Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2563(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0200/2007

Testi mressqa :

B6-0200/2007

Dibattiti :

PV 23/05/2007 - 11
CRE 23/05/2007 - 11

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2007 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0211

Testi adottati
PDF 301kWORD 62k
Il-Ħamis, 24 ta' Mejju 2007 - Strasburgu
Il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet f'Periklu tal-Fawna u l-Flora Salvaġġi (CITES)
P6_TA(2007)0211B6-0200/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar l-objettivi strateġiċi ta' l-UE għall-14-il Laqgħa tal-Konferenza tal-Firmatarji tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet f'Periklu tal-Fawna u l-Flora Salvaġġi (CITES), li se ssir f'The Hague, bejn it-3 u l-15 ta' Ġunju 2007

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-14-il Laqgħa tal-Konferenza tal-Firmatarji (CoP 14) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet f'Periklu tal-Fawna u l-Flora Salvaġġi (CITES) li se ssir bejn it-3 u l-15 ta' Ġunju 2007 f'The Hague, l-Olanda,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi s-CITES hija l-ikbar ftehima eżistenti ta' konservazzjoni tal-fawna u l-flora salvaġġi, għall-prevenzjoni ta' l-isfruttar żejjed tagħhom minħabba l-kummerċ internazzjonali, b'171 firmatarju, inklużi s-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea,

B.   billi l-konsum mill-bniedem ta' riżorsi naturali, il-qerda ta' l-ambjenti naturali, il-bidla fil-klima, l-isfruttament żejjed ta' speċijiet salvaġġi u l-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora salvaġġi huma l-kawżi ewelenin għall-eżawriment tal-bijodiversità tad-dinja,

C.   billi r-rapporti xjentifiċi jbassru li l-bidla fil-klima se tiggrava t-telf tal-bijodiversità u s-sitwazzjoni rigward l-ispeċijiet fil-periklu,

D.   billi l-kuxjenza pubblika fil-pajjiżi konsumaturi kienet u għadha essenzjali għall-kontroll tal-kaċċa illegali u tal-kummerċ internazzjonali illegali ta' speċijiet fil-periklu tal-fawna u l-flora salvaġġi,

E.   billi l-kummerċ illegali jdgħajjef serjament l-aġenda globali għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli,

F.   billi l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli tipprovdi qafas għall-immaniġġjar responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi naturali,

G.   billi l-laqgħa ta' ħidma tal-Presidenza tar-Renju Unit dwar il-'Koordinazzjoni ta' l-Infurzar Legali tal-Kummerċ tal-Fawna u l-Flora Salvaġġi ta' l-UE', li saret bejn il-25 u s-27 ta' Ottubru 2005, wasslet għal abbozz approvat b'mod wiesa' dwar Pjan ta' Azzjoni għal Ġlieda kontra l-Kummerċ Illegali tal-Fawna u l-Flora Salvaġġi fl-Unjoni Ewropea (2006-2010),

H.   billi s-CITES għandha rwol komplementari ma' l-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u ma' korpi internazzjonali oħra fil-konservazzjoni ta' l-ispeċijiet tal-baħar li jistgħu jiġu mhedda bil-kummerċ internazzjonali,

I.   billi l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Kaċċa tal-Balieni, li hija rikonoxxuta mis-CITES bħala l-korp bl-awtorità li jirregola l-konservazzjoni u l-immaniġġjar tal-balieni, iddigrieta moratorju mad-dinja kollha dwar il-kaċċa kummerċjali tal-balieni,

J.   billi l-Ġappun ippropona fis-CoP14 Dok. 51 li ċ-ċetaċji kollha fl-Appendiċi I li huma mmaniġġjati mill-IWC jiġu inklużi fir-Reviżjoni Perjodika ta' l-Appendiċi, li tiġi emendata r-riżoluzzjoni tas-CITES (11.4) li tistabbilixxi r-relazzjoni bejn l-IWC u s-CITES u li l-IWC tipprovdi data u pariri xjentifiċi dwar l-elenkar mis-CITES ta' speċijiet ta' balieni,

