Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/0206(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0227/2007

Testi mressqa :

A6-0227/2007

Dibattiti :

PV 19/06/2007 - 19
CRE 19/06/2007 - 19

Votazzjonijiet :

PV 20/06/2007 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0267

Testi adottati
PDF 520kWORD 86k
L-Erbgħa, 20 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
Projbizzjoni ta" esportazzjonijiet u l-ħażna sikura ta" merkurju metalliku ***I
P6_TA(2007)0267A6-0227/2007
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta" esportazzjonijiet u l-ħażna sikura ta" merkurju metalliku (COM(2006)0636 – C6-0363/2006 – 2006/0206(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2006)0636)(1)

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 133 u 175 (1) tat-Trattat KE, skond liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0363/2006),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi leġali proposta,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 35 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0227/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b' test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ġunju 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru .../2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta" esportazzjonijiet u l-ħażna sikura ta" merkurju metalliku, mineral taċ-ċinabru, kalomel, komposti tal-merkurju u ċertu prodotti li fihom il-merkurju
P6_TC1-COD(2006)0206

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Rilaxxi tal-merkurju huma rrikonoxxuti bħala theddida globali li titlob azzjoni f'livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u globali.

(2)  Skond il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill "Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju"(4), u skond ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2006(5) dwar dik l-istrateġija, huwa meħtieġ li jitnaqqas ir-riskju ta' l-espożizzjoni tal-bniedem u l-ambjent għall-merkurju.

(3)  Miżuri li jittieħdu fuq livell Komunitarju jridu jitqiesu bħala parti minn sforz globali sabiex jitnaqqas ir-riskju għal espożizzjoni għall-merkurju, partikolarment fil-qafas ta' Programm dwar il-Merkurju skond il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(4)  Il-merkurju għadu mhux suġġett għal restrizzjonijiet li jorbtu taħt il-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent, bl-eċċezzjoni tal-Protokoll dwar il-Metalli Tqal ta' l-1998 għall-Konvenzjoni UNECE dwar it-Tniġġis Transkonfinali ta' l-Arja fuq Distanza Kbira.

(5)  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għarfu l-problemi ambjentali u soċjali li joħorġu mill-għeluq tal-mini tal-merkurju fid-distrett ta' Almadén (Spanja) u qiesu li aħjar jiġu adottati miżuri adegwati ta' kumpens sabiex jippermettu li z-zona affettwata ssib is-soluzzjonijiet vijabbli għall-ambjent lokali, għall-impjieg u għall-attività ekonomika. Barra minn dan, fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq, il-Parlament Ewropew kien tal-fehma li l-minjieri f'Almadén jkunu post tajjeb sabiex jinħażen b'sikurezza l-merkurju metalliku.

(6)  L-esportazzjoni ta' merkurju metalliku, mineral taċ-ċinabru, kalomel, u komposti tal-merkurju mill-Komunità trid tiġi pprojbita sabiex titnaqqas b'mod sinifikattiv il-provvista globali tal-merkurju. L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jimponu projbizzjonijiet usa' u iżjed strinġenti b'konformità ma' l-Artikolu 176 tat-Trattat.

(7)  Għall-istess raġuni, l-esportazzjoni ta' prodotti li fihom il-merkurju li jkunu diġà, jew li dalwaqt se jkunu, ipprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu pprojbiti wkoll. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista konsolidata tal-prodotti koperti li għandha tiġi aġġornata kull sena fuq il-bażi ta' l-iżviluppi fil-liġi tal-Komunità.

(8)  Għandha tiġi pprojbita l-importazzjoni ta' merkurju mettaliku, mineral taċ-ċinabru, kalomel u komposti tal-merkurju sabiex tkun żgurata protezzjoni aħjar tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent fl-Unjoni Ewropea.

(9)  Il-projbizzjoni ta" l-esportazzjoni ser tirriżulta f'ammonti konsiderevoli ta' merkurju żejjed fil-Komunità li ma jridux jitħallew jerġgħu jidħlu fis-suq. Għalhekk trid tkun żgurata l-ħażna sikura ta' dan il-merkurju fi ħdan il-Komunità.

(10)  L-Istati Membri għandhom, perjodikament, jibgħatu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-merkurju metalliku, il-minerali taċ-ċinabru u l-komposti tal-merkurju li jidħlu jew joħorġu jew li jiġu kkummerċjalizzati b'mod transkonfinali fit-territorju tagħhom, sabiex ikun possibbli li l-effettività ta' l-istrument tkun evalwata fil-ħin. Din l-informazzjoni kollha għandha tkun immedjatament disponibbli għall-pubbliku.

(11)  Id-Deċiżjoni Nru 90/3 PARCOM (Kummissjoni ta' Pariġji għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar minn Sorsi Bbażati fuq l-Art) qablet ma' l-objettiv tat-tneħħija gradwali ta' l-impjanti ta' ċelloli tal-merkurju klor-alkali sa l-2010. Sabiex jiġu pprovduti possibbiltajiet ta' ħażna temporanja sikura ta' merkurju li ma jibqax jintuża fl-industrija tal-klor-alkali, huwa xieraq li ssir deroga minn punt (a) ta' l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma(6) għal ċertu tipi ta' terraferma, u dikjarazzjoni tal-kriterji tat-taqsima 2.4 ta' l-Anness tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2003/33/KE tad-19 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta' skart f'terraferma artifiċjali skond l-Artikolu 16 ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE(7) li ma tapplikax għal ħażna fuq l-art u li tista' tiġi rkuprata.

(12)  Sabiex tkun żgurata ħażna temporanja li hija sikura għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, l-evalwazzjoni ta' sikurezza skond id-Deċiżjoni 2003/33/KE għal ħażna taħt l-art għandha ssir applikabbli għal ħażna fuq l-art u li tista' tiġi rkuprata.

(13)  L-industrija tal-klor-alkali għandha tibgħat id-data relevanti kollha relatata mat-twaqqif taċ-ċelluli tal-merkurju fl-impjanti tagħhom lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati biex jiffaċilitaw l-infurzar ta' dan ir-Regolament. Is-setturi ta' l-industrija li jiksbu l-merkurju mit-tindif ta' gass naturali jew bħala prodott sekondarju mit-tħaffir għall-metall li ma fihx ħadid u attivitajiet ta' tidwib għandhom jagħtu wkoll data relevanti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(14)  Huwa xieraq li jiġi organizzat skambju ta' tagħrif mal-partijiet interessati kollha sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa ta' miżuri supplimentari relatati ma' l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-ħażna temporanja u r-rimi finali b'mod sikur ta' merkurju, il-komposti tiegħu u l-prodotti li fihom il-merkurju bla preġudizzju għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, partikolarment l-Artikolu 81.

(15)  Stati Membri għandhom jippreżentaw tagħrif dwar permessi maħruġa għal faċilitajiet ta' ħażna temporanja kif ukoll dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta' dan ir-Regolament, sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni ta' dan fiż-żmien meħtieġ.

(16)  Il-Kummissjoni trid tikkonsidra dan it-tagħrif meta tissottometti rapport ta' evalwazzjoni sabiex tidentifika l-ħtiġijiet possibbli biex ir-Regolament jiġi emendat.

(17)  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw l-għarfien u jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-merkurju mettaliku, tal-minerali taċ-ċinabru u tal-komposti tal-merkurju, kif ukoll dwar il-ħażna sikura tal-merkurju metalliku, tkun disponibbli għall-pubbliku.

(18)  Il-Kummissjoni trid ukoll issegwi żviluppi internazzjonali rigward il-provvista u d-domanda għall-merkurju, partikolarment negozjati multilaterali, u tirraporta fuqhom sabiex tippermetti l-evalwazzjoni tal-konsistenza ta' l-approċċ globali.

(19)  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli fuq il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta" din id-Direttiva u jiżguraw li jkunu applikati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

(20)  Għandha tiġi pprovduta għajnuna teknika, jew b'mod dirett mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi b'ekonomiji fil-proċess ta' bidla, jew b'mod indirett permezz ta' appoġġ għal proġetti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), speċjalment għajnuna li tħaffef il-bidla favur teknoloġiji alternattivi ħielsa mill-merkurju u t-tneħħija eventwali ta' l-użi u r-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju.

(21)  Ir-Regolament huwa mmotivat mill-ħtieġa li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

(22)  Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li titnaqqas l-espożizzjoni għal merkurju permezz ta' projbizzjoni ta' l-esportazzjoni u obbligu tal-ħażna ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, u minħabba l-impatt fuq il-moviment ta' merkanzija u l-funzjonament tas-suq intern kif ukoll in-natura transkonfinali tat-tniġġis bil-merkurju jista' biss jintlaħaq fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista għalhekk tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-esportazzjoni ta' merkurju metalliku (Hg, CAS Nru 7439-97-6), minerali taċ-ċinabru u ta' komposti tal-merkurju b'konċentrazzjoni ta' merkurju 'l fuq minn 5% piż b'piż (w/w) mill-Komunità għandu jkun ipprojbit mill-1 ta' Diċembru 2010.

