħħija tal-preferenzi ma tinkuraġġixix il-protezzjoniżmu; jappella wkoll għal sorveljanza u biex l-applikazzjoni ta' dawk il-mekkaniżmi tiġi estiża biex tkopri pajjiżi benefiċjarji oħra tal-GSP+, speċjalment rigward it-tħaddim ta' tfal u x-xogħol sfurzat, li l-eliminazzjoni tagħhom hija sfida ċentrali għall-ILO, kif indikat fir-rapport tagħha bit-titolu 'It-tmiem tat-tħaddim ta' tfal: Għan fil-viċin';
9. Jitlob lill-Istati Membri, wara l-impenn tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar ix-xogħol deċenti, biex tikkunsidra d-dimensjoni soċjali tax-xogħol deċenti fl-inizjattivi tal-Kummissjoni meta tikkonkludi l-ftehim kummerċjali ma' pajjiżi terzi;
10. Jenfasizza li l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tinkorpora numru ta' strateġiji universali, li m'humiex marbutin ma' mudell ta' żvilupp speċifiku iżda huma direttament relatati ma' distribuzzjoni iżjed ġusta u bilanċjata tal-ġid prodott, u li din hija strument li jfassal l-iżvilupp għal valuri u prinċipji ta' azzjoni u ta' governanza li jgħaqqdu l-kompetittività ekonomika mal-ġustizzja soċjali;
11. Fi ħdan il-kuntest ta' l-istrateġija ta' l-iżvilupp sostenibbli, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa approċċ konsistenti rigward ir-rabtiet bejn il-politiki soċjali, ambjentali u dawk ta' l-impjiegi, ibbażati fuq il-libertà u r-responsabilità;
12. Jisħaq li l-għan tax-xogħol deċenti jitlob pakkett koerenti u integrat ta' politiki ekonomiċi u soċjali li jfittxu li jippromwovu impjiegi produttivi u ta' kwalità; jenfasizza li l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti ssostni l-adozzjoni ta' politiki li jmorru lil hinn mill-politiki tas-suq tax-xogħol tradizzjonali, u li għandha tkun appoġġjata bil-politiki ekonomiċi kollha ta' l-Istati Membri;
13. Jistieden lill-Istati Membri u lin-negozji, b'koperazzjoni ma' l-isħab soċjali u fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, biex jadottaw strateġiji ta' prevenzjoni u biex jimplimentaw miżuri maħsubin biex jipproteġu l-maternità u biex itejjbu s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol għal ħaddiema tqal u għal ħaddiema li jkunu għadhom kif welldu jew li jkunu għadhom ireddgħu;
14. Jisħaq fuq il-bżonn li tittejjeb it-trasparenza tas-suq tax-xogħol, sabiex kull tip ta' xogħol (temporanju, permanenti, full-time, part-time, u dak li jitħallas bis-siegħa) jkun uffiċjali, imħallas b'mod deċenti, u jkun jirrispetta b'mod sħiħ id-drittijiet tal-ħaddiema, l-Istandards Bażiċi tax-Xogħol, id-djalogu soċjali, il-protezzjoni soċjali (inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol) u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
15. Ifakkar li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ, inklużi dawk ta' l-apprendisti, jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema kollha u l-prinċipji relatati max-xogħol deċenti;
16. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar xogħol deċenti u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li se jissieħbu biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-konvenzjonijiet ta' l-ILO li kienu klassifikati mill-ILO bħala aġġornati, b'mod partikulari dawk relatati max-xogħol deċenti; huwa konvint li l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ta' l-ILO relatati max-xogħol deċenti għandhom ikunu promossi fil-politiki esterni u għall-viċinat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw l-ILO fit-tisħiħ tas-sistema u tal-mekkaniżmi ta' sorveljanza tagħha;
17. Jappoġġja bil-qawwi l-approċċ tal-Kummissjoni maħsub biex jappoġġja l-inizjattivi li jippromwovu l-libertà trejdunjonistika u l-ftehim kollettiv, it-titjib ta' l-amministrazzjoni tax-xogħol, ta' l-ispettorati u korpi tax-xogħol li jimmaniġġjaw il-protezzjoni soċjali, u l-iżvilupp ta' strateġiji ta' prevenzjoni integrati fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol fil-qafas tat-tkabbir u tal-programmi ta' qabel l-adeżjoni;
18. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investiment fiċ-ċittadini 2007-2013 fil-kuntest tal-"Konsensus Ewropew" (il-politika ta' l-UE għall-Iżvilupp) u l-importanza li dan il-programm jiddedika lill-implimentazzjoni ta' l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti fil-pajjiżi msieħba ta' l-UE;
19. Jenfasizza li l-Artikolu 12(2)(d)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jitlob il-promozzjoni ta' l-Aġenda ta' Xogħol Deċenti bħala objettiv universali, li jrid jinkiseb, inter alia, permezz ta' inizjattivi multilaterali oħrajn u mifruxin f'pajjiżi differenti biex ikunu implimentati standards tax-xogħol prinċipali ta' l-ILO li sar qbil dwarhom b'mod internazzjonali, analiżi ta' l-impatt tal-kummerċ fuq xogħol deċenti u mekkaniżmi sostnuti u xierqa għall-iffinanzjar ġust u l-iffunzjonar effettiv - u kopertura aktar wiesgħa - ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali; jenfasizza li l-Artikolu 5(2)(c) tar- Regolament (KE) Nru 1905/2006 jirreferi għax- xogħol deċenti bħala qasam ta' ffukar; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża dawn id-dispożizzjonijiet b'mod attiv fil-politika għall-iżvilupp tagħha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tirraporta b'mod sistematiku dwar l-isforzi tagħha biex tippromwovi xogħol deċenti fir-rapport annwali tagħha dwar il-politika għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-assistenza esterna;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi r-rispett ta' l-Istandards Bażiċi tax-Xogħol ta' l-ILO u l-objettiv tax-xogħol deċenti fil-politika kummerċjali tal-Membri tad-WTO bħala sett ta' regoli effettiv, ikkumplimentat b'mekkaniżmu ta' sanzjonijiet għal dawk l-imsieħba li ma jaġġustawx ruħhom għal dawn l-istandards, fil-waqt li tagħti effett sħiħ lill-proċedura tal-GSP +; jinkuraġġixxi lill-Unjoni Ewropea biex tikkunsidra t-twaqqif ta' mekkaniżmi li jkunu inkarigati jissorveljaw l-evoluzjoni parallela tal-kummerċ u x-xogħol deċenti kemm fuq livell Ewropew u kemm fuq livell internazzjonali;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex mhux biss tappoġġja iżda wkoll tieħu sehem, fejn possibbli, fid-djalogu mniedi bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, l-ILO, n-NU u d-WTO rigward il-kumplimentarjetà u l-konsistenza tal-politiki tagħhom li huma relatati mat-tkabbir ekonomiku, l-investiment, il-kummerċ u x-xogħol deċenti;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsidra, meta tagħti preferenzi ta' kummerċ, ngħidu aħna taħt il-patt ta' stabilità u tkabbir, il-konformità mal-pajjiżi benefiċjarji ma' l-istandards tax-xogħol internazzjonali li jissalvagwardjaw ix-xogħol deċenti, sabiex pajjiżi li ma jilħqux dawn l-istandards bażiċi ma jibbenefikawx mill-preferenzi tal-kummerċ ta' l-Unjoni Ewropea;
23. Jenfasizza l-bżonn ta' koperazzjoni akbar bejn id-WTO, l-UNCTAD, l-ILO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-kumplimentarjetà tal-politiki tagħhom; jikkunsidra bħala essenzjali l-koerenza bejn il-miżuri li jittieħdu għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti u l-garanzija tiegħu fil-prattika; jipproponi li l-ILO tingħata stejtus ta' osservatur fiid-WTO; jindirizza lill-parlamenti tal-membri l-oħra tad-WTO biex jitlobhom appoġġ għal din it-talba;
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi l-ħolqien fid-WTO ta' kumitat għall-'kummerċ u xogħol deċenti' fuq il-mudell tal-kumitat 'kummerċ u ambjent';
25. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istatuti ta' l-ILO jippermettulha li ssejjaħ sanzjonijiet kummerċjali kontra pajjiż fil-każ li dan jonqos li jikkonforma mal-konvenzjonijiet soċjali internazzjonali, u jistieden lid-WTO biex timpenja ruħha sabiex tikkonforma mad-deċiżjonijiet ta' l-ILO għall-konsistenza fl-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet internazzjonali;
26. Jipproponi li l-ILO tkun awtorizzata li tissottometti rapporti ta' esperti kompetenti (amicus briefs) lill-panels tad-WTO u lill-Korp ta' l-Appell f'każi rilevanti fejn f'tilwima tidħol il-kwistjoni tal-ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali u fejn fiha jkun iridu jiġu kkunsidrati d-deċiżjonijiet ta' l-ILO;
