Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-21 ta' Ġunju 2007 dwar id-delinkwenza tal-minorenni: l-irwol tan-nisa, tal-familja u tas-soċjetà (2007/2011(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fuq id-drittijiet tat-tfal ta' l-20 ta' Novembru 1989 u, b'mod partikulari, l-Artikoli 37 u 40 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regoli Minimi Standard għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Minorenni jew 'Ir-Regoli ta' Beijing' ta' l-1985, adottati mir-Riżoluzzjoni 40/33 ta' l-Assemblea Ġenerali tad-29 ta' Novembru 1985,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni tad-Delinkwenza fost il-Minorenni jew 'Il-linji gwida ta' Riyadh' ta' l-1990, adottati mir-Riżoluzzjoni 45/112 ta' l-14 ta' Diċembru 1990 ta' l-Assemblea Ġenerali,
– wara li kkunsidra r-Regoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni tal-Minorenni Mċaħħda mil-Libertà, adottati mir-Riżoluzzjoni 45/113 ta' l-Assemblea Ġenerali ta' l-14 ta' Diċembru 1990,
– wara li kkunsidra t-Trattat Ewropew tal-Kunsill ta' l-Ewropa tal-25 ta' Jannar 1996 dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-tfal u, b'mod partikulari, l-Artikoli 1 u l-Artikoli 3 sa 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ta' l-24 ta' Settembru 2003 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-modi ġodda ta' kif tkun ittratata d-delinkwenza tal-minorenni u l-irwol tal-ġustizzja għall-minorenni(1),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tas-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar ir-reazzjonijiet soċjali għad-delinkwenza tal-minorenni(2),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tat-18 ta' April 1988 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar ir-reazzjonijiet soċjali għad-delinkwenza tal-minorenni fost il-familji ta' l-emigranti(3),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikulari, l-Artikolu 6 u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tiegħu rigward il-koperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b'mod partikulari, it-Titolu XI tiegħu fuq il-politika soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ u, b'mod partikolari, l-Artikolu 137 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Programm Qafas dwar il-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja -AGIS, li skada fil-31 ta' Diċembru 2006, u r-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 168/2007 li jistabbilixxi l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, adottat fil-15 ta' Frar 2007(4),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament tat-30 ta' Novembru 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea biex twettaq l-attivitajiet tagħha fl-oqsma li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea(5) ,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 rigward il-pożizzjoni tal- Kunsill bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm speċifiku għall-perjodu 2007-2013 biex jipprevjeni u jiġġieled kontra l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u biex iħares il-vittmi u l-gruppi li huma f'riskju (il-Programm Daphne III) fi ħdan il-programm ġenerali 'Id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja'(6),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Direzzjoni għal strateġija Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2006)0367)"
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 1992 fuq il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal(7) u, b'mod partikulari, il-paragrafi 8.22 u 8.23 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/427/JAI tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi network Ewropew għall-prevenzjoni tal-kriminalità(8),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Marzu 2006 bl-isem 'Il-Prevenzjoni tad-Delinkwenza tal-Minorenni: modi kif tittratta d-delinkwenza tal-minorenni u s-sehem tas-sistema tal-ġustizzja tal-minorenni fl-Unjoni Ewropea'(9),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza li saret fi Glasgow bejn il-5 u s-7 ta' Settembru 2005 taħt il-patroċinju tal-Presidenza tar-Renju Unit tal-Kunsill bit-tema 'Iż-Żgħażagħ u l-Kriminalità: il-Perspettiva Ewropea',
