Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/2242(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0158/2007

Testi mressqa :

A6-0158/2007

Dibattiti :

PV 24/05/2007 - 4
CRE 24/05/2007 - 4

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2007 - 9.3
CRE 24/05/2007 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0214

Testi adottati
PDF 392kWORD 152k
Il-Ħamis, 24 ta' Mejju 2007 - Strasburgu
Il-Kashmir: sitwazzjoni kurrenti u prospetti għall-futur
P6_TA(2007)0214A6-0158/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar il-Kashmir: sitwazzjoni kurrenti u prospetti għall-futur (2005/2242(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet riċenti tiegħu dwar il-Jammu u l-Kashmir, partikularment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: Sħubija Strateġika(1), tas-17 ta' Novembru 2005 dwar il-Kashmir(2), tat-18 ta' Mejju 2006 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2005 u l-politika ta' l-UE dwar din il-kwistjoni(3) , tat-28 ta' Settembru 2006 dwar r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta' l-UE ma' l-Indja(4), u tat-22 ta' April 2004 dwar is-sitwazzjoni fil-Pakistan(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal- Pakistan dwar l-Isħubija u l-Iżvilupp(6), il-konklużżjoni ta' liema ġiet approvata fil-Parlament fit-22 ta' April 2004(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta" bejn l-1948 u l-1971 tal-Kunsill tas-Siġurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar din il-kwistjoni(8),

–   wara li kkunsidra t-tħassib li esprimew diversi gruppi ta" ħidma u rapporteurs tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-predeċussura tiegħu, l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ta" qabel il-Kunsill attwali) tan-Nazzjonijiet Uniti, u minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kashmir;

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Ilmijiet ta" l-Indus ta" l-1960,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar iż-żjarat tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament fil-Jammu u fil-Kashmir, adottat mill-Kumitat għall-Affarjiet Barranin f'Novembru 2004,

–   wara li kkunsidra t-terremot devastanti li laqat lill-Jammu u lill-Kashmir fit-8 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru A/RES/60/13 ta" l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-14 ta" Novembru 2005, li faħħret lill-gvernijiet u lill-popli involuti fil-ħidma ta" assistenza ta" wara t-terremot u l-isforzi tal-bini mill-ġdid,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-President Pervez Musharraf tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan lill-Kumitat għall-Affarjiet Barranin fit-12 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra s-Seba' Laqgħa Għolja ta' l-UE u l-Indja li sar f'Helsinki fit-13 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra l-isforzi mġedda għall-paċi fil-Kashmir sa minn meta daħal fis-seħħ il-ftehim ta" waqfien mill-ġlied fl-2003, segwiti mill-wegħda tal-President Musharraf f'Jannar 2004 li t-territorju Pakistani ma kienx ser jintuża għat-terroriżmu transkonfinali, il-viżjoni lejn il-futur tal-Prim Ministru Indjan Manmohan Singh li "l-fruntieri ma jistgħux jiġu mfassla mill-ġdid iżda għandhom isiru bla valur" u round ieħor ta" taħdidiet ta" paċi li bdew fis-17 ta" Jannar 2007,

–   wara li kkunsidra l-pjan riċenti b'erba" punti tal-President Musharraf sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt tal-Kashmir (ebda bidla fil-fruntieri tal-Jammu u l-Kashmir, moviment ħieles tal-persuni tul il-Linja ta" Kontroll (LoC), dimilitarizzazzjoni progressiva, u awtogovernanza flimkien ma" mekkaniżmu superviżorju konġunt li jkun jirrappreżenta lill-Indja, il-Pakistan u l-Kashmir), u anke s-suġġeriment tal-Prim Ministru Singh li jkun hemm trattat komprensiv ta" paċi, sigurtà u ħbiberija,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-Ministru ta" l-Affarijiet Barranin Indjan Pranab Mukherjee fil-Pakistan fit-13 u l-14 ta" Jannar 2007, u li tulha ġew iffirmati erba" ftehim bil-għan li titrawwem il-kunfidenza,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Asja Nru 125 tal-Grupp Internazzjonali ta' Kriżi fil-11 ta" Diċembru 2006, u r-rapporti ta" Amnesty International, Freedom House, Human Rights Watch u d-Dipartiment ta" l-Istat ta" l-Istati Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra ż-żjarat magħmula mir-rapporteur tal-Parlament fiż-żewġ naħat tal-Linja ta' Kontroll (LoC) f'Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0158/2007),

A.   billi t-territorju li hemm tilwim dwaru, li qabel kien jikkostitwixxi l-Istat Prinċipat ta' Jammu u Kashmir, fil-preżent huwa amministrat f'partijiet separati mir-Repubblika ta' l-Indja, mir-Repubblika Islamika tal-Pakistan u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u għandu popolazzjoni totali ta' 13.4 miljuni,

B.   billi ħafna mill-Jammu u l-Kashmir, partikularment Gilgit u Baltistan, isofri minn faqar estrem u abbandun, b'nuqqasijiet kbar fil-livell ta' litteriżmu u matematika bażiċi u fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, nuqqas ta' strutturi demokratiċi u nuqqasijiet kbar fl-istat tad-dritt u fil-ġustizzja; u billi l-Jammu u l-Kashmir jbatu minn tnaqqis ekonomiku eċċezzjonali;

C.   billi l-kwistjoni tar-riżorsi ta' l-ilma hija fattur li jħarrax it-tilwima bejn il-Pakistan u l-Indja fuq il-Jammu u l-Kashmir, u element importanti għal kull riżoluzzjoni definittiva,

D.   billi l-Jammu u l-Kashmir kienu għajn ta" kunflitt għal kważi 60 sena, perjodu kkaratterizzat minn kunflitti armati bejn l-Indja, il-Pakistan u ċ-Ċina; billi din it-tilwima allegatament swiet il-ħajja ta" aktar minn 80,000 ruħ; billi l-kunflitti bejn l-Indja u l-Pakistan issa jinkludu t-terroriżmu internazzjonali; u billi ċ-Ċina, l-Indja u l-Pakistan huma potenzi nukleari, għalkemm l-Indja u l-Pakistan ma ffirmawx it-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari,

E.   billi hemm evidenza konsiderevoli li għal ħafna snin il-Pakistan kien ipprovda taħriġ, armi, fondi u kenn lill-militanti Kashmiri, u li naqas milli jżomm lill-militanti responsabbli ta" atroċitajiet li għamlu fin-naħa amministrata mill-Indja; billi, madankollu, skond rapporti tal-gvern Indjan, sa mill-11 ta" Settembru 2001, l-infiltrazzjoni minn militanti fil-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja naqset b'mod notevoli, u billi l-Gvern tal-Pakistan għandu jneħħi darba għal dejjem kull politika ta" infiltrazzjoni,

F.   billi sa minn Novembru 2003 daħal fis-seħħ waqfien mill-ġlied fil-LoC u, għalkemm xi drabi seħħ xi ksur, dan għadu fis-seħħ,

G.   billi l-waqfien mill-ġlied ippermetta lill-Indja u lill-Pakistan li jidħlu fi djalogu dwar il-Jammu u l-Kashmir, li issa beda jikseb suċċess modest; billi numru ta' Miżuri għall-Bini ta' Kunfidenza (CBMs) qed jiġu implimentati bħala parti mill-proċess ta' paċi; u billi l-popolazzjoni tal-Kashmir qed taħdem sabiex taħsad il-benefiċċji ta" dawn ic-CBMs, u qegħda timplimentahom fil-livell lokali; billi l-Kashmiri tan-naħa Ċiniża għadhom barra mill-proċess,

H.   billi l-istqarrija konġunta magħmula mill-Indja u mill-Pakistan fit-18 ta' April 2005, dwar il-Kashmir li ġiet maħruġa fit-tmien taż-żjara tal-President Musharraf fl-Indja għenet sabiex jissaħaħ il-proċess tat-tqarrib bejn iż-żewġ pajjiżi, b'mod partikulari għax reġgħet affermat li l-proċess tal-paċi ma jistax jitreġġa" lura, u għax iffokat fuq soluzzjoni non-militari għall-kunflitt tal-Kashmir,

I.   billi l-iżvilupp ekonomiku huwa vitali għall-bini ta" l-infrastruttura fiżika u soċjali u għat-titjib tal-potenzjal produttiv tal-Jammu u l-Kashmir; billi d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan tat-8 ta" Frar 2007 hija pass ġdid u pożittiv fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħhom, u billi ż-żewġ naħat qed jistennew bil-ħerqa li titkompla l-implimentazzjoni Ftehim ta" Koperazzjoni tat-Tielet Ġenerazzjoni, għax jemmnu li tista" tgħin sabiex tippromwovi l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u l-prosperità fil-Pakistan; billi l-UE u l-Pakistan reġgħu affermaw l-impenn tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet permezz ta" mezzi paċifiċi, skond il-liġi internazzjonali, ftehim bilaterali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU,

