Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0248/2007

Dibattiti :

PV 21/06/2007 - 14.3
CRE 21/06/2007 - 14.3

Votazzjonijiet :

PV 21/06/2007 - 15.3

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 212kWORD 53k
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
Burma
P6_TA(2007)0290RC-B6-0248/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar Burma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ewwel sessjoni formali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti li saret fid-29 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon tal-25 ta' Mejju 2007 li titlob biex jitneħħew 'restrizzjonijiet fuq Daw Aung Suu Kyi u persuni politiċi oħra' ,

–   wara li kkunsidra it-tnax-il samit ta' l-ASEAN li saret fil-Filippini fid-9 sal-15 ta' Jannar 2007,

–   wara li kkunsidra t-tmien laqgħa ta' l-ASEM tal-Ministri ta" l-Affarijiet Barranin tat-28 u d-29 ta" Mejju 2007 li saret fil-Ġermanja,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-15 ta' Mejju 2007 tal-Ġeneral Than Shwe, iffirmata minn 59 ex-Kapijiet ta' Stat, li titlob 'il-ħelsien' immedjat ta' l-unika rebbieħa tal-Premju Nobel li tinsab miżmuma fil-ħabs, Aung San Suu Kyi',

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005(1), tas-17 ta' Novembru 2005(2) u ta' l-14 ta' Diċembru 2006(3) f'Burma,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 481/2007 tas-27 ta' April 2007(4) li jġedded il-miżuri restrittivi fir-rigward ta' Burma,

–   wara li kkunsidra s-17-il anniversarju tar-rebħa tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) fl-elezzjonijiet parlamentari tas-27 ta' Mejju 1990,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-mexxejja ta' l-NLD, ir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Daw Aung San Suu Kyi qattgħet 11 mill-aħħar 17-il sena arrestata f'darha,

B.   billi fil-25 ta' Mejju 2007 l-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat (SPDC) estenda d-detenzjoni illegali ta' Daw Aung San Suu Kyi għal sena oħra,

C.   billi l-SPDC qed jesponi lin-nies ta' Burma għal abbużi ħorox tad-drittijiet tal-bniedem, bħal ma huma xogħol sfurzat, persekuzzjoni tad-dissidenti, lieva għal suldati tfal u rilokazzjonijiet sfurzati,

D.   billi 30% tal-popolazjoni tal-Burma, kważi 15-il miljun ruħ, għandhom livell ta' għajxien l'isfel mil-livell tal-faqar,

E.   billi l-Konvenzjoni Nazzjonali - li ltaqgħet għall-ewwel darba fl-1993 biex tfassal kostituzzjoni imma li ġiet sospiża ħafna drabi minn dak inhar - se titkompla fit-18 ta' Lulju 2007 għal sessjoni ta' l-aħħar, iżda billi din xorta għadha nieqsa minn leġittimità u kredibilità internazzjonali minħabba l-assenza ta' rappreżentanti eletti b'mod demokratiku, b'mod speċjali ta' l-NLD,

F.   billi l-ASEAN bdiet tieħu pożizzjoni iżjed b'saħħitha kontra l-abbużi tar-reġim militari fil-Burma, u qed jinsistu li l-Burma ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u taċċetta d-demokrazija,

G.   billi fil-15 ta' Mejju 2007 ir-Russja u l-Burma iffirmaw ftehima biex jibnu reattur nukleari ta' riċerka fil-Burma minkejja t-tħassib internazzjonali dwar standards ta' sikurezza, sigurtà u dwar użu ieħor,

1.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Daw Aung San Suu Kyi;

2.  Jiddeplora l-fatt li Daw Aung San Suu Kyi soffriet snin twal ta' arrest f'darha, inkluż iżolament, u li sa mill-2003 tħalliet biss toħroġ darba għal kura medika urġenti u biex ikollha laqgħa qasira mas-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Politiċi;

3.  Jikkundanna l-oppressjoni bla heda tal-poplu tal-Burma mill-SPDC u l-persekuzzjoni persistenti u l-priġunerija ta' attivisti favur id-demokrazija; jiġbed attenzjoni partikulari għall-każ ta' U Win Tin, ġurnalista ta' 78 sena li ilu miżmum bħala priġunier politiku għal kważi għoxrin sena għaliex kiteb ittra lin-NU dwar it-trattament ħażin ta' priġunieri politiċi u dwar is-s-sitwazzjoni ħażina ta' għajxien li huma miżmuma fiha;

4.  Jinsisti għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet ta" U Win Tin u l-priġunieri politiċi kollha – stmati li huma aktar minn 1200 – miżmuma mill-SPDC;

5.  Jiddeplora l-fatt li minkejja l-istat li jinsab fih il-pajjiż u minkejja l-kritika reġjunali u internazzjonali u wara ħamsa u erbgħin sena fil-poter l-SPDC ma rnexxilha tagħmel ebda progress sostanzjali lejn id-demokrazija;

6.  Iħeġġeġ il-leġitmazzjoni tan-Konvenzjoni Nazzjonali billi jiġu inklużi l-NLD u l-partiti politiċi u gruppi oħrajn u biex il-Konvenzjoni Nazzjonali tippreżenta pjan direzzjonali lejn demokrazija li ġenwinament jirrifletti x-xewqat tan-nies tal-Burma minflok ma tiġi kkonsolidata il-ħakma fuq il-poter;

7.  Jilqa' l-istqarrija taċ-Chairman tat-12-il Samit ta' l-ASEAN li fiha mexxejja ta' l-ASEAN ħeġġu lil Burma 'biex jagħmel progress akbar lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali', talbu għall-ħelsien ta' dawk li jinsabu f'detenzjoni u sabiex ikun hemm djalogu effettiv ma' kulmin hu konċernat u qablu dwar 'il-ħtieġa li tinżamm il-kredibilità ta' l-ASEAN bħala organizzazzjoni reġjunali effettiva billi turi l-kapaċità tagħha biex timmaniġġja kwistjonijiet importanti fir-reġjun';.

