Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0246/2007

Dibattiti :

PV 21/06/2007 - 14.2
CRE 21/06/2007 - 14.2

Votazzjonijiet :

PV 21/06/2007 - 15.2

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 219kWORD 55k
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
Etjopja
P6_TA(2007)0289RC-B6-0246/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kriżi ta" wara l-elezzjoni u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari tas-7 ta" Lulju 2005 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja(1), tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-qagħda fl-Etjopja(2), tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar il-qagħda fl-Etjopja u l-konflitt ġdid fuq il-fruntiera(3), tas-16 ta" Novembru 2006 dwar l-Etjopja(4) u ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar il-Qarn ta' l-Afrika: Sħubija politika reġjonali ta" l-UE għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp(5),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fil-11 ta" Ġunju 2007 qorti Etjopjana sabet 38 persuna b'inkariga għolja fl-oppożizzjoni ħatja ta" reati relatati ma" protesti tal-massa wara elezzjonijiet dubjużi li saru sentejn ilu, b'sentenzi li jvarjaw minn "ksur tal-kostituzzjoni" għal traditment serju tal-pajjiz,

B.   billi s-sentenza hija mistennija tingħata x-xahar id-dieħel u ħafna mill-akkużati jistgħu jiffaċċjaw il-piena tal-mewt,

C.   billi fost dawk li nstabu ħatja kien hemm Hailu Shawel, President tal-Koalizzjoni għall-Unità u d-Demokrazija, Professur Mesfin Woldemariam, ex-'Chairman' tal-Kunsill Etjopjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr Yacob Hailemariam, Mibgħut Speċjali tan-NU u ex Prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda, Dr Birhanu Nega, Sindku elett ta' Addis Ababa u Sra Birtukan Mideksa, ex-imħallef, kollha dikjarati "priġunieri tal-kuxejnza" mill-Amnesty International,

D.   billi t-38 priġunier kkundannat, li kollha rrifjutaw li jiddikjaraw li huma ħatja, kienu fost madwar 30000 persuna arrestata f'operazzjoni ta" trażżin tad-dimostranti mill-gvern, li pprotestaw dwar frodi u tbagħbis fil-votazzjoni mill-gvern tal-Prim Ministru Meles Zenawi fir-riżultati ta' l-2005,

E.   billi l-Kummissjoni ta" Inkjesta li l-Parlament Etjopjan stabbilixxa fl-aħħar ta" Novembru 2005 biex tiġi investigata l-vjolenza ta" Ġunju u Novembru 2005 kkonkludiet li nqatlu 193 ċittadin u ndarbu 763 mill-forzi tas-sigurtà tal-gvern; billi r-rapport tal-Kummissjoni sab li wħud mill-vittmi nqatlu minn tir wieħed fir-ras u tiraturi esperti kienu qed jimmiraw lejn ċerti mexxejja ta" l-oppożizzjoni; u billi, skond l-istess rapport id-dimostranti ma kienux armati u l-forzi tas-sigurtà użaw forza eċċessiva,

F.   billi r-rapport jiddikjara wkoll li tifel ta" 14-il sena nqatel waqt id-dimostrazzjonijiet u li ħuħ, li ħareġ biex jgħinu, sparawlu f'daru u li Etenesh Yimam, mart kandidat ta" l-oppożizzjoni nqatlet b'bosta tiri barra d-dar tagħha u quddiem it-tfal tagħha,

G.   billi l-Koalizzjoni għall-Unità u d-Demokrazija (CUD) fl-oppożizzjoni tefgħet il-ħtija għall-imwiet fuq il-forzi tas-sigurtà iżda s-Sur Meles akkuża l-oppożizzjoni li kienet hi li bdiet id-dimostrazzjonijiet vjolenti,

