Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2067(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0151/2007

Testi mressqa :

A6-0151/2007

Dibattiti :

PV 20/06/2007 - 18
CRE 20/06/2007 - 18

Votazzjonijiet :

PV 21/06/2007 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0285

Testi adottati
PDF 221kWORD 56k
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
L-iżvilupp tan-negozjati rigward id-Deċiżjoni Kwadru dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija
P6_TA(2007)0285A6-0151/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-21 ta' Ġunju 2007 bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tan-negozjati rigward id-deċiżjoni kwadru dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (2007/2067(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Martine Roure f'isem il-grupp PSE dwar l-iżvilupp tan-negozjati rigward id-deċiżjoni kwadru dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (B6-0076/2007),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija(1),

–   wara li kkunsidra l-azzjoni komuni 96/443/JHA tal-15 ta' Lulju 1996 adottata mill-Kunsill skond l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, dwar l-azzjoni kontra r-razziżmu u l-ksenofobija(2) (minn hawn 'il quddiem imsejjħa "l-azzjoni komuni"),

–   wara li kkunsidra l-proposta ta' deċiżjoni kwadru mill-Kunsill lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (COM(2001)0664)(3),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni kwadru tal-Kunsill ta' l-2005 bit-titolu "Il-Kompromess ta' Lussemburgu"(4),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni kwadru tal-Kunsill ta' Jannar 2007(5),

–   wara li kkunsidra l-Patt internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, u b'mod partikulari l-Artikolu 20(2) tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni internazzjonali dwar l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni razzjali tal-21 ta' Diċembru 1965,

–   wara li kkunsidra l-protokoll addizzjonali tal-Konvezjoni dwar il-kriminalità fuq l-internet tat-28 ta' Jannar 2003, rigward l-inkriminazzjoni ta' atti ta' natura razzista u ksenofobika mwettqa permezz ta' sistemi informatiċi(6),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114 (3) u l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0151/2007),

A.   billi r-rapporti annwali taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija, ir-rapporti komparattivi tiegħu dwar ir-reati ta' natura razzista, u ż-żewġ rapporti reċenti tiegħu dwar l-antisemitiżmu u l-islamofobija wrew li r-reati ta' natura razzista huma problema persistenti u kostanti fl-Istati Membri kollha; wieħed jista' jikkalkula li aktar minn 9 miljun persuna sfaw vittmi ta' reati ta' natura razzista fl-2004,

B.   billi s-sena 2007 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea ta" l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd, u li jaqbel li matul din is-sena ssir enfasi partikulari fuq il-ġlieda kontra kull tip ta' diskriminazzjoni,

C.   billi jeħtieġ li jinżamm il-bilanċ bejn ir-rispett tal-libertà ta' l-espressjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,

D.   billi, anke jekk politika kriminali tkun xierqa f'dan il-qasam, din trid tqis il-fatt li f'kultura bbażata fuq il-libertà u d-drittijiet, il-liġi kriminali hija dejjem l-aħħar rikors li għandu jintuża mill-inqas; billi l-politika leġiżlattiva f'dan il-qasam trid tkun imsejsa fuq il-valuri kollha konċernati u b'mod partikulari fid-dawl tal-kunflitt bejn il-libertà ta' l-espressjoni u d-dritt ta' kull bniedem għal kunsidrazzjoni u rispett ugwali,

E.   billi l-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-assoċjazzjoni għandhom jitħarsu, ħlief meta dawn jintużaw biex iwasslu għall-użu tal-forza, il-vjolenza u l-mibgħeda, jew meta għandhom l-għan li jwasslu għal atti illegali jew li jipprovokawhom, jew meta huwa probabbli li dawn jipprovokaw atti bħal dawn,

F.   billi, għalkemm l-Istati Membri kollha għandhom leġiżlazzjoni bil-għan li jiġġieldu kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, jeżistu diverġenzi importanti bejn dawn il-leġiżlazzjonijiet; billi din id-diversità turi l-ħtieġa ta' ċertu livell ta' armonizzazzjoni fuq livell Ewropew bil-għan li tiggarantixxi l-effikaċja tal-ġlieda transkonfinali u fl-Ewropa inġenerali kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,

