Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2587(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0251/2007

Testi mressqa :

B6-0251/2007

Dibattiti :

PV 19/06/2007 - 15
CRE 19/06/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 21/06/2007 - 8.5
CRE 21/06/2007 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0281

Testi adottati
PDF 213kWORD 44k
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
Missjoni ta' Tiftix tal-fatti fir-reġjuni ta' l-Andalusija, il-Valenzja u Madrid
P6_TA(2007)0281B6-0251/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar ir-riżultati tal-missjoni għat-tiftix tal-fatti fir-reġjuni ta' l-Andalusija, il-Valenzja u Madrid magħmula f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 194 tat-Trattat ta" l-KE li jagħti d-dritt tal-petizzjoni liċ-ċittadini kollha ta" l-UE u r-residenti kollha fl-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat UE li jiddikjara li l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif inhuma garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet Fundamentali, u għandha tipprovdi lilha nfisha bil-mezzi meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   wara li kkunsidra l-kontenut u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tat-tielet missjoni għat-tiftix tal-fatti fi Spanja, approvat mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-11 ta" April 2007, li investiga l-allegazzjonijiet kontenuti f'għadd kbir ta" petizzjonijiet li jikkonċernaw l-abbuż tad-drittijiet leġittimi taċ-ċittadini Ewropej għall-proprjetà tagħhom u għal tħassib iddettaljat fir-rigward ta" l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien ambjentali, il-provvista u l-kwalità ta" l-ilma, u l-akkwist pubbliku inġenerali fir-rigward tal-kontroll mhux suffiċjenti ta" proċeduri ta" urbanizzazzjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali,

B.   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu adottata fit-13 ta' Diċembru 2005 dwar l-abbuż tal-Liġi dwar l-Art ta' Valenzja u il-Ley Reguladora de la Actividad Urbanistica (LRAU - liġi dwar attivitajiet ta'l-iżvilupp) u l-effett tiegħu fuq iċ-ċittadini ta" l-UE.(1)

C.   billi hemm każi rrappurtati ta" prattika korrotta fir-rigward ta" proġetti fuq skala kbira ta" urbanizzazzjoni li għalihom ġew arrestati u nstabu ħatja uffiċjali lokali u politiċi eletti,

D.   billi Spanja riċentement fasslet leġizlazzjoni nazzjonali ta" qafas ġdida dwar il-liġi dwar l-art, li għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta" Lulju 2007,

E.   billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta" ksur kontra Spanja peress li naqqset milli tapplika d-Direttivi ta" l-UE dwar l-akkwist pubbliku fir-rigward ta' programmi ta' urbanizzazzjoni fil-Valenzja,

1.  Jaħseb li l-obbligu li wieħed iċedi, mingħajr proċess tal-liġi u kumpens xieraq, proprjetà privata akkwistata b'mod leġittimu, u l-obbligu li wieħed iħallas spejjeż arbitrarji għal żvilupp ta" l-infrastruttura mhux mitlub u ġieli mhux meħtieġ, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali ta" l-individwu kif inhuma stipulati mill-Konvenzjoni Ewropea u l-ġurisprudenza dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ara, pereżempju, Aka v. it-Turkija(2)) u kif inhuma stabbiliti fit-Tratta UE;

2.  Jiddispjaċih ħafna li prattiki bħal dawn huma mifruxa f'diversi reġjuni awtonomi ta" Spanja, b'mod partikulari fir-reġjun ta" Valenzja u partijiet oħrajn taz-zona kostali tal-Mediterran, iżda wkoll, pereżempju, fir-reġjun ta" Madrid;

3.  Jesprimi l-kundanna u l-oppożizzjoni severa tiegħu għal proġetti enormi ta" urbanizzazzjoni minn kumpaniji tal-kostruzzjoni u zviluppaturi tal-proprjetà li ma ghandhomx l-ebda relazzjoni mal-htiġijiet reali tal-bliet u l-irhula affettwati, li mhumiex sostenibbli ambjentalment, u li ghandhom impatt diżastrus fuq l-identità storika u kulturali taz-zoni affettwati;