8.  Madankollu jiddispjaċih li l-missjoni biex tistħarreġ il-fatti fil-Burma mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Malasja, fuq mandat tas-Samit ta' l-ASEAN, għadha ma wasslitx għal miżuri aktar iebsa kontra l-ġunta militari tal-Burma u jittama li dan għad iseħħ;

9.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu r-relazzjoni kostruttiva mal-pajjiżi ta' l-ASEAN u biex jiżguraw li n-negozjati dwar kummerċ ħieles UE-ASEAN jintużaw bħala għodda biex tiżdied il-pressjoni fuq l-SPDC sabiex dan jistabbilixxi gvern ċivili u demokratiku;

10.  Jiddispjaċih li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Burma tħalla jattendi it-tmien laqgħa tal-Ministri Barranin ta' l-ASEM fil-Ġermanja din is-sena, ftit ġranet biss wara li l-ġunta militari kienet estendiet għal sena oħra l-arrest f'darha ta' Daw Aung San Sui Kyi; ifakkar li Nyan Win huwa inkluż fil-lista ta' indivdwi mill-Burma li għandhom projbizzjoni ta' vvjaġġar mill-UE u jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-projbizzjonijiet ta' vvjaġġar ta' l-UE b'aktar forza;

11.  Jinsisti li l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika tissottometti kwalunkwe reattur ta' riċerka nukleari fil-Burma għal salvagwardji komprensivi sabiex jiġi żgurat li kwalunwke programm nukleari ċivili ma jinbidilx għal użu ta' skopijiet militari u jitlob lir-reġim tal-Burma biex jirrispetta l-obbligi tiegħu skond it-Trattat Kontra l-Proliferazzjoni Nukleari;

12.  Iħeġġeġ liċ-Cina u lill-Indja biex jużaw is-saħħa politika u ekonomika konsiderevoli tagħhom mar-reġim tal-Burma sabiex jinkiseb progress sostanzjali f'dak il-pajjiż u biex fi kwalunkwe każ ma jkomplux ifornu armamenti u riżorsi strateġiċi oħrajn;

13.  Jitlob lill-intrapriżi li qed jinvestu fil-Burma biex jiżguraw li l-proġetti tagħhom jitwettqu fir-rispett ġenwin tad-drittijiet tal-bniedem u biex, jekk ikun hemm abbużi, jissospendu l-attività tagħhom fil-Burma; jesprimi d-diżappunt tiegħu li xi pajjiżi għażlu li jkabbru sostanzjalment l-investimenti tagħhom fil-Burma, minkejja s-sitwazzjoni ħażina ħafna tad-drittijiet tal-bniedem hemmhekk;

14.  Jilqa' t-tiġdid tas-sanzjonijiet speċifiċi ta' l-UE imma jirrikonoxxi li dawn ma rnexxilhomx ikollhom impatt fuq dawk li huma direttament responsabbli għat-tbatija tal-poplu tal-Burma; jistieden lill-Kunsill biex jiżġura li l-Istati Membri kollha japplikaw b'mod riġoruż il-miżuri restrittivi eżistenti;

15.  Jistieden lil Kunsill iwessa' l-iskop tas-sanzjonijiet u jkabbar il-lista ta' dawk fil-mira tagħhom sabiex tinkludi wkoll il-ministri kollha SPDC, id-deputati, il-membri, is-supporters u l-ħaddiema, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, in-negozjanti u individwi prominenti oħra assoċjati mar-reġim;

16.  Jinnota li skond il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/318/CFSP tas-27 ta' April 2006(5) li ġġedded miżuri restrittivi kontra l-Burma, l-appoġġ huwa limitat għall-għajnuna umanitarja u assistenza għal dawk l-aktar fil-bżonn; jinsisti li kull għajnuna mmirata lejn il-Burma trid tingħata permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi ġenwini u trid tilħaq lin-nies li għalihom hi intenzjonata bl-inqas indħil possibbli mill-SPDC;

17.  Jissuġġerixxi f'dan il-kuntest li għandu jsir kull sforz sabiex jissaħħu l-kuntatti u biex jitfasslu programmi li jiffukaw fuq is-soċjetà ċivili tal-Burma, b'mod speċjali fuq gruppi tan-nisa u minoranzi etniċi;

18.  Jiddispjaċih li ċ-Ċina u r-Russja, bl-appoġġ ta' l-Afrika ta' Isfel, ivvutaw fit-12 ta' Jannar 2007 kontra l-abbozz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Burma u jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jirdoppja l-isforzi tiegħu sabiex jinkiseb appoġġ unaminu għal riżoluzzjoni li torbot li titlob il-ħelsien ta' priġunieri politiċi, inkluża Daw Aung San Suu Kyi;

19.  Jilqa' l-ħatra ta' Ibrahim Gambari bħala Konsulent Speċjali dwar il-Burma għas-Segretarju Ġenerali tan-NU, ħatra li tiġi f'waqt kritiku għall-approċċ tan-NU dwar il-Burma, u jitlob lill-SPDC biex tikkopera bis-sħiħ man-NU u biex ma tfixkilx ix-xogħol tagħha;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tan-nazzjonijiet ASEAN, lill-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija fil-Burma, lill-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern ta' l-Indja, lill-Gvern tar-Russja, lid-Direttur Ġenerali ta' l- Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p.410.
(2) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.473.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2006)0607.
(4) ĠU L 111, 28.4.2007, p.50.
(5) ĠU L 116, 29.4.2006, p.77.

Avviż legali - Politika tal-privatezza