27. Jipproponi li meta deċiżjoni mill-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim titqies minn Stat Membru tad-WTO li tqajjem kwisjoni dwar deċiżjonijiet ta' l-ILO fuq il-konformità mal-konvenzjonijiet tax-xogħol, għandha teżisti triq ta' appell għall-ILO biex tiġi ggarantita l-koerenza ta' l-azzjoni tal-komunità internazzjonali fil-promozzjoni tax-xogħol deċenti;
28. Jistieden lill-UE biex tagħmel il-konformità ma' l-istandards tax-xogħol internazzjonali element fin-negozjati għall-adeżjoni ta' stati membri ġodda fid-WTO;
29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel il-kompatibilita' ma' l-Istandards Bażiċi dwar ix-Xogħol pre-kundizzjoni għall-politika tagħha tax-xiri u ta' l-għoti ta' kuntratti; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan l-iskop, biex tiżviluppa politika u biex tipprovdi għajnuna relatata mal-kummerċ li permezz tagħha produtturi żgħar f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu bl-istess mod jikkonformaw ma' dawn l-istandards;
30. Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżjed żvilupp ta' metodoloġiji li jevalwaw l-effetti tal-kummerċ u tal-ftehimiet tal-kummerċ fuq il-promozzjoni tax-xogħol deċenti, inkluż fil-katini tal-forniment dinjija u fiz-zoni ta' l-esportazzjoni, kif ukoll il-bżonn li jiġu żgurati t-tisħiħ u l- effettita taż-żmien magħżul għall- -Istudji dwar l-Impatt tal-Kummerċ fuq is-Sostenibilità;
31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħraf, u tinkorpora fin-negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali tagħha u fl-evalwazzjonijiet dwar l-impatt sostenibbli (SIAs), indikaturi raġonevoli, kif definiti mill-ILO, għan-numru ta' spetturi tax-xogħol ibbażati fuq in-numru ta' ħaddiema impjegati: spettur wieħed għal kull 10 000 ħaddiem fil-pajjiżi industrijalizzati b'ekonomija ta' suq, wieħed għal kull 20 000 f'ekonomiji tranżitorji u wieħed kull 40 000 fil-pajjiżi inqas żviluppati;
32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 50 tal-Ftehim ta' Cotonou, li għandu fih dispożizzjoni speċifika dwar il-kummerċ u l-istandards tax-xogħol u li jikkonferma l-impenn tal-partijiet favur l-Istandards Bażiċi dwar ix-Xogħol;
33. Jitlob lill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni ma' l-organi tan-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, u partijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili biex jikkoordinaw b'mod aħjar il-programmi ta' koperazzjoni esterni dwar ix-xogħol deċenti ma' l-implimentazzjoni tal-Programmi tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti ta' ILO jew ma' pjanijiet ta' direzzjoni (roadmaps) ekwivalenti, u biex iżżid l-isforzi konġunti bil-ħsieb li tintegra x-xogħol deċenti fi strateġiji għat-tnaqqis tal-faqar, f'dokumenti ta' strateġija għat-tnaqqis tal-faqar u fi strateġiji għall-iżvilupp minħabba li dawn jistgħu jipprovdu valur miżjud għall-ġlieda favur xogħol deċenti għal kulħadd; f'dan il-kuntest jitlob għal konsultazzjoni mill-qrib bejn l-imsieħba soċjali u partijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili;
34. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tiffinanzja programm ta' żvilupp għax-xogħol deċenti b'koperazzjoni ma' l-ILO, b'mod partikulari bil-ħsieb li jiġu identifikati l-iżjed strateġiji effettivi għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti;
35. Jisħaq li huwa ta' importanza kruċjali, fl-interess tal-progress lejn l-objettiv tax-xogħol deċenti, li l-Istati Membri jilħqu l-mira ta' nfiq ta' 0,7 % tal-GNP tagħhom f'għajnuna lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, peress illi t-tkabbir u l-istrutturi soċjali sodi huma kundizzjoni essenzjali minn qabel għall-evoluzzjoni tax-xogħol deċenti, b'mod partikulari f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
36. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex issegwi approċċ integrat u multidimensjonali fl-attivitajiet tagħha bbażat fuq l-erba' pilastri ta' l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti: impjiegi produttivi u magħżula liberament, id-drittijiet fuq ix-xogħol, inklużi l-Istandards Bażici tax-Xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, u l-inklużjoni ugwali tad-dimensjoni tas-sessi fil-pilastri kollha; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-introduzzjoni tal-paga minima bħala xibka ta' sikurezza sabiex jevitaw l-isfruttar tan-nies u l-faqar fl-impjiegi;
37. Jenfasizza l-importanza ta' l-appoġġ ta' l-integrazzjoni ta' l-impjieg u x-xogħol deċenti fl-istrateġiji ta' żvilupp; jitlob li tiġi nkluża analiżi aktar dettaljata ta' l-impjieg u ta' aspetti oħrajn tax-xogħol deċenti fid-Dokumenti ta' Strateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar (PRSPs), fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika , fid-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiżi (CSPs) u fil-Programmi Indikattivi Plurijennali (MIPs); f'dan il-kuntest, jimmarka l-importanza tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet kollha li għandhom sehem, inklużi persuni li jħaddmu organizzati, sindakati u ħaddiema kif ukoll is-settur privat u s-soċjetà ċivili fl-aktar sens wiesa';
38. Jistieden lill-ministeri tax-xogħol, l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema biex jissaħħu u jkunu integrati aktar b'mod sistematiku fil-proċess ta' parteċipazzjoni li jenfasizza t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' PRSPs, CSPs u MIPs; jemmen li, għal dan l-iskop, trid tittejjeb il-koperazzjoni tagħhom ma' ministri ta' l-ekonomija u tal-finanzi kif ukoll ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi internazzjonali rispettivi bħall-Istituzzjonijiet ta' Bretton Woods, il-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) u d-WTO; jistieden lill-partijiet kollha biex jiżguraw li s-CSPs jitfasslu b'mod partiċipattiv xieraq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvesti aktar fil-bini tal-kapaċità teknika u istituzzjonali u biex tiffaċilita miżuri biex tistabbilixxi x-xogħol deċenti f'dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi;
39. Jenfasizza b'mod partikulari l-ħtieġa ta' Programmi Nazzjonali għal Xogħol Deċenti mmexxija mill-pajjiżi, jew ta' "pjan direzzjonali" simili, żviluppati bil-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali u ta' partijiet li għandhom sehem relevanti oħrajn, immirati biex jiksbu xogħol deċenti għal kulħadd permezz tal-koperazzjoni għall-iżvilupp - inkluż djalogu politiku dwar l-impatti fuq l-impjiegi ta' politiki ta' l-ekonomija u tal-governanza, ta' miżuri ta' appoġġ baġitarju u ta' bini tal-kapaċità, b'mod partikulari bini tal-kapaċità istituzzjonali - li huma kkoordinati b'mod xieraq u armonizzati bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u msieħba fl-iżvilupp internazzjonali u parteċipanti relevanti oħrajn, inklużi l-ILO u aġenziji tan-NU oħrajn kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;
40. Jitlob sforz mill-ġdid għall-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi tax-xogħol, bil-possibilità li dawk li jkunu joperaw f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu esklużi minn akkwisti pubbliċi ffinanzjati jew appoġġjati mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kif ukoll mill-garanziji ta' kreditu ta' esportazzjoni mogħtija mill-EIB u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn fil-każ ta' ksur ta' dawn id-drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu bħala obbligatorju r-rispett għall-Istandards Fundamentali tax-Xogħol fil-qafas ta' l-akkwist pubbliku ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u minn appoġġ Komunitarju jew bilaterali ieħor;
41. Jitlob lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-iżvilupp ta' ħiliet bi sforz akbar sabiex jaħżnu u jgawdu l-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda u ta' l-innovazzjoni; jinnota li x-xogħol deċenti jinkiseb permezz tat-tkabbir, l-investiment u l-iżvilupp ta' l-intrapriża flimkien ma' kapaċità ta' reazzjoni soċjali;
42. Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej, fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005-2008), biex jiżviluppaw u jippromwovu kultura intraprenditorjali Ewropea maħsuba għall-individwi u b'mod speċjali għaż-żgħażagħ, sabiex jiġu ġenerati intrapriżi ta' tkabbir kbir u biex jiksbu b'mod aħjar wieħed mill-għanijiet tax-xogħol deċenti, jiġifieri dak li jinħolqu "iżjed impjiegi u impjiegi aħjar";
43. Jistieden lill-Istati Membri biex ipoġġu x-xogħol deċenti bħala prijorità tal-politika ekonomika u soċjali tagħhom billi jagħmlu enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tax-xogħol għall-kategoriji kollha tal-ħaddiema, fuq it-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali u fuq il-promozzjoni tad-djalogu soċjali;
44. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkuraġġixxu l-adozzjoni ta' kodiċi ta' mġiba bħala inizjattivi volontarji fil-livell settorjali jew ta' intrapriża li jikkumplimentaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-istandards internazzjonali u jirreferu għalihom, kif ukoll il-kodiċi ta' mġiba għall-intrapriżi multinazzjonali ta' l-OECD u l-ILO;
45. Jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jippromwovu l-applikazzjoni tal-prattiki tajbin tar-responsabiltà soċjali korporattiva (CSR) mill-kumpaniji kollha, kull fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom, bil-għan li jinħoloq ambjent tax-xogħol mingħajr periklu, flessibbli u ta' kwalità għolja; jinkuraġġixxi lill-Forum b'Bosta Partijiet Interessati u lill-Alleanza Ewropea futura dwar is-CSR biex jiżviluppaw inizjattivi u li jippromwovu l-inklużjoni tax-xogħol deċenti bħala element importantitas-CSR;
46. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, bħala entitajiet li jħaddmu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, biex jikkonsidraw l-prinċipju tax-xogħol deċenti, skond ir-Rakkomandazzjoni 135 ta' l-ILO rigward l-Iffissar tal-Paga Minima, b' Referenza Speċjali għall-Pajjiżi li qegħdin Jiżviluppaw;
47. Jilqa' l-kontribut għax-xogħol deċenti magħmul mill-organizzazzjonijiet tan-NU, bħall-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għal rapport supplimentari dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-korporazzjonijiet transnazzjonali ;
48. Jagħmel enfasi fuq l-importanza tal-promozzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn Tliet Partijiet ta' l-ILO dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali;
49. Jinkuraġġixxi lin-negozji biex jadottaw politiki responsabbli u mhux diskriminatorji ta' reklutaġġ u ta' żvilupp professjonali sabiex jagħtu spinta lill-impjegar tan-nisa u ta' dawk żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol;
50. Jirrakomanda li n-negozji jieħdu inizjattivi biex jippromwovu parteċipazzjoni u rappreżentazzjoni akbar tan-nisa f'korpi involuti fid-djalogu soċjali, li hu għan strateġiku tal-kunċett tax-xogħol deċenti;
51. Jistieden lill-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u l-ILO, biex tinkuraġġixxi l-imprendituri nisa biex jistabbilixxu u jiżviluppaw negozji fl-Unjoni Ewropea u barra minnha bħala parti mill-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp;
52. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-intrapriżi li joperaw fl-Unjoni Ewropea u barra minnha jipprovdu informazzjoni u konsulatzzjoni aħjar mar-rappreżentanti tal-ħaddiema bħala parti minn djalogu soċjali usa' u kontinwu, billi jgħarrfu u jikkonsulataw lill-ħaddiema dwar firxa ta' kwistjonijiet li jkunu relevanti għall-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jirrikonoxxu li standards għoljin ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol huma dritt essenzjali tal-bniedem;
53. Jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali fit-tfassil tal-Programmi tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri, u jitlobhom biex jagħmlu konsultazzjoni ġenwina ma' l-imsieħba soċjali;