– wara li kkunsidra l-aħħar rapporti taċ-Ċentru Ewropew għad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0212/2007),
A. billi d-delinkwenza tal-minorenni minnha nnifisha hija aktar perikoluża minn dik tal-kbar għaliex taffettwa taqsima tal-popolazzjoni li hija vulnerabbli b'mod partikulari fi stadju meta qed titrawwem il-personalità, hekk li tesponi lill-minorenni sa minn kmieni għar-riskju ta' l-esklużjoni soċjali u l-istigmatizzazzjoni,
B. billi n-nuqqas ta' skola huwa wieħed mill-fatturi li jaggravaw ir-riskji tad-delinkwenza tal-minorenni,
C. billi l-istudji nazzjonali, Ewropej u internazzjonali juru li kien hemm żieda allarmanti fid-delinkwenza tal-minorenni f'dawn l-aħħar għoxrin sena,
D. billi hemm tħassib dwar id-delinkwenza tal-minorenni minħabba l-kobor tal-problema llum dovuta għall-età aktar bikrija ta' min qiegħed jinqabad fid-delinkwenza, u minħabba n-numru li qed jiżdied tar-reati magħmula minn tfal ta' taħt it-13-il sena u b'imġiba ta' minuri li qiegħda turi moħqrija dejjem akbar,
E. billi l-mod ta' kif qed tinġabar u tiġi ppreżentata attwalment l-istatistika rigward delinkwenza tal-minorenni ma tissodisfax la l-ħtiġijiet reali u lanqas il-kundizzjonijiet attwali, hekk li qed ssir aktar imperattiva l-ħtieġa li jkun hemm statistiċi nazzjonali affidabbli,
F. billi huwa diffiċli li tikkategorizza b'mod generali ir-raġunijiet li jwasslu għall-imġiba delinkwenti fost il-minorenni minħabba li l-esperjenzi li jwasslu għal tipi ta' imġiba soċjalment devjanti u eventwalment delinkwenti tista' tispjega ruħha f'kull każ minn ċirkostanzi individwali u speċifiċi skond il-ħajja li għadda minnha u elementi essenzjali għat-trawwim ta' kull tifel u adoloxxenti, li huma l-iskola, iċ-ċirku ta' ħbieb, kif ukoll, f'qasam aktar wiesa', l-ambjent soċjoekonomiku li jgħix fih,
G. billi l-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għad-delinkwenza tal-minorenni huma n-nuqqas ta' organizzazzjoni, ta' komunikazzjoni u ta' mudelli xierqa fi ħdan il-familja minħabba l-assenza ta' sikwit tal-ġenituri, il-problemi psikopatoloġiċi assoċjati ma' l-abbuż fiżiku u sesswali minn persuni fi ħdan l-ambjent tal-familja, l-inkapaċità tas-sistemi edukattivi li jitrasmettu l-valuri soċjali u minħabba l-faqar, il-qgħad, l-esklużjoni soċjali u r-razzizmu; u wkoll fatturi sinifikanti oħrajn bħat-tendenza qawwija biex jikkupjaw li ż-żgħazżagħ jizviluppaw biex jippruvaw jorqmu l-personalità tagħhom, il-problemi fil-personalità li jiġu mill-konsum ta' l-alkoħol u d-drogi u l-mod kif il-media tal-massa tipprojetta mudelli ta' vjolenza żejda, bla sens u bla bżonn,
H. billi l-imġiba devjanti fost iż-żagħżagħ mhux dejjem issib l-oriġini tagħha fil-kuntest tal-familja,
I. billi ż-żieda fl-użu minn adoloxxenti tal-kannabis u ta' droga oħra u/jew ta' l-alkoħol għandha tkun korrelatata maż-żieda fid-delinkwenza tal-minorenni,
J. billi l-migranti, b'mod partikulari migranti minorenni, huma esposti ħafna aktar għall-kontroll soċjali, hekk li jista' jwassal li jagħti x'jifhem li l-problemi tad-delinkwenza tal-minorenni tolqot l-aktar l-ambjenti tal-migranti u mhux lis-soċjetà kollha kemm hi, approċċ li mhux biss huwa żbaljat imma wkoll soċjalment perikoluż,
K. billi ż-żewġ forom "attwali" tad-delinkwenza tal-minorenni jinsabu fil-formazzjoni ta' "gangs ta' żagħżagħ", kif ukoll fiż-żieda tal-vjolenza fl-ambjent ta' l-iskola, b'mod partikulari f'ċerti Stati Membri u li l-istudju tagħhom, kif ukoll ir-rimedji eventwali tiegħu, qed jirriżultaw ikkomplikati,
L. billi l-firxa ta' żviluppi bħall-gangs organizzati ta' żagħżagħ vjolenti wasslu biex ċerti Stati Membri jibdew dibattitu dwar il-ħtieġa li tiġi reveduta l-liġi kriminali tal-minorenni,
