Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2048(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0191/2007

Testi mressqa :

A6-0191/2007

Dibattiti :

PV 21/06/2007 - 5
CRE 21/06/2007 - 5

Votazzjonijiet :

PV 21/06/2007 - 8.11
CRE 21/06/2007 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0287

Testi adottati
PDF 408kWORD 104k
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
Il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali
P6_TA(2007)0287A6-0191/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali (2006/2048(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis dwar il-Konsumatur (COM(2006)0744) u l-Kompendju tal-Liġi tal-Konsumatur tal-KE - Analiżi Komparattiva(1),

–   wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku (u l-istudji ta' l-esperti ppreżentati waqt is-smigħ) dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, li sar fil-Parlament Ewropew fl-24 ta' Jannar 2007,

–   wara kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikulari l-Artikoli 95 u 153 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-liġi Ewropea tal-kuntratti u r-reviżjoni ta' l-acquis: prospettivi għall-futur(2) u tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-liġi Ewropea tal-kuntratti(3),

–   wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni preżenti tal-Komunità fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur, tal-kummerċ elettroniku u ta' l-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informatika,

–   wara li kkunsidra l-Karta tal-Presidenza Ġermaniża bit-titolu "Is-sovranità tal-konsumatur fid-dinja diġitali",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-ispam, l-ispyware u s-software malizzjuż (COM(2006)0688),

–   wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Qafas Regolatorju ta" l-UE għan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (COM(2006)0334),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0191/2007),

A.  Billi t-teknoloġija diġitali hija parti mill-ħajja ta' kuljum, l-industrija tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u tal-komunikazzjoni (ICT) għandha l-irwol prinċipali li tipprovdi pjattaformi, apparat, software, servizzi ta' l-informazzjoni, komunikazzjoni, divertiment, u prodotti kulturali, u l-fruntiera bejn prodotti u servizzi qed issir inqas ċara, b'forom differenti ta' ICT li qed jidħlu f'xulxin, metodi ta' xiri li qed jiddiversifikaw u l-klijenti li dejjem aktar qed jiġġeneraw kontenut u jżidu l-valur għal prodotti; josserva li, f'din l-istruttura ġdida kumplessa, huwa aktar diffiċli biex ikun identifikat min qed jipprovdi parti partikulari ta' servizz u biex jinftiehem l-impatt ta' teknoloġija speċifika u ta' mudelli ta' kummerċ ġodda;

B.   billi l-kunfidenza tal-konsumaturi u tan-negozji Ewropej fl-ambjent diġitali hija baxxa u billi f'ċertu aspetti tal-kummerċ elettroniku l-Ewropa baqgħet lura wara l-Istati Uniti u l-Asja,

C.   billi, minkejja l-potenzjal tal-komunikazzjoni diġitali, 6% biss tal-konsumaturi jagħmlu użu minn kummerċ elettroniku transkonfinali f'affarijiet ta' prodotti, servizzi u kontenut, għalkemm din iċ-ċifra qed tiżdied,

D.   billi, minkejja l-potenzjal tar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), dawn is-sistemi huma użati b'mod regolari minn 3% biss tal-bejjiegħa bl-imnut, u 41% tal-bejjiegħa bl-imnut ma jafux dwar il-possibilitajiet ta' l-użu ta' dawn l-għodda,

E.   billi l-iżvilupp tas-suq diġitali ta' l-UE għandu jżid b'mod konsiderevoli l-kompetittività ta' l-UE fil-kummerċ globali,

F.   billi n-newtralità ta' l-Internet jistħoqqilha investigazzjoni fil-fond u monitoraġġ mill-qrib fil-livell Ewropew sabiex jinħeles u jkun sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħha li żżid l-għażla għall-konsumatur u tagħmilha possibbli wkoll għal negozji ġodda li jkollhom aċċess indaqs għas-suq intern,

G.   billi l-frammentazzjoni ta' parti mis-suq elettroniku fl-UE tqiegħed fil-periklu d-drittijiet stipulati fl-acquis communautaire,

H.  Ħ. billi l-firda diġitali hija kemm soċjali kif ukoll ġeografika, u billi dawk li baqgħu lura minħabba l-iżviluppi diġitali huma spiss f'zoni żvantaġġati u rurali,

