Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0201/2007

Testi mressqa :

B6-0201/2007

Dibattiti :

PV 23/05/2007 - 10
CRE 23/05/2007 - 10

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2007 - 7.4

Testi adottati :

P6_TA(2007)0210

Testi adottati
PDF 218kWORD 56k
Il-Ħamis, 24 ta' Mejju 2007 - Strasburgu
Niġerja
P6_TA(2007)0210B6-0201/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar l-elezzjonijiet reċenti fin-Niġerja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija tas-Sejbiet Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet mill-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Federali tan-Niġerja fit-23 ta' April 2007,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji ta' l-Osservazzjoni Internazzjonali ta' l-Elezzjonijiet u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Osservaturi Internazzjonali ta' l-Elezzjonijiet, ikkommemorati fis-27 ta' Ottubru 2005 fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2000 dwar Assistenza u Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet mill-UE (COM(2000)0191),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-elezzjonijiet statali u federali ta' l-2007 fin-Niġerja kienu ferm 'il bogħod mill-istandards bażiċi internazzjonali u reġjonali dwar elezzjonijiet demokratiċi u ma jistgħux jitqiesu kredibbli, ħielsa u ġusti,

B.   billi dawk l-elezzjonijiet ma ssoddisfawx it-tamiet u l-aspettattivi tal-poplu Niġerjan, li mpenja ruħu bil-ħerqa fil-proċess elettorali u vvota taħt ċirkustanzi ħafna drabi diffiċli, waqt li wera determinazzjoni qawwija biex jagħti l-vot tiegħu u juża d-dritt demokratiku tiegħu minkejja atmosfera ta' tħassib u biża' f'ħafna zoni,

C.   billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet mill-Unjoni Ewropea kkonkludiet li l-elezzjonijiet kellhom nuqqasijiet serji minħabba organizzazzjoni fqira, nuqqas ta' trasparenza, irregolaritajiet ta' proċedura mifruxa, evidenza qawwija ta' frodi, partikolarment waqt il-proċess tat-tqabbil tar-riżultat, nuqqas ta' għoti tal-vot fi stadi differenti tal-proċess u nuqqas ta' kundizzjonijiet indaqs lill-kontestanti,

D.   billi, minflok garanzija tad-dritt bażiku liċ-ċittadini biex jivvutaw b'mod ħieles, il-Gvern Niġerjan u l-uffiċjali elettorali ħadmu flimkien fil-frodi u fil-vjolenza jew għall-inqas injoraw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mwettqa minn segwaċi tal-partit fit-tmexxija u minn oħrajn,

E.   billi, fil-ġurnata ta' l-elezzjonijiet nazzjonali, postijiet tal-votazzjonijiet fetħu tard ħafna jew ma fetħu xejn, kellhom materjal bżonnjuż nieqes u kien hemm numru insuffiċjenti ta' uffiċjali elettorali, ħafna minnhom mingħajr taħriġ meħtieġ,

F.   billi s-segretezza tal-vot b'mod frekwenti ma kinetx garantita minħabba nuqqas ta' postijiet tal-votazzjoni jew tfassil skars tal-postijiet tal-votazzjoni, il-proċeduri ma kienux segwiti kif suppost, monitoraġġ indipendenti kien parzjalment imfixkel, u kien hemm każi ta' votazzjoni minn nies ta' taħt l-età,

G.   billi osservaturi ta' l-UE rrapurtaw irregolaritajiet waqt il-proċess ta' l-għadd u t-tqabbil tal-voti, flimkien ma' inċidenti ta' diżordni, każi fejn ma sarx għadd, u diskrepanzi bejn riżultati, u riżultati fil-postijiet tal-votazzjoni ma kienux murija pubblikament fl-ebda stadju ta' l-andament ta' l-elezzjoni fil-pajjiż kollu,