4.  Jikkundanna l-approvazzjoni taċita minn xi awtoritajiet lokali tal-proġetti ta" kostruzzjoni li sussegwentement ġew dikjarati illegali u li bħala riżultat jaslu għat-twaqqigħ, jew it-theddida ta' twaqqigħ, ta' proprjetà li nxtrat in bona fede miċ-ċittadini Ewropew permezz ta' żviluppaturi kummerċjali u aġenti tal-bejgħ regolari;

5.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li Spanja tkun konformi mad-Direttivi ta" l-akkwist pubbliku, iżda jaħseb li l-Kummissjoni għandha tqis b'mod speċjali l-każi dokumentati ta" ksur ta" direttivi dwar kwistjonijiet ta" l-ambjent, ta" l-ilma u tal-politika tal-konsumatur;

6.  Iqis li huwa essenzjali li jittieħdu miżuri adegwati sabiex ikunu żgurati l-applikazzjoni u l-infurzar xierqa tad-Direttiva ta" Qafas għall-Ilma(3) għal dak li għandu x'jaqsam ma" proġetti kbar ta" urbanizzazzjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istat Membru kkonċernat, biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja u tad-drittijiet fundamentali għall-benefiċċju taċ-ċittadini u r-residenti kollha fl-UE .

8.  Jistieden lill-awtoritajiet u l-gvernijiet reġjonali ta" Spanja, b'mod partikulari l-Gvern tal-Valenzja, li għandhom l-obbligu li jirrispettaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u l-liġijiet ta' l-UE, biex jirrikonoxxu d-dritt leġittimu ta' l-individwu għall-proprjetà tiegħu akkwistata b'mod legali, u li jkunu stabbiliti, mil-liġi, kriterji definiti b'iktar preċiżjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni ta' Spanja li jikkonċerna l-interess pubbliku, sabiex ikun evitat u pprojbit l-abbuż tad-drittijiet għall-proprjetà tan-nies minħabba deċiżjonijiet mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

9.  Jitfa" fid-dubju l-metodi ta" nomina, u l-poteri li frekwentement ikunu eċċessivi li jingħataw fil-prattika lill-min jippjana il-bliet u l-iżviluppaturi tal-proprjetà minn ċerti awtoritajiet lokali fuq dahar il-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini li għandhom hemmhekk djarhom u l-proprjetà tagħhom akkwistata legalment;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jikkonsultaw iċ-ċittadini tagħhom u jinvolvuhom fi proġetti ta" żvilupp urban sabiex jinkoraġġixxu żvilupp urban aċċettabbli u sostenibbli fejn ikun meħtieġ, fl-interess tal-komunitajiet lokali, u mhux fl-interess biss ta" l-iżviluppaturi tal-proprjetà, l-aġenti tal-proprjetà u interessi oħrajn;

11.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattika sigireta minn certi zviluppaturi tal-proprejtà li jdghajfu, bl-ingann, is-sjieda legittima ta" proprjetà ta" cittadini Ewropej billi jindahhlu fis-sistema tar-registrazzjoni ta" l-art u jitlob lill-awtoritajiet lokali rilevanti biex jistabbilixxu salvagwardji legali xierqa kontra din il-prattika;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet reġjonali biex jistabbilixxu kumitati amministrattivi speċjali li jinvolvu l-ombudsmen lokali, li lilhom għandhom jirrappurtaw is-servizzi ta" investigazzjoni indipendenti, li għandu jkollhom is-setgħa ta" l-arbitraġġ fir-rigward ta" tilwim li jikkonċerna proġetti ta" urbanizzazzjoni, u li għandhom ikunu aċċessibbli mingħajr ħlas għal dawk li huma affettwati b'mod dirett minn programmi ta" urbanizzazzjoni, inkluż dawk li huma vittmi ta" negozju illegali fil-proprjetà fil-kuntest ta" żvilupp urban mhux awtorizzat;

13.  Jaħseb li fejn huwa meħtieġ kumpens għat-telf ta" proprjetà, dan għandu jsir skond rati xierqa li huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

14.  14 Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi kampanja ta" informazzjoni diretta lejn dawk iċ-ċittadini Ewropej li jixtru proprjetà fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-awtoritajiet u l-gvernijiet reġjonali ta" Spanja.

(1) ĠU C 286 E, 23.11.2006, p.225
(2) Sentenza tat-23 ta' Settembru 1998.
(3) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 (ĠU L 327 tat-22.12.2000 p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza