Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju sabiex itejjeb il-funzjonament tas-sistemi ta" tassazzjoni fis-suq intern (Fiscalis 2013) (COM(2006)0202 – C6-0159/2006 – 2006/0076(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2006)0202)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0159/2006),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġit u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0117/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jikkunsidra li l-pakkett finanzjarju indikat fil-proposta leġiżlattiva jrid ikun kompatibbli mal-livell massimu għall-Intestatura 1A tal-qafas finanzjarju plurijennali l-ġdid, u jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-ammont annwali għandu jiġi deċiż waqt il-proċedura baġitarja annwali, skond id-dispożizzjonijiet tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba(2);
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tikkonsultah jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid.
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ġunju 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru .../2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju sabiex itejjeb il-ħidma tas-sistemi ta" tassazzjoni fis-suq intern (Fiscalis 2013) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2235/2002/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari taqbel ma' l-att leġislattiv aħħari, id-Deċiżjoni (KE) Nru.../ 2007.)