H.   billi dawn il-problemi wasslu għall-vjolenza, li ħalliet mill-inqas 50 persuna mejta, u daqstant ieħor midruba, tul il-perjodu ta' qabel u wara l-elezzjonijiet nazzjonali, fl-14 ta' April 2007, b'nofs id-delitti iseħħu fir-reġjun tan-Niger Delta, li wassal għall-kaos, inklużi inċidenti ta' serq ta' kaxxi tal-voti minn gruppi ta' nies vjolenti,

I.   billi kien possibbli li jiġu rimedjati xi nuqqasijiet bejn il-ġranet tal-votazzjoni ta' l-14 ta' April u dik tal-21 ta' April 2007, u passi konkreti setgħu ittieħdu mill-partiti politiċi u l-pulizija biex joħoloq ambjent paċifiku u stabbli,

J.   billi fil-ġurnata ta' l-elezzjonijiet federali Osservaturi ta' l-UE kienu xhieda ta' l-istess tip ta' irregolaritajiet bħal dawk ta' l-14 ta' April 2007, jiġifieri il-mili tal-kaxxi tal-voti, bdil ta' skedi uffiċjali tar-riżultati, serq ta' materjal sensittiv tal-votazzjoni, xiri ta' voti u votazzjoni minn nies ta' taħt l-età,

K.   billi r-riżultat finali fiż-żewġ każi kien rebħa kbira għall-Partit Demokratiku tal-Poplu (PDP) li kien fit-tmexxija, u f'każi b'100% tal-voti mitfugħa favur il-PDP,

L.   billi tqajjem tħassib kbir mill-partiti politiċi, mis-soċjetà ċivili u mill-medja dwar l-andament ta' l-elezzjonijiet,

M.   billi l-Grupp Tranżitorju ta' Monitoraġġ, l-akbar organizzazzjoni ta' osservazzjoni domestika fin-Niġerja, sejħet għal ripetizzjoni tal-votazzjoni presidenzjali,

N.   billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (INEC) ma ħejjitx sew għall-elezzjoni u ma ispiratx fiduċja fost dawk li kellhom interess fl-elezzjoni dwar il-kapaċità u l-imparzjalità tagħha,

O.   billi l-fażijiet ta' preparazzjoni għall-elezzjoni urew nuqqasijiet f'termini bażiċi ta' ġustizzja għall-oppożizzjoni, trasparenza, reġistrazzjoni tal-votanti u rispett lejn l-istat tad-dritt, bil-President Olusegun Obasanjo jipprova jeskludi xi kandidati,

P.   billi l-presidenza ta' Obasanjo irreġistrat kisbiet impressjonanti u sostniet id-demokrazija fl-Afrika kollha, imma issa għandha bżonn tikkonsolida dawn il-passi pożittivi u timpenja lilha nnifsiha għal elezzjonijiet liberi u ġusti, b'konformità ma' standards internazzjonali,

Q.   billi n-nisa baqgħu mhux rappreżentati biżżejjed bħala kandidati u fl-amministrazzjoni elettorali,

R.   billi l-elezzjonijiet ġenerali offrew possibbiltà lill-pajjiż biex ikollu l-ewwel esperjenza ta' transizzjoni tal-poter minn mexxej ċivili għal ieħor, biex tiġi kkonsolidata d-demokrazija,

S.   billi l-popolazzjoni tan-Niġerja b'140 miljun persuna magħmula minn 250 grupp etniku u jgħixu f'36 stat, kull wieħed bil-gvernatur u l-leġiżlatura tiegħu, u b'64 miljun votant reġistrat, dawn l-elezzjonijiet kienu l-akbar li qatt saru fl-Afrika,

T.   billi t-trasparenza u l-kredibbiltà ta' l-elezzjonijiet taffetwa bil-kbir ir-reputazzjoni internazzjonali tan-Niġerja, kif ukoll il-kwalità tar-relazzjonijiet bilaterali u l-koperazzjoni ekonomika,