L-esportazzjoni ta' prodotti li fihom il-merkurju u li huma pprojbiti milli jinbiegħu jew milli jiġu distribwiti fl-Unjoni Ewropea għandha tiġi pprojbita mill-1 ta' Diċembru 2010.

Artikolu 2

L-importazzjoni fil-Komunità ta' merkurju metalliku (Hg, CAS Nru 7439-97-6), minerali taċ-ċinabru u ta' komposti tal-merkurju b'konċentrazzjoni ta' merkurju 'l fuq minn 5% piż b'piż (w/w) għandha tkun ipprojbita mill-1 ta' Lulju 2010.

L-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess ta' merkurju bl-irkupru mill-iskart u l-prodotti ta' materja prima.

Artikolu 3

Mill-1 ta' Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li merkurju metalliku li m'għadux jintuża fl-industrija tal-klor-alkali jew li hu estratt mill-mineral taċ-ċinabru, merkurju rkuprat mit-tindif tal-gass naturali u merkurju rkuprat bħala prodott sekondarju mit-tħaffir għall-metall li ma fihx ħadid u attivitajiet ta' tidwib għandu jinġarr u jiġi maħżun u eventwalment jintrema fil-Komunità b'mod li jeskludi kull riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, f'faċilitajiet adatti li jikkwalifikaw għal dak l-iskop, akkumpanjati minn evalwazzjoni tas-sikurezza u l-permess relevanti, skond dan ir-Regolament.

Qabel kull alternattiva oħra, għandha titqies il-possibilità li jintuża Almadén għall-ħażna sikura ta' stocks eżistenti ta' merkurju metalliku jew ta' merkurju metalliku sub-prodott mill-industrija fl-Ewropa kollha iżda mhux oġġetti li kien fihom il-merkurju u li saru skart, biex b'hekk isir użu mill-infrastruttura, mill-ħaddiema lokali u mill-kompetenza teknoloġika li teżisti hemm.

Artikolu 4

1.  B'deroga mill-punt (a) ta' l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/31/KE, merkurju metalliku li huwa kkunsidrat bħala skart għandu jiġi maħżun temporanjament f'kontenitur kif xieraq f':

   a) minjiera tal-melħ taħt l-art adattata għall-ħażna temporanja tal-merkurju metalliku qabel ir-rimi finali b'mod sikur;
   b) faċilità fuq il-wiċċ ta' l-art ddedikata esklussivament għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku qabel ir-rimi finali sikur tiegħu u b'tagħmir għal dan il-għan; jew
   c) installazzjoni permessa skond id-Direttiva tal-Kunsill (IPPC) 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġis(8) għall-produzzjoni tal-kloru (taqsima 4.2(a) ta' l-Anness I għal dik id-Direttiva) u mgħammra, bħala parti minn dik l-installazzjoni permessa, għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku sar-rimi finali sikur.

Fil-każ li hemm referenza għalih f'punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu, il-kriterji stipulati fit-taqsima 2.4 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 2003/33/KE m'għandhomx japplikaw.

2.  B'deroga mill-punt (a) ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart(9), l-awtoritajiet kompetenti għad-destinazzjoni u d-dispaċċ ma jistgħux jagħmlu oġġezzjonijiet għal vjaġġi bil-baħar ta' merkurju metalliku li huwa kkunsidrat bħala skart u li hu destinat għal ħażna temporanja għar-raġunijiet li l-vjeġġ ippjanat jew rimi ma jkunx konformi ma' miżuri meħuda sabiex jimplimentaw il-prinċipji ta' viċinanza, priorità għal irkuprar u awto-suffiċjenza.

Artikolu 5

1.  L-evalwazzjoni ta' sikurezza li trid issir skond id-Deċiżjoni 2003/33/KE għal ħażna f'minjiera tal-melħ taħt l-art adattata għal ħażna ta' skart trid tkopri partikolarment ir-riskji addizzjonali kkawżati min-natura u r-reazzjoni fit-tul tal-merkurju metalliku u l-ħażna tiegħu.