54. Jisħaq li l-imsieħba soċjali huma kruċjali għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, u għalhekk għandhom ikunu involuti b'mod attiv, ta' l-inqas permezz ta' proċess ta' smigħ, fl-implimentazzjoni ta' l-inizjattivi dwar ix-xogħol deċenti;
55. Jilqa' n-negozjati ta' l-imsieħba soċjali Ewropej dwar Ftehim ta' qafas dwar l-intimidazzjoni u l-vjolenza fuq ix-xogħol bħala eżempju ta' promozzjoni tax-xogħol deċenti fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi lill-imsieħba soċjali biex jikkonkludu dawn in-negozjati b'suċċess;
56. Jenfasizza li l-aġenda soċjali Ewropea, l-Istrateġija ta' Liżbona (inklużi l-programmi ta' riforma nazzjonali) u l-isforzi dejjem jiżdiedu biex jiġu ratifikati u applikati l-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati, jikkostitwixxu l-pjan ta' direzzjoni ta' l-UE għax-xogħol deċenti;
57. Jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki u programmi effettivi, preventivi u protettivi sabiex jiżdiedu n-numru, il-kwalità u l-kompetenzi u l-għodod ta' l-ispettorat tax-xogħol skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u l-konvenzjonijiet ta' l-ILO, sabiex jiġu infurzati s-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u leġiżlazzjoni soċjali oħra;
58. Jissuġġerixxi koperazzjoni aqwa dwar l-iżvilupp ta' l-iskambji ta' l-aqwa prattiċi fuq livell Komunitarju fost is-servizzi ta' l-ispezzjonar tax-xogħol sabiex din tikkontribwixxi għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-awtoritajiet responsabbli mill-ispezzjonar tax-xogħol iżjed riżorsi komprensivi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħlhom bil-ħsieb li jiżguraw li l-liġijiet nazzjonali tax-xogħol ikunu applikati fil-prattika u mhux evitati;
59. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li forom ġodda ta' xogħol ikunu protetti mil-liġi eżistenti wkoll, u biex jikkunsidraw strumenti legali ġodda li jistgħu jkunu applikati b'mod flessibbli għal forom ta' xogħol ġodda, sabiex ikun garantit livell ugwali ta' protezzjoni għall-ħaddiema kollha;
60. Jirrikonoxxi l-importanza tax-xogħol tan-Network għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ u l-Forum ta' l-ILO għal Xogħol Deċenti bħala skambju bejn pari, appoġġ u mekkaniżmi ta' reviżjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp ta' dawn in-newterks f'pajjiżi msieħba ta' l-UE flimkien ma' l-ILO bħala mod biex tiġi implimentata l-Aġenda Dinjija għax-Xogħol;
61. Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ bħala strateġija effettiva biex jiġu evitati l-esklużjoni soċjali u l-faqar u biex tiġi żviluppata l-kapaċità ta' impjieg tagħhom bl-użu ta' mekkaniżmi eżistenti bħan-network Euroguidance, li jgħin lill-individwi jifhmu aħjar l-opportunitajiet ta' xogħol fl-Ewropa; jitlob ukoll lill-Istati Membri biex iħaffu t-tranżizzjoni b'suċċess għas-suq tax-xogħol u biex itejjbu l-aċċess għax-xogħol permezz ta' skemi ta' orjentazzjoni professjonali, filwaqt li jiżguraw konsistenza ma' approċċ interġenerazzjonali li huwa bbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja;
62. Jitlob lill-Istati Membri biex jespandu l-investimenti tagħhom f'infrastruttura meħtieġa għall-użu ta' teknoloġiji ta" informazzjoni u ta" komunikazzjoni u fl-edukazzjoni u fit-taħriġ ta' żgħażagħ b'investimenti maqsuma kemm mis-setturi pubbliċi u kemm minn dawk privati;
63. Jitlob lill-Istati Membri biex, meta jkunu qed jimplimentaw il-politiki tal-Komunità, jiġġeneralizzaw u jwessgħu l-aċċess għall-opportunitajiet ta' tagħlim ta" tul il-ħajja, anki f'zoni remoti ġeografikament u rurali u biex jimplimentaw miżuri speċifiċi adattati għar-realtajiet lokali sabiex jiggarantixxu l-prospetti ta" l-impjieg ta' kulħadd fi ħdan ambjent tax-xogħol li qed jinbidel;
64. Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu riformi rilevanti fis-sistemi edukattivi tagħhom u biex jiggarantixxu aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja għal kulħadd;
65. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintegraw id-dimensjonijiet tal-ġeneru u ta' l-iżvilupp fil-politiki u l-programmi kollha li jippromwovu x-xogħol deċenti u jitlob lill-Istati Membri biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għall-irġiel u għan-nisa għal xogħol deċenti, mhux biss mill-perspettiva ta' l-aċċess għall-impjiegi jew tal-promozzjoni iżda wkoll mill-perspettiva tal-livell tal-paga;
66. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja privata , il-familja u dik tax-xogħol, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex jeżaminaw u jeliminaw il-kawżi li jistgħu jdgħajfu l-effettività ta' miżuri bħal dawn;
67. Jirrakomanda li jiġu esplorati mezzi biex jiżdied l-appell ta' impjiegi li huma meqjusin bħala tqal wisq jew menjali (għajnuna domestika, assistenza lill-familji, kura lill-anzjani, servizzi personali, eċċ.);
68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejjbu l-miżuri li jippermettu lill-ħaddiema kollha biex jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, billi jżommu f'moħħhom li s-sigħat twal, l-istress u l-insigurtà ta' l-impjieg jheddu l-binja tal-ħajja tal-familja, li hi pedament importanti tas-soċjetà tagħna;
69. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw ma' l-NGOs, it-trejdunjins, l-organizzazzjonijiet u n-networks tan-nisa għat-tisħiħ ekonomiku u soċjali tan-nisa f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti fil-livelli kollha;
70. Jilqa' l-inizjattiva mħabbra fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol deċenti biex jiġu appoġġjati l-isforzi biex jittejjeb l-involviment ta' l-imsieħba soċjali u tal-partijiet interessati oħrajn fis-soċjetà fit-Governanza globali fuq il-bażi tal-mudell konsultattiv ta' l-OECD;
71. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw politiki nazzjonali biex jippromwovu l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet u l-ugwaljanza tat-trattament tal-ħaddiema, irrispettivament mill-etajiet jew is-sess tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri għall-prevenzjoni ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u ħaddiema aktar anzjani;
72. Jenfasizza li l-promozzjoni tax-xogħol deċenti għandha l-għan li tikseb progress ġenerali fil-kundizzjonijiet ta' l-għixien u tax-xogħol għal kulħadd, u għal dan l-għan tinkludi l-appoġġ għall-integrazzjoni tas-settur informali fl-ekonomija tradizzjonali;
73. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu inizjattivi leġiżlattivi u politiċi dwar id-diżabilità, in-non-diskriminazzjoni u l-opportunitajiet ugwali fit-taħriġ vokazzjonali u fil-post tax-xogħol, inkluż appoġġ għall-adattament tal-postijiet tax-xogħol biex jakkomodaw persuni b'diżabilitajiet f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
74. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jużaw il-Metodu Miftuħ ta" Koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali sabiex iżidu valur lis-sistemi soċjali differenti; għal dan il-għan, u b'konformità ma' l-Istrateġija ta' Liżbona mġedda, bil-ħsieb li tittejjeb il-flessibilità u l-mobilità tal-ħaddiema Ewropej u l-koeżjoni soċjali fl-Unjoni, jikkonsidra li hemm bżonn li nirsistu għall-iżjed armonizzazzjoni fl-iskemi tal-pensjoni, l-iżjed fir-rigward tal-kopertura ta' servizzi fil-każ ta' persuni li ħadmu fi Stati Membri differenti, partikularment minħabba li din mhix biss ostakolu serju għall-moviment liberu tal-ħaddiema iżda wkoll xkiel għal suq wieħed fis-servizzi finanzjarji;
75. Jinnota li arġinalizzazzjoni ta' ċerti minoranzi bbażata fuq ir-reliġjon jew ir-razza hija ta' xkiel għall-kisba tax-xogħol deċenti għal kulħadd fl-UE, u għalhekk jitlob lil dawk l-Istati Membri kollha li għadhom ma lestewx it-traspożizzjoni Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn in-nies, irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika(9)biex jagħmlu dan;
76. Fi ħdan il-qafas ta' approċċ konsistenti ma' migrazzjoni internazzjonali tal-ħaddiema, jilqa' r-rieda ta' l-Istati Membri li jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, kif ukoll il-Konvenzjonijiet Nri 97 u 143 ta' l-ILO;