I.   billi l-konsumaturi u n-negozji Ewropej igawdu ftit ċertezza legali għal kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri fl-UE meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet nazzjonali u t-tranżazzjonijiet barra mill-UE,

J.   billi tranżazzjoni elettronika waħda hija suġġetta għal ħafna dispożizzjonijiet legali, li joħolqu rekwiżiti diverġenti, li ma jipprovdux regoli ċari u faċilment infurzati lil operaturi tan-negozju jew konsumaturi,

K.   billi l-futur tas-Soċjetà ta" l-Informatika jiddependi ħafna fuq l-isfida sabiex tkun żgurata protezzjoni xierqa tad-dejta personali kif ukoll ta" livell għoli ta" sigurtà fl-ambjent elettroniku,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja qafas xieraq għall-iżvilup tal-kummerċ elettroniku li għandu jtejjeb il-livell, li fil-preżent huwa baxx, ta' kunfidenza tal-konsumatur, joħloq ambjent ta' negozju iżjed attraenti, itejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, isaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur u tal-pożizzjoni ta' l-operaturi tan-negozji ż-żgħar fis-swieq, u jwaqqaf il-frammentazzjoni tas-suq intern fl-ambjent diġitali; f'dak ir-rigward, jilqa" b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni milll-Kummissjoni dwar l-istrateġija Ewropea tal-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 - Responsabbiltajiet akbar għall-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom (COM(2007)0099);

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex minbarra li tfittex li ttejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur, tiffoka fuq li tiżviluppa regoli xierqa għall-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-għamla ta' standards li d-detenuri tal-marka ta" fiduċja Ewropea għall-kummerċ elettroniku transkonfinali jikkonformaw għalihom b'mod volontarju;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija biex tiżdied il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali kollu, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miġbura fl-inizzjattiva 'kummerċ elettroniku'(4);

4.  Huwa konvint mill-bżonn li tkun implimentata fil-prattika u bla dewmien l-inizzjattiva ta" l-inklużjoni elettronika; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri li huma firmatarji għal din l-inizzjattiva pan-Ewropea biex jieħdu azzjoni għal dan l-għan;

5.  Huwa konvint li għandu jkun hemm definizzjoni iżjed wiesgħa tal-'konsumatur' li tixraq aktar għas-soċjetà ta' l-informatika;

6.  Huwa konvint li l-operaturi tan-negozji żgħar jista" jistħoqqilhom protezzjoni speċifika sabiex titjieb il-pożizzjoni tagħhom fis-swieq tas-Soċjetà ta" l-Informatika;

7.  Jenfasizza li jeżistu fatturi li joħolqu nuqqas ta" kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, u għalhekk iqis li huwa neċessarju li tkun segwita politika attiva u li jkunu appoġġjati mekkaniżmi speċifiċi li jgħinu sabiex titjieb il-kunfidenza tal-konsumatur billi jkun żgurat li t-tranżazzjonijiet fl-ambjent diġitali jistgħu jitwettqu b'mod sigur u xieraq;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ("ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi")(5), biex tikkonkludi l-ftehimiet tal-koperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur ma' pajjiżi terzi (b'mod partikulari dawk fi ħdan l-OECD), li għandha ttejjeb il-possibilità ta' infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur fl-ambjent diġitali;

9.  Jilqa" l-inizzjattiva tal-Kummissjoni sabiex tirrevedi u taġġorna l-acquis tal-konsumatur, u b'mod partikulari l-attenzjoni qawwija fuq il-kummerċ elettroniku;