M. billi f'ċerti Stati Membri l-inħawi kif ukoll l-istess btieħi ta' l-iskejjel, inklużi dawk f'lokali privileġġati, saru zoni fejn il-liġi donnha ma teżistix, (bil-bejgħ ta' drogi, atti ta' vjolenza kultant bi xfafar, diversi rackets oħrajn u l-iżvilupp ta' logħob perikoluż bħal "happy slapping" u l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta' ritratti ta' xeni ta' vjolenza meħudin b'telephones ċellulari),
N. billi ġiet osservata tul dawn l-aħħar snin riforma gradwali tal-liġi kriminali nazzjonali rigward il-minorenni li suppost għandha tikkonċentra fuq miżuri ta' prevenzjoni, miżuri ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji u miżuri ta' edukazzjoni mill-ġdid u rijabilitazzjoni, inkluża terapija jekk tkun meħtieġa; jenfasizza madankollu li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri ġodda ħafna drabi hija mxekkla minn nuqqas ta' l-infrastruttura materjali teknika u moderna xierqa, kif ukoll minn nuqqas ta' persunal imħarreġ u speċjalizzat minħabba l-parteċipazzjoni soċjali limitata u minħabba nuqqas ta' finanzjament suffiċjenti, kultant minħabba nuqqas ta' volonta? mill-parteċipanti konċernati jew kultant minħabba difetti intrinsiċi fis-sistema;
O. billi l-ġzuz ta' immaġnijiet ta' xeni ta' vjolenza estrema u ta' materjal pornografiku mxandra mill-mezzi ta' komunikazzjoni u dawk awdjoviżwali, bħalma huma l-logħob, it-televiżjoni u l-internet, kif ukoll l-esplojtazzjoni mill-media ta' l-immaġnijiet ta' delinkwenti minorenni u tal-vittmi, bosta drabi jistgħu jitqiesu kważi bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfal u jikkontribwixxu biex jippropagaw il-banalizzazzjoni tal-vjolenza,
P. jinnota li l-istatistiċi pubblikati f'ċerti Stati Membri jindikaw li minn 70% sa 80% tad-delinkwenti minorenni li jiġu penalizzati ma' l-ewwel reat tagħhom ma jerġawx jikkommettu reat ieħor;
Q. billi l-istudji u l-artikoli pubblikati f'ċerti Stati Membri juru ż-żieda fin-numru ta' vjolenzi kawżati minn adolexxenti fuq il-ġenituri tagħhom u l-pożizzjoni dgħajfa li jsibu ruħhom fiha dawn ta' l-aħħar;
R. billi n-network tal-kriminalita? organizzata kultant tħaddem lil delinkwenti minorenni fl-attivitajiet tagħha;
S. billi twaqqaf grupp ta' ħidma speċjali dwar id-delinkwenza tal-minorenni fin-Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità stabbilit fl-2001, li beda jagħmel studju komparattiv dettaljat fis-27 Stat Membru biex iservi ta' bażi għall-iżviluppi tal-politika tal-futur ta' l-UE f'dan il-qasam,
1. Jenfasizza li wieħed jista' jiġġieled id-delinkwenza tal-minorenni biss jekk tiġi adottata strateġija integrata fil-livell nazzjonali u Ewropew li tgħaqqad flimkien miżuri marbuta mat-tliet prinċipji gwida li ġejjin:: il-prevenzjoni, miżuri ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji u miżuri għall-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha;
Il-politiki fil-livell nazzjonali
2. Jenfasizza li fit-tfassil u l-implimentazzzjoni ta' strateġija nazzjonali integrata għandu jkun hemm l-involviment importanti u deċiżiv u l-parteċipazzjoni soċjali diretta ta' l-atturi soċjali kollha, jiġifieri, ta' l-Istat, meqjus bħala l-amministrazzjoni ċentrali, ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali, ta' dawk responsabbli għall-iskejjel tal-komunità, il-familji u l-NGOs, b'mod partikulari dawk iffukati fuq iż-żagħżagħ, is-soċjetà ċivili u l-individwi kollha; isossni li fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet maħsuba biex jiġġieldu kontra d-delinkwenza tal-minorenni huwn indispensabbli li wieħed jiddisponi minn riżorsi finanzjarji biżżejjed;
3. Jenfasizza li l-ġlieda effettiva kontra d-delinkwenza tal-minorenni titlob politika integrata u effettiva għall-iskejjel, għas-soċjetà, għall-familja u għall-edukazzjoni u li tikkontribwixxi biex tgħaddi liż-żagħżagħ il-valuri soċjali u ċiviċi u għas-soċjalizzazzjoni tagħhom minn kmieni; jikkunisdra, minbarra hekk, li jeħtieġ li tiġi definita politika kkonċentrata fuq koeżjoni ekonomika u soċjali aħjar bl-iskop li tnaqqas l-inugwaljanzi soċjali u biex tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, b'attenzjoni partikulari fuq il-faqar fost it-tfal;