K.   billi l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar it-tħaffif ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' l-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi Forestali, Tmexxija u Kummerċ (FLEGT)(1)esprima d-diżappunt tiegħu rigward il-"progress bil-mod ħafna" fil-FLEGT; billi fin-nuqqas ta' regolamenti obbligatorji u komprensivi li jipprojbixxu l-importazzjoni fl-UE ta' injam maqtugħ b'mod illegali u mhux sostenibbli, l-inizjattivi tas-CITES biex jiġi regolat il-kummerċ internazzjonali fi speċijiet ta' injam huma essenzjali,

L.   billi fis-CoP12, kontra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew, ġiet adottata deċiżjoni biex, suġġett għal kundizzjonijiet, jiġi permess bejgħ ta' darba biss ta' stokkijiet ta' l-avorju tal-gvern mill-Botswana, in-Namibja u l-Afrika t'Isfel billi l-kundizzjonijiet għall-kummerċ stipulati f'dawn id-deċiżjonijiet għadhom ma twettqux,

M.   billi l-qbid ta' l-avorju illegali żdied b'mod sinifikanti mis-CoP13 'l hawn u billi huwa stmat li jinqatlu 20,000 iljunfant jew aktar kull sena; billi aktar ftuħ fil-kummerċ ta' l-avorju jkollu impatt detrimentali fuq il-popolazzjonijiet diġà mnaqqsa u frammentati ta' l-iljunfanti f'pajjiżi oħra fl-Afrika u fl-Asja,

N.   billi l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Speċijiet Migratorji ta' Annimali Salvaġġi elenkat il-Kelb il-Baħar l-Abjad fl-Appendiċi I u II ta' dik il-Konvenzjoni, billi l-Awstralja elenkat l-ispeċijiet fl-Appendiċi III tas-CITES fl-2001, b'riżervi min-Norveġja u l-Ġappun, u l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (IUCN) elenkat l-ispeċijiet bħala 'vulnerabbli' fuq il-Lista l-Ħamra tagħha ta' Speċijiet fil-Periklu sa mill-1996,

O.   billi l-popolazzjonijiet tal-felini l-kbar Asjatiċi huma mhedda dejjem aktar u b'dispjaċir kien hemm nuqqas ta' progress fit-teħid ta' azzjoni serja biex jieqaf it-tnaqqis ta' l-għadd tat-tigri u tal-felini l-kbar l-oħra,

P.   billi r-rekwiżiti ta' l-ittikkettar universali tal-kavjar ġew introdotti f'Mejju 2005 biex jirregolaw il-kummerċ tal-kavjar,

Q.   billi l-konservazzjoni ta' l-ispeċijiet għandha tibqa' l-bażi għall-ġustifikazzjoni tad- deċiżjonijiet dwar l-elenkar u għandhom jitqiesu l-konsiderazzjonijiet dwar l-impatti fuq l-għajxien tan-nies meta jiġu implimentati d-deċiżjonijiet ta' l-elenkar,

R.   billi ma hemm xejn li jwaqqaf lill-UE milli tadotta miżuri aktar stretti internament fuq l-importazzjoni ta' annimali salvaġġi, ibbażati fuq objettivi ta' konservazzjoni ta' speċijiet jew bażijiet oħra, bħat-tħassib dwar il-benesseri ta' l-annimal;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-prinċipju ta' prekawzjoni bħala l-prinċipju ewlieni fid-deċiżjonijiet tagħhom kollha dwar dokumenti ta' ħidma u proposti ta' elenkar u jqisu wkoll il-prinċipju ta' min juża jħallas, l-approċċ ta' l-ekosistemi u l-prinċipji ta' konservazzjoni tradizzjonali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni mmirata lejn koordinazzjoni eqreb bejn is-CITES u l-konvenzjonijiet l-oħra relatati mal-bijodiversità ma ddgħajjifx in-natura tas-CITES bħala ftehima ta' konservazzjoni globali jew il-miżuri stretti ta' konservazzjoni tas-CITES;

3.  Jopponi bis-sħiħ l-użu tal-vot sigriet u huwa ddiżappuntat li l-Kumitat Permanenti tas-CITES ma ppreżentax proposti biex tiġi eskluża l-possibilità ta' l-użu tal-vot sigriet fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kenja u tal-Mali biex ikun stabbilit moratorju għal 20 sena fuq il-kummerċ kollu ta' l-avorju, bl-appoġġ tat-Togo u tal-Gana, kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta' Akkra, iffirmata minn rappreżentanti ta' 19-il pajjiż Afrikan, li tirrakkomanda li l-kummerċ ta' l-avorju jkun ipprojbit;