Iż-żieda tal-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

10.  Jikkunsidra li strateġija ġdida tal-kummerċ elettroniku għandha tkabbar il-kunfidenza tal-konsumatur, b'mod partikulari permezz tal-progress fl-oqsma li ġejjin:

   il-ħolqien ta' programm ta' għotjiet u l-utilizzazzjoni ta" programmi finanzjarji eżistenti għal proġetti mmirati lejn iż-żieda tal-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, inklużi kampanji edukattivi u ta' informazzjoni u proġetti li jivverifikaw is-servizzi online (bħal ma hu l-"mystery shopping"),
   il-ħolqien ta" skeda għat-tgħalim elettronika li tirrelata direttament għall-ħarsien tal-konsumatur u d-drittijiet ta" l-utenti fl-ambjent diġitali b'konnessjoni mal-proġett Dolceta ("Development of On-Line Consumer Education Tool for Adults"), li fl-istess ħin għandu jikkunsidra l-interessi speċifiċi ta" konsumaturi żgħażagħ fl-ambjent diġitali,
   l-appoġġ għal proġetti edukattivi u li jagħtu informazzjoni mfassla biex jgħollu l-għarfien ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju dwar l-obbligazzjonijiet tagħhom meta jipprovdu jew jagħtu prodotti, servizzi jew kontenut minn naħa għal oħra ta' fruntiera fl-ambjent diġitali,
   it-tisħiħ ta" strumenti tradizzjonali ta' protezzjoni għall-konsumatur biex jiġi żgurat li qed jintużaw b'mod effettiv ukoll fl-ambjent diġitali, b'mod partikulari billi jitwessgħu l-għanijiet taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur,
   it-tneħħija ta" tfixkil li jiffaċċjaw intraprendituri li jaħdmu bejn il-fruntieri fl-ambjent diġitali, per eżempju billi jiġu standardizzati regoli ta" l-UE li jirregolaw il-fatturazzjoni elettronika transkonfinali ('e-invoicing'),
   il-ħolqien ta' forum pan-Ewropew ta' esperti biex jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattika nazzjonali, u wkoll biex jippreżenta strateġija leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva fuq tul ta' żmien twil biex tiżdied il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali,
   it-twettieq ta" studji ta" l-impatt dwar il-proposti leġiżlattivi kollha li għandhom x'jaqsmu mas-suq intern sabiex jiġu evalwati l-effetti li se jkollhom dawk il-proposti fuq il-konsumaturi fl-ambjent diġitali,
   il-kordinazzjoni ta' kodiċi awtoregolatorji Ewropej u l-appoġġ għalihom, skond l-aħjar prattika u ma" l-aspetti l-aktar importanti ta" awtoregolazzjoni effettiva (inkluża l-evalwazzjoni ta' l-influwenza tagħhom fit-titjib tal-pożizzjoni tal-konsumaturi fis-suq fl-ambjent diġitali),
   l-introduzzjoni tar-rekwiżit li titwettaq verifika esterna fir-rigward ta" ċerti tipi ta" servizzi elettroniċi fejn hemm bżonn akbar li jkun assigurat li dawk is-servizzi huma kompletament sikuri, li jkunu mħarsa d-dejta u l-informazzjoni personali (per eżempju fil-każ ta" użu ta' servizzi bankarji bl-Internet), u l-bqija,
   l-appoġġ għall-użu obbligatorju ta' l-iktar tipi ta' teknoloġija sikuri għall-ħlasijiet online,
   il-ħolqien ta' sistema Ewropea li tagħti allarm minn kmieni, inkluża database, sabiex tiġġieled l-attivitajiet qarrieqa fl-ambjent diġitali; din id-database għandha tipprovdi ċ-ċans li konsumaturi jirrappurtaw imġiba qarrieqa billi jimlew formola sempliċi li tinstab online,
   jitlob għat-tnedija ta" kampanja Ewropea ta" informazzjoni dwar il-falsifikazzjoni ta' mediċini li jinbigħu fuq l-internet, filwaqt li jisħaq dwar il-perikli serji għas-saħħa pubblika li din tirrappreżenta,

11.  Jenfasizza l-importanza ta" traspożizzjoni f'waqtha u effettiva mill-Istati Membri kollha tad-Direttiva Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta" Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)(6) bħala strument ewlieni li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali;

12.  Jikkunsidra wkoll li inizjattiva tal-kummerċ elettroniku mnedija mill-ġdid m'għandhiex tittratta biss il-protezzjoni tal-konsumatur imma wkoll tistipula approċċ ikkordinat għall-kwistjoni ta' l-ambjent diġitali fit-totalità tiegħu, inklużi l-analiżi ta' fatturi mhux tas-suq bħal ma huma l-ħarsien tal-privatezza, l-aċċess mill-pubbliku ġenerali għat-teknoloġiji ta" l-informatika ("e-inclusion"), is-sigurtà ta" l-Internet, u l-bqija;