U.   billi, sabiex l-elezzjonijiet ikunu kredibbli u ta' suċċess jitolbu wkoll involviment immedjat u proattiv fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex iħares kontra l-vjolenza u l-manipulazzjoni elettorali,

V.   billi, minkejja x-xogħol professjonali magħmul mill-Missjoni ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet mill-Unjoni Ewropea biex jibnu fiduċja b'mod ġenerali billi jikxfu irregolaritajiet, ixekklu l-frodi u jipprovdu rakkomandazzjonijiet biex itejbu l-proċess elettorali, il-kredibbiltà ta' l-UE tiġġarraf bin-nuqqas ta' politika post-elettorali koerenti meta tiġi biex tindirizza elezzjonijiet li fallew,

W.   billi l-istabbiltà tan-Niġerja qegħda f'diffikultà,

1.  Jappella għal azzjoni urġenti ta' rimedju mill-awtoritajiet relevanti u mill-partijiet interessati sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet biex jinżammu elezzjonijiet kredibbli u trasparenti fin-Niġerja;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani sabiex jinvestigaw b'mod urġenti, trasparenti u bir-reqqa l-irregolaritajiet ta' l-elezzjoni, u sabiex jieħdu azzjoni immedjata biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u jaraw li dawk li wettqu l-irregolaritajiet jinżammu responsabbli mill-azzjonijiet tagħhom;

3.  Jappella għal miżuri konkreti sabiex tiġi stabbilita amministrazzjoni għall-elezzjoni verament indipendenti kapaċi li tmexxi elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

4.  Jafferma li l-poplu Niġerjan għandu dritt għal elezzjonijiet kredibbli, li jsiru taħt l-INEC li tkun verament indipendenti u effiċjenti; jenfasizza l-fatt li attwalment l-INEC mhix kapaċi tilħaq l-isfidi ta' organizzazzjoni u ta' loġistika li qed tiffaċċja;

5.  Jiddispjaċih li l-Att Elettorali 2006 għadu ma jilħaqx ir-rekwiżiti fundamentali ta' trasparenza partikolarment fir-rigward ta' tqabbil u pubblikazzjoni ta' riżultati, u jappella biex dan jiġi emendat;

6.  Jinnota li jista' jitwaqqaf kumitat, magħmul minn Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti u tas-Senat mill-partiti kollha, biex jirrevedi l-proċess elettorali u biex joffri suġġerimenti għal elezzjonijiet ġodda u kredibbli;

7.  Jiddispjaċih li minkejja atmosfera aħjar fejn il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-assemblea tkun b'mod ġeneriku rispettata waqt il-kampanja, bil-qrati li jieħdu rwol ġeneralment pożittiv u indipendenti u l-poplu ġenwinament kommess lejn id-demokrazija, l-elezzjonijiet ma jistgħux jitqiesu kredibbli;

8.  Jiddispjaċih bil-qawwa li, minkejja li l-arranġamenti tal-Gvern għal skjerament qawwi tal-pulizija, ta' l-armata u tas-servizzi statali tas-sigurtà, l-elezzjonijiet wasslu għal imwiet, anke qabel beda l-għadd tal-voti u f'xi każi anke qabel ma bdiet il-votazzjoni, b'madwar 200 persuna inklużi kandidati u uffiċjali tal-pulizija, jinqatlu f'inċidenti relatati ma' l-elezzjoni;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani, l-INEC u l-partiti politiċi biex jinvestigaw kull każ ta' vjolenza u jżommu responsabbli lil min wettaq din il-vjolenza;

10.  Jikkundanna l-atmosfera ta' impunità għall-vjolazzjonijiet elettorali, l-immunità eżekuttiva u l-prattika li jinkrew nies ta' qattagħni biex iwettqu vjolenza elettorali u jappella għal azzjoni konkreta f'dan il-qasam;