G.   billi jeħtieġ li r-razziżmu u l-ksenofobija jiġu miġġielda b'mod enerġetiku madwar l-Unjoni Ewropea kollha, l-ewwelnett permezz ta' l-edukazzjoni u permezz ta' argumenti soċjali u politiċi bla heda, li jesponu l-argumenti favurihom u jiżolaw lil min ixerridhom,

H.   billi, wara sitt snin ta' negozjati, il-Kunsill wasal għal ftehima politika dwar proġett ta' deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija matul il-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern tad-19 ta' April 2007,,

I.   billi din il-ftehima politika hija frott ta' bosta snin ta' negozjati u għandu jkun il-punt tat-tluq sabiex titwaqqaf leġiżlazzjoni Ewropea b'appoġġ akbar f'dan il-qasam,

J.   filwaqt li jfakkar li l-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-4 ta' Lulju 2002, li din il-pożizzjoni kienet ibbażata, madankollu, fuq il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ta' l-2001, u li l-ftehima politika tad-19 ta' April 2007 hija frott ta' negozjati diffiċli u għalhekk immodifikat b'mod sostanzjali t-test inizjali tal-Kummissjoni; billi, għaldaqstant, il-Parlament għandu jerġa' jiġi kkonsultat fuq il-bażi ta' dan it-test ġdid,

K.   filwaqt li jfakkar li l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni kwadru se twassal għall-abrogazzjoni ta' l-azzjoni komuni u li għalhekk jaqbel li din id-deċiżjoni ma tkunx anqas importanti mill-azzjoni komuni,

1.   billi titqies il-proposta ta' deċiżjoni ta' qafas li kienet is-suġġett ta' ftehima politika matul il-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern tad-19 ta' April 2007, jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill::