2.  Għandha ssir evalwazzjoni ta' sikurezza sabiex tiżgura livell ta' ħarsien ambjentali ekwivalenti għall-livell żgurat permezz tad-Deċiżjoni 2003/33/KE u tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti għall-ħażna temporanja ġo faċilità dedikata esklussivament għall-ħażna ta' merkurju metalliku u b'tagħmir għal dan il-għan.

3.  Il-permess li hemm referenza għalih fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 1999/31/KE għall-minjiera tal-melħ taħt l-art jew faċilità ddedikata esklussivament għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku u b'tagħmir għal dan il-għan irid jinkludi rekwiżiti għal spezzjonijiet viżwali regolari tal-kontenituri u installazzjoni ta' sistemi ta' sejbien tal-fwar sabiex tinstab kwalunkwe tnixxija.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni ta' l-evalwazzjoni ta' sikurezza msemmija fid-Deċiżjoni 2003/33/KE sabiex tiżgura li r-riskji partikulari tal-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku li jkunu ġejjin min-natura u mill-imġieba fit-tul tal-merkurju metalliku u tar-reċipjent tiegħu jkunu koperti. Din ir-reviżjoni għandha titlesta sa l-1 ta' Ġunju 2010.

Artikolu 7

Waqt il-ħażna temporanja, ir-responsabilità għall-ħażna sikura għandha tkun fuq is-sid tal-faċilità għall-ħżin. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fond li jiżgura li jkunu stabbiliti riżorsi finanzjarji għall-ħżin temporanju u għar-rimi finali sikur tal-merkurju. Il-fond għandu jinħoloq fuq il-bażi ta" miżati mill-industrija tal-klor-alkali u mis-setturi ta" l-industrija li jiksbu l-merkurju permezz tal-proċessi ta" produzzjoni tagħhom, bħal, iżda mhux b'mod esklussiv, l-industrija tal-gass naturali u dik li ma taħdimx fil-ħadid, b'mod proporzjonali għall-ammont ta" merkurju mibgħut għal ħażna temporanja.

Artikolu 8

1.  Il-kumpaniji kkonċernati fl-industrija klor-alkali għandhom jibgħatu d-data li ġejja relatata mat-twaqqif tal-merkurju f'sena partikolari lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati:

   l-aħjar stima ta' l-ammont totali ta' merkurju li għadu qed jintuża,
   l-ammont ta' merkurju rkuprat mill-għeluq jew mill-bidla mill-ġdid ta' impjanti kloro-alkali,
   l-ammont mibgħut lill-faċilitajiet ta' ħażna temporanja individwali,
   id-dettalji tal-post u ta' kuntatt għall-faċilitajiet kollha ta' ħażna,
   it-trasferimenti għal impjanti oħra kloro-alkali fl-Unjoni Ewropea għall-operazzjoni ta' ċelloli li jkomplu,
   l-ammont maħżun temporanjament taħt ir-responsabbilità tas-sid oriġinali għall-operazzjoni taċ-ċelloli li jkomplu.

2.  Il-kumpaniji kkonċernati fis-setturi ta' l-industrija li jiksbu l-merkurju mit-tindif tal-gass naturali jew bħala prodott sekondarju mit-tħaffir għall-metall li ma fihx ħadid u attivitajiet ta' tidwib għandhom jipprovdu d-data li ġejja relatata mal-merkurju miksub f'sena partikolari lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati:

   l-ammont ta' merkurju miksub,
   l-ammont mibgħut lill-faċilitajiet ta' ħażna temporanja individwali,
   id-dettalji tal-post u ta' kuntatt għall-faċilitajiet kollha ta' ħażna.

3.  Il-kumpaniji kkonċernati għandhom jibgħatu d-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2, kif applikabbli, għall-ewwel darba sal-31 ta' Mejju ta' ...(10), u minn dak in-nhar 'il quddiem kull sena qabel il-31 ta' Mejju.

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni fil-paragrafu 3 b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità(11).

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju inizjali ta' tagħrif bejn l-Istati Membri u l-azzjonisti rilevanti sat-30 ta' Ġunju 2010.

Dak l-iskambju għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni miġbura sa dak iż-żmien u għandu wkoll jeżamina l-ħtieġa li l-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tiġi estiża għal komposti tal-merkurju b'konċentrazzjoni ta' merkurju li tkun taħt il-5% piż b'piż (w/w), li l-obbligu tal-ħażna jiġi estiż għall-merkurju metalliku minn għejun oħra u ta' żmien stipulat rigward ħażna f'minjiera tal-melħ taħt l-art jew f'faċilità fuq wiċċ l-art speċifika li tkun iddedikata għall-ħażna temporanja ta' merkurju metalliku u b'tagħmir għal dan il-għan.