H.   billi l-President u l-Viċi-President tal-Kummissjoni ta" l-Inkjesta kellhom jaħarbu, wara li saret pressjoni mill-gvern biex jiġu revokati s-sejbiet tal-Kummissjoni u billi ngħatat xhieda dwar dawn l-avvenimenti mill-Viċi-President tal-Kummissjoni ta" Inkjesta Woldemichael Meshesha lill-Parlament Ewropew, waqt sessjoni ta" smigħ fil-5 ta" Ġunju 2007,

I.   billi ġurnalisti għadhom qed jiġu arrestati u qed jitwaqqfu milli jeżerċitaw il-professjoni tagħhom,

J.   billi f'Jannar 2007 il-forzi tal-pulizija allegatament sawtu u weġġgħu serjament studenti fil-bliet ta" Dembi Dollo u Ghimbi, u kkawżaw il-mewt ta" tlieta minnhom u arrestaw bejn 30 u 50 student,

K.   billi individwi akkużati b'terroriżmu internazzjonali, inkluż ċittadini ta' l-UE, ġew arrestati b'mod arbitrarju u suġġetti għal konsenja,

L.   billi l-istabbilità politika u demokratika fl-Etjopja hija kruċjali għall-iżvilupp tal-pajjiżi fil-Qarn ta" l-Afrika,

M.   billi l-Etjopja teħtieġ proċess ta" rikonċiljazzjoni sabiex jiġu restawrati l-kisbiet demokratiċi li twarrbu u titlesta t-triq għal żvilupp sostenibbli li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-pluraliżmu politiku, id-drittijiet tal-minoritajiet, b'mod partikulari ta' l-Oromos etniċi u l-istat tad-dritt,

N.   billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehima ta" Cotonou(6), li l-Artikolu 96 tagħha jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali ta" koperazzjoni ACP-UE,

O.   billi membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ltaqgħu fis-16 ta" Ġunju 2007, f'Addis Ababa ma" l-Unjoni Afrikana (AU) u ma" uffiċjali Etjopjani, kif ukoll mal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà ta" l-AU,

1.  Jitlob lill-Gvern Etjopjan biex b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet jeħles il-priġunieri politiċi kollha, inkluż membri eletti tal-Parlament, kapijiet tas-CUD, attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, għalliema, studenti, attivisti fit-trade unions u ċittadini ordinarji;

2.  Jiddeplora d-deċiżjoni riċenti ta' qorti Etjopjana li ssib ħatja 38 mexxej ta" l-oppożizzjoni, attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti u jikkundanna bil-qawwa l-fatt li dan ġara mingħajr proċeduri ta" difiża, fi proċess ġudizzjarju li ma rrispettax l-istandards internazzjonali ta" proċessi legali ħielsa u ġusti u li ġie kkundannat b'mod wiesa' minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Etjopjani biex jikkunsidraw mill-ġdid il-verdett tagħhom, u jitlob lill-Gvern Etjopjan biex jirrevoka il-pieni possibli ta" mewt u/jew ħabs u li jiggarantixxi l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja;

4.  Jilqa" r-rilaxx ta" 28 akkużat fl-10 ta" April 2007, inkluż seba" ġurnalisti, waħda minnhom, Serkalem Fasil, fis-sitt xhur tat-tqala meta kienet arrestata u mċaħħda minn kura medika xierqa;

5.  Jitlob għall-istabbiliment ta" Kummissjoni ta" Inkjesta internazzjonali indipendenti u jħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan biex jippermettilha ssegwi s-sejbiet oriġinali tal-Kummissjoni b'mod indipendenti u jagħtiha aċċess mingħajr limiti għas-sorsi u d-dokumenti li huma rilevanti għall-investigazzjoni;

6.  Jikkundanna l-arresti ta" ġurnalisti indipendenti u jitlob lill-Gvern Etjopjan biex jiggarantixxi l-libertà ta" l-istampa;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan biex jinvestiga fil-pront l-inċidenti li jinvolvu l-istudenti ta" Dembi Dollo u ta" Ghimbi u biex dawk li kienu responsabbli jirrispondu għal dan;