77. Jitlob lill-Istati Membri biex jaqblu dwar definizzjoni komuni u standard ta' xogħol sfurzat u abbuż ta' vulnerabilità, sabiex jitnaqqsu l-ambigwità u l-preġudizzju f'deċiżjonijiet ġudizzjarji;
78. Jinnota li xi ċittadini ta' l-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-moviment huma vulnerabbli għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw politiki biex jissorveljaw l-esperjenzi fis-suq tax-xogħol ta' migranti intra-UE u biex jaddottaw miżuri biex jeliminaw prattiċi tax-xogħol ta' sfruttar;
79. Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tal-Komunità f'pajjiżi msieħba biex jippromwovu b'mod attiv l-inklużjoni ta' l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, il-Programmi tal-Pajjiżi dwar ix-Xogħol Deċent u l-Programmi Reġjonali dwar ix-xogħol deċenti fis-CSPs, fid-document ta' Strateġija Reġjonali, fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali u fi strumenti ta' programmar tal-politiki Komunitarji tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;
80. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra li testendi d-dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2110/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta" l- 14 ta" Diċembru 2005 dwar l-aċċess għall-għajnuna esterna tal-Komunità(10), fir-rigward tal-konformità ma' l-istandards bażiċi tax-xogħol, għal kuntratti finanzjati permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;
81. Jistieden lill-Kummissjoni biex talloka riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tal-proposti tagħha għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti li hemm fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-investiment fiċ-ċittadini;
82. Jilqa' l-importanza li l-Komunikazzjoni tal-Kummisjoni dwar l-investiment fiċ-ċittadini tagħti lill-implimentazzjoni ta' l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-pajjiżi msieħba ta' l-UE; jilqa' r-rikonoxximent tal-programm tal-ħolqa ċara bejn xogħol deċenti u protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika ffinanzjar meħtieġ għall-protezzjoni tax-xogħol deċenti fi ħdan il-programm tematiku: Investiment fiċ-Ċittadini;
83. Jilqa' l-istrateġija integrata l-ġdida għad-drittijiet tat-tfal imħabbra fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (COM(2006)0367) u jfakkar li azzjoni kontra tħaddim tat-tfal, kif definita fil-Konvenzjonijiet ta' l-ILO Nru 138 u 182 kontra x-xogħol sfurzat, għandha tkun integrata f'miżuri nazzjonali u internazzjonali;
84. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw politiċi li jkunu konformi mal-prinċipji komuni u bażiċi dwar l-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi fl-UE;
85. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfassal rapport ta' segwitu għall-komunikazzjoni tagħha dwar ix-xogħol deċenti sa l-2008, li għandu jinkludi analiżi u evalwazzjoni tar-ratifikazzjoni u l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-konvenzjonijiet ta' l-ILO dwar l-impjiegi, is-saħħa u s-sikurezza, il-ħarsien tal-maternità u d-drittijiet tal-ħaddiema migranti; jitlob biex dan ir-rapport ikun fih programm ta' azzjoni għax-xogħol deċenti li jkopri kemm il-koperazzjoni fl-UE u kemm l-isforzi fuq livell internazzjonali;
86. Jilqa' l-isforz tal-Kummissjoni li ttejjeb l-analiżi u li tiżviluppa indikaturi adegwati relatati ma' l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti;
87. Jilqa' s-suġġeriment tad-dikjarazzjoni ministerjali adottata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU tal-5 ta' Lulju 2006 li l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti għandha tkun żviluppata b'ritmu mgħaġġel, sabiex jinkisbu riżultati tanġibli sa l-2015;
88. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament ċifri speċifiċi li juru kif ix-xogħol deċenti u kwistjonijiet relatati miegħu huma ffinanzjati sabiex jiġi evalwat aħjar, f'termini ta' finanzjament, l-impenn politiku;
89. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.