5.  Ifakkar li l-moratorju propost m'għandux jaffettwa d-deċizjoni meħuda fis-CoP12 biex, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jitħalla li jsir bejgħ ta' darba biss ta' stokkijiet ta' l-avorju mill-Botswana, in-Namibja u l-Afrika t'Isfel;

6.  Jenfasizza li l-aċċettazzjoni tal-proposta tal-Kenja u l-Mali tagħti żmien biex jiġi rfinut il-MIKE (il-Monitoraġġ tal-Qtil Illegali ta' l-Iljunfanti) u biex il-komunità internazzjonali tkun tista' tressaq l-attenzjoni tad-dibattitu minn fuq il-kummerċ ta' l-avorju għat-theddidiet reali għall-iljunfanti u l-ambjenti naturali tagħhom;

7.  Iħeġġeġ biex id-deċiżjoni meħuda fis-CoP13 għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni għall-kontroll tal-kummerċ ta' l-avorju ta' l-iljunfant Afrikan, inklużi r-rekwiżiti tar-rapportaġġ, titwettaq bis-sħiħ mill-gvernijiet Afrikani b'kollaborazzjoni ma' l-NGOs;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-isforzi biex il-konservazzjoni tat-tigri titjieb u tiġi mmonitorjata, pereżempju billi jiġu identifikati n-nuqqasijiet leġiżlattivi, id-diffikulatjiet ta' l-implimentazzjoni, u n-nuqqasijiet ta' l-infurzar u tal-kapaċità;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' l-ittikkettar tal-kavjar, biex tħeġġeġ lil pajjiżi oħra li huma produtturi u konsumaturi ewlenin fl-Ewropa, l-Amerika ta' Fuq u l-Asja biex jimplimentaw is-sistema ta' l-ittikkettar, u biex jissaħħaħ il-proċess biex jiġu stabbiliti kwoti ta' l-esportazzjoni sostenibbli bbażati fuq l-informazzjoni xjentifika l-iktar affidabbli u aġġornata;

10.  Iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġja l-proposti li ġejjin għas-CoP:

   it-trasferiment ta' l-ispeċijiet tan-Nycticebus (primati prosimjani żgħar ta' l-Indji tal-Lvant) mill-Appendiċi II tas-CITES għall-Appendiċi I;
   ir-rifjut tat-tħassir tal-Lynx rufus (Linċi ta' l-Amerika ta' Fuq) mill-Appendiċi II tas-CITES minħabba l-problema li jixbah il-Linċi Ewropew (Lynx lynx) u l-Linċi Iberjan (Lynx pardinus);
   l-elenkar ta' żewġ speċijiet ta' klieb il-baħar: Lamna nasus (il-Pixxiplamtu) u Squalus acanthias (il-Mazzola tax-Xewka) fl-Appendiċi II tas-CITES ippreżentat mill-Ġermanja f'isem l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea;
   l-elenkar ta' l-ispeċijiet tal-Pristidae (il-Pixxisega) li huma elenkati kollha bħala f'Periklu Serju mill-IUCN fl-Appendiċi I tas-CITES;
   l-elenkar ta' l-Anguilla Anguilla (is-Sallura Ewropea) fl-Appendiċi II tas-CITES ippreżentat mill-Ġermanja f'isem l-Istati Membri;
   l-elenkar tal-Pterapogon kauderni (is-Sultan iċ-Ċawl tal-Banggai) fl-Appendiċi II tas-CITES;
   l-elenkar tas-siġar tropikali tal-Brazilwood - siġar ta' l-injam aħmar tal-Brażil - (Caesahpinia echinata), tar-Rosewood (Dalbergia retusa, Dalbergia granadillo u Dalbergia stevensonii) u l-ispeċijiet taċ-Ċedru (Cedrela) fl-Appendiċi II tas-CITES;
   l-elenkar tal-Lycaon pictus (kelb salvaġġ ta' l-Afrika) fl-Appendiċi II tas-CITES;
   id-dokument ta' ħidma dwar il-Konformità u l-Infurzar ippreżentat mill-Ġermanja f'isem l-Istati Membri;
   id-dokument ta' ħidma dwar il-Kummerċ fuq l-Internet ta' kampjuni ta' speċijiet elenkati fis-CITES ippreżentat mill-Ġermanja f'isem l-Istati Membri;
   l-erba' proposti ta' l-Alġerija biex jiġu elenkati ċ-Cervus elaphus barbarus (iċ-Ċerva Ħamra tal-Barberija), il-Gazella cuivieri (l-Għażżiela tal-Muntanji Atlas), il-Gazella dorcas (l-Għażżiela Dorcas), u l-Gazella leptoceros (l-Għażżiela tal-Qarn Żnell) fl-Appendiċi I tas-CITES;
   id-dokument ta' ħidma dwar il-Kummerċ tal-Mediċini Tradizzjonali ppreżentata mill-Awstralja;
   il-proposta tal-Kenja u l-Mali li tistabbilixxi moratorju ta' 20 sena fuq il-kummerċ kollu ta' l-avorju;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrifjutaw:

   CoP 14 Dok. 51 tal-Ġappun dwar iċ-ċetaċji;
   il-kwoti ta' l-esportazzjoni tad-Diceros bicornis (ir-Rinoċeronti Iswed b'żewġt iqrun) għan-Namibja u l-Afrika t'Isfel;
   is-sostituzzjoni ta' l-annotazzjonijiet eżistenti kollha għal-listi tal-popolazzjonijiet ta' l-iljunfanti fil-Botswana, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel u ż-Żimbabwe fl-Appendiċi II tas-CITES biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-kwoti ta' l-esportazzjoni annwali għall-kummerċ fl-avorju mhux maħdum;
   l-emenda għall-annotazzjoni ta' l-elenkar tal-popolazzjoni ta' l-ijunfanti fil-Botswana fl-Appendiċi II tas-CITES biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-kwoti ta' l-esportazzjoni annwali għall-kummerċ fl-avorju mhux maħdum, għall-kummerċ ta' annimali ħajjin għal skopijiet kummerċjali, għall-kummerċ f'oġġetti tal-ġilda għal skopijiet kummerċjali, għall-kummerċ tal-ġlud għal skopijiet kummerċjali u għall-kummerċ ta' tifkiriet tal-kaċċa għal skopijiet mhux kummerċjali;
   il-proposta li tespandi l-kummerċ tas-suf tal-Vicugna vicugna (il-Vikunja) għal disa' popolazzjonijiet tal-Bolivja, minħabba li dawn il-popolazzjonijiet huma żgħar ħafna;
   il-proposta biex il-popolazzjoni Brażiljana tal-Melanosuchus niger (il-Kajman Iswed) tiġi trasferita mill-Appendiċi I tas-CITES għall-Appendiċi II;
   il-proposta biex il-popolazzjoni tal-leopard (Panthera pardus) tiġi trasferita għall-Appendiċi II tas-CITES u biex tiżdied il-kwota ta' l-esportazzjoni tat-tifkiriet tal-kaċċa mill-Możambik;

12.  Filwaqt li jifhem li s-CITES tista' tikkontribwixxi l-aħjar għall-għajxien tal-fqar billi tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Konvenzjoni u billi ma tħallix li jsir kummerċ mhux regolat u illegali, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirtiraw is-CoP 14 Dok.14, "is-CITES u l-Għajxien";

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-koperazzjoni internazzjonali fl-implimentazzjoni tas-CITES billi jiżviluppaw strateġija bi prijoritajiet identifikati biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni, billi jipprovdu inċentivi addizzjonali u appoġġ finanzjarju, b'mod partikulari għat-taħriġ u l-assistenza teknika fl-identifikazzjoni ta' speċijiet u għall-miżuri ta' l-infurzar;

14.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija wieħed mill-ikbar swieq għall-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora salvaġġi u li l-konformità tvarja bejn l-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni ta' l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar il-kummerċ ta' fawna u flora salvaġġi;

15.  Iħeġġeġ lill-firmatarji tas-CITES li għadhom ma rratifikawx l-Emenda ta' Gaborone biex jirratifikawha, biex il-Komunità Ewropea tkun tista' ssir parti kontraenti għas-CITES;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-firmatarji tas-CITES u lis-Segretarjat tas-CITES.

(1) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p.482.

Avviż legali - Politika tal-privatezza