4. Jikkunisdra li jeħtieġ li l-familji, l-edukaturi u s-soċjetà jittrażmettu l-valuri liż-żagħżagħ minn età kemm jista' jkun kmieni;
5. Huwa tal-fehma li l-prevenzjoni tad-delinkwenza fost il-minorenni teħtieġ ukoll politiki pubbliċi f'oqsma oħra, inklużi l-oqsma ta' l-akkomodazzjoni, tax-xogħol, tat-taħriġ professjonali, tad-divertiment u ta' l-iskambji fost iż-żagħżagħ;
6. Ifakkar li l-familji kif ukoll l-iskejjel u s-soċjetà ġenerali għandhom jikkollaboraw fil-ġlieda kontra l-fenomenu dejjem jikber tal-vjolenza taż-żagħżagħ;
7. Jenfasizza l-irwol speċifiku li għandha l-familja f'kull stadju tal-ġlieda kontra d-delinkwenza fost il-minorenni u jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ xieraq lill-ġenituri; isostni li f'ċerti każi hemm il-ħtieġa li dawn jiġu implikati u meqjusa responsabbli aktar;
8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaraw li l-politiki nazzjonali tagħhom jinkludu miżura li tipprovdi btala ta' sena għall-familji li jkunu jixtiequha biex jiffavorixxu l-ewwel edukazzjoni ta' l-ulied, li hija ta' l-akbar importanza għall-iżvilupp affettiv tagħhom;
9. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ partikulari lill-familji li jsibu ruħhom jiffaċċjaw problemi soċjali u ekonomiċi; jenfasizza li l-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex ikopru bżonnijiet essenzjali rigward akkomodazzjoni u alimentazzjoni, garanzija ta' aċċess lill-membri kollha tal-familja, ibda mit-tfal, għal edukazzjoni bażika u għall-kura tas-saħħa, kif ukoll azzjonijiet maħsuba biex jiggarantixxi aċċess ugwali tal-membri ta' dawn il-familji għas-suq tax-xogħol u għall-ħajja soċjali, ekonomika u politika, ilkoll jikkontribwixxu biex jiggarantixxu ambjent tal-familja b'saħħtu u xieraq għall-iżvilupp u l-ewwel soċjalizzazzjoni tat-tfal;
10. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu r-riżorsi neċessarji biex joffru servizz ta' għajnuna effikaċi għal pariri psikoloġiċi u soċjali u li jinkludi punti ta' riferiment għall-familji bi problemi rigward delinkwenza tal-minorenni;
11. Jenfasizza l-irwol partikulari fdat lill-iskola u lill-komunità skolastika fit-trawwim tal-personlità tat-tfal u ta' l-adolexxenti; jenfasizza li żewġ karatteristiċi essenzjali ta' l-iskola ta' llum, jiġifieri d-diversità kulturali u l-aċċent fuq d-differenzi bejn il-klassijiet soċjali jistgħu jwasslu - jekk f'dik li hi intervenzjoni ma jkunx hemm appoġġ u kuntatt ma' l-istudenti mill-istrutturi meħtieġa ta' l-iskejjel - għal vjolenza fil-qasam skolastiku;
12. Rigward dan, jistieden lill-Istati Membri biex jifformulaw għall-awtoritajiet edukattivi l-linji gwida meħtieġa għal sistema moderna għall-immaniġġjar tal-konflitti fl-ambjent ta' l-iskejjel permezz ta' sessjonijiet ta' medjazzjoni li fihom jieħdu sehem flimkien l-istudenti, il-ġenituri, l-għalliema u s-servizzi kompetenti ta' l-awtoritajiet lokali;
13. Jikkunsidra li huwa assolutament indispensabbli li jingħata taħriġ xieraq lill-għalliema sabiex dawn ikunu kapaċi jimmaniġġjaw klassijiet eteroġenji u biex jimplimentaw sistema edukattiva li ma tkunx moralista imma preventiva u bbażata fuq is-solidarjetà, u biex jevitaw l-istigmatizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, kemm ta' delinkwenti minorenni, kif ukoll ta' sħabhom li jisfaw vittmi tagħhom;
14. Jitlob minbarra dan lill-Istati Membri biex jintegraw fil-politika edukattiva tagħhom l-għajnuna ta' appoġġ psikoloġiku u ta' pariri intiżi b'mod partikulari għat-tfal li jiffaċċjaw problemi ta' soċjalizzazzjoni, il-possibilità li tingħata kura medika f'kull istituzzjoni edukattiva, il-ħatra ta' assistenti soċjali inkarigat partikularment minn numru ristrett ta' istituzzjonijiet edukattivi, ta' soċjologu kriminoloġista, ta' psikoloġu pedjatriku u ta' esperti fil-qasam tad-delinkwenza ta' minorenni, kontroll strett tal-konsum ta' l-alkoħol u ta' l-użu drogi fost l-istudenti, il-ġlieda kontra kull xorta ta' diskriminazzjoni fost il-membri tal-komunità skolastika, il-ħatra ta' medjatur komunitarju li jservi ta' ħolqa bejn l-iskola u l-komunità, kif ukoll il-koperazzjoni bejn l-komunitajiet skolastiċi differenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi kontra l-vjolenza;
15. Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għar-regolamentazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali biex jimmoniterjaw bl-aktar mod strett ir-rispett tal-leġiżlazzjoni komunitarja u nazzjonali dwar avviżi dwar il-kontenut ta' xandir televiżiv u ta' programmi oħra li jistgħu jinkludu xeni partikolarment vjolenti jew li ma jkunux xierqa għall-minorenni; jitlob minbarra dan li l-Istati Membri jistabbilixxu flimkien ma' dawk risponsabbli għall-media, "pjan ta' azzjoni" maħsub biex iħares id-drittijiet tat-tfal kif ukoll, b'mod partikulari, dawk ta' delinkwenti minorenni, billi jipprojbixxi x-xandir ta' xeni ta' vjolenza estrema f'ċerti ħinijiet tal-ġurnata u l-projbizzjoni tax-xandir ta' l-identità ta' minorenni implikati f'każijiet ta' delinkwenza;
16. Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex isaħħu l-irwol u jtejbu l-kwalità ta' ċentri taż-żagħżagħ li huma meqjusa bħala lokal adattat għall-iskambji bejn iż-żagħżagħ u jenfasizza li d-dħul ta' żagħżagħ delinkwenti f'dawn il-postijiet jikkontribwixxi għas-soċjalizzazzjoni tagħhom u jsaħħaħ is-sens ta' sħubija tagħhom fis-soċjetà;
17. Jisħaq fuq il-fatt li l-media jista' jkollha rwol konsiderevoli fil-prevenzjoni tad-delinkwenza fost iż-żagħżagħ u dan billi tieħu inizjattivi f'dik li hi informazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u billi xxandar programmi ta' kwalità għolja li jenfasizzaw il-kontribut pożittiv taż-żagħżagħ għas-soċjetà, filwaqt li, bil-kontra, tikkontrolla x-xandir ta' xeni ta' vjolenza, pornografija u użu ta' drogi, fuq il-bażi ftehimiet li jkunu integrati fil-"pjan ta' rotta" maħsub biex jipproteġi d-drittijiet tat-tfal;
18. Jenfasizza bl-istess mod, fil-kwistjoni tal-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni, l-interess għall-iżvilupp fl-Istati Membri tal-miżuri li jipprevedu pieni alternattivi minflok priġunerija u ta' natura edukattiva li għalihom jistgħu jirrikkorru liberament il-qrati nazzjonali; bħalma huma xogħol ta' servizz komunitarju, riabilizzazzjoni, medjazzjoni mal-vittmi u korsijiet ta' taħriġ professjonali, skond is-serjeta? tal-krimini, l-eta? tad-delinkwent, u l-personalita? u l-maturita? tiegħu;
19. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri ġodda innovattivi bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet ġudizzjarji bħalma hija l-parteċipazzjoni diretta ta' ġenituri u gwardjani ta' minorenni fil-proċeduri legali mill-bidu tal-prosekuzzjoni sa l-għoti tas-sentenzi, flimkien ma' riedukazzjoni u appoġġ psikoloġiku intensiv, l-għażla ta' familja ospitanti inkarigata, jekk ikun meħtieġ, biex teduka lill-minorenni, kif ukoll l-appoġġ f'dak li huma pariri u informazzjoni għall-ġenituri u għalliema f'każijiet ta' imġiba vjolenti mill-minorenni fl-ambjent ta' l-iskola;
20. Ifakkar li rigward id-delinkwenza tal-minorenni l-prosegwiment tal-proċeduri legali u t-tul tagħhom, l-għażla tal-miżura li għandha tiġi adottata kif ukoll l-implimentazzjoni ta' wara tagħha, għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipju ta' l-interess aħħari tat-tfal u tar-rispett tal-liġi proċedurali ta' kull Stat Membru; rigward dan jenfasizza li kull miżura ta' ħabs m'għandhiex tittieħħed jekk mhux bħalha rikors aħħari u trid titwettaq f'infrastrutturi xierqa għal delinkwenti żagħżagħ;
21. Jitlob lill-Istati Membri biex fi ħdan approċċ integrat għad-delinkwenza tal-minorenni jiġu previsti approprijazzjonijiet fiskali speċifiċi u awtonomi sabiex jiġu adottati miżuri ta' prevenzjoni kontra d-delinkwenza taż-żagħżagħ, tisħiħ fl-approprijazzjonijiet allokati għal programmi għall-integrazzjoni soċjali u professjonali taż-żagħżagħ, u tkabbir fir-riżorsi bbażati fuq ir-rivalorizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta' istituzzjonijiet ospitanti għall-minorenni delinkwenti fil-livell ċentrali u reġjunali, kif ukoll fuq taħriġ speċjalizzat u t-tkomplija tat-taħriġ tal-professjonijisti kollha u ta' organizzazzjonijiet responsabbli li huma konċernati;