11.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex ma jinterferix fid-dubji legali mqajma dwar il-proċess elettorali u jappella lill-partiti politiċi ta' l-oppożizzjoni biex jużaw il-proċeduri elettorali tal-qrati, biex iżommu lura milli jużaw il-vjolenza u li jappoġġjaw medjazzjoni konġunta ta' l-Unjoni Afrikana-Komunità Ekonomika ta' l-Istati ta' l-Afrika tal-Punent (ECOWAS) biex isiru elezzjonijiet ġodda u kredibbli ħalli tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni drammatika post-elettorali;

12.  Jilqa' l-mekkaniżmu stabbilit mill-Qrati ta' l-Appell biex jissimplifikaw u jiżguraw determinazzjoni fil-ħin ta' petizzjonijiet post-elettorali, imma jiddispjaċih li l-partiti offiżi ta' l-oppożizzjoni li ressqu l-petizzjonijiet quddiem it-Tribunal tal-Petizzjonijiet Elettorali għadhom qed jistennew smigħ li se jibda ġimgħatejn wara l-votazzjoni presidenzjali;

13.  Jappella għal edukazzjoni effettiva u mifruxa dwar drittijiet ċivili u elettorali u jisħaq dwar il-bżonn li jiġi indirizzat l-illitteriżmu mifrux, li jinnega lill-poplu Niġerjan aċċess għall-istampa u hu wkoll wieħed mill-fatturi ewlenin ta' restrizzjoni għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, speċjalment għan-nisa;

14.  Japprova l-konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet mill-Unjoni Ewropea;

15.  Jappella lill-Kummissjoni biex tissottometti lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew proposta koerenti u kredibbli dwar il-politika post-elettorali ta' l-UE li tirrapreżenta l-għażla ħielsa tal-popolazzjoni ta' pajjiż partikolari, u jibża' li l-politika attwali ta' 'kollox bħas-soltu' ('business as usual') tagħmel ħsara u tkisser il-kredibbiltà tal-Missjoni ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni;

16.  Jisħaq li l-għajnuna ta' l-UE lin-Niġerja m'għandhiex tingħata lill-istrutturi federali jew ta' l-istat qabel isiru elezzjonijiet ġodda u kredibbli; ifakkar li l-għajnuna għandu jibbenefika minnha l-poplu Niġerjan u għandha tintużaw għat-tmexxija tajba, id-demokratizzazzjoni, l-edukazzjoni tal-votant u s-servizzi soċjali bażiċi tal-komunità, partikolarment permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lid-Delegazzjoni tagħha fin-Niġerja biex jiżguraw li l-Gvern ma jkunx involut bl-ebda mod fl-għażla tal-proġetti jew ta' l-implimentazzjoni ta' xi finanzjar li jaqa' taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, li hu mfassal espliċitament biex jopera mingħajr il-kunsens tal-pajjiż ospitanti;

18.  Iħeġġeġ lill-Gvern Federali biex jikkumbatti xejriet ta' korruzzjoni, vjolenza u impunità li dgħajfet it-tmexxija fil-parti l-kbira tal-pajjiż, speċjalment fuq livell statali u lokali, u żammet il-maġġoranza taċ-ċittadini tan-Niġerja fil-faqar u nieqsa mis-servizzi bażiċi ta' saħħa u edukazzjoni, u biex jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani biex jibdew negozjati mal-popolazzjonijiet lokali dwar il-futur tar-reġjun Niger Delta, fosthom dwar l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali;

20.  Jinnota li l-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp hu aspett importanti tad-demokrazija u jikkontribwixxi biex itejjeb il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp ekonomiku;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvern tan-Niġerja, lill-Ko-Presidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-EU, liċ-Chairpersons tal-Kummissjoni u lill-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana, u lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ta' l-Unjoni Afrikana-Komunità Ekonomika ta' l-Istati ta' l-Afrika tal-Punent.

Avviż legali - Politika tal-privatezza