13.  Jinsisti li d-dritt tal-popolazzjoni Ewropea għall-aċċess għall-ambjent diġitali huwa ta' l-akbar importanza u f'dan ir-rigward ifakkar l-importanza ta" l-implimentazzjoni ta" l-għodda finanzjarji u legali xierqa sabiex tiġi promossa l-inklużjoni elettronika, b'mod partikolari bl-infurzar u jekk ikun hemm bżonn billi jiġu estiżi l-obbligi ta" servizz universali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji għal investimenti fl-iżvilupp ta" l-infrastruttura tal-komunikazzjoni diġitali;

14.  Huwa konvint li partijiet interessati (rappreżentanti ta' l-industrija u ta' l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur) iridu jiġu kkonsultati dwar passi futuri;

Il-kultura tal-kummerċ elettroniku

15.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tibda tifformula standards volontarji Ewropej mfassla sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali elettroniku, jiġifieri standards Ewropej maħsuba biex ikunu pont għad-differenzi bejn il-lingwi u għall-varjazzjonijiet bejn il-liġijiet fis-seħħ fost l-Istati Membri varji - fattur li huwa ta' xkiel serju li jżomm kemm lill-konsumaturi kif ukoll impriżi zgħar u ta' daqs medju milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern fl-ambjent diġitali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-ħolqien ta' kuntratti standardizzati fakultattivi u termini u kundizzjonijiet ġenerali standardizzati volontarji għall-kummerċ elettroniku biex jiżguraw relazzjoni bilanċjata, fid-dawl tal-fatt li la l-konsumaturi u l-anqas l-intrapriżi m'huma normalment esperti tekniċi u legali, iżda madankollu għandha titħalla l-lill-partijiet il-possibilità ta' kuntrattazzjoni ħielsa bbażata fuq il-prinċipju fundamentali tal-liġi ċivili tal-libertà li wieħed jikkonkludi kuntratt;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi r-rekwiżit għall-intraprendituri li volontarjament jużaw kuntratti standardizzati u termini u kundizzjonijiet ġenerali standardizzati sabiex jenfasizzaw id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li huma differenti minnhom;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi li r-regoli li jirregolaw il-komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu emendati sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni għall-utenti aħħarin;

Marki ta' fiduċja Ewropej għal kummerċ elettroniku transkonfinali

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta l-ostakoli għall-integrazzjoni tan-naħa ta' l-imnut tas-suq intern ikunu tneħħew, biex tanalizza l-possibilitajiet għat-twaqqif ta' definizzjoni ta' kundizzjonijiet u ta' logo għal marka ta' fiduċja Ewropea biex tiggarantixxi ċertezza akbar fil-qasam ta' kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri u b'konnessjoni ma" dan sabiex tiżgura qafas legali ġenerali għall-marki ta" fiduċja volontarji, bħal ma kienet mitluba tagħmel fid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)(7); jirrakkomanda li din għandha tinvolvi:

   sistema li ma tkunx għalja,
   non-kompetizzjoni ma' marki eżistenti ta' fiduċja jew ta' kwalità,
   spejjeż li jitħallsu biss fil-każ ta' kwistjoni,
   il-prinċipju awtoregolatorju (il-marka mhijiex mogħtija istituzzjonalment, imma l-kummerċjanti jużawha biss jekk juru b'mod pubbliku li huma provdew informazzjoni obbligatorja f'limitu ta' żmien definit, użaw kuntratti rakkomandati, trattaw ilmenti mingħajr dewmien, użaw sistemi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim ADR jew ikkonformaw ma' standards Ewropej oħra),
   penali għal użu mhux xieraq;

20.  Jinnota, madankollu, l-problemi msemmija hawn taħt bl-implimentazzjoni ta" skemi effettivi ta" marki ta" fiduċja:

   in-nuqqas ta" rieda tal-partijiet interessati li jinvestu fil-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni ta" dan it-tip ta' skemi;
   il-żjieda ta' possibilitajiet għall-użu qarrieqi fin-nuqqas ta' sorveljanza xierqa;