J.   billi l-Ftehim attwali u b'firxa wiesgħa ta" Koperazzjoni tat-tielet Ġenerazzjoni bejn il-KE u l-Indja li ilha teżisti sa mill-1994, għandha stqarrija politika konġunta bħala l-bażi istituzzjonali tagħha, liema stqarrija iffissat laqgħat ministerjali attwali, u fetħet il-bibien għal djalogu politiku wiesa",

K.   billi fl-għodwa tat-8 ta' Ottubru 2005 terrimot ta' 7.6 fuq l-Iskala Richter, l-aktar terrimot internazzjonali devastanti fl-istorja, laqat il-biċċa l-kbira tat-territorju ta' l-Afganistan u l-Pakistan u l-Indja, imma bla dubju l-akbar impatt inħass f'Jammu u fil-Kashmir, b'telf eċċezzjonali f'Azad Jammu u l-Kashmir (AJK) u fil-Provinċja tal-Fruntiera tal-Majjistral tal-Pakistan (NWFP),

L.   billi fi ftit minuti t-terremot ħasad il-ħajja ta" 75,000 ruħ fl-AJK, figura li wara telgħet għal 88,000, u 6,000 ruħ f'Jammu u fil-Kashmir li huma amministrati mill-Indja, u ħalla għexieren ta' eluf midruba u miljuni ta' nies spustjati, bi provvista minima ta' bżonnijiet bażiċi u mingħajr ebda rifuġju permanenti, impjieg, kura tas-saħħa u edukazzjoni, fuq in-naħa tal-Pakistan; billi tuzzani ta' bliet u villaġġi ġġarfu parzjalment jew totalment, l-agrikoltura nqerdet u l-ambjent tniġġes, u billi l-livelli ta' l-iżvilupp marru lura ħafna;

M.   billi kemm il-forzi armati ta" l-istat kif ukoll il-gruppi armati ta" l-oppożizzjoni fit-tilwima tal-Kashmir għandhom jimxu mal-Konvenzjonijiet ta" Ġinevra ta" l-1949 u l-użanzi legali umanitarja internazzjonali umanitarja, li tipprojbixxi attakki kontra n-nies ċivili, u li l-ksur serju tagħha jikkostitwixxu reati tal-gwerra, li l-istati għandhom dmir li jtellgħu lil dawk responsabbli l-qorti,

N.   billi aktar minn 2,000 suldat mietu fil-Glaċier tas-Siachen f'dawn l-aħħar għaxar snin, u billi l-waqfien mill-ġlied fir-reġjun tas-Siachen sa minn Novembru 2005 huwa milqugħ bi pjaċir,

Daħla

1.  Jenfasizza li l-Indja, il-Pakistan u ċ-Ċina (li lilha il-Pakistan ta it-Trans-Karakoram Tract fl-1963) huma msieħba importanti ta' l-UE, filwaqt li l-Indja tgawdi status ta" sħubija strateġika; jemmen li s-soluzzjoni għall-kunflitt kontinwu tul l-LoC tista" tinkiseb l-aħjar b'mod konġunt permezz ta" involviment kostanti bejn il-gvernijiet ta" l-Indja u l-Pakistan, filwaqt li jinvolvi l-popli tal-partijiet kollha ta" dan l-istat li qabel kien prinċipat; madankollu jaħseb li l-UE jista" jkollha xi ħaġa x'toffri fuq il-bażi ta' esperjenza tal-passat ta" riżoluzzjoni ta' kunflitti f'kuntest multi-etniku, multi-nazzjonali u multi-reliġjuż; għalhekk joffri r-riżoluzzjoni preżenti u kwalunkwe laqgħat li jistgħu jirriżultaw minnha bħala parti minn esperjenza komuni li minnha l-UE tista' titgħallem ukoll; jisħaq dwar l-importanza ta" appoġġ kontinwu ta" l-UE, kemm lill-indja kif ukoll lill-Pakistan, waqt it-twettiq tal-proċess tal-paċi ta" l-2004;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Indja hije l-ikbar demokrazija sekulari fid-dinja u devolviet strutturi demikratiċi fil-livelli kollha, waqt li l-Pakistan għandu ma implimentax għall-kollox id-demokrazija fl-AJK u għadu jrid jieħu passi lejn id-demokrazija fil-Gilgit u l-Baltistan; jinnota li ż-żewġ pajjiżi huma potenzi nukleari barra mit-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari; jenfasizza li, filwaqt li d-duttrina nukleari ta" l-Indja hija bbażata fuq il-prinċipju ta" "ma tkunx hi li tuża l-ewwel", il-Pakistan għadu ma ħax dan il-pass; jinnota wkoll li l-President Musharraf ma rnexxilux iwettaq il-wegħda tiegħu magħmula fl-1999 li "l-forzi armati m'għandhom l-ebda intenzjoni li jibqgħu fil-kmand għal aktar żmien milli huwa assolutament meħtieġ sabiex titwitta t-triq biex id-demokrazija veru twarrad fil-Pakistan";

3.  Jesprimi dispjaċir kbir għas-sensiela ta' ġrajjiet li seħħew minħabba s-sospensjoni ta' l-Imħallef Iftikhar Muhammed Chaudhry u, filwaqt li jirrikonoxxi li s-sospensjoni fil-fatt fetħet dibattitu ġdid dwar id-demokrazija, il-kostituzzjonaliżmu u l-irwol tal-militar fil-Pakistan, jiddeplora l-inċidenti riċenti ta' vjolenza: jisħaq dwar il-bżonn qawwi għal sistema sikura u indipendenti ta' ġustizzja sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-poplu Pakistani u partikolamrnet dak ta' AJK u Giglit u Baltistan;

4.  Jistieden lir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta" l-Indja u l-Pakistan sabiex jieħdu l-opportunità mogħtija lilhom permezz ta" l-istqarrijiet tal-Prim Ministru Singh u tal-PresidentMusharraf, li jagħtu spinta ġdida lill-esplorazzjoni tal-għażliet għal aktar awtogovernanza, moviment ħieles, dimilitarizazzjoni, u koperazzjoni intergovernattiva dwar kwistjonijiet bħall-ilma, it-turiżmu, il-kummerċ u l-ambjent, u biex jippromvowu avvanz ġenwin fit-tfittxija għal riżoluzzjoni tat-tilwima tal-Kashmir;

5.  Jinnota li l-impatt tat-terremot fuq il-poplu ta" l-AJK kompla jnaqqas b'mod gravi l-provvista ta' bżonnijiet bażiċi li diġà hija eċċezzjonalment skarsa, u xekklet b'mod drammatiku l-potenzjal tal-bini ta' l-istituzzjonijiet u l-kapaċità; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex tgħin u tappoġġja lin-nies tal-Kashmir f'dan ir-rigward;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvernijiet tal-Pakistan u ta' l-Indja sabiex isolvu l-kwistjonijiet kruċjali dwar ix-xtut tax-xmajjar li jaffettwaw it-tributarji tax-xmajjar u l-użu tax-xmajjar li jgħaddu minn Jammu u l-Kashmir (ix-xmajjar Indus, Jhelum, Chenab, Ravi, Beas u Sutlej) malajr kemm jista' jkun, b'referenza għall-mekkaniżmu eżistenti li hemm proviżjoni għalih fit-Trattat dwar l-Ilmijiet ta" l-Indus(1960); madankollu, bħal fil-każ, pereżempju, tat-titjib tad-diga tal-Mangla, jew il-bini tad-Diga ta" Baglihar, jenfasizza li l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta" l-ilma għall-biedja, sajd, annimali u bnedmin tal-persuni affettwati, għandu jibqa" prijorità ewlenija; u jappella liż-żewġ Gvernijiet biex jikkummissjonaw evalwazzjonijiet komprensivi ta" l-impatt ambjentali u soċjali qabel ma jieħdu deċiżjonijiet fil-ġejjieni fuq xi proġett ieħor ta" diga;

7.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-konsegwenzi negattivi li l-kunflitt li ilu għaddej kellu fuq l-ambjent fil-Jammu u l-Kashmir, saħansitra sal-punt li l-futur ekonomiku tal-Jammu u l-Kashmir jinsab mhedded minħabba d-degradazzjoni serja tal-ħamrija, it-tniġġis ta" l-arja, it-tniġġis tax-xmajjar u, b'mod l-aktar drammatiku, tal-Lag ta" Dal li hu attrazzjoni turistika antika, id-deforestazzjoni u l-estinzjoni tal-ħlejjaq selvaġġi;

8.  Jinnota li l-importanza ta" l-ilma, is-sigurtà u provvisti ta" enerġija sostenibbli u sikuri għall-istabilità u t-tkabbir fir-reġjun, u f'dan is-sens jinnota l-importanza li jiġu żviluppati l-irrigazzjoni u proġetti idroelettriċi; jikkunsidra li huwa neċessarju li l-Gvernijiet tal-Pakistan u ta" l-Indja jkomplu d-djalogu kostruttiv tagħhom, u jikkonsultaw rappreżentanti tan-nies Kashmiri dwar kwistjonijiet relatati max-xmajjar, u jħeġġiġhom jadottaw approċċ olistiku lejn ir-riżorsi ta" l-ilma, filwaqt li jirrikonoxxu r-rabtiet ewlenin li jeżistu bejn l-ilma, l-art, l-utenti ta" l-art, l-ambjent u l-infrastruttura;