8.  Jitlob lill-Gvern Etjopjan biex joħroġ fil-pubbliku l-ammont totali ta' persuni fil-ħabs u jippermetti aċċess għall-priġunieri kollha għall-familji tagħhom, u għal għajnuna legali u kura medika;

9.  Jikkundanna l-priġunerija arbitrarja u l-arrest ta' individwi akkużati b'terroriżmu internazzjonali, inklużi ċittadini ta' l-UE, u jitlob lill-Gvern Etjopjan biex jagħmel pubbliku immedjatament l-informazzjoni dwar din il-konsenja;

10.  Jitlob lir-reġim Etjopjan biex jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertà demokratika, inklużi d-dritt ta" assemblea u l-libertà ta" l-espressjoni, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u biex jimplimenta l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta" Kull Forma ta" Diskriminazzjoni Razzjali;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan biex jinvolvi ruħu fi djalogu serju ma" l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, bil-għan ta" rikonċiljazzjoni nazzjonali, li jippermetti li jseħħ proċess ta' demokratizzazzjoni reali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw djalogu inter-Etjopjan inklusiv bil-parteċipazzjoni ta' partiti politiċi u s-soċjetà ċivili sabiex tintlaħaq soluzzjoni dejjiema għall-kriżi politika attwali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jagħmlu talba ċara lill-Gvern Etjopjan biex jeħles immedjatament il-priġunieri politiċi kollha mingħajr kundizzjonijiet;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkundannaw l-użu tal-piena tal-mewt fl-Etjopja;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaqsmu mal-Parlament Ewropew ir-rapport li saru minn dawk li, f'isem il-Kummissjoni u l-Kunsill, qed josservaw il-processi legali attwali, inkluż tal-Brittaniku Michael Ellman u oħrajn;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jikkundannaw bil-qawwa l-Gvern Etjopjan għar-ripressjoni brutali li segwiet l-elezzjonijiet ta" Mejju 2005 u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija mill-awtoritajiet minn dak iż-żmien "il hawn u biex jissorveljaw is-sitwazzjoni fl-Etjopja;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex isegwu politika ta" wara l-elezzjoni koerenti fl-Etjopja;

18.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jikkunsidra l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet immirati kontra uffiċjali tal-gvern f'inkarigi għoljin;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jappoġġaw il-vittmi ta" atroċitajiet kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-qraba tal-priġunieri politiċi;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jieħdu azzjoni konkreta biex jerġa" jirranka l-proċess demokratiku u tiġi evitata iktar deterjorazzjoni tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja li jaf ikollha konsegwenzi fit-tul fir-reġjun jekk ma tiġix indirizzata kif xieraq u mingħajr dewmien;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġaw, permezz ta" strumenti ta" koperazzjoni, l-iżvilupp tax-xandir ta" media ħielsa fl-Etjopja;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jieħdu pożizzjoni koordinata konsistenti ma" l-Artikolu 96 tal-Ftehima ta" Cotonou; jenfasizza li l-programmi ta" koperazzjoni fl-iżvilupp taħt il-Ftehima ta' Cotonou għandhom jistrieħu fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u t-tmexxija tajba;

23.  Jistieden lin-NU biex taħtar 'rapporteur speċjali' biex imexxi investigazzjoni fl-Etjopja dwar l-indipendenza ġudizzjarja u l-priġunieri arbitrarji, il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoritajiet, il-vjolenza u l-qtil li sar fil-perjodu wara l-elezzjoni kif ukoll akkużi ta" tradiment tal-pajjiż u ksur ta" l-ordni kostituzzjonali kontra kapijiet ta' l-oppożizzjoni, ġurnalisti u attivisti tas-soċjetà ċivili;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-ko-presidenti ta" l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lill-Kummissjoni ta" l-Unjoni Afrikana u l-Parlament Pan-Afrikan, lill-Gvern Etjopjan u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p.495.
(2) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p.116.
(3) ĠU C 286 E, 23.11.2006, p.528.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2006)0501.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2007)0180.
(6) ĠU L 317, 15.12.2000, p.3.

Avviż legali - Politika tal-privatezza