21.  Huwa konvint li l-modi l-aktar effettivi biex jinkoraġġixxi l-kunfidenza tal-konsumatur huma:

   skemi speċifiċi għas-settur, appoġġjati bis-saħħa u kkontrollati minn korp kummerċjali bl-appoġġ pan-industrijali ta" intrapriżi ta" daqs żgħir u kbir mis-settur kollu;
   kodiċi ta" kondotta speċifiċi għall-qasam, kif inkoraġġit mid-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(8) ("id-Direttiva dwar is-Servizzi");
   riferenzi indipendenti għall-konsumatur fuq il-websajts sabiex jgħinu lill-konsumaturi ġodda fl-għażliet tagħhom;
  

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-iskambju ta" l-aħjar prattika għal dawn l-iskemi;

22.  Jinnota li d-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali tkopri l-użu qarrieqi ta' marki ta' fiduċja jew marki oħra, kif ukoll riferenzi għall-konsumatur foloz; jitlob lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li ċ-ċentri nazzjonali tagħhom għall-ħarsien tal-konsumatur ikunu mgħarrfa dwar tali abbużi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-esperjenza diġà miksuba permezz ta' marki ta" fiduċja eżistenti u ta' suċċess, b'mod partikulari dawk li qed jaħdmu f'aktar minn Stat Membru wieħed (eż. Euro-Label), u sabiex tutilizza dik l-esperjenza meta tkun qed tfassal il-marka ta' fiduċja ta' l-UE għall-kummerċ elettroniku transkonfinali (inkluża l-verifika dwar jekk it-tifrix ta' marki ta' fiduċja fl-Istati Membri l-ġodda hix imxekkla minn nuqqas ta' riżorsi xierqa sabiex tkun iffinanzjata l-introduzzjoni ta' dawn il-marki);

24.  Jemmen bis-sħiħ li marki ta' fiduċja joffru b'mod partikulari lil-impriżi żgħar u ta' daqs medju opportunità sinifikanti għat-tkabbir tal-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali;

Karta Ewropea tad-drittijiet ta' l-utenti fis-soċjetà ta' l-informatika

25.  Jitlob lill-Kummissjoni ,biex wara li tkun ikkonsultat lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi tipproponi karta Ewropea tad-drittijiet ta' l-utenti li għandha tiċċara d-drittijiet u l-obbligi ta' l-atturi tas-soċjetà ta' l-informatika, inklużi l-konsumaturi, b'mod partikulari d-drittijiet ta' l-utenti rigward kontenut diġitali , (id-drittijiet ta' l-utenti meta jużaw il-kontenut diġitali) id-drittijiet ta' l-utenti li jiggarantixxu standards bażiċi ta' l-interoperabilità u d-drittijiet ta' utenti li huma partikolarment vulnerabbli (jiġifieri t-titjib ta' l-aċċessibilità ta' paġni ta' l-Internet għal persuni bi bżonnijiet speċjali fil-każ li jkun impossibbli b'mod temporanju li l-karta tkun preparata minħabba l-iżvilupp dinamiku f'dan il-qasam, jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta gwida li jispjega d-drittijiet u l-obbligi tal-protagonisti tas-soċjetà ta' informazzjoni skond l-acquis attwali;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-libertajiet u d-drittijiet bażiċi ta" l-utenti fis-soċjetà ta" l-informazzjoni; jikkunsidra li f'dan ir-rigward, xi libertajiet u drittijiet ta" l-utenti għandhom ikunu stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-Komunikazzjoni futura dwar il-Kontenut Online fis-Suq Wieħed;