9.  Jissottolinja l-wirt komuni maqsum bejn l-Indja u l-Pakistan, li eżempju tiegħu hija l-kultura antika tal-Jammu u tal-Kashmir; jirrikonoxxi u japprezza l-pluraliżmu, il-multikulturaliżmu u n-natura plurireliġjuża u t-tradizzjonijiet sekulari tal-popli tal-Jammu u tal-Kashmir, li baqgħu ħajjin fil-parti Indjana ta" Jammu u l-Kashmir;

10.  Jemmen li r-rispett ta' l-UE għall-identitajiet reġjonali u l-isforzi sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tagħha stess jittieħdu fl-aktar livell amministrattiv adattat (i.e. l-eqreb lejn dawk affettwati) huma rilevanti għall-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Kashmir għal strutturi ta' teħid ta' deċiżjonijiet devoluti u għal rikonoxximent ta' l-identità kulturali unika tagħhom;

Sitwazzjoni Politika: l-aspirazzjonijiet tan-nies

11.  Ifaħħar u jappoġġja lill-Indja u lill-Pakistan dwar il-mossi ta' paċi attwali, u jilqa' l-fatt li diskussjonijiet bilaterali reġgħu bdew, wara li kienu sospisi għal tliet xhur wara l-bumbardamenti ta' Lulju 2006 f'Mumbai; jenfasizza l-bżonn li r-reġjun, l-UE u l-komunità internazzjonali jappoġġaw id-diskussjonijiet bilaterali attwali u li jkomplu jissaħħu l-iskambji dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, bil-għan li jkun hemm futur aktar stabbli u prosperu għan-nies tal-Jammu u tal-Kashmir u l-ġirien tagħhom, u sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima tal-Kashmir li hija aċċettabbli għall-partijiet kollha;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tappoġġja l-involviment tas-soċjetà lokali ċivili fil-proċess ta' paċi u, fuq kollox, biex issostni l-proġetti min-nies għan-nies sabiex tippromwovi d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-NGOs Pakistani, Indjani u Kashmiri;

13.  Jilqa' b'ħerqa s-CBMs mibdija mill-Indja u mill-Pakistan, li qed jiksbu ċertu livell ta" suċċess għat-tnaqqis tat-tensjoni u s-suspetti fuq iż-żewġ naħat u ser jippermettu l-familji fuq iż-żewġ naħat biex jingħaqdu wara snin ta" separazzjoni; jenfasizza li għandhom isiru sforzi ikbar mill-gvernijiet ta" l-Indja u l-Pakistan sabiex jinvolvu lin-nies tal-Kashmir fis-sejba ta" soluzzjoni tal-kwistjonijiet ewlenin;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kashmiri ordinarji, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja wara t-terremot, qed jibbenefikaw dejjem aktar mill-proċess tal-paċi, permezz ta' l-iskambji li qed isiru u l-impenn politiku tal-Gvernijiet ta" l-Indja u tal-Pakistan għall-moviment ħieles (għalkemm limitat) tal-persuni, merkanzija u servizzi madwar il-LoC; jitlob sforzi ġodda biex il-Kashmiri kollha, tkun xi tkun l-affiljazzjoni politika tagħhom, ikunu involuti mill-qrib fil-modalitajiet tal-proċess ta' paċi u tas-CBMs;

15.  Jenfasizza li l-kriżijiet u l-kunflitti tas-snin riċenti żiedu, u mhux naqqsu, ir-rilevanza tan-Nazzjonijiet Uniti, u li n-NU għadha forum importanti għad-djalogu u d-diplomazija; ifakkar in-numru l-kbir ta" riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) dwar il-Kashmir bejn l-1948 u l-1971, li ppruvaw iħeġġu lill-gvernijiet ta" l-Indja u tal-Pakistan sabiex jieħdu l-miżuri kollha fis-setgħa tagħhom sabiex itejbu is-sitwazzjoni, u li esprimew it-twemmin li soluzzjoni paċifika tat-tilwima kienet l-aħjar mod ta" kif jitħarsu l-interessi tal-popli ta" Jammu u ta" Kashmir, ta" l-Indja u tal-Pakistan; jasal għall-konklużjoni, fid-dawl ta" dan kollu u ta" ksur sussegwenti tal-punti stipulati fid-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li l-prekundizzjonijiet għall-invokazzjoni tar-referendum, fil-preżent ma ġewx sodisfati;

16.  Jerġa" jafferma li skond l-Artikolu 1.1 tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-popli kollha għandhom id-dritt ta" awto-determinazzjoni, li permezz tiegħu jistgħu jiddeterminaw l-istatus politiku tagħhom b'mod ħieles u jaħdmu b'mod ħieles għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom; jerġa" jafferma li skond Artikolu 1.3, il-partijiet kollha tal-patt iridu jippromwovu r-realizzazzjoni tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, u jridu jirrispettaw dan id-dritt, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jinnota, madankollu, li r-riżoluzzjonijiet kollha tan-NU dwar il-kunflitt tal-Kashmir espliċitament jirrikonoxxu biss id-dritt ta" dak li qabel kien l-Istat Prinċipat ta" Jammu u l-Kashmir biex isir parti mill-Indja jew il-Pakistan; jilqa" bi pjaċir, fil-kuntest ta" soluzzjoni permanenti għall-kunflitt tal-Kashmir, li tkun ta" benefiċċju enormi għar-reġjun kollu, l-ideat ġodda li qed jiġu kkunsidrati bħalissa fi ħdan id-Djalogu Globali u l-Laqgħat ta' Taħdidiet ta' l-Indja (li fil-kuntest tagħhom, il-ftuħ mill-ġdid tad-djalogu mal-Gvern Indjan ma" l-Konferenza Hurriyat tal-Partijiet Kollha (APHC) hija milqugħa bi pjaċir speċjali), u b'mod partikulari ideat relatati mal-prinċipju li l-fruntieri jsiru permanentament irrelevanti, sistema ta" awtogovernanza, u arranġamenti istituzzjonali għal immaniġġjar konġunt jew b'koperazzjoni; jinkoraġġixxi bis-sħiħ lill-Indja u lill-Pakistan sabiex ikomplu jesploraw dawn il-kunċetti f'taħdidiet konġunti u ma" Kashmiri fuq iż-żewġ naħat ta" l-LoC u f'Gilgit u Baltistan;

17.  Jiddeplora s-sitwazzjoni politika u umanitarja kontinwa fl-erbgħa partijiet ta" Jammu u Kashmir; jilqa" bi pjaċir, madankollu, l-irwol tal-proċess globali għall-paċi fil-mixja lejn soluzzjoni dejjiema għall-Kashmiri, soluzzjoni msejsa fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jappoġġa l-approċċ tat-"tieni triq" ("second track") kif ukoll djalogu li jinvolvi persuni eminenti, studjużi u esperti oħra relevanti min-naħat kollha tal-Kashmir u mill-Indja u l-Pakistan, li qed jipproponu suġġerimenti prattiċi għal koperazzjoni aktar mill-qrib; jifraħ lill-Indja u lill-Pakistan talli laqqgħu lil dawn il-gruppi flimkien, u jissuġġerixxi li l-UE toffri appoġġ prattiku kull meta tkun mistiedna li tagħmel dan miż-żewġ naħat u fi ħdan il-proċess globali għall-paċi;

18.  Madankollu jiddispjaċih li l-Pakistan naqas b'mod konsistenti milli jonora l-obbligi tiegħu li jintroduċi strutturi demokratiċi kredibbli u rappreżentattivi fl-AJK; jinnota, b'mod partikulari, in-nuqqas kontinwu ta' rappreżentazzjoni tal-Kashmiri fl-Assemblea Nazzjonali tal-Kashmir, il-fatt li l-AJK huwa ggvernat permezz tal-Ministeru ta' l-Affarjiet tal-Kashmir f'Islamabad, li l-uffiċjali Pakistani jiddominaw il-Kunsill tal-Kashmir u li s-Segretarju Prinċipali, l-Ispettur tal-Pulizija, l-Awditur Ġenerali u l-Ministru tal-Finanzi huma kollha Pakistani; ma japprovax id-dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni Interim ta' l-1974 li tipprojbixxi kull attività politika li tmur kontra d-dottrina tal-Jammu u tal-Kashmir bħala parti mill-Pakistan, u tobbliga lil kull kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament fl-AJK li jiffirma dikjarazzjoni ta' lealtà f'dan is-sens; jinsab imħasseb li r-reġjun ta' Gilgit-Baltistan m'għandu ebda forma ta' rappreżentazzjoni demokratika; aktar minn hekk jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Ordinanza tal-Jammu u tal-Kashmir ta" l-1961 (Amministrazzjoni ta" Proprjetà) tal-Gvern tal-Pakistan, ittrasferiet l-art li kienet ikkontrollata mill-Pakistan u li kienet ta' l-Istat tal-Jammu u tal-Kashmir fil-15 ta" Awwissu 1947 lill-Gvern Federali;

19.  Jiddispjaċih ħafna li l-ambivalenza kontinwa tal-Gvern attwali tal-Pakistan fir-rigward ta" l-identità etnika tal-Gilgit u tal-Baltistan, peress li stqarrijiet magħmula mill-President qed jiġu kontraditi minn komunikazzjonijiet uffiċjali tal-gvern; jirrakkomanda ħafna li l-Gvern tal-Pakistan iħaddan u jimplimenta d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Pakistan tat-28 ta" Mejju 1999 li tivvalida l-wirt Kashmiri tal-poplu tal-Gilgit u tal-Baltistan u li tgħid li l-gvern għandu jimplimenta d-drittijiet tagħhom fundamentali tal-bniedem, libertajiet demokratiċi u aċċess għall-ġustizzja;

20.  Jirrikonoxxi li l-Pakistan jinsab f'sitwazzjoni partikularment komplessa, bi pressjoni minn ħafna għejun; madankollu:

   - jiddispjaċih ħafna li n-nuqqas ta' rieda politika biżżejjed sabiex tiġi indirizzata l-provvista ta' bżonnijiet basiċi, il-parteċipazzjoni politika u l-istat ta' dritt fl-AJK ħallew lin-nisa t'hemmhekk f'sitwazzjoni ddisprata wara t-terremot;
   - ifakkar l-iffirmar tal-Ftehim ta' Koperazzjoni tat-Tielet Ġenerazzjoni ffirmata bejn il-KE u l-Pakistan fl-2001, li l-Artikolu 1 tagħha jinkludi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi bħala element essenzjali, u jħeġġeġ lill-UE sabiex tagħmel il-parti tagħha sabiex dawn il-prinċipji jiġu rispettati fl-implimentazzjoni tal-Ftehim; huwa partikularment imħasseb, għaldaqstant, li l-poplu ta" Gilgit u Baltistan jinsabu taħt ħakma diretta militari, u mhux qegħdin igawdu demokrazija;
   - jinnota l-approvazzjoni ta" Liġi dwar il-Ħarsien tan-Nisa għar-riforma tad-digrieti Hudood imsejsa fuq ix-Sharia dwar l-adulterju u l-istupru, liema Liġi hija pass pożittiv sabiex jiġi żgurat ħarsien aħjar tad-drittijiet tan-nisa fil-Pakistan, u japprezza l-impenn muri mill-President Musharraf u l-parlamentari reformisti li jaħdmu għal dawn l-emendi minkejja l-isforzi biex ixejjnuhom; jisħaq, madankollu, li huwa ċar ħafna li hemm bżonn li l-Pakistan jagħmel aktar sforzi sabiex iżomm kelmtu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
   - għadu mħasseb dwar is-sitwazzjoni diffiċli li jiffaċċjaw il-minoritajiet kollha fir-reġjun;

21.  Iħeġġeġ lill-Pakistan sabiex jirrevedi l-kunċett ta' kontabilità demokratika u tad-drittijiet tal-minoritajiet u tan-nisa fl-AJK, li, bħal f'kull post ieħor, huma kruċjali għat-titjib tal-kundizzjonijiet għan-nies u għall-immaniġġar tat-theddida tat-terroriżmu;

22.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta" libertà ta" espressjoni fl-AJK u dwar rapporti ta" torturi u trattament ħażin, ta" diskriminazzjoni kontra refuġjati mill-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja, u ta" korruzzjoni fost l-uffiċjali tal-gvern, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jiżgura li l-poplu ta" l-AJK ikun jista" jeżerċita d-drittijiet fundamentali ċivili u politiċi tagħhom f'ambjent ħieles mill-isfurzar u mill-biża";

23.  Jistieden ukoll lill-Pakistan sabiex jiżgura elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-AJK, meta wieħed ijikkunsidra li l-elezzjonijiet ġenrali tal-11 ta" Lulju 2006 kienu karatterizzati minn frodi u manipulazzjoni tal-voti fuq skala kbira, u li kwalunkwe kandidat li rrifjuta li jiddefendi l-pożizzjoni li l-Kashmir jingħaqad mal-Pakistan kien miżmum milli jikkontesta l-elezzjoni; jistieden ukoll lill-Pakistan sabiex jagħmel elezzjonijiet għall-ewwel darba f'Gilgit u Baltistan;

24.  Iħeġġeġ ukoll lill-Gvernijiet tal-Pakistan u l-Indja sabiex jittrasformaw il-waqfien mill-ġlied li hemm f'Siachen sa mill-2003 fi ftehim ta" paċi dejjiema, minħabba li hawnhekk, fil-kamp ta" battalja l-aktar għoli tad-dinja, imutu aktar suldati kull sena għal raġunijiet klimatiċi milli minħabba l-kunflitt armat innifsu;

25.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġja lill-Indja u lill-Pakistan sabiex jinnegozjaw zona ta" diżingaġġ komplet fir-reġjun Siachen bla preġudizzju għall-pożizzjoni taż-żewġ naħat, u b'mod partikulari toffri assistenza billi tipprovdi teknoloġiji ta" monitoraġġ u proċeduri ta" verifika;

26.  Jistieden lill-grupp armati militanti sabiex iħabbru waqfien mill-ġlied li jkun segwit minn proċess ta" diżarm, dimobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jistieden lill-Gvernijiet tal-Pakistan u ta" l-Indja sabiex jiffaċilitaw dan il-waqfien mill-ġlied;

27.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern Pakistani sabiex jagħlaq il-websites u r-rivisti militanti; jissuġġerixxi li l-Gvernijiet tal-Pakistan u ta" l-Indja jikkunsidraw li jintroduċu liġi kontra d-diskors ta" mibegħda;

28.  Jinnota li l-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja jgawdu status uniku skond l-Artikolu 370 tal-Kostituzzjoni Indjana, li jagħtiha aktar awtonomija minn stati oħra ta' l-Unjoni; huwa kuntent bl-azzjonijiet riċenti f'Jammu u l-Kashmir għat-tisħiħ tad-demokrazija (kif jidher mir-rata ta" 75% ta" nies li marru jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali riċenti), u l-azzjonijiet tal-Prim Ministru Singh biex jerġgħu jibdew id-djalogu ma" l-APHC; madankollu, jinnota li għad baqa" nuqqasijiet fil-prattika fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija diretta, kif jidher, pereżempju, mill-fatt li l-kandidati kollha li ħarġu għall-elezzjoni fil-Jammu u l-Kashmir (bħal fi stati oħra) iridu jieħdu ġurament ta" lealtà lejn il-Kostituzzjoni ta" l-Istat ta" Jammu u Kashmir li tiddefendi l-integrità ta" l-Indja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-Indja (NHRC) sabiex teżerċita l-mandat komplet tagħha fir-rigward ta' kull ksur suspettat jew dokumentat u, sabiex tingħata aktar kredibilità, tħeġġeġ lin-NHRC li tikkompensa n-nuqqas ta' professjonisti dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq il-bord governattiv tagħha; jistenna bil-ħerqa li jsir aktar progress f'dan il-qasam, u li l-liġijiet il-ġodda dwar ix-xogħol tat-tfal u dwar in-nisa u l-vjolenza jagħtu riżultat pożittiv; jinnota bi tħassib li hemm rapporti li numri kbar ta" Kashmiri qed jiġu miżmuma mingħajr ma jitressqu quddiem qorti kif jixraq;

29.   jiddeplora l-ksur dokumentat tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi armati ta" l-Indja, b'mod speċjali jekk l-inċidenti ta" qtil u stupru jkomplu f'atmosfera ta" impunità; jinnota bi tħassib li l-NHRC m'għandha l-ebda setgħa skond l-istatuti tagħha li tinvestiga abbużi tad-drittijiet tal-bniedem magħmula mill-forzi tas-sigurtà Indjani; madankollu, tinkoraġġih ir-rakkomandazzjoni ta" l-NHRC - li qed tiġi osservata - li l-armata tinnomina uffiċjali militari għolja biex jagħmlu superviżjoni ta" l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u ta" l-istat tad-dritt fl-unitajiet militari tagħhom; jinnota l-wegħda tal-gvern ta" l-Indja f'Settembru 2005 li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mhux se jkun tollerat; u jħeġġeġ lill-Lok Sabha li tiġi kkunsidrata emenda ta" l-Att dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex l-NHRC tkun tista" indipendentement tinvestiga allegazzjonijiet ta" abbużi mill-membri tal-forzi armati;