Lejn Strateġija Ewropea
22. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex b'koperazzjoni mal-Kummissjoni jiġbru u jadottaw mill-aktar fis numru ta' standards minimi u prinċipji gwida komuni għall-Istati Membri kollha relatati mad-delinkwenza tal-minorenni u sabiex jiffukaw fuq it-tliet pilastri bażiċi l-ewwel tal-prevenzjoni, it-tien, il-miżuri ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji, u t-tielet, ir-rijabiliatzzjoni r-rintegrazzjoni soċjali, fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti b'mod internazzjonali skond il-linji gwida tar-regoli ta' Beijing u ta' Riyadh, il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, kif ukoll skond il-konvenzjonijiet internazzjonali l-oħra adottati f'dan il-qasam;
23. Hu tal-fehma li l-għan ta' approċċ Ewropew komuni għandu jkun li ssir definizzjoni ta' mudelli għal interventi ekstraġudizzjarji li jittrattaw u jimmaniġġjaw id-delinkwenza tal-minorenni, waqt li r-rikors għall-miżuri ta' kustodja u kastigi għandhom ikunu l-aħħar miżura u jingħataw biss meta jitqiesu li jkunu assolutament meħtieġa;
24. Jikkunisdra li l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żagħżagħ fil-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li jolqtu lilhom huma indispensabbli jekk irridu li jinstabu soluzzjonijiet komuni li jirnexxu; għalhekk jikkunisdra li fl-istadju ta' l-intervenżjoni ta' assessuri tal-qorti għat-tfal wieħed irid joqgħod attent li dawn ma jkollhomx biss esperjenza fil-qasam ta' l-edukazzjoni taż-żagħżagħ, imma li jkunu wkoll kisbu taħriġ dwar problemi tal-vjolenza fost iż-żagħżagħ;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji speċifiċi għall-Istati Membri kollha għall-ġabra ta' statistika nazzjonali sabiex ikun żgurat li din tkun tista' titqabbel u għalhekk tkun tista' tintuża fl-ippjanar tal-miżuri fuq skala Ewropea; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu sehem attiv fil-ħidma tal-Kummissjoni billi jimmotivaw u jiksbu l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, regjonali u lokali kompetenti, l-assoċjazzjonijiet, l-NGOs u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'dan il-qasam;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali ta' l-Istati Membri biex jispiraw ruħhom mill-aħjar prattiki mwettqa fil-pajjiżi ta' l-Unjoni li kapaċi jimmobilizzaw is-soċjetà kollha kemm hi u li jinkludu azzjonijiet u intervenzjonijiet pożittivi minn għaqdiet ta' ġenituri ta' studenti u ta' NGOs fl-iskejjel u tar-residenti tal-lokali, u sabiex jinħarġu konklużjonijiet mill-esperjenza ta' Stati Membri rigward ftehimiet ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet taż-żagħżagħ u s-servizzi soċjali fil-livell lokali, filwaqt li tiġi rrispettata s-segretezza ta' bejniethom, kif ukoll strateġiji nazzjonali u programmi ta' appoġġ għaż-żagħżagħ fil-livell nazzjonali, jistieden lill-Istati Membri biex jispiraw ruħhom mill-aħjar prattiki attwali tagħhom rigward il-ġlieda kontra l-iżvilupp li jħasseb ta' użu ta' droga fost il-minorenni u d-delinkwenza li jġib miegħu, kif ukoll mill-aħjar soluzzjonijiet għall-użu serju, speċjalment rigward kura medika;
27. Jifraħ bl-inizjattivi nazzjonali li jinkludu passi pożittivi għall-integrazzjoni, bħalma huma skemi ta' animaturi li jaħdmu maż-żagħżagħ barra mill-iskola li bdiet titħaddem f'reġjuni bħal La Rioja;
28. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew billi jattivaw il-mezzi u l-programmi Ewropej diġà eżistenti u biex jintegraw magħhom azzjonijiet għall-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni u biex jipprevjenu dan il-fenomenu, kif ukoll biex jiżguraw li jkun hemm riintegrazzjoni normali fis-soċjetà tad-delinkwenti u tal-vittmi; rigward dan, jiġbed l-attenzjoni lejn:
–
il-programm speċifiku "Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità" (2007-2013), li huwa essenjalment bbażata fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-protezzjoni tal-vittmi,