27.  Huwa tal-fehma li l-ambjent online u t-teknoloġija diġitali jippermettu lill-konsumaturi l-offerta ta' firxa kbira ta' prodotti u servizzi ġodda, u li l-propjetà intelletwali tista' ssir kompatibbli ma' l-aspettattivi tal-konsumaturi, iżda jqis ukoll li l-interessi tal-klijenti fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tifforma l-bażi reali ta' servizzi bħal dawn; iqis li l-konsumaturi - biex japprofittaw b'mod sħiħ minn servizzi bħal dawn u jkollhom l-aspettattivi milħuqa - jeħtieġu informazzjoni ċara dwar x'jistgħu u x'ma jistgħux jagħmlu fir-rigward tal-kontenut diġitali, immaniġġjar ta' drittijiet diġitali u kwistjonijiet ta' protezzjoni teknoloġika; huwa konvint li l-konsumaturi għandhom ikunu intitolati għal soluzzjonijiet interoperabbli ;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ixxerred din il-karta Ewropea għad-drittijiet ta' l-utenti,, u sabiex tinkoraġixxi lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati sabiex ixerduha b'mod wiesgħa ma' l-utenti ta" l-internet kollha, sabiex dawk l-utenti jkunu jafu d-drittijiet tagħhom u jkollhom il-mezzi biex jinfurzawhom;

Il-frammentazzjoni tas-suq intern fl-ambjent diġitali

29.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex twaqqaf il-frammentazzjoni tas-suq intern fl-ambjent diġitali (jiġifieri r-rifjut ta' l-aċċess għal prodotti, servizzi u kontenut offrut f'kuntest ta' bejn il-fruntieri), li taffettwa l-konsumaturi b'mod sinifikanti speċjalment fi Stati Membri ġodda u żgħar fuq il-bażi waħdanija ta' nazzjonalità, post ta' residenza jew jekk għandhomx karta ta' pagament (payment card) maħruġa fi Stat Membru partikolari u biex iżżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar il-progress li jkun sar f'dan il-qasam;

30.  Jemmen bis-saħħa li m'hux aċċettabbli li ċerti intraprendituri li jagħtu prodotti jew jipprovdu servizzi u kontenut permezz ta" l-Internet f'ħafna Stati Membri jiċħdu lill-konsumaturi l-aċċess għall-websajts tagħhom f'ċerti Stati Membri u jġegħlu lill-konsumaturi jużaw il-websajts tagħhom fl-Istat li fih il-konsumatur ikun residenti jew li tiegħu ikollu in-nazzjonalità;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi dispożizzjoni għall-aċċess għal prodotti li jitwasslu bejn il-fruntieri skond l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja mill-qrib l-effettività ta" l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, b'mod partikulari fir-rigward ta" kriterji oġġettivi;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tinvestiga kif il-prattika tal-liċenzjar territorjali jew il-kuntratti territorjali esklussivi huma f'kunflitt mas-Suq Intern u jinkoraġġiha u jistidinha tinforma b'mod komprensiv lill-Parlament dwar is-sejbiet ta' dawn l-investigazzjonijiet;

34.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun żgurat li l-intraprendituri Ewropej fl-ambjent diġitali ikollhom raġuni tajba biex joffru prodotti, servizzi u kontenut bejn il-fruntieri fis-suq intern kollu;

35.  Jinnota li l-interoperabilità hija fattur ekonomiku kruċjali u jenfasizza l-importanza ta' standards li jkunu motivati mis-settur industrijali, aċċessibbli, interoperabbli f'livell tekniku u legali sabiex jippermettu l-ekonomiji ta' skala, jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għal apparat, servizzi u kontenut għall-konsumaturi, jippromwovu l-użu malajr ta' tekonoloġiji u jikkontribwixxu biex tkun evitata l-frammentazzjoni tas-suq; jenfasizza li għandha tkun promossa l-interoperabilità ta' l-apparat, servizzi u kontenut ta' l-inqas fil-livell tal-konsumatur (utent aħħari);

It-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-konsumatur fl-ambjent diġitali

36.  Huwa konvint li kunfidenza ikbar tal-konsumatur fl-ambjent diġitali ssir possibbli b'acquis communautaire iżjed ċar u mtejjeb tal-konsumatur li jxaqleb lejn strumenti legali orizzontali u l-armonizzazzjoni ta" ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kuntratti magħmula mal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar l-e-commerce, li tidentifika kwistjonijiet relatati mal-kunfidenza tal-konsumatur;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-suġġeriment li għamlet il-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha dwar ir-Reviżjoni ta' l- Acquis tal-Konsumatur biex il-fajls diġitiali jkunu inklużi fl-ambitu tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom(9);