30.  Jenfasizza r-riskju li tinżamma l-piena tal-mewt f'sitwazzjoni politika kumplessa, bħall-kwistjoni tal-Kashmir, fejn id-dritt għal proċess ġust ma jidhirx li hu garantit; jinnota bi tħassib li n-naħa t'isfel ta" l-Ażja qed tkompli għaddejja b'rekord fqir fir-rigward tal-piena tal-mewt u jiddispjaċih ħafna li kemm l-Gvern ta" l-Indja kif ukoll dak tal-Pakistan huma favur iż-żamma tagħha; jilqa" b'sodisfazzjon li ilħna ewlenin fir-reġjun dwar l-abolizzjoni jinkludu l-President Kalam u l-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema ta" l-Indja li għadu kif inħatar; jilqa" b'sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU 2005/59 dwar il-kwistjoni tal-piena tal-mewt u jerġa jisħaq il-linji gwida ta" l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem dwar il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-Indja u lill-Pakistan biex jikkunsidraw adeżjoni mat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), u ma" strumenti regjunali simili bl-għan li jiddaħħal moratorjum fuq il-piena tal-mewt, u biex eventwalment din titneħħa għal kollox;

31.  Fdan il-kuntest, jilqa" bi pjaċir id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Singh fejn talab għal "ebda tolleranza tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem" fil-Kashmir, u jistieden lill-Gvern Indjan sabiex itemm il-prattiki kollha ta' qtil extra-ġudizzjarju, "għibien", tortura u detenzjonijiet arbitrarji fil-Jammu u l-Kashmir;

32.  Jinnota li l-impunità mifruxa ħafna tinkoraġġixxi kif ukoll tiffaċilità aktar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem madwar l-Istat; jistieden lill-Indja u lill-Gvern Statali tal-Jammu u l-Kashmir sabiex jirrevokaw id-dispożizzjonijiet legali kollha li jipprovdu immunità effettiva lill-membri tal-forzi armati u sabiex jistabbilixxu kummissjoni ta" inkjesta indipendenti u imparzjali dwar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u tal-liġi umanitarja mill-forzi tas-sigurtà Indjani sa mill-bidu tal-kunflitt;

33.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet ta" l-Indja u l-Pakistan sabiex joffru aċċess immedjat u mhux ristrett lil organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (bħal Freedom House, Amnesty International u Human Rights Watch) għall-partijiet kollha ta' dak li qabel kien l-istat prinċipat, sabiex dawn jinvestigaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hemmhekk, u jfasslu rapporti regolari indipendenti dwar dan; iħeġġeġ liż-żewġ gvernijiet sabiex jimpenjaw ruħhom pubblikament għal koperazzjoni sħiħa ma" dan it-tip ta" organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

34.  Iħeġġeġ lill-UE biex tieħu pożizzjoni soda għall-ħarsien tal-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet tagħha kemm ma' l-Indja kif ukoll mal-Pakistan, filwaqt li tfittex djalogu politiku intens maż-żewġ pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem anke fil-Kashmir, u filwaqt li teżamina l-possibiltà li tibda djalogu speċifiku dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Pakistan kif inhu fil-fatt diġà l-każ ma' l-Indja u li jitwaqqfu sottokumitati speċifiċi għad-drittijiet tal-bniedem li jiddjalogaw maż-żewġ pajjiżi, bħal fil-każ ta' ċerti pajjiżi oħra;

35.  Jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet ta' għixien diffiċli ta' numru ta' gruppi, bħall-Pandits tal-Wied tal-Kashmir li ġew spustjati b'mod sfurzat; iħeġġeġ sabiex tkun indirizzata bis-saħħa d-diskriminazzjoni kontrihom u kontra gruppi oħra, partikularment fl-impjiegi; jissuġġerixxi li gruppi bħal dawn ifittxu li jissaħħu billi jistabbilixxu kumitati magħmula minn rappreżentanti eletti tagħhom, sabiex jiżguraw li n-nisa u l-persuni taħt il-25 sena jkunu rappreżentati b'mod xieraq;

36.  Jipproponi li l-Indja tirrevedi l-livell ta" suċċess tal-ħolqien tal-Kunsill Awtonomu ta" l-Għoljiet f'Ladakh fl-1993; jittama li r-rotta tal-kummerċ tal-Kargil-Skardu tista' tkun stabbilita mill-ġdid bħala parti mill-proċess tas-CMBs, u li d-diviżjoni fiz-Zoni ta' Ladakh/tat-Tramuntana tista' terġa tkun konnessa permezz ta' punti simili għal dawk stabbiliti f'postijiet oħra fl-LoC;

37.  B'mod partikulari, jilqa" bi pjaċir iż-żieda ġenerali fil-ħruġ ta" visas għall-ivvjaġġar bejn l-Indja u l-Pakistan, u l-ftuħ mill-ġdid tar-rotta tal-karozzi tal-linja bejn Srinagar u Muzaffarabad; jinnota li, skond l-aħħar statistiċi, l-użu tagħha kien limitat għal inqas minn 400 persuna fuq kull naħa ta" l-LoC,; u jistieden lill-awtoritajiet Indjani u Pakistani sabiex inaqqsu r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni tal-ħruġ ta" permessi ta" l-ivvjaġġar;

38.  Jikkumplimenta lill-Indja għall-isforzi tagħha biex tippromwovi l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta" Jammu u Kashmir permezz ta" pakketti speċjali għall-istat, u l-enfasi fuq il-ħolqien ta" l-impjiegi u miżuri għall-promozzjoni tat-turiżmu f'Jammu u Kashmir, u jipproponi eżaminazzjoni ta" kif is-sħubija ġejjiena bejn l-UE u l-Indja tista" tgħin għall-ħolqien ta" impjiegi ġodda bbażata fuq il-ħiliet, speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-UE sabiex tappoġġja l-inizjattivi ta" l-NGOs lokali biex joħolqu proġetti għall-bini tal-kapaċitajiet għan-nisa, kemm għall-produzzjoni kif ukoll għall-kummerċjalizzazzjoni; jemmen li l-UE tista" tindirizza t-tħassib dwar opportunitajiet indaqs billi żżid il-kummerċ ta" prodotti li tradizzjonalment kienu mezz ta" għixien għan-nisa, bħat-tessuti u l-artiġjanat, u billi tiffaċilita l-kummerċ tas-servizzi f'setturi li jimpjegaw lin-nisa; jirrakkomanda li r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pakistan jiġu msaħħa b'mod simili;

39.  Jistieden kemm lill-Indja kif ukoll lill-Pakistan biex jeżaminaw l-irwol potenzjali ta' aktar sigurtà u rispett għad-drittijiet tal-bniedem biex jintlaħqu l-objettivi ta' ħolqien ta' l-impjiegi u aktar turiżmu fil-Jammu u fil-Kashmir;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

40.  Jirrikonoxxi li qabel ma jintemm it-terroriżmu ma jistax ikun hemm progress ġenwin lejn soluzzjoni politika jew titjib tas-sitwazzjoni ekonomika tal-popolazzjoni f'Jammu u Kashmir; jinnota li filwaqt li kien hemm tnaqqis stabbli fin-numru ta" vittmi ta" attakki terroristiċi f'dawn l-aħħar ħames snin, l-attivitajiet ta" gruppi terroristiċi li dejjem jinbidlu u li huma bbażati fl-AJK, bħalma huma Lashkar-e-Taiba u Harakat ul-Mujahedeen, ikkawżaw mijiet ta" mwiet fil-Jammu u Kashmir amministrati mill-Indja, u lil hinn minnhom;

41.  Jiddeplora l-ksur dokumentat tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan, inkluż fil-Gilgit u Baltistan, fejn allegatament seħħew rewwixti vjolenti fl-2004, u fejn sikwit ħafna jseħħu ġrajjiet ta" terrur u vjolenza magħmula minn gruppi militanti armati; iħeġġeġ lill-Pakistan sabiex jerġa" jikkunsidra il-kunċett tiegħu tad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta" l-espressjoni, il-libertà ta" l-assoċjazzjoni u l-libertà tal-prattika reliġjuża fl-AJK u f'Gilgit u Baltistan, u jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet li jsiru minn assoċjazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Amnesty International dwar tortura u detenzjoni mingħajr proċess kif jixraq; iħeġġeġ b'mod sħiħ lill-partijiet kollha involuti sabiex jagħmlu dak kollu possibbli biex jindirizzaw dan il-ksur; jilqa' l-impenji pubbliċi tal-Pakistan sabiex joħnoq l-infiltrazzjoni fil-LoC minn militanti li joperaw barra mit-territorju fil-kontroll tiegħu, imma jemmen li għandu jieħu miżuri aktar b'saħħithom u aktar effettivi; iħeġġeġ impenn kontinwu u determinat tal-President Musharraf fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li kif huwa rikonoxxut, toffri sfidi kbar; japprova u jappoġġa l-għajnuna multilaterali u bilaterali ta' l-Istati Membri ta' l-UE lill-Pakistan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fl-isforzi determinati sabiex itejbu l-għixien tan-nies ta' l-AJK u Gilgit u l-Baltistan; barra minn hekk, jistieden lill-Government of Pakistan u lill-Istati Membri ta" l-UE sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jaqbdu rekluti terroristi potenzjali li jkunu sejrin lejn il-Pakistan mill-Istati Membri ta" l-UE; jilqa" bi pjaċir, il-fatt li ż-żewġ gvernijiet riċentement ħolqu panel konġunt, il-Mekkaniżmu Konġunt Indja-Pakistan dwar it-Terroriżmu, sabiex jiġġieldu t-terroriżmu u jaqsmu l-informazzjoni, u jinnota li l-ewwel laqgħa tal-panel saret f'Islamabad fis-6 ta" Marzu 2007;