–
il-programm speċifiku "Il-ġustizzja kriminali " (2007-2013), li għandu l-iskop li jippromwovi l-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u li huwa bbażat fuq għarfien u fiduċja reċiproka, tisħiħ ta' kuntatti u skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti;
–
il-programm Daphne III dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal u ż-żagħżagħ,
–
il-programm "Iż-żagħżagħ u l-ażżjoni" (2007-2013) li wieħed mill-prijoritajiet prinċipali tiegħu hu l-appoġġ għaż-żagħżagħ neqsin mill-opportunitajiet jew li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati,
–
l-ażżjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-programm Equal favur it-tisħiħ u l-integrazzjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal persuni żvantaġġati,
–
l-inizjattiva tal-programm Urbact li hija appoġġjata mill-Unjoni u li hija bbażata fuq l-iskambju ta' l-aħjar prattiki bejn l-ibliet Ewropej favur ambjent aktar vijabbli għar-residenti u li jinkludi azzjonijiet biex jinħoloq ambjent urban aktar sigur għaż-żagħżagħ, kif ukoll azzjonijiet favur l-integrazzjoni soċjali ta' żagħżagħ l-aktar żvantaġġati u li hu bbażat fuq is-soċjalizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom;
–
inizjattivi bħal programmi transkonfinali "Let bind safe net for children and youth at risk', li jikkonċentraw fuq l-adozzjoni ta' miżuri favur tfal u żagħżagħ fil-periklu jew li jinsabu f'kundizzjonijiet li jeskludhom soċjalment, u li fihom jistgħu u għandhom jipparteċipaw imsieħba mill-akbar numru possibbli ta' Stati Membri,
–
il-linja Ewropea għal tfal li sparixxew, li fost dawn hemm inklużi vittmi tad-delinkwenza tal-minorenni;
29. Jenfasiżża l-bżonn għal koperazzjoni iżjed mill-qrib u networking bejn l-awtoritajiet ġudizjarji u tal-pulizija fil-livell nazzjonali u f'dak Komunitarju fir-rigward ta' investigazzjonijiet u riżoluzzjoni ta' każi ta' tfal nieqsa li huma l-vittmi tad-delinkwenza tal-minorenni, bl-għanijiet speċifiċi ta'l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet ta' tfal kif preżentati fil- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala bażi;
30. Jenfasizza li wieħed mill-elementi ta' prevenzjoni u tal-ġlieda kontra d-delinkwenza fost il-minorenni huwa l-iżvilupp ta' politika ta' komunikazzjoni li tgħarraf lill-pubbliku dwar il-problemi tal-vjolenza fil-media biex din titwaqqaf u biex jinkiseb l-appoġġ mill-media awdjoviżwali favur programmi li ma jkunux ikkonċentrati biss fuq vjolenza; għalhekk jitlob li jiġu ffissati standards Ewropej sabiex jiġi limitat ix-xandir tal-vjolenza kemm fil-media awdjoviżwali kif ukoll fl-istampa bil-kitba;
31. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li d-Direttiva 89/552/KEE(10), "It-televiżjoni mingħajr fruntieri" tistabbilixxi limiti konkreti għat-trażmissjoni ta' immaġnijiet vjolenti u, b'mod aktar ġenerali, ta' immaġni li mhumiex rakkomandati għall-edukazzjoni tat-tfal, li tikkostitwixxi miżura għall-prevenzjoni tal-vjolenza minn minorenni jew kontra minorenni; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu passi kumplimentari f'dan is-sens billi testendi dawn l-obbligi għas-settur tat-telefonerija mobbli u għall-internet, liema passi għandhom ikunu ta' prijorità politika fundamentali fi ħdan il-komunikazzjoni diġà msemmija tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal;
32. Jifraħ bid-dħul fis-seħħ ta' qafas Ewropew għall-awtoregolamentazzjoni ta' intrapriżi Ewropej għal użu aktar sigur tat-telefonerija mobbli minn adoloxxenti u t-tfal u jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tagħmel proposti speċifiċi li jorbtu fil-livell Ewropew li jiżguraw għarfien u viġilanza rigward in-navigazzjoni fuq l-internet u l-użu tat-telefonerija mobbli;
33. Jitlob li l-Kummissjoni toħloq numru hotline bla ħlas Ewropew għat-tfal u l-adoloxxenti bi problemi, hekk li dan in-numru jkun jista' jagħti kontribut siewi biex jipprevjeni d-delinkwenza tal-minorenni;