   a) għandu jingħata messaġġ politiku qawwi favur Ewropa taċ-ċittadini u jiġi żgurat il-ħarsien ogħla tad-drittijiet fundamentali filwaqt li jiġi finalizzat it-test mill-iktar fis possibbli, u li jiġi żgurat ir-reklamar tiegħu,,
   b) għandhom jittieħdu inizjattivi sabiex l-edukazzjoni favur il-paċi, in-nuqqas ta' vjolenza u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u għad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u l-kulturi fuq livell ta' l-Unjoni Ewropea jsiru l-istrumenti ewlenin tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,
   c) għandu jiġi garantit li din id-deċiżjoni ta' qafas iġġib valur miżjud Ewropew rigward l-azzjoni komuni ,
   d) għandha tiġi applikata, flimkien mal-Kummissjoni u b'mod aktar attiv, il-leġiżlazzjoni u d-dispożizzjonijiet tat-trattat eżistenti kontra d-diskriminazzjoni u kontra r-razziżmu, u t-transpożizzjoni u l-implimentazzjoni futuri tad-deċiżjoni kwadru f'kull Stat Membru għandhom jiġu monitorjati mill-qrib, u għandu jsir rapport lill-Parlament Ewropew; għandu jiġi żgurat li l-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' infrazzjoni kontra l-Istati Membri li ma japplikawx il-leġiżlazzjoni,
   e) għandu jiġi rikonoxxut li f'xi Stati Membri, l-innegar jew it-trivjalizzazzjoni sfaċċata tal-ġenoċidju, tar-reati kontra l-umanità u tar-reati tal-gwerra jitqiesu bħala reat,
   f) għandha tiddaħħal, fit-test finali tad-deċiżjoni kwadru, id-definizzjoni tar-reati razzisti jew ksenofobiċi li huma diġà inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni hawn fuq imsemmija, li twassal biex "li wieħed jidderieġi, jappoġġja jew jieħu sehem fl-attivitajiet ta' grupp razzist jew ksenofobiku bil-għan li jikkontribwixxi favur l-attivitajiet kriminali ta' l-organizzazzjoni" tiġi meqjusa bħala reat,
   g) għandu jiġi eskluż il-kunċett tal-ksur ta' l-ordni pubblika ,billi dan mhuwiex ibbażat fuq definizzjoni eżatta ta' dan il-kunċett, u għandha tiġi definita l-imġieba ta' theddida, offensiva jew insolenti li dwar l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu l-imġieba għandhiex tiġi sanzjonata jew le,
   h) għandha tiżdied klawżola ta' nuqqas ta' rigress bħal dik fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament indaqs bejn il-persuni, bla distinzjoni minħabba r-razza jew l-oriġini etnika(7), u dan bil-għan li jiġi garantit li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' qafas ma twassalx biex jiddgħajfu sistemi ta' ħarsien eżistenti,
   i) għandu jkun hemm dispożizzjoni sabiex l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' qafas ma twassalx biex tagħmel ħsara lil xi obbligu impost skond il-Konvenzjoni internazzjonali għall-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni razzjali, li ssemmiet iktar 'il fuq,
   j) għandu jitwaqqaf, taħt il-patroċinju ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, grupp bil-għan li jissorvelja reati simili fl-Istati Membri, u li jkun responsabbli għall-ġbir, iż-żamma u l-klassifikar tad-dejta konċernata,
   k) għandha tiġi żgurata implimentazzjoni tajba tad-deċiżjoni kwadru li tippermetti li r-rapport tal-Kummissjoni jqis l-opinjoni ta' l-Aġenzija tad-drittijiet fundamentali u ta' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi konċernati, b'konformità mal-mudell stabbilit fid-Direttiva 2000/43/KE,
   l) għandu jiddaħħal qafas legali komprensiv biex jiffavorixxi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, permezz ta' l-adozzjoni rapida ta' direttiva komprensiva dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (konformi ma' l-Artikolu 13 tat-Trattat) u li jaħseb għal sanzjonijiet penali effettivi, proporzjonati u li jservu ta' deterrent, kif ukoll sanzjonijiet amministrattivi, sanzjonijiet ta' rijabilitazzjoni bħall-edukazzjoni obbligatorja u s-servizz komunitarju, jew multi, b'ċirkostanzi aggravanti fil-każ ta' persuni pubbliċi u rappreżentanti ta' l-awtoritajiet, minħabba l-fatt li l-pożizzjoni tagħhom għandha titqies bħala ċirkustanza aggravanti,
   m) għandu jitqies il-fatt li m'għandux ikun hemm ġerarkija bejn il-motivi ta' diskriminazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 13 tat-Trattat u għaldaqstant, dawn il-forom ta' diskriminazzjoni jixirqilhom l-istess attenzjoni mill-Kunsill; reati ta' mibegħda u vjolenza huma bbażati fuq motivi diskriminatorji, jew fuq taħlita ta' motivi ta' dan it-tip (diskriminazzjoni multipla), għandhom ikunu inklużi fl-ambitu tar-responsabbiltà kriminali,
   n) għandu jittieħed l-impenn li, fi żmien massimu ta' tliet snin mid-data ta' limitu ta' traspożizzjoni tad-deċiżjoni ta' qafas, issir reviżjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni ta' qafas, fuq il-bażi ta' rapport ta' evalwazzjoni li ser jintbagħat mid-diversi Stati Membri rigward l-implementazzjoni, partikularment ta' l-Artikolu 1, bil-għan li titnaqqas il-portata tad-derogi,

2.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni tal-parlament lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 271 E, 12.11.2003, p. 558.
(2) ĠU L 185, 24.7.1996, p. 5.
(3) ĠU C 75 E, 26.3.2002, p. 269.
(4) Dokumenti 8994/1/05 REV 1 DROIPEN 24; 8994/1/05 REV ADD 1 DROIPEN 24.
(5) Dokument 5118/07 DROIPEN 1.
(6) Sensiela ta' trattati tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ETS nru 189.
(7) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

Avviż legali - Politika tal-privatezza