42.  Jappoġġa b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta'Kriżi Internazzjonali tal-11 ta" Diċembru 2006 lill-Pakistan biex jieħu azzjoni deċiżiva sabiex jiddiżarma lill-militanti fl-AJK u l-Gilgit u l-Baltistan, jagħlaq il-kampijiet tat-taħriġ tat-terroristi, itemm ir-reklutaġġ u t-taħriġ tat-terroristi fit-territorju tiegħu u jtemm il-fluss ta' sflus u armi lit-Taliban u lil militanti oħra, barranin jew lokali, f'territorju Pakistani;

43.  Jirrikonoxxi u jappoġġa l-aspirazzjoni tan-nies tal-Kashmir sabiex ikunu hemm preżenza militari sinifikatament imnaqqsa maż-żewġ naħat ta" lLoC; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, dwar il-fatt li d-dimilitarizzazzjoni ġenwina tista" sseħħ biss b'mod parallel ma" azzjoni ġenwina sabiex tiġi newtralizzata t-theddida ta" infiltrazzjoni f'Jammu u Kashmir minn gruppi militanti li joperaw minn barra mill-Pakistan u flimkien ma" CBMs bħat-tmiem tal-kritika reċiproka, implimentazzjoni sħiħa tal-linja tax-xarabank, il-komunikazzjoni u r-rabtiet kummerċjali bejn Srinagar u Muzaffarabad, u miżuri oħra definiti b'konsultazzjoni mill-qrib mal-poplu Kashmiri fuq iż-żewġ naħat, u jinnota li dan ikollu impatt pożittiv fuq is-saħħa mentali tagħhom u fuq is-sens tagħhom ta" sigurtà, b'mod partikulari t-tfal u ż-żgħażagħ; jisħaq li huma biss inizjattivi ġodda li jaħsbu għall-futur li jistgħu iwasslu għal ċirku ta" virtù;

44.  Jenfasizza li huwa vitali li biex tinħoloq atmosfera ta' fiduċja u ta' bonavolontà fir-reġjun, jitneħħew l-ostakoli kollha u tfixkil għaċ-ċittadini mill-Kashmir biex jivjaġġaw b'mod ħieles fl-istat kollu tal-Jammu u l-Kashmir;

Miżuri li jkattru l-fiduċja

45.  Jilqa" b'ħafna pjaċir is-sinjali l-aktar riċenti ta" sforzi li reġgħu qed isiru, li jinkludu wkoll ċaqliq kunsiderevoli fil-politika min-naħa tal-gvernijiet ta" l-Indja u l-Paksitan sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima tal-Kashmir;

46.  Jilqa' b'mod partikulari l-passi meħuda sabiex jergħu jingħaqdu il-familji mifruda mill-LoC, permezz tal-ftuħ ta' ħames punti ta' passaġġ; huwa konxju li l-ftuħ tal-punti ta' passaġġ fl-LoC kien deskritt bħala wieħed bil-mod u li ma kienx adattat għall-urġenza tas-sitwazzjoni fil-post; madankollu, jinkoraġġixxi u jispera li jkun hemm żieda fil-punti ta' passaġġ; jixtieq jara li dawn jiġu estiżi għaċ-ċittadini kollha fuq iż-żewġ naħat, u jirrakkomanda li l-Indja u l-Pakistan jinstigaw miżuri li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar kollu, kemm f'dak li kien l-istat prinċipat innifsu kif ukoll internazzjonalment, permezz ta" servizzi amministrattivi u konsulari mħaffa ("fast-track");

47.  Jemmen li huwa vitali li tiżdied il-frekwenza ta' skambji trans-LoC fuq il-livelli kollha tas-soċjetà ċivili u f'kull qasam tal-ħajja; jissuġġerixxi li jinħolqu programmi ta' skambju bejn assoċjazzjonijiet legali, skejjel u universitajiet, inkluża Università komuni b'campus fuq iż-żewġ naħat tal-linja diviżorja; sabiex jitnaqqsu l-livelli ta' suspett reċiproku bejn l-armati fuq kull naħa, jipproponi li l-jinbeda djalogu bejn il-militari;

48.  Jitlob lill-gvernijiet ta' l-Indja u tal-Pakistan biex jagħmlu r-restawr u l-konservazzjoni ta' l-ambjent f'Jammu u fil-Kashmir wieħed mill-miri ta' l-attivitajiet komuni tagħhom u tal-pjanijiet konġunti għall-azzjoni tul il-LoC kollha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ qawwi tagħhom għal proġetti bħal dawn;

49.  Jirrakkomanda li tingħata kunsiderazzjoni lit-twaqqif ta" ċellola ta" monitoraġġ konġunta Indja-Pakistan sabiex isir qsim ta" data dwar ix-xejriet klimatiċi u l-attività sesmika, sabiex tingħata twissija bikrija ta" diżastri naturali li joriġinaw f'kull naħa ta" l-LoC;

50.  Fil-livell politiku, jirrakkomanda li jkun stabbilit Kumitat Parlamentari Konġunt Indja-Pakistan sabiex irawwem aktar skambji parlamentari u djalogu; bl-istess mod, jipproponi l-ħolqien ta' gruppi ta' ħidma konġunti tal-gvern lokali sabiex ikunu eżaminati kwistjonijiet ta' kummerċ u turiżmu;

51.  Jinkoraġġixxi lill-intrapriżi ta" l-UE sabiex jirrikonoxxu l-potenzjal ta" investiment u turiżmu tal-Kashmir kollu, u b'mod partikulari l-eżistenza ta" massa ta" ħaddiema motivata ħafna; jissuġġerixxi li n-negozji Ewropej jistgħu joħolqu intrapriżi konġunti ma" kumpaniji lokali u li jinħolqu skemi ta' assikurazzjoni għall-investiment li jkattru l-fiduċja ta' l-investituri; jistieden lill-partijiet kollha sabiex jappoġġjaw u jiffaċilitaw ir-rappreżentazzjoni tal-kmamar rispettivi tal-kummerċ fil-fieri internazzjonali tal-kummerċ fl-UE, sabiex jippermettulhom li jippromwovu l-prodotti tagħhom għall-esportazzjoni;

52.  Barra minn hekk, jappoġġja t-talba tal-Pakistan għall-iżvilupp tar-riżorsi umani permezz ta" investimenti fl-edukazzjoni terzjarja, inklużi skejjel ta" taħriġ vokazzjonali u kulleġġi tekniċi fl-inħawi amministrati federalment, inklużi l-inħawi Gilgit-Baltistan fil-Kashmir;

53.  Jinnota li l-Indja hija l-akbar benefiċjarju tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP); iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex awtomatikament terġa' tagħti ħarsa lejn l-iskema GSP+, u miżuri oħra adegwati, fil-jiem ta" wara diżastri naturali fuq skala kbira bħat-terremoti; jilqa' bi pjaċir il-wegħdiet ta' l-istati kollha ta' l-Asja t'Isfel fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta' l-Asja t'Isfel għall-Koperazzjoni Reġjonali (SAARC) sabiex jaħdmu b'mod effettiv biex il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ta' l-Asja t'Isfel issir realtà politika u ekonomika li ser timmassimizza l-benefiċċji għal erba' partijiet tal-Jammu u l-Kashmir, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex itemm is-sistema ta' "lista pożittiva"; jinnota pożittivament li minkejja li l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi tela" u niżel tul dan l-aħħar deċennju, il-livell ġenerali tal-kummerċ uffiċjali bejn l-Indja u l-Pakistan żdied minn USD 180 miljun fl-1996 għal USD 602 miljun sa l-2005 u, minħabba li l-livell għoli ta' kummerċ informali jindika l-potenzjal kummerċjali moħbi ta" bejniethom, li din ix-xejra għandha l-potenzjal li tkompli, u għandha tiġi mħeġġa;

54.  Jenfasizza li t-turiżmu għandu potenzjal konsiderevoli li jsaħħaħ l-ekonomija lokali; għalhekk jinkoraġġixxi lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta'l-UE sabiex jagħmlu monitoraġġ tas-sitwazzjoni tas-siġurtà, bil-għan li tkun żgurata l-provvista ta' informazzjoni aġġornata u koordinata dwar l-ivvjaġġar għal dawk li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Jammu u Kashmir;