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex wara li jintemmu l-istudji meħtieġa fil-livell Ewropew, tipproponi programm ta' qafas Komunitarju integrat li jkun fih miżuri preventivi Komunitarji, appoġġ għall-inizjattivi ta' l-NGOs u koperazzjoni transnazzjonali, u l-iffinanzjar ta' programmi pilota fil-livell reġjonali u lokali, li jkunu bbażati fuq l-aqwa prattiki nazzjonali, li jippruvaw ixerrdu dawn il-prattiki fl-Ewropa kollha u li jkopru wkoll il-ħtiġijiet soċjali u edukattivi ta' l-infrastruttura;
35. Jenfasizza li għandhom jitfasslu mill-aktar fis żewġ linji ta' azzjoni bażiċi mill-Komunità:
–
l-iffinanzjar ta' miżuri preventivi fil-programmi tal-Komunità u l-ħolqien ta' intestatura baġitarja ġdida għal networks u azzjonijiet integrati kontra d-delinkwenza tal-minorenni,
–
il-pubblikazzjoni ta' studju u, wara, ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kobor tal-problema fl-Ewropa u t-tħejjijiet xierqa permezz ta' network ta' esperti nazzjonali biex jagħmlu abbozz ta' programm ta' qafas integrat għall-ġlieda kontra d-delinkwenza tal-minorenni;
36. Jistieden lill-Kummissjoni f'dan il-kuntest, biex tfassal programm ta' miżuri kofinanzjati, li jkun jinkludi:
–
il-konsiderazzjoni ta' l-aqwa prattiki tal-prevenzjoni u ta' soluzzjonijiet effikaċi u ġodda li jibdew minn approċċ pluri-settorjali;
–
il-kejl u l-analiżi ta' kemm jistgħu jkunu effettivi fit-tul ċerti sistemi li kienu żviluppati dan l-aħħar għat-trattament ta' kriminali minorenni, bħall-ġustizzja restorattiva,
–
l-iskambju ta' l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali, nazzjonali u lokali, inklużi l-esperjenzi pożittivi ħafna miksuba mill-programm kontra l-vjolenza Daphne li l-bosta proġetti tiegħu kontra l-vjolenza jistgħu jitqiesu bħala eżempji ta' l-aħjar prattiki;
–
l-aċċertament li dawn is-servizzi u l-prattiki jiffukaw bi prijorità fuq l-interess superjuri tat-tfal u ta' l-adolexxenti, fuq il-ħarsien tad-drittijiet tagħhom u fuq it-taħriġ tagħhom dwar id-dmirijiet tagħhom u r-rispett għal-liġi;
–
l-implimentazzjoni ta' mudell Ewropew għall-ħarsien taż-żagħżagħ ikkonċentrat fuq it-tliet pilastri fundamentali li jikkostitwixxu l-prevenzjoni, il-miżuri ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji u r-ri-integrazzjoni soċjali kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-valuri tar-rispett u l-ugwaljanza u l-valuri tad-drittijiet u d-dmirijiet għal kulħadd,
–
it-tfassil ta' programmi ta' taħriġ edukattiv u vokazzjonali għall-minorenni sabiex titħaffef l-integrazzjoni soċjali tagħhom u sabiex ikun hemm tabilħaqq ugwaljanza ta' opportunitajiet permezz ta' tagħlim għal tul il-ħajja għal kulħadd; Edukazzjoni effiċjenti għal kulħadd u t-twettiq ta' l-għanijiet ta' Barċellona huma l-kundizzjonijiet li minnhom tiddependi l-prevenzjoni effettiva tal-vjolenza, l-appoġġ għall-inizjattivi eżistenti rigward dan imwettqa minn organizzazzjonijiet ta' żagħżagħ,
–
l-organizzazzjoni ta' programm koordinat ta' taħriġ kontinwu għall-ombudsmen nazzjonali, għall-forzi tal-pulizija u l-membri tal-ġudikatura, għall-korpi nazzjonali kompetenti u għall-awtoritajiet ta' sorveljanza,
–
in-networks tas-servizzi responsabbli ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet taż-żagħżagħ kif ukoll dawk tal-komunità edukattiva;
37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex waqt li tħejji t-triq għall-Osservatorju Ewropew għad-delinkwenza fost il-minorenni u l-programm ta' qafas relatat miegħu, tipproponi mill-aktar fis il-miżuri li ġejjin għall-promozzjoni u t-tixrid ta' l-esperjenza u l-kapaċitajiet:
–
stħarriġ konġunt u x-xandir tar-riżultati tal-politiki nazzjonali,
–
l-organizzazzjoni ta' konferenzi u ta' fora bil-parteċipazzjoni ta' l-esperti nazzjonali,
–
il-promozzjoni tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi Komunitarji permezz ta' l-Internet u l-ħolqien ta' website li tispeċjalizza f'dawn l-affarijiet,
–
it-twaqqif ta' ċentru internazzjonali ta' l-eċċellenza;
o o o
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.