L-iskambju ta' tagħrif għandu janalizza, inter alia, ir-riżultati tal-konsiderazzjoni mogħtija lil Almadén bħala s-sit għall-ħażna sikura ta' l-istocks ta' merkurju metalliku eżistenti jew merkurju metalliku sub-prodott mill-industrija Ewropea skond l-Artikolu 3.

Artikolu 10

1.  L-Istati Membri jridu jissottomettu lill-Kummissjoni kopja ta' kwalunkwe permess maħruġ lil faċilità ddisinjata għal ħażna tal-merkurju.

2.  L-Istati Membri għandhom ifasslu reġistru ta' xerrejja, bejjiegħa u kummerċjanti tal-merkurju, tal-minerali taċ-ċinabru u tal-komposti tal-merkurju u jiġbru l-informazzjoni relevanti. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sentejn, fi żmien 6 xhur wara t-tmiem tal-perjodu kopert dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta' dan ir-Regolament fuq it-territorju rispettiv tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tagħrif f'rapport konċiż fi żmien sena mill-preżentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri. L-ewwel ġabra ta' informazzjoni għandha tkopri s-snin 2007-2008 u għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2009, u ppubblikata sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-forma li għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni sa ...(12).

3.  It-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi għallinqas data dwar dan li ġej:

   a) volumi, prezzijiet, pajjiż ta' oriġini u destinazzjoni kif ukoll l-użu intenzjonat tal-merkurju metalliku, il-minerali taċ-ċinabru, kalomel u l-komposti tal-merkurju li jidħol jew joħroġ mill -Komunità;
   b) volumi, prezzijiet, pajjiż ta' oriġini u destinazzjoni kif ukoll l-użu intenzjonat tal-merkurju metalliku, minerali taċ-ċinabru, kalomel u komposti tal-merkurju li jgħaddi għal kummerċ transkonfinali fi ħdan il-Komunità.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn ikunu applikati. Il-pieni pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn …* u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 12

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw l-għarfien u jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-merkurju mettaliku, tal-minerali taċ-ċinabru u tal-komposti tal-merkurju tkun disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll dik dwar il-ħażna sikura tal-merkurju metalliku.

Artikolu 13

1.  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta' dan ir-Regolament fil-Komunità, waqt li tikkunsidra t-tagħrif li hemm referenza għalih fl-Artikoli 9 u 10.

2.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2012. Ir-rapport għandu, kif xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti għar-reviżjoni ta' dan ir-Regolament.

3.  Sa l-1 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-effettività u l-impatt tal-miżuri ta' kumpens meħuda sabiex iż-żona affettwata mill-għeluq tal-minjieri tal-merkurju tkun tista' tikseb alternattivi ekonomiċi u soċjali vijabbli.

Artikolu 14

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009 dwar progress f'attivitajiet multilaterali u negozjati dwar merkurju, li jevalwa partikolarment il-konsistenza tal-miżuri speċifikati f'dan ir-Regolament ma" żviluppi internazzjonali.

Artikolu 15

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, billi jqisu b'mod partikolari l-bżonnijiet ta' pajjiżi affettwati li qegħdin jiżviluppaw u ta' pajjiżi b'ekonomiji fil-proċess ta' bidla, jikkoperaw favur it-tħeġġiġ ta' għajnuna teknika, inkluż taħriġ, għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura, il-kapaċità u l-kompetenza meħtieġa sabiex isir progress fil-bidla favur teknoloġiji alternattivi ħielsa mill-merkurju u biex eventwalment jitneħħew b'mod gradwali l-użi u r-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll li jagħtu appoġġ lill-NGOs, li wrew li jistgħu jkunu effiċjenti b'mod speċjali meta joffru dawk it-tipi ta' servizzi.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta" l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C ...
(2) ĠU C ...
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Ġunju 2007.
(4) COM(2005)0020 finali ta' 28.1.2005.
(5) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 128.
(6) ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(7) ĠU L 11, 16. 1. 2003, p. 27.
(8) ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).
(9) ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.
(10)* Sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(11) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.
(12)* Sena wara d-dħul fis-seħħ ta" dan ir-Regolament.

Avviż legali - Politika tal-privatezza