L-Impatt tat-terremot tat-8 ta' Ottubru 2005

55.  Jenfasizza bis-saħħa li t-terremot kellu impatt kbir fuq il-ħajja tan-nies fuq iż-żewġ naħat ta" l-LoC, u li s-sitwazzjoni umanitarja dgħajfet il-kapaċità istituzzjonali fraġili fuq il-post fl-AJK u fl-NWFP; jissottolinea li s-sopravivenza ta' kuljum issa hija l-prijorità assoluta tan-nies;

56.  Jiddispjaċih li, barra mit-telf kbir ta' ħajjiet, l-AJK sofra dannu materjali fl-infrastruttura li ma jistax jiġi kwantifikat (l-isptarijiet, l-iskejjel, il-bini tal-gvern, il-linji ta' komunikazzjoni) u f'dak li f'ħafna każijiet kienu istituzzjonijiet u servizzi bażiċi li diġà kienu dgħajfa;

57.  Huwa mnikket ħafna li t-terremot kellu impatt sproporzjonat fuq it-tfal, b' 17,000 tifel u tifla maqtula (skond figuri tal-UNICEF) ; huwa mħasseb ħafna dwar rapporti ta' traffikar tat-tfal wara d-diżastru, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex speċifikament jindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet u l-ħarsien tat-tfal fl-AJK u f'Gilgit u f'Baltistan, u biex it-traffikar tat-tfal jiġi miġġieled b'mod aktar effettiv;

58.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni mwegħra tal-persuni spustjati internament (IDPs) u persuni bi ħtieġa qawwija u kontinwa li nħolqot minħabba t-terremot; fin-nuqqas ta' konvenzjoni dwar id-drittijiet ta' l-IDPs, jilqa' l-'Prinċipji ta' Gwida' tan-NUli joffru bażi għal tweġiba umana għall-attakk insidjuż ta' l-ispostament sfurzat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li l-awtoritajiet relevanti kollha li għandhom xi interess fil-Kashmir jirrispettaw dawn il-prinċipji; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jagħmel dak kollu li jista" biex mill-aktar fis possibbli jqassam l-art lill-abitanti ta' dawk l-irħula li sparixxew fl-uqigħ ta' l-art (landslide), sabiex dawn jerġgħu jirrikostitwixxu ruħhom bħala rħula, u biex jerġgħu jibnu faċilitajiet permanenti ta" akkomodazzjoni; jirrakkomanda b'qawwa li l-UE tiffoka b'mod konsistenti fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq, kif ukoll fuq kwistjonijiet usa" ta" demokrazija, ġustizzja u d-drittijiet tal-bniedem fl-erba" partijiet kollha tal-Kashmir; jinnota li fuq iż-żewġ naħat ta' l-LoC il-kampijiet tar-'refuġjati' fit-tul għandhom jiżzarmaw u għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-protezzjoni, il-ħtiġijiet u l-integrazzjoni soċjali ta' dawk li jgħixu fihom, u li dawn għandhom jitħallew immorru lura lejn djarhom malajr, jew li jiġu akkomodati b'mod permanenti f'faċilitajiet oħra; jinnota li l-komunità internazzjonali għandha toffri għajnuna kontinwa f'dan ir-rigward;

59.  Jisħaq li d-diżastru laqat reġjun li diġà kien imdgħajjef mill-kunflitt u t-terroriżmu, u fejn l-istituzzjonijiet fundamentali u l-istabilità reġjonali ġew imdgħajfa kostantement mill-kriminalità organizzata u minn infiltrar fl-LoC minn networks Islamisti radikali li jisfruttaw il-fatt li t-territorju huwa mħattab;

60.  Huwa xxukkjat li l-kundizzjonijiet bażiċi ta" għixien esperjenzati fl-AJK qabel it-terremot, li diġà kienu minimi mil-lat ta" ikel, ilma, kenn, sanità, skejjel u ċentri tas-saħħa li bilkemm kienu adegwati, ġew affettwati serjament b'konsegwenza tat-terremot; iħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati li filwaqt li hemm miljuni ta" persuni li għandhom nuqqas tal-ħtiġijiet bażiċi, jikkonċentraw l-enerġiji tagħhom fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li b'mod ħażin żvijjat il-fluss tal-fondi 'l bogħod mill-benefiċċjarji ntiżi, inklużi allegazzjonijiet disturbanti li organizzazzjoniiet terroristiċi pprojbiti min-NU kienu qed joperaw fiz-zona tat-terremot fl-AJK; jistieden lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri, lill-gvernijiet ta" l-Indja u l-Pakistan u lill-aġenziji ta" għajnuna sabiex ikomplu jikkonċentraw fuq il-ħtiġijiet bażiċi tal-vittmi tat-terremot;

61.  Jinnota li d-daqs u l-impatt tat-terremot kellu effett ħafna akbar fin-naħa Pakistana ta" l-LoC, fejn inqerdu meded sħaħ ta" l-infrastruttura tal-gvern lokali li ikkawża dewmien li ma setgħax jiġi evitat għas-servizzi meħtieġa għar-rispons għall-emerġenza; jifraħ lill-gvernijiet, l-armati u l-popolazzjonijiet lokali fuq iż-żewġ naħat ta' l-LoC għad-dedikazzjoni, id-determinazzjoni u l-impenn tagħhom li jirrispondu għad-diversi sfidi li kkawża t-terremot;

Ir-reazzjoni għat-terremot tat-8 ta' Ottubru 2005

62.  Jirrikonoxxi li r-rispons tal-komunità internazzjonali, l-Indja u l-Pakistan għat-terremot kien ħafif u pożittiv fiċ-ċirkustanzi: saru kuntatti immedjati fl-ogħla livell bejn l-Indja u l-Pakistan; ir-rispons ta' l-NGOs domestiċi u lokali li ħadmu ma' l-amministrazzjonijiet lokali u ċentrali, kien tajjeb; jirrikonoxxi għal kollox li ntweriet solidarjetà li qatt ma kien hemm bħalha mill-komunità internazzjonali u minn NGOs internazzjonali fir-rigward ta' min baqa' ħaj u tal-vittmi, u jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' sħubijiet ġodda; jirrakkomanda li l-UE tħares pożittivament lejn talbiet oħra għal aktar għajnuna għar-rikostruzzjoni ta' l-inħawi effettwati mit-terremot, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar talbiet li diġà saru f'dan ir-rigward;

63.  Jinnota, bi tħassib, li l-evalwazzjoni preliminari tal-ħsara u l-ħtiġijiet li tħejjiet mill-Bank ta" l-Iżvilupp ta" l-Asja u mill-Bank Dinji, u li l-Kummissjoni tat kontribut għaliha, tistma li t-telf totali ta" impjiegi jew għixien bħala konsegwenza tat-terrimot hija ta" 29%, u kellha impatt fuq madwar 1.64 miljun persuna, li aktar minn nofshom huma stmati li għandhom inqas minn 15-il sena; jilqa" bi pjaċir il-proġett ta" EUR 50 miljun tal-Kummissjoni, "Irkupru Bikri u Appoġġ għar-Rikostruzzjoni mit-Terremoti" għall-Pakistan; jenfasizza li dan il-proġett għandu jiffoka fuq il-ħarsien ta" l-aktar persuni vulnerabbli, fuq medda qasir ta" żmien, li jirkupra l-attività ekonomika fl-inħawi effettwati, inkluż li terġa" tingħata l-ħajja lil negozji żgħar u li jissostitwixxu l-beni mitlufa fil-biedja, u joħolqu opportunitajiet ta" impjiegi permezz tat-taħriġ u ta" programmi ta" titjib tal-ħiliet; jirrakkomanda li fuq medda medja u twila ta' żmien, il-miżuri għar-rikostruzzjoni u l-iżgurar ta' l-għixien għandhom jinkludu l-mikrofinanzjament u t-titjib tal-ħiliet, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja dan it-tip ta' strateġiji fuq medda twila ta' żmien;

64.  Jinnota b'sodisfazzjon il-fondi mogħtija mill-Kummissjoni għal operazzjonijiet ta' għajnuna soċjali urġenti għall-vittmi tat-terremot fl-AJK u fil-Pakistan, iżda, iħeġġeġ lill-Kummissarju Umanitarju għall-Għajnuna Umanitarja u għal Żvilupp biex jilqa' t-talba tal-Prim Ministru ta' l-AJK biex jeħles aktar fondi għal skopijiet ta' rijabilitazzjoni u ta' rikostruzzjoni li jtejbu b'mod sostanzjali l-effetti ta' wara dan id-diżastru uman.