38.  Huwa konvint li l-applikazzjoni tar-reġim dwar it-termini mhux ġusti tal-kuntratt għandha tkunu msaħħa fil-qasam tal-ftehimiet għal-liċenzji ta' utenti aħħarin u għandha tinkludi t-'termini ta' kuntratti tekniċi';

39.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi li r-regoli li jirregolaw kuntratti fuq distanza jiġu estiżi biex ikopru kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti professjonali fi rkanti u kuntratti online għal servizzi għat-turisti (biljetti ta' l-ajru, akkomodazzjoni fil-lukandi, kiri tal-karozzi, servizzi għall-ħin liberu eċċ.) li jsiru individwalment permezz ta' l-internet;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel sempliċi u b'mod standardizzat ir-rekwiżiti għall-informazzjoni mandatorja provduta mill-bejjiegħ lix-xerrej fi tranżazzjonijiet ta' kummerċ elettroniku u fil-kuntest ta" din l-informazzjoni tingħata prijorità lil informazzjoni obbligatorja essenzjali;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel il-katina tal-provvista fl-ambjent diġitali iżjed trasparenti b'tali mod li tiżgura li l-konsumatur dejjem ikun jaf l-identità tal-fornitur u jekk il-furnitur huwiex fornitur intermedjarju jew fornitur aħħari;

42.  Jemmen bis-saħħa li m'hux aċċettabbli li l-konsumaturi jkunu mibgħuta f" websajts oħra mill-websajt tal-bejjiegħ mingħajr ma jkunu mgħarrafa b'mod xieraq, peress li minħabba f'dan li l-identità vera tal-fornitur attwali tal-prodotti, servizzi jew kontenut tkun moħbija mill-konsumaturi;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur f'każijiet fejn il-konsumatur jieħu r-responsabilità tar-riskji kuntrattwali kollha, eż. billi jħallas minn qabel, u b'mod partikolari għall-kuntratti elettroniċi;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħaffef il-kunsiderazzjoni għall-azzjoni dwar mekkaniżmi għal riparazzjoni kollettiva għat-tilwim transkonfinali bejn intrapriżi u konsumaturi (B2C) fl-ambjent diġitali;

45.  Filwaqt li jfakkar l-esperjenzi pożittivi ta" SOLVIT u tan-netwerk taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur, jitlob għall-ħolqien ta" sistema Ewropea ta' informazzjoni e-consumer li toffri lill-konsumaturi online Ewropej kollha gwida u informazzjoni dettaljati dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi u tan-negozji fl-ambjent diġitali u orjentament prattiku dwar il-possibilitajiet ta' ADR, kemm fuq livell ġenerali, u fejn ikun il-każ, f' każijiet individwali wkoll;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-konsumaturi huma protetti b'mod effettiv kontra attakki fuq is-sigurta" u fuq il-privatezza fl-ambjent diġitali permezz ta" miżuri kemm regolatorji kif ukoll tekniċi;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni biex timmoniterja fid-dettall it-tendenzi fil-ħarsien tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku imwettqa permezz ta' telefoni ċellulari, b'enfasi fost affarijiet oħra fuq il-ħarsien tal-konsumaturi żgħażagħ;

48.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jikkoperaw u jagħmlu minn kollox biex jintlaħaq l-għan ta' livell għoli ta" ħarsien tal-konsumatur fl-ambjent diġitali mas-suq intern kollu;

49.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tgħarraf lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-ħarsien tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, inkluż passi prattiċi li jkunu ttieħdu biex titwettaq din ir-riżoluzzjoni, f'intervalli regolari (idealment darba fis-sena);

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/acquis/comp_analysis_en.pdf
(2) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 109.
(3) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p.247.
(4) Ara d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni dwar "il-Kunfidenza tal-Konsumatur fil-Kummerċ Elettroniku: tagħlim meħud mill-inizjattiva għall-kunfidenza elettronika".
(5) ĠU L 364, 9.12.2004, p.1.
(6) ĠU L 149,, 11.6.2005, p.22.
(7) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1
(8) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(9) ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12.

Avviż legali - Politika tal-privatezza