65.  Jifraħ lil dawk kollha involuti fl-identifikazzjoni u fl-indirizzar tal-bżonnijiet tas-saħħa pubblika tas-superstiti tat-terremot fil-kampijiet, li minkejja l-isfidi marbuta mal-provvista ta' ilma nadif tajjeb għax-xorb u mal-faċilitajiet ta' sanità xierqa f'sitwazzjonijiet ta' wara diżastru, għadu ma tfaċċax b'mod serju mard relatat ma' l-ilma; jifraħ lill-Gvern tal-Pakistan talli provda kenn u provvisti lil aktar minn żewġ miljun persuna spostjata sabiex iwiżinhom tul ix-xitwa, u jifraħ lill-Gvern ta" l-Indja li ta akkomodazzjoni lil 30,000 persuna li spiċċaw bla dar fuq in-naħa Indjana ta' l-LoC; huwa mħasseb dwar rapporti ta" eluf ta" persuni li għadhom qed jgħixu fil-kampijiet, kif xehdet iż-żjara tad-delegazzjoni ta" l-SAARC tal-Parlament fl-AJF li saret mill-15 sa t-22 ta" Diċembru 2006;

66.  Jinnota li l-Pakistan stabbilixxa Kummissjoni Federali għall-Għajnuna fi żmien ftit jiem wara d-diżastru sabiex jikkoordina t-tfittxija u s-salvataġġ u l-operazzjonijiet ta' għajnuna; madankollu jiddispjaċih li l-Pakistan ma aċċettax offerti ta' ħelikopters ta' l- Indja , fuq il-bażi tan-nazzjonalità tal-piloti tagħhom, kif ukoll operazzjonijiet konġunti ta' għajnuna trans-LoC, gruppi ta' għajnuna medika u tiswijiet fl-infrastruttura tat-telefonija, meta dawn kollha setgħu jgħinu biex inaqqsu l-ammont ta" vittmi; jiddispjaċih, għaldaqstant, li t-terremot ma kienx opportunità sabiex tintwera r-rieda politika li tingħata prijorità lill-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni tal-Kashmir u li jintgħelbu d-differenzi politiċi;

67.  Jilqa' l-għajnuna finanzjarja li ngħatat malajr mill-istati ġirien tal-Pakistan (l-Indja, iċ-Ċina, l-Iran, l-Afganistan) u, fuq bażi reġjonali aktar wiesgħa, mit-Turkija u mill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Islamika (OIC), u mill-komunità internazzjonali globali; jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea, u, partikularment lid-DG ECHO, li diġà huwa preżenti fil-Pakistan, għar-reazzjoni immedjata u effettiva tiegħu; jinkoraġġixxi lid-donaturi sabiex iwettqu l-wegħdiet tagħhom malajr kemm jista" jkun;

68.  Jifraħ lill-Kummissjoni b'mod partikulari għall-programm tagħha ta" finanzjament rikorrenti b'reazzjoni għat-terremot, li permezz tiegħu s'issa ġew pprovduti EUR 48.6 miljun, u li twassal bi sħubija ma' NGOs, is-Salib l-Aħmar u xi Aġenziji tan-NU; jitlob għal impenn kontinwu ta" l-UE lejn ir-rikostruzzjoni fil-Kashmir;

69.  Jenfasizza li fondi għar-rikostruzzjoni għandhom ikunu indirizzati l-aktar għal inizjattivi għall-konservazzjoni tal-foresti li baqa', b'mod partikulari permezz tal-provista ta' sorsi ta' fjuwil alternattiv, permezz ta' forestazzjoni mill-ġdid, programmi edukattivi dwar l-ambjent u, jekk possibbli, permezz ta' skemi għal kumpens li jippermettu li l-gvern ta' AJK ikun jista' jipprovdi kumpens għal nuqqas ta' introjtu minħabba restrizzjonijiet fuq il-bejgħ ta' injam;

70.  Jiddispjaċih li l-Gvern Pakistani insista li t-tabelli Indjani kollha jitneħħew mill-għajnuna umanitarja mogħtija mill-Indja qabel ma din l-għajnuna tqassmet;

71.  Jenfasizza l-fatt li r-reazzjoni tal-militar Pakistani għad-diżastru, li kienet waħda eżitanti fil-bidu, ħoloq vacuum fir-riward tal-ħtiġijiet fil-jiem ta" wara d-diżastru, liema nuqqas ġie sfruttat mill-organizzazzjonijiet militanti fil-post, bħall-Jamaat-i-Islami u l-Jamaat-ud-Dawa, dawk li llum huma magħrufa bħalal Lakshar-e-Tayyaba (iddikjarata bħala organizzazzjoni terroristika u, bħala tali, huma ġew projbiti mill-gvern ta' Musharraf fl-2002), li malajr saru l-fornituri de facto ta' ikel, djar, skejjel għat-tfal u għajnuna għar-romol; jinsab imħasseb li dan saħħaħ il-kredibilità ta' dawn il-gruppi li joħolqu polarizzazzjoni fl-opinjoni tal-popolazzjoni lokali, u xekkel aktar kull potenzjal ta' rappreżentanza demokratika ġenwina;

72.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet ta" l-Indja u tal-Pakistan flimkien mal-komunità internazzjonali sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jimplimentaw salvagwardji u jimmonitorjaw mill-qrib, l-użu tal-fondi li jingħataw;

73.  Jilqa" b'ħafna pjaċir il-ftehim storiku tat-2 ta" Mejju 2006 għat-trawwim tal-kummerċ fl-LoC bejn ir-reġjuni mifruda ta' Jammu u Kashmir, permezz tat-tnedija ta' servizz ta' trakk fir-rotta Srinagar-Muzaffarabad, kif ukoll it-tieni servizz ta" xarabank tul il-Kashmir kollu li jgħaqqad il-Poonch f'Jammu u Kashmir ma" Rawalakot fl-AJK; jipproponi li tinħoloq network ta" toroq bejn Jammu u Sialkot u Gilgit-Baltistan; jipproponi wkoll l-introduzzjoni ta" linja ferrovjarja bejn Jammu u Srinagar, u titjib fit-triq li tgħaqqad liż-żewġt ibliet; jilqa" bi pjaċir il-wegħda tal-Prim Ministru Singh fit-23 ta" Mejju 2006 li jinħoloq ambjent aktar ħieles għall-kummerċ u l-moviment, bi "fruntieri rotob" sabiex tinħoloq klima għal soluzzjoni fil-Kashmir; iħeġġeġ b'qawwa liż-żewġ naħat sabiex ikattru b'ħeffa l-volum ta' kummerċ uffiċjali; iħeġġeġ ftehim b'ħeffa dwar il-modalitajiet tat-trasport tal-merkanzija fuq l-art, b'enfasi fuq l-issimplifikar tagħhom sa fejn possibli; jipproponi l-ħolqien ta" pjan integrat għall-iżvilupp tas-suq, b'diversi taqsimiet għall-ipproċessar agrikolu, ktajjen tat-tkessiħ, servizzi ta" kontejners żgħar u servizzi regolari tat-trakkijiet;

Konklużjonijiet

74.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha sabiex ma jħallux li l-problemi tal-poplu tal-Jammu u tal-Kashmir jisparixxu minn fuq l-iskrin tar-radar, u jiżguraw li l-għajnuna u programmi oħra jkunu mfassla u implimentati għal irkupru fuq medda twila ta" żmien u għall-bini ta" istituzzjonijiet;

75.  Jenfasizza l-fatt li kif uriet l-esperjenza ta' l-UE stess, waħda mill-miżuri ewlenin sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi hija ż-żieda fl-iskambji kummerċjali bilaterali; jemmen li, fil-każ tal-Jammu u tal-Kashmir, il-kummerċ madwar l-LoC huwa partikularment vitali għall-ġenerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, ta' l-iżvilupp u sabiex joħroġ il-potenzjal ekonomiku tar-reġjun; jirrakkomanda li tingħata prijorità lill-proġetti tat-trasport u ta' l-infrastruttura;

76.  Jappoġġja bil-qawwa l-inizjattivi kontinwi ta' intrapriżi politiċi fuq iż-żewġ naħat u fil-livelli kollha, u jħeġġiġhom sabiex jagħtu prijorità lill-bżonnijiet materjali u istituzzjonali tan-nies tal-Kashmir, sabiex l-iżvantaġġi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom jiġu bilanċjati; jirrakkomanda li l-UE tkun disponibbli sabiex tirrispondi għal talbiet miż-żewġ gvernijiet;

77.  Jirrikonoxxi x-xogħol notevoli tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'Islamabad u fi New Delhi;

78.  Jinnota li xi kultant, id-diżastri naturali joħolqu l-kundizzjonijiet politiċi għaż-żamma tal-paċi; li n-natura m'għandhiex fruntieri u li hija biss l-azzjoni sostenibbli bejn il-Pakistan u l-Indja li tista" toffri t-tama lill-poplu tal-Kashmir li jibni l-ġejjieni mill-ġdid;

o
o   o

79.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta" l-Istati Membri, lill-Gvernijiet tar-Repubblika ta' l-Indja u tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Jammu u l-Kashmir amministrati mill-Indja u l-Pakistan, u lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p 589.
(2) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 469.
(3) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p 341.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2006)0388.
(5) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p 1040.
(6) ĠU L 378, 23.12.2004, p. 22.
(7) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p 988.
(8) Għal-lista tar-riżoluzzjonijiet kollha ara l-Anness għar-rapport A6-0158/2007 tal-Kumitat ta' l-Affarjiet Barranin.

Avviż legali - Politika tal-privatezza